KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑10 ta’ Novembru 2020 ( 1 ) ( i )

Kawża C‑578/19

X

vs

Kuoni Travel Ltd,

fil-preżenza ta’

ABTA Ltd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 90/314/KEE – Vjaġġi, vaganzi u tours kollox kompriż – Kuntratt għal vjaġġ kollox kompriż konkluż bejn organizzatur tal-vjaġġi u konsumatur – Responsabbiltà tal-organizzatur tal-vjaġġi għall-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt minn fornituri oħrajn ta’ servizzi – Eżenzjoni minn responsabbiltà – Avveniment li ma jistax jiġi previst jew imwaqqaf mill-organizzatur tal-vjaġġi jew mill-fornitur ta’ servizzi – Dannu li jirriżulta mill-atti ta’ impjegat ta’ lukanda li jaġixxi bħala fornitur ta’ servizzi skont il-kuntratt – Kunċett ta’ ‘fornitur ta’ servizzi’”

I. Introduzzjoni

1.

“Meta wieħed jgħaddi mill-kategoriji ġuridiċi ta’ kuntratt u ta’ delitt għar-responsabbiltà ex contractu u ex delicto, l-Imħallef tal-era Vittorjana L.J. Bramwell issuġġerixxa li wieħed ikun qiegħed jgħaddi minn kliem sempliċi għal termini artistiċi. [...] Dak li L.J. Bramwell jidher li kellu f’moħħu kien l-approċċ empiriku tal-Common law imsejjes, b’riżultat ta’ xi forma ta’ azzjoni, fuq għadd ta’ sitwazzjonijiet fattwali u dan kellu jitqiegħed f’kuntrast mas-sistematizzazzjoni razzjonalizzata ħafna tar-relazzjonijiet ġuridiċi li hija fil-bażi tad-dritt Ruman dwar l-obbligi. [Fil-Common law] azzjoni bbażata fuq kuntratt jew delitt hija azzjoni bbażata fuq numru partikolari ta’ fatti, ‘is-sustanza tal-kwistjoni’, filwaqt li, [fid-dritt ċivili], azzjoni ex contractu jew ex delicto hija azzjoni ddefinita minn sistema formali ta’ relazzjonijiet ġuridiċi. [...] Id-dritt Ingliż dwar l-obbligi [...] ftit li xejn jinteressah mir-relazzjonijiet ġuridiċi fformalizzati; ir-responsabbiltà hija sempliċement kwistjoni ta’ ‘sitwazzjoni ta’ fatti li l-eżistenza tagħhom tagħti lil persuna d-dritt li tikseb rimedju mill-qorti kontra persuna oħra’. [...] Id-dritt ċivili, min-naħa l-oħra, jikkunsidra r-responsabbiltà bħala n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu diġà eżistenti u vinkolanti. Ir-responsabbiltà hija kwistjoni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-vinculum iuris. Fil-fatt, is-sitwazzjoni hija saħansitra iktar kumplessa [...]. It-terminu [fid-dritt ċivili] ta’ responsabilité contractuelle jimplika [fid-dritt Ingliż dwar l-obbligi] l-importazzjoni fil-kuntratt tal-kunċett ta’ delitt (jew kważi‑delitt) ta’ responsabbiltà (la responsabilité civile), li wassal biex il-kunċett ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali jiġi integrat fis-sistema ta’ responsabbiltà ta’ delitt” ( 2 ) [traduzzjoni libera].

2.

Din is-silta tgħin biex tiġi spjegata u mifhuma aħjar il-portata tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki tad-diversi Stati Membri fil-qasam tal-vjaġġi kollox kompriż. Huwa sabiex jiġu rrimedjati dawn id-differenzi li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa regoli komuni li ppermettew mhux biss lill-operaturi ta’ Stat Membru jipproponu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra iżda wkoll lill-konsumaturi tal-Unjoni jibbenefikaw minn kundizzjonijiet paragunabbli jkun liema jkun l-Istat Membru li fih jixtru l-vjaġġ kollox kompriż ( 3 ).

3.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314.

4.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X, vjaġġatriċi residenti fir-Renju Unit, u Kuoni Travel Ltd (iktar ’il quddiem “Kuoni”), organizzatur tal-vjaġġi stabbilit fir-Renju Unit, dwar talba għal kumpens għal dannu li rriżulta mill-eżekuzzjoni inkorretta ta’ kuntratt dwar vjaġġ kollox kompriż konkluż bejn X u Kuoni.

5.

Il-Qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż jistax jibbenefika mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 meta n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt li dan l-organizzatur ikkonkluda ma’ konsumatur jirriżultaw mill-atti ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi li jeżegwixxi dan il-kuntratt.

6.

Din il-kawża għalhekk tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ta’ organizzatur tal-vjaġġi meta impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ dan l-organizzatur iwettaq aggressjoni u stupru fuq persuna li tkun iffirmat kuntratt dwar pakkett tal-ivvjaġġar ma’ dan l-organizzatur.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

7.

L-Artikolu 2, punti 2 u 4, tad-Direttiva 90/314 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

2.

‘l-organizzatur’ tfisser il-persuna li, barra milli darba fil, jorganizza pakketti u jbigħhom jew joffrihom għall-bejgħ, kemm jekk direttament kif ukoll jekk permezz ta’ bejjiegħ;

[...]

4.

‘il-konsumatur’ tfisser il-persuna li tieħu jew taċċetta li tieħu l-pakkett (‘il-kuntrattur ewlieni’) jew xi persuna oħra li f’isimha il-kuntrattur ewlieni jaċċetta li jixtri l-pakkett (‘il-benefiċjarji l-oħra’) jew xi persuna li lilha l-kuntrattur ewlieni jew xi wieħed mill-benefiċjarji l-oħra jittrasferixxi il-pakkett (‘min qed jirċievi’);

[...]”

8.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“F’dan il-każ, [jekk il-konsumatur jirtira mill-kuntratt skond il-paragrafu 5, jew jekk, għal xi raġuni tkun xi tkun, ħlief waħda li tkun tort tal-konsumatur, l-organizzatur iħassar il-pakkett qabel id-data tat-tluq] huwa jkun intitolat, jekk ikun approprjat, li jiġi kkompensat jew mill-organizzatur jew mill-bejjiegħ, skond kif titlob il-liġi ta’ l-Istat Membru relevanti, talli l-kuntratt ma jkunx twettaq, ħlief meta:

[...]

ii)

il-kanċellament, ħlief fil-każ ta’ prenotazzjoni eċċessiva, ikun għal raġunijiet ta’ force majeur, i.e. ċirkostanzi mhux tas-soltu u imprevedibbli li ma jkunux fil-kontroll tal-parti li tkun tiġġustifika, li l-konsegwenzi tagħhom ma jkunux setgħu jiġu evitati anke jekk tkun ittieħdet il-prekawzjoni kollha meħtieġa.”

9.

L-Artikolu 5(1) sa (3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur u/jew il-parti kontraenti li qed tbigħ ikunu responsabbli mal-konsumatur għat-tħaddim approprjat ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligazzjonijiet għandhomx jitwettqu minn dak l-organizzatur u/jew bejjiegħ jew minn xi fornituri oħra tas-servizzi mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-organizzatur u/jew tal-bejjiegħ li jduru fuq dawk il-fornituri l-oħra tas-servizzi.

2.   F’dak li għandu x’jaqsam mad-danni li jsofri l-konsumatur minħabba n-nuqqas ta’ tħaddim jew it-tħaddim ħażin tal-kuntratt, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ ikun/u responsabli kemm-il darba dan in-nuqqas li jitħaddem jew it-tħaddim ħażin ma jkunx dovut la għal xi tort tagħhom u lanqas għal dak ta’ xi fornitur ieħor tas-servizzi, għax:

in-nuqqasijiet li jseħħu fit-tħaddim tal-kuntratt ikunu dovuti għall-konsumatur,

dawn in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal xi terza persuna li ma jkollhiex x’taqsam mal-provvista tas-servizzi mniżżla fil-kuntratt, u jkunu imprevedibbli jew inevitabbli,

dawn in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal xi każ ta’ force majeur bħal dik li hemm definita f’Artikolu 4(6), it-tieni subparagrafu (ii), jew għal xi avveniment li l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ jew il-proveditur tas-servizzi, ukoll bl-attenzjoni kollha approprjata, ma jkunx seta’ jipprevedi jew iwaqqaf minn qabel.

Fil-każi imsemmija fit-tieni u t-tielet inċiżi, l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ li jkunu parti kontraenti jkunu obbligati jagħtu għajnuna pronta lill-konsumatur li jinsab f’diffikultà.

F’dawk li huma danni li joħorġu minn nuqqas ta’ tħaddim jew minn tħaddim ħażin tas-servizzi involuti fil-pakkett, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpens ikun limitat skond il-konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw dawn is-servizzi.

F’dak li huwa dannu li ma jkunx dannu personali li joħroġ min-nuqqas ta’ tħaddim jew mit-tħaddim ħażin tas-servizzi involuti fil-pakkett l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpens ikun limitat skond il-kuntratt. Dan il-limitu m’għandux ikun mingħajr raġuni.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2, ma jistgħux jitħallew barra permezz ta’ xi klawżola kuntrattwali xi disposizzjonijient tal-paragrafi 1 u 2.”

10.

Fl‑1 ta’ Lulju 2018, id-Direttiva 90/314 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/2302 ( 4 ). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, hija d-Direttiva 90/314 li tapplika f’dan il-każ.

B.   Id-dritt tar-Renju Unit

1. Ir-Regolament tal‑1992

11.

Il-Package Travel, Package Holidays and Package Tours Regulation 1992 (ir-Regolament tal‑1992 dwar il-Vjaġġi, il-Vaganzi Kollox Kompriż u t-Tours Kollox Kompriż) tat-22 ta’ Diċembru 1992 ( 5 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal‑1992”) ittraspona d-Direttiva 90/314 fir-Renju Unit.

12.

L-Artikolu 15(1), (2) u (5) tar-Regolament tal‑1992 jipprevedi:

“1.   Il-parti l-oħra fil-kuntratt hija responsabbli, fir-rigward tal-konsumatur, għall-eżekuzzjoni xierqa tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, kemm jekk dawn l-obbligi għandhom jiġu eżegwiti minnha stess jew minn fornituri oħra ta’ servizzi, bla ħsara għal kull rikors jew dritt ta’ azzjoni li għandha din il-parti l-oħra kontra l-fornituri l-oħra ta’ servizzi.

2.   Il-parti l-oħra fil-kuntratt għandha tkun responsabbli, fir-rigward tal-konsumatur, għal kull dannu kkawżat lilha min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew mill-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt, sakemm in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta la tkun dovuta għal nuqqas tal-parti l-oħra u lanqas għal nuqqas ta’ fornitur ieħor ta’ servizzi, minħabba li:

a)

in-nuqqasijiet li jseħħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikunu attribwibbli lill-konsumatur;

b)

in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal terza persuna li ma jkollhiex x’taqsam mal-provvista tas-servizzi mniżżla fil-kuntratt, u jkunu imprevedibbli jew inevitabbli; jew

c)

dawn in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal:

i)

ċirkustanzi mhux tas-soltu u imprevedibbli li ma jkunux fil-kontroll tal-parti li tinvokaha, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ġiet applikata d-diliġenza kollha meħtieġa; jew

ii)

avveniment li l-parti l-oħra fil-kuntratt jew il-fornitur ta’ servizzi, anki bid-diliġenza kollha dovuta, ma setax jipprevedi jew iwaqqaf minn qabel.

[...]

5.   Bla ħsara għall-paragrafi 3 u 4, ir-responsabbiltà prevista fil-paragrafi 1 u 2 ma tistax tiġi eskluża bi klawżola tal-kuntratt.”

2. Il-Liġi tal‑1982

13.

Skont l-Artikolu 13 tas-Supply of Goods and Services Act (il-Liġi tal‑1982 dwar il-Provvista ta’ Oġġetti u Servizzi) ( 6 ) tat‑13 ta’ Lulju 1982, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1982”), Kuoni kienet obbligata teżegwixxi s-servizzi stipulati fil-kuntratt b’diliġenza u b’kompetenza raġonevoli.

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

14.

Fl‑1 ta’ April 2010, X u żewġha kkonkludew kuntratt ma’ Kuoni li permezz tiegħu din il-kumpannija impenjat ruħha li tipprovdi vjaġġ kollox kompriż fis-Sri Lanka li kien jinkludi titjiriet bir-ritorn mir-Renju Unit u akkomodazzjoni kollox kompriż għal ħmistax‑il lejl f’lukanda bejn it‑8 u t‑23 ta’ Lulju 2010.

15.

Il-klawżola 2.2 ta’ dan il-kuntratt, li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ prenotazzjoni, tipprovdi:

“Il-kuntratt tiegħek huwa ma’ [Kuoni]. Aħna nieħdu ħsieb li nipprovdulek diversi servizzi li jagħmlu parti mill-vjaġġ li inti tipprenota mal-kumpannija tagħna”.

16.

Il-klawżola 5.10(b) tal-imsemmi kuntratt, li wkoll tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ prenotazzjoni, hija fformulata kif ġej:

“[...] aħna nassumu r-responsabbiltà meta, minħabba nuqqas imputabbli lill-kumpannija tagħna jew lil wieħed mill-aġenti jew fornituri tagħna, kwalunkwe parti mis-servizzi tal-vjaġġ ipprenotati qabel it-tluq mir-Renju Unit ma tkunx taqbel mad-deskrizzjoni tagħha fil-fuljett jew ma tkunx ta’ kwalità raġonevoli, jew ulterjorment jekk inti jew membru tal-grupp tiegħek imut jew iġarrab dannu minħabba attività li tifforma parti minn dawn is-servizzi tal-vjaġġ. Aħna niċħdu kull responsabbiltà jekk, u sa fejn, kull nuqqas fil-provvista tas-servizzi tal-vjaġġ tiegħek, il-mewt jew id-dannu ma jkunx dovut għal nuqqas imputabbli lill-kumpannija jew lil wieħed mill-aġenti jew fornituri tagħna, iżda jkun ikkawżat minnek [...] jew ikun dovut għal ċirkustanzi imprevisti li, anki bid-diliġenza kollha dovuta, il-kumpannija tagħna, l-aġenti jew il-fornituri tagħna ma setgħux jipprevedu jew jevitaw.”

17.

Fil-għodwa tas‑17 ta’ Lulju 2010, waqt li kienet għaddejja mill-ġonna tal-lukanda fi triqitha lejn ir-reception, X iltaqgħet ma’ N, elettriċista, impjegat tal-lukanda, li kien fuq xogħol u kien liebes l-uniformi ta’ membru tal-persunal tal-lukanda. Wara li N offra lil X li juriha triq iqsar għar-reception, huwa ħadha f’kamra tat-tagħmir tekniku fejn stupraha u aggredieha.

18.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, X talbet danni mingħand Kuoni għall-istupru u għall-aggressjoni li hija kienet ġarrbet minħabba li kienu rriżultaw mill-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt li X kienet ikkonkludiet ma’ Kuoni kif ukoll minħabba ksur tar-Regolament tal‑1992. Kuoni kkontestat iċ-ċirkustanza li l-istupru u l-aggressjoni mwettqa minn N kienu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tagħha fir-rigward ta’ X bis-saħħa tal-kuntratt jew tar-Regolament tal‑1992. Insostenn ta’ dan l-argument, Kuoni invokat il-klawżola 5.10(b) tal-kuntratt u l-Artikolu 15(2)(c)(ii) tar-Regolament tal‑1992.

19.

Il-High Court (il-Qorti Għolja, ir-Renju Unit) ċaħdet ir-rikors għad-danni ta’ X minħabba li s-“servizzi tal-vjaġġ” li jinsabu fil-klawżola 5.10(b) tal-kuntratt ma kinux jirrigwardaw membru tal-persunal ta’ manutenzjoni li jakkumpanja klijent sar-reception. Barra minn hekk, hija ddeċidiet, obiter dictum, li, fi kwalunkwe każ, Kuoni setgħet tinvoka r-raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 15(2)(c)(ii) tar-Regolament tal‑1992.

20.

Fl-appell, il-Court of Appeal (England & Wales) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit) ukoll ċaħdet ir-rikors ta’ X. Il-maġġoranza, immexxija mill-Imħallfin Etherton u Asplin, ikkunsidrat li membru tal-persunal tal-manutenzjoni tal-lukanda, irrikonoxxut bħala tali mill-klijent u li akkumpanja lil dan il-klijent sar-reception tal-lukanda, ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 5.10 (b) tal-kuntratt. Din il-maġġoranza qieset li r-Regolament tal‑1992 ma kienx intiż biex jiffaċilita azzjoni legali kontra organizzatur tal-vjaġġi għall-aġir żbaljat ta’ impjegat ta’ fornitur meta dan l-aġir ma kienx jagħmel parti “mix-xogħlijiet li għalihom huwa impjegat” u li l-fornitur ma kienx responsabbli għal persuna oħra skont id-dritt nazzjonali applikabbli għall-konsumaturi jew id-dritt barrani applikabbli għall-imsemmi fornitur. Din il-maġġoranza kienet inklinata, fil-forma ta’ obiter dictum, li tikkunsidra li Kuoni la kienet responsabbli taħt il-klawżola 5.10(b) tal-kuntratt u lanqas skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal‑1992 peress li N ma kienx “fornitur” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

21.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’opinjoni dissidenti, l-Imħallef Longmore indika li kellu dubji dwar il-fatt li l-lukanda ma kinitx responsabbli, skont id-dritt Ingliż, għal stupru mwettaq minn impjegat bl-uniformi u li kien ippreżentat lill-pubbliku bħala impjegat affidabbli. Huwa rrileva li, skont id-dritt Ingliż, il-prinċipju gwida jeżiġi li l-persuna li tistabbilixxi r-responsabbiltà kuntrattwali tibqa’ personalment responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, anki jekk din l-eżekuzzjoni titwettaq minn terz. Huwa ppreċiża li d-Direttiva 90/314 u r-Regolament tal‑1992 kellhom essenzjalment l-għan li jippermettu lit-turisti li l-vjaġġ tagħhom ikun ġie rvinat jieħdu azzjoni kontra l-parti l-oħra għall-kuntratt. Fil-fehma tiegħu, l-organizzatur tal-vjaġġi għandu jingħata l-kompitu li jsolvi l-konsegwenzi tal-vjaġġ irvinat mal-kontraenti tiegħu stess, li jistgħu sussegwentement isolvu l-problemi downstream, kemm mal-impjegati tagħhom stess kif ukoll mas-subappaltaturi. Barra minn hekk, huwa sostna li xejn ma jiġġustifika l-konklużjoni li, fil-każ ta’ subappaltatur jew ta’ impjegat, il-kunċett ta’ “fornitur” għandu jkun limitat għal-lukanda. Huwa żied li ma hemm ebda dubju li ċerti impjegati għandhom jiġu kkunsidrati bħala fornituri.

22.

Fl-appell, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) qieset li ġiet adita b’żewġ domandi prinċipali dwar, fir-rigward tal-ewwel waħda, jekk l-istupru u l-aggressjoni mwettqa fuq X jikkostitwixxux eżekuzzjoni inkorretta tal-obbligi ta’ Kuoni bis-saħħa tal-kuntratt u, fir-rigward tat-tieni waħda, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel waħda, jekk Kuoni hijiex eżentata mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir ta’ N, billi tinvoka l-klawżola 5.10(b) tal-kuntratt u, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 15(2)(c) tar-Regolament tal‑1992.

23.

Sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni domanda tal-appell, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) qieset li kellha tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju, dik il-qorti għolja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-akkumpanjament ta’ X sar-reception minn membru tal-persunal tal-lukanda kien servizz li jaqa’ taħt is-“servizzi tal-vjaġġ” li Kuoni kienet intrabtet li tipprovdi u li l-istupru u l-aggressjoni mwettqa jikkostitwixxu eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt.

IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.

Huwa f’dan il-kuntest li, b’deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2019 li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2019, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-nuqqas’ ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni ħażina [inkorretta] tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut ma’ konsumatur għall-provvista ta’ vjaġġ kollox kompriż li għalih tapplika d-Direttiva [90/314], fejn in-nuqqas’ ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ħażina [inkorretta] hija r-riżultat tal-azzjonijiet ta’ impjegat tal-kumpannija ta’ lukanda li tipprovdi servizzi relatati ma’ dan il-kuntratt:

a)

jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fit-tieni parti tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2); u, fil-każ ta’ risposta affermattiva,

b)

abbażi ta’ liema kriterji l-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-applikabbiltà ta’ din l-eżenzjoni?

2)

Meta organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut jikkonkludi kuntratt ma’ konsumatur għall-provvista ta’ vjaġġ kollox kompriż li għalih tapplika d-Direttiva [90/314], u meta kumpannija ta’ lukanda tipprovdi servizzi relatati ma’ dan il-kuntratt, impjegat innifsu ta’ din il-kumpannija ta’ lukanda għandu jiġi kkunsidrat ‘fornitur tas-servizzi’ għall-finijiet tal-eżenzjoni taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [90/314]?”

25.

Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali ( 7 ) u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma torganizzax seduta għas-sottomissjonijiet orali. Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑31 ta’ Marzu 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet sabiex jingħataw tweġiba bil-miktub lill-partijiet u lill-persuni kkonċernati kollha. L-osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-mistoqsijiet li huma s-suġġett tal-imsemmija miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġew ippreżentati minn dawn l-istess partijiet u mill-Kummissjoni fit-terminu stabbilit.

V. Analiżi

26.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 fir-rigward ta’ organizzatur ta’ vjaġġi kollox kompriż tistax tiġi applikata meta n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt li dan l-organizzatur ikkonkluda ma’ konsumatur jirriżulta mill-atti ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi li jeżegwixxi dan il-kuntratt. Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-kriterji ta’ applikazzjoni tar-raġuni għal eżenzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

27.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi fil-kuntest ta’ kuntratt relatat ma’ pakkett tal-ivvjaġġar għandux jiġi kkunsidrat bħala fornitur ta’ servizzi għall-applikazzjoni tat-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 ( 8 ).

28.

Sa fejn ir-risposta għad-domanda 1(a) tiddependi fuq il-portata tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314, li huwa s-suġġett tat-tieni domanda, ser nittratta dawn iż-żewġ domandi flimkien.

29.

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, jidhirli li huwa utli li jitfakkar, preliminarjament, l-għan tad-Direttiva 90/314 qabel ma nindirizza l-portata tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita minnha. F’dan il-kuntest, wara li ser inkun eżaminajt il-portata tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk ir-raġuni għal eżenzjoni prevista fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva hijiex applikabbli meta n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt tal-vjaġġ kollox kompriż jirriżulta mill-atti ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi li jeżegwixxi l-imsemmi kuntratt. Fl-aħħar nett, peress li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għad-domanda 1(a), nikkunsidra li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda 1(b), dwar il-kriterji ta’ applikazzjoni tar-raġuni għal eżenzjoni prevista fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314.

A.   Rimarki introduttorji fuq l-għan tad-Direttiva 90/314

30.

Sabiex jinftiehem aħjar il-kuntest li fih taqa’ s-sistema ta’ responsabbiltà tal-organizzatur ta’ vjaġġi kollox kompriż stabbilita bid-Direttiva 90/314, jidhirli li jkun utli li nibda l-analiżi tiegħi billi nfakkar l-għan ta’ din id-direttiva.

31.

Għal dan il-għan, nixtieq nirrileva qabel kollox li din id-direttiva tagħmel parti minn sensiela ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni fil-qasam tad-dritt privat sostantiv li ġew adottati abbażi tal-Artikolu 100A tat-Trattat KEE (li sar, wara emendi, l-Artikolu 114 TFUE). Peress li tagħmel parti minn dan il-qafas leġiżlattiv, din id-direttiva tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi ( 9 ), billi tikkunsidrahom ma’ dawk sottostanti b’mod partikolari għat-twettiq tas-suq intern ( 10 ). Mill-ewwel sat-tielet premessi tad-Direttiva 90/314 jirriżulta li l-istabbiliment ta’ regoli komuni li jirrigwardaw il-pakketti kollox kompriż jikkontribwixxi sabiex jitneħħew l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi stabbiliti fi Stati Membri differenti filwaqt li fl-istess ħin jippermettu lill-konsumaturi “jgawdu minn kundizzjonijiet paragunabbli meta jkunu qed jixtru xi pakkett fi kwalunkwe Stat Membru” ( 11 ).

32.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-fatt li d-Direttiva 90/314 hija intiża sabiex tiggarantixxi għanijiet oħra ma huwiex ta’ natura li jeskludi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi wkoll sabiex jipproteġu lill-konsumaturi ( 12 ). Għalhekk hija affermat fil-ġurisprudenza tagħha li din id-direttiva hija intiża sabiex tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 13 ).

33.

Dan huwa għalhekk il-kuntest li fih jinsabu, b’mod ġenerali, is-sistema ta’ responsabbiltà tal-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż stabbilita minn din id-direttiva u, b’mod iktar partikolari, ir-raġunijiet għal eżenzjoni minn din ir-responsabbiltà.

B.   Fuq il-portata tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-organizzatur ta’ vjaġġi kollox kompriż stabbilita mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314

1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali

34.

Nixtieq infakkar qabel kollox li s-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita mid-Direttiva 90/314 hija sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali, li l-prinċipju ġenerali tagħha huwa li d-debitur għandu jitqies bħala responsabbli għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt konkluż bejn il-partijiet. F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu jinftiehem f’sens wiesa’ bħala kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali. Din id-definizzjoni tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu hija l-pedament tas-sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali li permezz tagħha parti f’kuntratt tista’ tippreżenta azzjoni kontra l-parti l-oħra jekk din ma tissodisfax l-obbligi kuntrattwali kollha tagħha ( 14 ).

35.

Nixtieq nirrimarka wkoll li mill-Artikolu 1 u mill-punti 1 u 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/314 jirriżulta li l-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż huwa magħmul minn diversi elementi, jiġifieri t-trasport, l-akkomodazzjoni u servizzi turistiċi oħrajn mibjugħin jew offruti għall-bejgħ bi prezz kollox kompriż ( 15 ) iżda li, min-naħa l-oħra, huma pprovduti minn bosta fornituri ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz ( 16 ). Din il-kumplessità tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż hija, fil-fehma tiegħi, wieħed mill-fatturi li jispjegaw l-attenzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni għal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi f’din id-direttiva u, għalhekk, l-istabbiliment, fl-Artikolu 5 tagħha, ta’ sistema ta’ responsabbiltà tal-organizzatur (u/jew tal-bejjiegħ). Fil-fatt, billi jipprevedi sett ta’ regoli f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jingħata kumpens għad-danni kkawżati fil-konfront tal-konsumaturi, dan l-artikolu huwa intiż li jiffaċilita l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-organizzatur ta’ vjaġġi kollox kompriż mill-konsumaturi ( 17 ).

2. Fuq ir-responsabbiltà tal-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż fil-konfront tal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314

36.

Bis-saħħa tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314, l-organizzatur (u/jew il-bejjiegħ) li qiegħed ibigħ ikun responsabbli fir-rigward tal-konsumatur għall-eżekuzzjoni xierqa tal-obbligi li joħorġu mill-kuntratt, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligi għandhomx jitwettqu minnu stess jew minn fornituri oħra ta’ servizzi u dan bla ħsara għad-dritt tal-organizzatur (u/jew tal-bejjiegħ) li jdur fuq dawn il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ( 18 ).

37.

Fil-fehma tiegħi, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-organizzatur jibqa’ personalment responsabbli fir-rigward tal-konsumatur għall-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt, irrispettivament mill-fatt li l-kuntratt jiġi eżegwit minn “fornitur ieħor tas-servizzi” ( 19 ). Kif qies l-Avukat Ġenerali Tizzano, “b’mod partikolari fir-rigward tal-aspett relatat mar-responsabbiltà kuntrattwali, in-natura tar-relazzjoni triangulari bejn l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ, il-konsumatur u l-fornitur tas-servizzi hija ddefinita b’tali mod li huma tal-ewwel (l-organizzatur jew il-bejjiegħ) li, bħala regola ġenerali, huma l-uniċi responsabbli fir-rigward tal-konsumatur għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt” ( 20 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

38.

Essenzjalment, dan ifisser li l-konsumatur għandu l-possibbiltà li jippreżenta azzjoni kontra l-organizzatur li huwa parti fil-kuntratt ( 21 ). Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 90/314 jirriżulta li l-klawżoli kuntrattwali li jeżentaw lill-organizzatur mir-responsabbiltà tiegħu għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt minn fornituri oħra ta’ servizzi jiġu ddikjarati nulli u bla effett ( 22 ).

39.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa importanti li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jippermetti lill-organizzatur jaġixxi, jekk ikun il-każ, kontra l-“fornituri l-oħra tas-servizzi” tissodisfa r-rieda tiegħu li jistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi jara li jevita li dawn tal-aħħar, minħabba l-adeżjoni tagħhom mal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, jiġu skoraġġuti milli jippreżentaw azzjoni għad-danni jew obbligati li jippreżentaw diversi azzjonijiet distinti bbażati fuq id-dannu li jsofru minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt.

40.

Kif tindika l-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tas-sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali stabbilita minn din id-direttiva huwa li tikkonċentra r-responsabbiltà fir-rigward tal-organizzatur għal kull każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt, sabiex il-konsumatur ikollu, tal-inqas, konvenut putattiv li lilu jista’ jitlob kumpens għad-danni, liema ċirkustanza tippermetti li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Fil-fatt, ir-responsabbiltà tal-organizzatur fis-sens tad-Direttiva 90/314 hija bbażata fuq ir-rabta bejn, minn naħa, l-att jew l-ommissjoni li jkunu taw lok għat-telf u għad-dannu kkawżat lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva ( 23 ).

41.

Għalhekk tqum il-kwistjoni fundamentali dwar jekk l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/314 kinux is-suġġett ta’ eżekuzzjoni korretta fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva ( 24 ).

42.

F’dan ir-rigward, ninnota li għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, liema obbligi kuntrattwali jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż u, min-naħa l-oħra, kif dawn l-obbligi għandhom jiġu eżegwiti. Għalhekk, skont ir-regoli ġenerali tar-responsabbiltà kuntrattwali, ftit jimporta li l-persuna li kkawżat in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta ta’ dawn l-obbligi tkun l-organizzatur jew fornitur ieħor ta’ servizzi: l-organizzatur jibqa’ responsabbli fir-rigward tal-konsumatur. Għalhekk, din hija responsabbiltà oġġettiva tal-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż fir-rigward tal-konsumatur ( 25 ).

43.

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314 jiddikjara, b’mod partikolari, li l-“Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur [...] parti kontraenti [ikun] responsabbli mal-konsumatur għat-tħaddim approprjat ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt”. Għalhekk, kif indikat ġustament il-Kummissjoni, il-portata tar-responsabbiltà tal-organizzatur hija ddeterminata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ( 26 ).

44.

F’dan ir-rigward, irrid nippreċiża li r-responsabbiltà kuntrattwali ta’ debitur ma hijiex, bħala prinċipju, responsabbiltà assoluta: dan tal-aħħar jista’ jiġi eżonerat mir-responsabbiltà tiegħu jekk jissodisfa ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, fil-kuntest tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-organizzatur stabbilita mid-Direttiva 90/314, konformement mal-Artikolu 5(2) tagħha, l-organizzatur ma huwiex responsabbli għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt jekk din ma tkunx tista’ tiġi imputata lilu. Din ir-responsabbiltà hija suġġetta wkoll għall-kundizzjonijiet dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltà stabbilita fit-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 ( 27 ). Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw il-limiti li l-Istati Membri jistgħu jippermettu fir-rigward tal-kumpens għad-danni li jirriżultaw min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew mill-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt ( 28 ). Barra minn hekk, infakkar ukoll li, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, “ma jistgħux jitħallew barra permezz ta’ xi klawżola kuntrattwali xi disposizzjonijient tal-paragrafi 1 u 2 [ta’ dan l-Artikolu]” ( 29 ).

45.

Kif għadni kemm esponejt fl-argumenti preċedenti, mhux biss il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314 hija ċara u mhux ambigwa fir-rigward tar-responsabbiltà tal-organizzatur tal-vjaġġi kollox kompriż iżda l-qari letterali tagħha huwa kkorroborat ukoll mill-istruttura u l-għan ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni ( 30 ).

46.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-organizzatur għandu jkun responsabbli fil-konfront tal-konsumatur u li, konsegwentement, ir-raġunijiet għal eżenzjoni previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 jistgħu, bħala prinċipju, jiġu invokati ( 31 ).

47.

F’dan il-każ, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż konkluż bejn Kuoni u X ġewx eżegwiti korrettement fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314, jidher rilevanti li jitfakkar, f’dan l-istadju tal-analiżi, li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-akkumpanjament ta’ X sar-reception minn membru tal-persunal tal-lukanda kien servizz li jaqa’ taħt “servizzi tal-vjaġġ” li Kuoni kienet intrabtet li tipprovdi u li l-istupru u l-aggressjoni mwettqa waqt il-provvista ta’ dan is-servizz kienu jikkostitwixxu eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt ( 32 ).

48.

Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat jekk, fid-dawl tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita mid-Direttiva 90/314, impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi fil-kuntest ta’ kuntratt relatat ma’ pakkett tal-ivvjaġġar jistax jitqies bħala fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.

49.

Għal dan il-għan, ser neżamina, fit-taqsima li jmiss, il-portata tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi” fis-sens tad-Direttiva 90/314.

3. Fuq it-tifsira u l-portata tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi” fis-sens tad-Direttiva 90/314

50.

Qabel kollox nirrileva li X, Kuoni, ABTA u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-impjegat tal-lukanda nnifsu ma jistax jitqies bħala fornitur ta’ servizzi. X madankollu toġġezzjona li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, l-impjegat li jipprovdi s-servizz ħażin jista’ jitqies bħala fornitur ta’ servizzi jekk kwalifika oħra twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314.

51.

Nosserva li l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 90/314 u li din id-direttiva ma tinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata ta’ dan il-kunċett.

52.

F’dan ir-rigward, irrid infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 33 ).

53.

Qabel kollox, irrid infakkar li, kuntrarjament għall-fornitur ta’ servizz li jipprovdi servizzi bi ħlas, impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi jipprovdi s-servizzi li huma previsti fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż minħabba li jkollu rabta ta’ subordinazzjoni mal-persuna li timpjegah li ma teżistix ma’ fornitur ta’ servizzi, bħal lukanda, ristorant, gwida għall-eskursjonijiet jew għalliem tal-isport, indipendentement mill-fatt jekk din tkunx persuna fiżika jew ġuridika.

54.

Fil-fehma tiegħi, l-ekwivalenti tat-terminu “fornitur ta’ servizzi”, użat mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314 jevoka persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizzi bi ħlas ( 34 ).

55.

Sussegwentement, jidhirli li huwa utli li jiġi rrilevat li huwa biss l-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314 li juża t-termini “fornituri tas-servizzi” ( 35 ). Għaldaqstant, dan il-kunċett jintuża biss fil-kuntest tar-responsabbiltà tal-organizzaturi (u/jew bejjiegħa) għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż konkluż mal-konsumaturi. Kif jirriżulta mid-definizzjoni tat-terminu “pakkett”, li tinsab fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, dawn l-obbligi jikkonċernaw is-servizzi previsti fil-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż, jiġifieri s-servizzi ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni jew ta’ servizzi turistiċi oħra (eskursjonijiet, korsijiet, ristoranti, eċċ.). Madankollu, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tagħmel riferiment għall-impjegati tal-fornituri ta’ servizzi. Barra minn hekk, infakkar li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-organizzatur idur kontra fornitur ta’ servizzi, ma teżistix possibbiltà simili għall-imsemmi organizzatur li jdur kontra l-impjegati tal-fornituri ta’ servizzi.

56.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li, fis-sens tad-Direttiva 90/314, ma huwiex possibbli li impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi jitqies huwa stess bħala l-“fornitur ta’ servizzi”.

57.

Madankollu, f’dan il-każ, ma għandux jiġi ddeterminat jekk impjegat ta’ fornitur tas-servizzi jistax jitqies huwa stess bħala fornitur ta’ servizzi iżda jekk, fil-kuntest tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314, l-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi li jeżegwixxi l-kuntratt jistgħux jiġu pparagunati ma’ dawk ta’ dan il-fornitur ta’ servizzi.

58.

Huwa minn din il-perspettiva li nipproponi li neżamina l-applikabbiltà tar-raġuni għal eżenzjoni prevista fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314.

C.   Fuq l-applikabbiltà tar-raġuni għal eżenzjoni prevista fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 meta n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt ta’ vvjaġġar kollox kompriż jirriżulta mill-atti ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi li jeżegwixxi dan il-kuntratt

1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali

59.

Jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li kull fornitur ta’ servizzi jwettaq l-obbligi kuntrattwali billi juża l-istruttura organizzattiva tiegħu stess (tqassim tal-kompiti bejn l-impjegati, apprendisti, eċċ.). Din l-istruttura tista’ tkun differenti ħafna minn fornitur għal ieħor, bħal fil-każ bejn lukanda ta’ ħames stilel u lukanda tal-familja żgħira. Għaldaqstant, sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà tal-organizzatur jew tal-fornitur ta’ servizzi tiegħu, ma huwiex neċessarju li wieħed ikun jaf min eżegwixxa konkretament l-obbligi kuntrattwali.

60.

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-raġuni għal eżenzjoni prevista fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 hijiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, wieħed għandu jistaqsi: f’liema ċirkustanzi l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi, inklużi l-atti ħżiena mwettqa intenzjonalment, jistgħu jiġu imputati lill-persuna li timpjegah/fornitur ta’ servizzi fid-dawl tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita mid-Direttiva 90/314?

61.

Ser inwieġeb għal din il-mistoqsija fit-taqsima li ġejja.

2. Fuq iċ-ċirkustanzi li fihom l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizz jistgħu jiġu imputati lill-persuna li timpjegah/fornitur ta’ servizzi fid-dawl tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita mid-Direttiva 90/314

62.

Qabel kollox infakkar li l-organizzatur, fis-sens tad-Direttiva 90/314, jista’ jinżamm responsabbli biss fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali. Kif diġà indikajt, din ir-responsabbiltà hija bbażata fuq ir-rabta bejn, minn naħa, l-atti jew l-ommissjonijiet li kkawżaw it-telf jew id-dannu lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż ( 36 ). Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt li tirriżulta mill-atti jew l-ommissjonijiet relatati mad-danni mġarrba mill-konsumatur u mwettqa minn impjegat waqt l-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali għandhom jiġu imputati lill-organizzatur u lill-persuna li timpjegah/fornitur ta’ servizzi. Kieku dan ma kienx il-każ, l-organizzatur ikun jista’ faċilment jevita kull responsabbiltà għall-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt tal-ivvjaġġar billi jiddelega l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt lil fornitur ta’ servizzi, li l-impjegati tiegħu jwettqu b’mod konkret l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt.

63.

Sussegwentement ninnota li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314, l-organizzatur għandu jkun responsabbli, minn naħa, għall-atti u l-ommissjonijiet ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali li huma speċifikati fil-kuntratt, kif iddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, għall-atti u l-ommissjonijiet ta’ dan l-impjegat fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li huma kkunsidrati bħala anċillari għas-servizzi msemmija fil-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tagħha ( 37 ).

64.

B’mod iktar preċiż, skont id-definizzjoni ta’ “pakkett” tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/314, is-servizz ta’ akkomodazzjoni huwa wieħed mit-tliet elementi li jistgħu jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ mill-organizzatur. Dan is-servizz, normalment ipprovdut minn lukanda, jingħata permezz tal-impjegati tagħha li, min-naħa tagħhom, iwettqu l-obbligi kuntrattwali fir-rigward tal-lukanda billi jeżegwixxu l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom. Dawn l-obbligi jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-ġarr tal-bagalji, il-catering, il-parkeġġ bil-valet, is-servizzi ta’ purtinerija, is-servizzi tal-waiters, is-servizz fil-kamra, is-self ta’ roti, is-servizzi ta’ tindif jew is-servizzi ta’ manutenzjoni. Dawn is-servizzi huma għalhekk servizzi anċillari għas-servizz ta’ akkomodazzjoni pprovdut mil-lukanda fil-kuntest tal-kuntratt tal-vjaġġ kollox kompriż.

65.

F’dan il-kuntest, huwa ċar għalija li impjegat ta’ lukanda jista’, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala li jeżegwixxi l-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw minn kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż meta jkun xogħol, ikun liebes l-uniformi ta’ membru tal-persunal tal-lukanda u b’hekk jidher f’għajnejn il-klijenti/konsumaturi bħala persuna ta’ fiduċja, u dan irrispettivament mill-fatt li l-obbligi jiġu eżegwiti fil-bini tal-lukanda jew barra mill-faċilitajiet tagħha, sa fejn dan ikun każ ta’ obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt tal-vjaġġ kollox kompriż jew obbligi li huma kkunsidrati bħala anċillari għas-servizzi mibjugħin jew offruti għall-bejgħ mill-organizzatur bħala parti minn dan il-kuntratt ( 38 ).

66.

B’hekk, jekk il-ġarr tal-bagalji, il-manutenzjoni tal-faċilitajiet jew l-akkumpanjament tal-klijenti sar-reception huma jew servizzi anċillari għas-servizz ta’ akkomodazzjoni jew servizzi direttament previsti fil-kuntratt, l-organizzatur għandu jkun responsabbli meta l-purtinar tal-lukanda jkisser jew jitlef xi bagalja, jattakka lill-klijent waqt li jkun qiegħed iwettaq l-obbligu li jakkumpanja klijent sal-kamra tiegħu jew sar-reception, jismot klijent billi jaqleb xi soppa fuqu jew jattakka lill-klijent waqt li jkun qiegħed iservih fuq il-mejda.

67.

F’dawn il-każijiet kollha inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat li kien hemm eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt u li, konsegwentement, l-aġir tal-impjegat tal-lukanda għandu jiġi imputat lill-fornitur tas-servizzi fil-kuntest tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-organizzatur tal-vjaġġ kollox kompriż tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/314.

68.

Min-naħa l-oħra, l-organizzatur ma jistax jinżamm responsabbli għad-danni fil-konfront tal-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, jekk l-impjegat ta’ lukanda jattakka klijent tal-lukanda barra mill-ħinijiet tax-xogħol tiegħu jew f’jum li fih dan l-impjegat ikun fuq leave. Għalhekk, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ danni kkawżati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali mill-fornitur.

69.

Konsegwentement, konformement mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/314, l-organizzatur għandu jkun responsabbli, minn naħa, għall-atti u l-ommissjonijiet ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali li huma speċifikati fil-kuntratt, kif iddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, għall-atti u l-ommissjonijiet ta’ dan l-impjegat fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li huma kkunsidrati bħala anċillari għas-servizzi msemmija fil-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tagħha.

70.

Ladarba ċ-ċirkustanzi li fihom l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizz jistgħu jiġu imputati lil min jimpjegah/lill-fornitur ta’ servizzi fid-dawl tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita mid-Direttiva 90/314 ġew iċċarati b’dan il-mod, għad fadal li tiġi eżaminata mistoqsija tal-aħħar: x’inhi d-distinzjoni bejn “każ ta’ force majeure” u “avveniment li l-organizzatur [...] jew il-proveditur tas-servizzi, ukoll bl-attenzjoni kollha approprjata, ma jkunx seta’ jipprevedi jew iwaqqaf minn qabel”?

3. Fuq id-distinzjoni bejn “każ ta’ force majeure” u “avveniment li l-organizzatur [...] jew il-proveditur tas-servizzi, ukoll bl-attenzjoni kollha approprjata, ma jkunx seta’ jipprevedi jew iwaqqaf minn qabel”

71.

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 jipprevedi li l-organizzatur (u/jew il-bejjiegħ) huwa responsabbli għad-danni li jsofri l-konsumatur min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew mill-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt, sakemm dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta la jkun dovut għal tort tagħhom u lanqas għal dak ta’ fornitur ieħor tas-servizzi minħabba li waħda mir-raġunijiet għal eżenzjoni ta’ responsabbiltà msemmija f’din id-dispożizzjoni tkun applikabbli għalih. Dik imsemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva tkopri s-sitwazzjonijiet fejn in-nuqqasijiet ikkonstatati fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt huma dovuti għal każ ta’ forza maġġuri jew għal avveniment li l-organizzatur jew il-fornitur, bid-diliġenza kollha dovuta, ma setax jipprevedi jew jevita ( 39 ).

72.

X issostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ż-żewġ każijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 għandhom jinqraw flimkien.

73.

Ma nikkondividix din il-fehma.

74.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 u mill-użu tal-konġunzjoni diżġuntiva “jew” jirriżulta b’mod ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddistingwi, minn naħa, il-każ ta’ force majeure u, min-naħa l-oħra, l-avveniment li l-organizzatur jew il-fornitur, bid-diliġenza kollha dovuta, ma setgħux jipprevedu jew jevitaw.

75.

Fit-tieni lok, nosserva li l-“force majeure” (l-ewwel parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2)) hija ddefinita fil-punt (ii) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 90/314 bħala li testendi għal “ċirkostanzi mhux tas-soltu u imprevedibbli li ma jkunux fil-kontroll tal-parti li tkun tiġġustifika, li l-konsegwenzi tagħhom ma jkunux setgħu jiġu evitati anke jekk tkun ittieħdet il-prekawzjoni kollha meħtieġa” ( 40 ). Din id-definizzjoni tinkludi tliet kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv sabiex l-organizzatur ikun eżentat mir-responsabbiltà tiegħu.

76.

Min-naħa l-oħra, dan mhux il-każ fir-rigward tal-avveniment imsemmi fit-tieni parti tat-tielet inċiż fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni uża hawnhekk il-konġunzjoni diżġuntiva “jew”, li jfisser li l-organizzatur jista’ jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk ikun jista’ juri li la huwa u lanqas il-fornitur ta’ servizzi tiegħu ma setgħu jipprevedu jew (mhux b’mod kumulattiv iżda b’mod alternattiv) jevitaw l-avveniment, billi jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex dan ma jseħħx. Fi kliem ieħor, l-organizzatur jista’ jeżonera ruħu mir-responsabbiltà biss fil-każ li jirriżulta li l-imsemmi avveniment kien imprevedibbli għalih jew għall-fornitur ta’ servizzi jew ma setax jiġi evitat.

77.

Għalhekk huwa evidenti li ż-żewġ każijiet li jinsabu fit-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 huma differenti u li, f’dan il-każ, il-każ ta’ forza maġġuri għandu jiġi miċħud.

4. Fuq l-avveniment imsemmi fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314

78.

It-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 tirreferi għas-sitwazzjonijiet fejn in-nuqqasijiet ikkonstatati fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt huma dovuti għal “avveniment li l-organizzatur [...] jew il-proveditur tas-servizzi, ukoll bl-attenzjoni kollha approprjata, ma jkunx seta’ jipprevedi jew iwaqqaf minn qabel”.

79.

F’dan il-każ, inqis li l-istupru u l-aggressjoni li wettaq N, impjegat tal-lukanda, fuq X, klijenta tal-lukanda, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, minn dan l-impjegat, tal-obbligu kuntrattwali li jakkumpanja lil din il-klijenta sar-reception, ma humiex “avveniment” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

80.

Fil-fatt, it-terminu “avveniment” li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma jistax ikopri l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ impjegat, inklużi l-atti illegali mwettqa intenzjonalment, tal-fornitur tas-servizz fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż. Sabiex dawn l-atti jew ommissjonijiet jitqiesu bħala “avveniment” fis-sens tat-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314, dan għandu jkun jew avveniment estern għall-istruttura organizzattiva tal-fornitur tas-servizz jew element oġġettiv. Dan il-kunċett ta’ “avveniment” ma jista’ f’ebda każ jinkludi l-atti illegali mwettqa intenzjonalment li, fihom innifishom, jikkostitwixxu n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-obbligi kuntrattwali. Ikun saħansitra illoġiku li tiġi analizzata n-natura prevedibbli jew evitabbli tal-aġir intenzjonali ta’ fornitur ta’ servizzi, inkluż meta dan jitwettaq mill-impjegati tiegħu.

81.

B’hekk, anki jekk, kif diġà esponejt fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex possibbli, fis-sens tad-Direttiva 90/314, li impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi jitqies li huwa stess huwa l-fornitur ta’ servizzi, l-aġir ta’ dan l-impjegat għandu jiġi imputat lill-persuna li timpjegah/lill-fornitur u lill-organizzatur ta’ servizz sa fejn dan seħħ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt tal-vjaġġ kollox kompriż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-aġir ma jaqax taħt il-kunċett ta’“avveniment” fis-sens tat-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314. Fi kliem ieħor, in-nuqqas ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizz li jwassal għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt għandu jiġi mxebbah ma’ nuqqas tal-fornitur ta’ servizz. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi applikata r-raġuni għal eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

82.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istupru u l-aggressjoni li wettaq N fuq X għandhom jiġu kkunsidrati bħala att li għandu jiġi imputat lil-lukanda fejn għalhekk Kuoni ma tistax teżonera ruħha mir-responsabbiltà tagħha bħala organizzatur tal-vjaġġ kollox kompriż.

83.

Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tista’ tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tipprekludi li dan il-livell ta’ protezzjoni jitnaqqas b’mod kunsiderevoli fil-każ ta’ nuqqasijiet serji min-naħa tal-impjegati tal-fornituri ta’ servizzi. Fil-fatt, jekk tiġi aċċettata interpretazzjoni differenti, tali żbalji gravi jistgħu għalhekk jitqiesu bħala avveniment “imprevedibbli jew inevitabbli” fis-sens tat-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314.

84.

Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-punt (a) tal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura imprevedibbli jew inevitabbli tal-avveniment imsemmi fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314.

VI. Konklużjoni

85.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit):

1)

Impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi fil-kuntest ta’ kuntratt relatat ma’ pakkett tal-ivvjaġġar ma jistax jitqies huwa stess bħala fornitur ta’ servizzi għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż.

2)

L-organizzatur għandu jkun responsabbli għall-atti u l-ommissjonijiet ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali li huma speċifikati fil-kuntratt, kif iddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, kif ukoll għall-atti u l-ommissjonijiet ta’ dan l-impjegat fl-eżekuzzjoni tal-obbligi li huma kkunsidrati bħala anċillari għas-servizzi msemmija fil-punt 1 (b) tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva. Konsegwentement, ir-raġuni għal eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fit-tieni parti tat-tielet inċiż tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314 fir-rigward ta’ organizzatur ta’ vjaġġi kollox kompriż ma tistax tiġi applikata meta n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt li dan l-organizzatur ikkonkluda ma’ konsumatur jirriżulta mill-atti ta’ impjegat ta’ fornitur ta’ servizzi li jeżegwixxi dan il-kuntratt.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( i ) Saru t-tibdiliet li ġejjin:

It-terminu:

“eżekuzzjoni ħażina” ġie mibdul għal “eżekuzzjoni inkorretta”;

“eżekuzzjoni żbaljata” ġie mibdul għal “eżekuzzjoni inkorretta”; u

“fornitur ta’ servizz” ġie mibdul għal “fornitur ta’ servizzi”.

Fil-punt 11 it-titolu: “ir-Regolament tal‑1992 dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż, il-Vaganzi Kollox Kompriż u t-Tours Kollox Kompriż” ġie mibdul għal “ir-Regolament tal‑1992 dwar il-Vjaġġi, il-Vaganzi u t-Tours Kollox Kompriż”.

( 2 ) Samuel, G. u Rinkes, J.G.J., “The English law of obligations”, Gemeinsames Privatrecht in der Europäischen Gemeinschaft, Müller-Graff, P.‑C. (Editur), Nomos, Baden-Baden, 1999, pp. 163 sa 381, b’mod partikolari pp. 206 u 207. Ara wkoll Samuel, G. u Rinkes, J.G.J., The English law of obligations in comparative context, Nijmegen, Ars Aequi Libri, 1991, pp. 4 sa 21.

( 3 ) Ara t-tielet premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU 2015, L 326, p. 1).

( 5 ) SI 1992/3288.

( 6 ) UK Public General Acts 1982 c. 29.

( 7 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) awtorizzat lil ABTA Ltd (Association of British Travel Agents) tintervjeni fl-appell.

( 8 ) Jidhirli li huwa importanti li jiġu esposti r-raġunijiet li għalihom il-qorti tar-rinviju tagħmel din it-tieni domanda, li tidher li toriġina mill-opinjoni dissidenti tal-Imħallef Longmore, imsemmija fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Mis-siltiet ta’ din l-opinjoni, riprodotti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li, skont l-awtur ta’ din l-opinjoni, il-lukanda tipprovdi servizz ta’ assistenza lill-klijenti tagħha u dan is-servizz tipprovdih permezz tal-impjegati tagħha. Għalhekk, l-Imħallef Longmore jispjega li l-kwistjoni dwar jekk N ukoll kienx jipprovdi dan is-servizz hija fundamentali għall-eżami tar-raġunijiet għal eżenzjoni previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 90/314. Li kieku l-lukanda kienet l-unika fornitriċi, il-kumpannija Kuoni tkun probabbilment eżentata mir-responsabbiltà tagħha peress li l-eżekuzzjoni inkorretta la tkun imputabbli lill-kumpannija Kuoni u lanqas lil-lukanda. L-eżekuzzjoni inkorretta hija dovuta għal avveniment li la l-kumpannija Kuoni u lanqas il-lukanda, bid-diliġenza kollha meħtieġa, ma setgħu jipprevedu jew iwaqqfu. Fil-fatt, il-lukanda kienet talbet ir-referenzi ta’ N u ma kellha ebda raġuni biex tippreżumi, fid-dawl tal-karriera professjonali tiegħu jew għal xi raġuni oħra, li dan kien se jwettaq stupru fuq klijenta. Li kieku, min-naħa l-oħra, N kien il-fornitur tas-servizz ta’ assistenza, minflok il-lukanda, huwa seta’ (bħala fornitur) jipprevedi jew jevita l-att kriminali tiegħu stess.

( 9 ) Ara l-Artikolu 100A(3) tat-Trattat KEE, li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 114(3) TFUE.

( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Leitner (C‑168/00, EU:C:2001:476, punti 23).

( 11 ) Ara t-tielet premessa tad-Direttiva 90/314.

( 12 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et vs Bundesrepublik Deutschland (C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, EU:C:1996:375, punt 39). Ara wkoll ir-raba’ premessa tad-Direttiva 90/314.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et vs Bundesrepublik Deutschland (C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, EU:C:1996:375, punt 39); tat‑12 ta’ Marzu 2002, Leitner (C‑168/00, EU:C:2002:163, punt 22); tas‑16 ta’ Frar 2012, Blödel-Pawlik (C‑134/11, EU:C:2012:98, punt 24); kif ukoll id-digriet tas‑16 ta’ Jannar 2014, Baradics et (C‑430/13, EU:C:2014:32, punt 36).

( 14 ) Ara Machnikowski P. u Szpunar, M., “Chapter 8: Remedies. General Provisions”, Contract II. General Provisions, Delivery of Goods, Package Travel and Payment Services, Research Group on the Existing EC Private Law (Acquis Group), Sellier, München, 2009, pp. 401 sa 404, b’mod partikolari p. 403, Artikoli 8:101, 5.

( 15 ) Din id-definizzjoni tat-terminu “pakkett” tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-eżekuzzjoni u n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ vjaġġ kollox kompriż. Ara Machnikowski P., “Chapter 7: Performance of obligations. Specific Provisions – Part E: Package Travel Contracts”, Contract II. General Provisions, Delivery of Goods, Package Travel and Payment Services, op. cit., pp. 380 sa 398, b’mod partikolari p. 384, Artikolu 7:E-02, 6.

( 16 ) L-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/314 jirreferi għall-“pakketti mibjugħa jew offruti għall-bejgħ fit-territorju tal-[Unjoni]”. Il-kelma “organizzatur” hija definita fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 90/314 bħala “il-persuna li, barra milli darba fil, jorganizza pakketti u jbigħhom jew joffrihom għall-bejgħ, kemm jekk direttament kif ukoll jekk permezz ta’ bejjiegħ”. Ninnota, f’dan ir-rigward, li, sa fejn id-dritt Ingliż dwar l-obbligi jiddistingwi b’mod ċar bejn il-bejgħ ta’ oġġetti (sale of goods) u l-provvista ta’ servizzi (supply of services), id-distinzjoni bejn it-tort (fault) u r-responsabbiltà oġġettiva (strict liability) hija ampjament iddeterminata mid-distinzjoni bejn il-kuntratti ta’ servizzi (Artikolu 13 tal-Liġi tal‑1982) u l-kuntratti ta’ provvista ta’ oġġetti (Artikolu 14 tal-Liġi tal‑1982). Ara, f’dan ir-rigward, Samuel, G. u Rinkes, J.G.J., “The English law of obligations”, loc. cit., p. 209, kif ukoll Montanier, J.‑C. u Samuel, G., Le contrat en droit anglais, PUG, 1999, p. 92. Madankollu, kif indikajt fl-introduzzjoni għal dawn il-konklużjonijiet, huma proprju dawn id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali fil-qasam tal-pakketti tal-ivvjaġġar li ġew invokati mil-leġiżlatur fid-Direttiva 90/314 biex jiġi ġġustifikat l-istabbiliment ta’ “regoli komuni minimi” għall-Istati Membri kollha. Ara t-tieni premessa ta’ din id-direttiva.

( 17 ) Dwar il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tad-Direttiva 90/314, ara l-Artikolu 2(4) tagħha.

( 18 ) Ara wkoll it-tmintax‑il premessa tad-Direttiva 90/314.

( 19 ) It-tmintax‑il premessa tgħid, b’mod partikolari, li l-organizzatur fil-kuntratt għandu jkun responsabbli fir-rigward tal-konsumatur għall-eżekuzzjoni xierqa tal-obbligi li joħorġu mill-kuntratt.

( 20 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Leitner (C‑168/00, EU:C:2001:476, punt 4). Enfasi miżjuda minni.

( 21 ) Fil-fatt, billi tittratta s-servizzi offruti għall-bejgħ lill-konsumatur bħala ħaġa sħiħa, il-kwalifika ta’ “bejgħ ta’ servizz” użata mid-Direttiva 90/314 fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 2(2) tagħha, tiffaċilita l-azzjonijiet tal-konsumatur fis-sitwazzjoni fejn dan ikollu quddiemu nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni inkorretta tal-kuntratt billi tipprovdilu “kuntatt [...] wieħed ikun[u] xi jkun[u] is-servizz[i] li ma jkun[u]x ġie/ġew eżegwit[i] jew eżegwit[i] ħażin”. Ara, f’dan is-sens, Poillot, E., “La vente de services en droit communautaire (directive 90/314/CEE sur les voyages, vacances et circuits à forfait)”, Uniform Terminology for European Contract Law, Nomos, 2005, pp. 359 sa 382, b’mod partikolari p. 381. Ara wkoll, Machnikowski, P. “Chapter 7: Performance of obligations. Specific Provisions – Part E: Package Travel Contracts”, op. cit., pp. 380 sa 398, b’mod partikolari p. 383, Artikolu 7:E‑02, 3.

( 22 ) Ara wkoll il-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara wkoll il-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Skont il-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/314, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “kuntratt” tfisser il-ftehim li jorbot lill-konsumatur mal-organizzatur u/jew mal-bejjiegħ.

( 25 ) Għalhekk, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni inkorretta tal-obbligi kuntrattwali jista’ jkollhom bħala konsegwenza l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-organizzatur. Ara, f’dan ir-rigward, Machnikowski P., op. cit., b’mod partikolari p. 402, Artikolu 8:101, 3. Ara wkoll, Kleinschmidt, J., “Article 8:101: Remedies Available”, Commentaries on European Contract Laws, Nils, J. u Zimmermann, R. (Edituri), Oxford, p. 1108.

( 26 ) Enfasi miżjuda minni. Għandu jitfakkar li d-Direttiva 90/314 ma tinkludi ebda dispożizzjoni fir-rigward tal-liġi applikabbli. Madankollu, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) jiżgura, bħala prinċipju, l-applikazzjoni tal-liġi tar-residenza abitwali tal-konsumatur.

( 27 ) Id-duttrina tikkunsidra l-Artikolu 5(2) u (3) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 90/314 bħala regoli imperattivi. Ara Machnikowski, P., op. cit., b’mod partikolari p. 465, Artikolu 8:E-01, 2.

( 28 ) Ara wkoll id-dsatax‑il premessa tad-Direttiva 90/314.

( 29 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara l-punti 36 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Irrid nenfasizza li, bħala prinċipju, Stat Membru jista’ jipprevedi livell ta’ protezzjoni ogħla. Konsegwentement, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 90/314, l-Istati Membri setgħu jipprevedu raġunijiet għal eżenzjoni iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.

( 32 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Mill-kuntest ġuridiku tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 13 tal-Liġi tal‑1982, il-fornitur ta’ servizzi huwa obbligat iwettaq is-servizzi stipulati fil-kuntratt b’diliġenza u b’kompetenza raġonevoli.

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Novo Banco (C‑253/19, EU:C:2020:585, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Fil-fatt, il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tat-terminu “fornitur ta’ servizzi (prestataire de services)” tidher li tintuża f’dan is-sens ukoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari l-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“prestador de servicios”), dik Ġermaniża (“Dienstleistungsträger”), dik Ingliża (“supplier of services”), dik Taljana (“prestatore di servizi”), dik Pollakka (“usługodawca”), dik Portugiża (“prestador de serviços”), u dik Rumena (“furnizor de servicii”).

( 35 ) Ara wkoll it-tmintax‑il premessa tad-Direttiva 90/314.

( 36 ) Ara wkoll il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Fil-fatt, dawn l-obbligi anċillari għas-servizzi ta’ akkomodazzjoni jew ta’ trasport jirriżultaw min-natura stess tas-servizzi tiegħu.

( 38 ) Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, ta’ servizz ta’ trasferiment mil-lukanda għall-ajruport ipprovdut minn xufiera/impjegati tal-lukanda.

( 39 ) Huwa ovvju li, għalkemm id-Direttiva 90/314 ma ssemmihx espressament, huwa l-organizzatur jew il-fornitur ta’ servizzi li għandu jipprova l-eżistenza tar-raġunijiet għal eżenzjoni invokati minnu. Ara, f’dan ir-rigward, Rüfner, T., “Article 8:108: Excuse Due to an Impediment”, Commentaries on European Contract Laws, Nils, J. u Zimmermann, R. (Edituri), Oxford, pp. 1164 sa 1177, b’mod partikolari p. 1174.

( 40 ) Enfasi miżjuda minni.