KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil-15 ta’ Ottubru 2020 ( 1 )

Kawża C‑555/19

Fussl Modestraße Mayr GmbH

vs

SevenOne Media GmbH,

ProSiebenSat.1 TV Deutschland GmbH,

ProSiebenSat.1 Media SE

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Xandir televiżiv – Direttiva 2010/13/UE – Artikolu 4(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar televiżiv reġjonali li jinsab fi programm imxandar fil-livell nazzjonali – Possibbiltà għal-Land li fih ir-reklamar huwa mxandar li jawtorizzah u li jissuġġetta l-awtorizzazzjoni għal kundizzjonijiet – Ugwaljanza fit-trattament – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Introduzzjoni

1.

Anki jekk il-wasla tal-internet ma pprovokatx, kif iddikjaraw xi wħud, tmiem it-televiżjoni, hija ċertament dgħajfet il-pożizzjoni tiegħu, b’mod partikolari fil-livell ekonomiku u finanzjarju. Ma hijiex sempliċement kwistjoni tal-kompetizzjoni li jirrapreżenta l-kontenut aċċessibbli fuq l-internet għall-programmi tat-televiżjoni, iżda wkoll, jekk mhux prinċipalment, il-possibbiltà tal-internet li jikkompeti mal‑media “tradizzjonali”, b’mod partikolari l-organi tax-xandir, fis-suq tar-reklamar u t-tnaqqis tad-dħul ta’ dawn tal-aħħar li jirriżulta minn hekk. Ma’ dan tiżdied il-klima ekonomika ġenerali sfavorevoli u l‑kriżijiet suċċessivi, b’mod partikolari l-kriżi finanzjarja tal-2008 u, issa, dik relatata mal-kriżi sanitarja tal-Covid-19.

2.

Għalhekk ma huwiex sorprendenti li l-organi tax-xandir ifittxu sorsi ġodda ta’ dħul, b’mod partikolari billi jkabbru u jagħmlu iktar flessibbli l-offerta ta’ reklamar tagħhom, bħar-reklamar fuq l-internet. Huwa f’dan il-kuntest li l-organu tax-xandir Ġermaniż ProSiebenSat.1 ipprova joffri lil dawk li jirreklamaw il-possibbiltà ta’ reklamar reġjonali (jiġifieri li jkopri Länder wieħed jew iktar) fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali tiegħu. Madankollu din kienet theddida għall-interessi ekonomiċi tat-televiżjoni reġjonali u lokali li għalihom ir-reklamar jirrapreżenta sors importanti ta’ dħul. It-tenattiv ta’ ProSiebenSat.1 b’hekk ġie ostakolat, fl-ewwel lok, bi projbizzjoni mill-Medienanstalt Berlin-Brandenburg (l-Uffiċċju tal-Media tal-Länder ta’ Berlin u ta’ Brandenbourg, il-Ġermanja). Madankollu, din il-projbizzjoni ġiet annullata permezz tas‑sentenza Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) tas-17 ta’ Diċembru 2014 ( 2 ), mogħtija fl-appell kontra s-sentenza tal-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) tas-26 ta’ Settembru 2013 ( 3 ). Fil‑fatt, fis-sentenza tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ikkunsidrat b’mod partikolari li, peress li r‑reklamar ma kienx jikkostitwixxi parti integrali mill-programm tat‑televiżjoni, il-liċenzja għal xandir fil-livell nazzjonali ma kinitx tipprekludi x-xandir tar-reklamar reġjonali, peress li din il-liċenzja kienet tirrigwarda biss il-kontenut editorjali ( 4 ).

3.

Wara din id-deċiżjoni, il-Länder, l-awtoritajiet kompetenti fil‑Ġermanja għax-xandir televiżiv, adottaw l-Achtzehnter Rundfunkänderungsstaatsvertrag (it-18-il Trattat tal-Istat ta’ Emenda dwar ix-Xandir), tal-21 ta’ Diċembru 2015, li introduċa, fl-Artikolu 7(11) tal-iStaatsvertrag für Rundfunk und Telemedien (it-Trattat tal-Istat dwar ix‑Xandir u l-Media Televiżivi), tal-31 ta’ Awwissu 1991 (iktar ’il quddiem ir-“RStV”), projbizzjoni espliċita ta’ reklamar reġjonali fuq il‑kanali tat-televiżjoni nazzjonali ( 5 ).

4.

Il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il‑Ġermanja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, issa qed titlob evalwazzjoni dwar il-konformità ta’ din il-projbizzjoni ma’ diversi dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

5.

Skont l-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) ( 6 ):

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(e)

‘xandir televiżiv’ jew ‘xandira televiżiva’ (i.e. servizz tal-media awdjoviżiva lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi;

[…]”.

6.

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva 2010/13 jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma’ regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva sakemm tali regoli jkunu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.”

Id-dritt Ġermaniż

7.

Ir-RStV jistipula, fl-Artikolu 2(1) tiegħu:

“Ix-xandir huwa servizz ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni lineari; huwa jikkonsisti fl-organizzazzjoni u x-xandir ta’ offerti taħt il-forma ta’ immaġini animati jew ta’ ħsejjes indirizzati lill-pubbliku u intiżi sabiex jiġu rċevuti simultanjament, abbażi ta’ skeda ta’ programmi u permezz ta’ mewġ elettromanjetiċi.”

8.

L-Artikolu 7(11) tar-RStV jistipula:

“Ix-xandir f’parti biss tat-territorju nazzjonali ta’ reklamar jew ta’ kontenut ieħor fi programm intiż jew awtorizzat għal xandir fil-livell nazzjonali ma huwiex illegali ħlief jekk u sa fejn id-dritt tal-Land li fih iseħħ ix-xandir, jawtorizzah. Ir-reklamar jew kwalunkwe kontenut ieħor ta’ operaturi privati mxandra f’parti biss tat-territorju nazzjonali jeħtieġu awtorizzazzjoni speċifika bis-saħħa tad-dritt tal-Land ikkonċernat; din l-awtorizzazzjoni tista’ tkun akkumpanjata minn kundizzjonijiet relatati mal-kontenut li għandhom jiġu ddefiniti bil-liġi.”

9.

Sa issa, l-ebda Land ma użat il-possibbiltà prevista fl‑Artikolu 7(11) tar-RStV li jingħataw, bis-saħħa tad-dritt tal-Land ikkonċernat, awtorizzazzjonijiet għar-reklamar reġjonali mxandar fil‑qafas ta’ programmi ta’ xandir nazzjonali.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.

Fussl Modestraße Mayr GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak, tiġġestixxi numru ta’ ħwienet tal-moda stabbiliti fl-Awstrija u fil-Land ta’ Bayern (il-Ġermanja).

11.

SevenOne Media GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, hija l-impriża ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-grupp ProSiebenSat.1, organu privat ta’ xandir televiżiv stabbilit fil-Ġermanja.

12.

Fil-25 ta’ Mejju 2018, Fussl Modestraße Mayr ikkonkludiet kuntratt ma’ SevenOne Media dwar ix-xandir, fil-Land ta’ Bayern biss, ta’ reklamar televiżiv fil-qafas ta’ programmi fuq il-kanal nazzjonali ProSieben bl-użu tan-netwerks tal-kejbil ta’ Bayern ta’ Vodafone Kabel Deutschland GmbH. SevenOne Media rrifjutat li teżegwixxi dan il‑kuntratt minħabba li x-xandir reġjonali ta’ reklamar televiżiv fil‑kuntest ta’ programmi mxandra fit-territorju Ġermaniż kollu kien ipprojbit bl-Artikolu 7(11) tar-RStV. Fussl Modestraße Mayr għalhekk adixxiet lill-qorti tar-rinviju sabiex din tordna lil SevenOne Media teżegwixxi l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-kuntratt ikkonċernat.

13.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li hemm qbil bejn il-partijiet li, minn perspettiva teknika, SevenOne Media hija f’pożizzjoni li xxandar, fil‑qafas tax-xandir nazzjonali tagħha, ir-reklamar televiżiv inkwistjoni b’tali mod li dan jista’ jintwera biss fit-territorju tal-Land ta’ Bayern. Għalhekk, l-uniku ostakolu għal dan ix-xandir huwa ta’ natura legali.

14.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

a)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13/UE,

b)

il-prinċipju ta’ ugwaljanza [ta’ trattament] tad-dritt tal-Unjoni u

c)

d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi x-xandir reġjonali ta’ reklamar fi programmi tax-xandir awtorizzati għall-Istat Membru kollu?

2)

L-evalwazzjoni tal-ewwel domanda tkun differenti jekk id-dritt nazzjonali jippermetti dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jipprovdu li x‑xandir reġjonali ta’ reklamar jista’ jiġi awtorizzat legalment u jeżiġi, f’dan il-każ, awtorizzazzjoni amministrattiva supplimentari?

3)

L-evalwazzjoni tal-ewwel domanda tkun differenti jekk il‑possibbiltà deskritta fit-tieni domanda ta’ awtorizzazzjoni ta’ reklamar reġjonali effettivament ma tintużax u għaldaqstant ir‑reklamar reġjonali jkun kompletament ipprojbit?

4)

L-Artikolu 11 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)] fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-[Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 iktar ’il quddiem il-“KEDB”)] kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ pluraliżmu tal‑informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fl-ewwel, fit-tieni u fit‑tielet domanda?”

15.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Fussl Modestraße Mayr, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ( 7 ). L-istess partijiet, kif ukoll SevenOne Media, kienu rrapreżentati waqt is-seduta li saret fit-2 ta’ Lulju 2020.

Analiżi

16.

L-ewwel tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li jiena nipproponi li għandhom jiġu analizzati flimkien, jirrigwardaw l‑evalwazzjoni tal-projbizzjoni tar-reklamar reġjonali fuq il-kanali ta’ televiżjoni nazzjonali, li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar-RStV, fid-dawl ta’ diversi dispożizzjonijiet u prinċipji tad-dritt tal-Unjoni. Għal din l‑evalwazzjoni hemm bżonn li jsir test ta’ proporzjonalità li jieħu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, il-possibbiltà tal-Länder li jawtorizzaw tali reklamar kif ukoll il-fatt li l-ebda wieħed minnhom ma uża din il‑possibbiltà. Ir-raba’ domanda, kif nifhimha jiena, tirrigwarda evalwazzjoni ta’ prinċipju ta’ din l-istess projbizzjoni fid-dawl tad‑drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni.

Fuq l-ewwel sat-tielet domanda preliminari

17.

Permezz tal-ewwel tliet domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-Artikolu 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali fuq il-kanali ta’ televiżjoni nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill‑Artikolu 7(11) tar-RStV. “Reklamar reġjonali” għandu jinftiehem bħala x-xandir minn kanal tat-televiżjoni b’kopertura nazzjonali ta’ blokok jew spots ta’ reklamar speċifiċi għar-reġjun wieħed jew iktar, li huwa differenti mir-reklamar imxandar fl-istess ħin fil-kumplament tat‑territorju. Għalhekk il-kwistjoni li tqum tirrigwarda wkoll l‑importanza ta’ eventwali possibbiltà li titneħħa din il-projbizzjoni f’reġjun wieħed jew iktar.

18.

Ser nibda l-analiżi tal-projbizzjoni inkwistjoni fid-dawl ta’ diversi regoli tad-dritt tal-Unjoni, skont l-ordni li huma msemmija fid‑domandi preliminari. Ser nanalizza wkoll l-argument tal-Gvern Ġermaniż ibbażat fuq l-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13.

Fuq ir-rilevanza (jew in-nuqqas) tad-Direttiva 2010/13

19.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2010/13. Fl-istess ħin, il-Gvern Ġermaniż iqajjem argument ibbażat fuq l-Artikolu 1(1)(e) ta’ din id-direttiva sabiex jiddefendi l-miżura nazzjonali inkwistjoni.

– Fuq l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13

20.

Id-Direttiva 2010/13 tistabbilixxi dritt ta’ moviment liberu tas‑servizzi ta’ media awdjoviżiva, jiġifieri tax-xandir televiżiv u ta’ servizzi awdjoviżivi on-demand, filwaqt li tipprojbixxi, bħala regola, lill‑Istati Membri milli jostakolaw ir-riċezzjoni u r-ritrasmissjoni fit‑territorji tagħhom ta’ tali servizzi li jiġu minn Stati Membri oħra (Artikolu 3(1)). Din il-libertà hija akkumpanjata minn armonizzazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-imsemmija servizzi. Din l-armonizzazzjoni tirrigwarda b’mod partikolari l-oqsma bħall-protezzjoni tal-konsumaturi jew ta’ ċerti kategoriji ta’ konsumaturi, il-promozzjoni ta’ xogħolijiet Ewropej jew inkella l-aċċess ta’ organi tax-xandir għall-avvenimenti ta’ importanza sinjifikattiva għall-pubbliku. Fir-rigward ta’ armonizzazzjoni minima, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 jinkludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu regoli iktar stretti għall-fornituri li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom fl-oqsma koperti mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni previsti fl-imsemmija direttiva.

21.

Jiena ma narx kif din id-dispożizzjoni tista’ tipprekludi projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22.

L-ewwel nett, ma jidhirlix li din il-projbizzjoni taqa’ fil-kamp irregolat mid-Direttiva 2010/13. Fil-fatt, għalkemm din id-direttiva tinkludi regoli li jirregolaw ir-reklamar televiżiv, madankollu dawn jirrigwardaw il-kontenut ta’ dan ir-reklamar, il-ħin allokat lilu u d-distinzjoni ċara bjen ir-reklamar u l-kontenut editorjali. Dawn ir-regoli għandhom bħala għan prinċipali l-protezzjoni tat-telespettaturi. Min-naħa l-oħra, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-tqassim tas-suq tar-reklamar bejn organi tax-xandir nazzjonali u reġjonali u għandha l-għan li tipproteġi l-pożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar f’dan is-suq. Dan ma jaqax taħt il-qasam armonizzat tad-Direttiva 2010/13.

23.

It-tieni nett, anki jekk jiġi preżunt li l-miżura nazzjonali inkwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva huwa limitat sabiex jipprevedi lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti mill-imsemmija direttiva, mingħajr ma jiddefinixxi l-kontenut ta’ dawn ir-regoli. Għalhekk, huwa diffiċli li dan l-artikolu jipprekludi tali regoli, la darba dawn ikunu ġew adottati minn Stat Membru.

24.

F’dak li jirrigwarda r-riżerva, li dawn ir-regoli iktar stretti għandhom ikunu konformi ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal‑Unjoni, din hija limitazzjoni klassika bil-għan li jkun evitat li possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jidderogaw mid‑dispożizzjonijiet ta’ att tad‑dritt tal-Unjoni tiġi interpretata bħala li tippermetti deroga minn dan id-dritt b’mod ġenerali. Madankollu, il-konformità tar-regoli adottati minn Stat Membru ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata mhux fir-rigward tal‑Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2010/13 iżda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra.

25.

Għalhekk naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li dispożizzjoni bħall-Artikolu 7(11) tar-RStV ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2010/13 u, għalhekk, tal-Artikolu 4(1) tagħha.

– Fuq l-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13

26.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-użu, fid-definizzjoni tax-“xandir televiżiv” li tinsab fl‑Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13, tat-termini “wiri simultanju ta’ programmi”, riprodotti fl-Artikolu 2(1) tar-RStV, jirrikjedi li l-istess kontenut ikun imxandar fl-istess ħin fit-territorju kollu kopert bix-xandir ta’ kanal tat-televiżjoni u b’hekk jipprekludi r-reklamar reġjonali fuq kanali nazzjonali.

27.

Ma jidhirlix li din l-opinjoni hija korretta.

28.

Fil-fatt, anki jekk, kuntrarjament għall-kliem eżatt tad‑dispożizzjoni inkwistjoni, it-termini “wiri simultanju” japplikaw mhux biss għall-programmi (jiġifieri għall-kontenut editorjali) iżda wkoll għar-reklamar, dawn it-termini bl-ebda mod ma jirrikjedu li l-istess kontenut jiġi mxandar fit-territorju kollu kopert bix-xandir.

29.

Id-Direttiva 2010/13 hija bbażata fuq id-distinzjoni bejn is‑servizzi msejħa “lineari” u s-servizzi on-demand. Is-servizzi lineari ġew iddefiniti fl-Artikolu 1(1)(e) ta’ din id-direttiva. Il-karatteristika essenzjali ta’ dawn is-servizzi hija li huwa l-organu tax-xandir li jiddeċiedi l-kontenut imxandar f’mument partikolari, irrispettivament minn kwalunkwe talba, peress li l-uniku għażla li għandu t-telespettatur hija jekk jirċevix jew le t-trasmissjoni. Dawn is-servizzi huma għalhekk lineari fiż-żmien. Il-konsegwenza ta’ dan huwa li t-telespettaturi kollha li għalihom huwa indirizzat il-kontenut jarawh b’mod simultanju. Madankollu, minn dan ma jirriżulta l-ebda rekwiżit li l-istess kontenut għandu jkun indirizzat lit-telespettaturi kollha li jinsabu fiż-żona ta’ kopertura tax-xandir ta’ kanal tat-televiżjoni. L-organu tax-xandir jista’ jibdel il-kontenut skont it-territorju jew skont il-mod tat-trasmissjoni (terrestri, bil-kejbil, satellitari, eċċ), u dan mingħajr ma jaffettwa n-natura lineari tas-servizz tiegħu.

30.

Ovvjament, il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ta’ xandir jew inkella, bħal f’dan il-każ, ir-regoli tad-dritt nazzjonali jistgħu jipprojbixxu tali differenzazzjoni, iżda dan bl-ebda mod ma huwa rikjest mill-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13, u lanqas, barra minn hekk, minn xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.

31.

L-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13 għalhekk ma jirrikjedix projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar‑RStV.

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

32.

Il-qorti tar-rinviju tinvoka, fit-tieni lok, fid-domandi preliminari tagħha, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bħala regola ta’ riferiment sabiex tevalwa l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal‑projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar-RStV. It-tħassib tagħha jirrigwarda, minn naħa waħda, il-pożizzjoni żvantaġġjata tal-fornituri ta’ servizzi ta’ media awdjoviżiva lineari (jiġiferi l-organi tax-xandir) nazzjonali pparagunata ma’ dik tal-fornituri ta’ media awdjoviżiva mhux lineari, b’mod partikolari li joperaw fuq l-internet, fir-rigward tal‑possibbiltà li joffru servizzi ta’ reklamar indirizzati għal udjenza partikolari. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tinvoka d-differenza ta’ trattament bejn dawk li potenzjalment jirreklamaw, u għalhekk min juża servizzi ta’ reklamar televiżiv, li joperaw fuq livell reġjonali, bħar‑rikorrenti fil-kawża prinċpali, u l-operaturi ta’ daqs ikbar, li għalihom huwa iktar xieraq ir-reklamar fil-livell nazzjonali.

33.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 8 ).

34.

Issa, ma jidhirlix li s-sitwazzjonijiet tal-operaturi msemmija mill‑qorti tar-rinviju huma paragunabbli.

35.

L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-operaturi tal-kanali tat‑televiżjoni nazzjonali, jiena naħseb, l-istess bħall-Kummissjoni, li s‑sitwazzjoni tagħhom ma hijiex komparabbli, fis-sens tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għal dik ta’ fornituri tal-media awdjoviżiva mhux lineari li topera fuq l-internet. Il-mod ta’ kif jintużaw dawn is‑servizzi, il-mod ta’ kif jopera r-reklamar fuq it-televiżjoni u fuq l‑internet u, finalment, il-qafas regolamentari, kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni ( 9 ), huwa differenti sal-punt li paragun tas-sitwazzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw ir-reklamar reġjonali jidhirli li ma jagħmilx sens. Dan huwa marbut b’mod partikolari mal‑fatt li, minħabba n-natura interattiva tiegħu u l-ġbir ta’ ħafna informazzjoni dwar l-utenti, ir-reklamar fuq l-internet ma huwiex limitat bil-kriterju tat-territorju u jista’ jindirizza l-utenti b’mod individwali, skont l-allegati interessi tagħhom, ħaġa li hija impossibbli fil-każ tat‑televiżjoni. Ma hijiex il-possibbiltà li toffri reklamar televiżiv reġjonali li tista’ telimina dawn id-differenzi.

36.

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ dawk li potenzjalment jirreklamaw li joperaw fl-livell reġjonali pparagonata ma’ dik ta’ dawk li jirreklamaw li joperaw fil-livell nazzjonali, jiena ma naħsibx, din id-darba kuntrarjament għall-opinjonijiet espressi mill‑Kummissjoni, li l-impatt differenti tar-regoli inkwistjoni fuq dawn iż-żewġ kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi (li jużaw servizzi ta’ reklamar) jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi nuqqas ta’ ugwaljanza fit‑trattament.

37.

Fil-fatt, huwa veru li l-projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali fuq il‑kanali tat-televiżjoni nazzjonali tista’ taffettwa b’mod iktar qawwi lil dawk li joperaw fil-livell reġjonali li potenzjalment jirreklamaw, li jistgħu jibbenefikaw minn tali reklamar, milli dawk li jirreklamaw fil‑livell nazzjonali, li għalihom ma għandha l-ebda użu. Madankollu, din il‑projbizzjoni ma hijiex intiża biex tirregola l-opportunitajiet ta’ reklamar ta’ kategoriji differenti ta’ dawk li potenzjalment jirreklamaw iżda, peress li hija indirizzata lix-xandara, hija intiża sabiex tippreżerva s-suq tar-reklamar reġjonali għall-organi ta’ televiżjoni reġjonali u lokali. L-impatt ta’ din il-projbizzjoni fuq il-kategoriji differenti ta’ dawk li potenzjalment jużaw servizzi ta’ reklamar ma jirriżultax b’mod dirett minn din il-leġiżlazzjoni, iżda mis-sitwazzjoni li fiha jinsabu dawn l‑operaturi differenti minħabba, b’mod partikolari, id-daqs ekonomiku tagħhom. Ir-regoli, għall-kuntrarju, huma l-istess għal kulħadd, Issa, il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat bħala li jirrikjedi li jkun hemm regoli tad-dritt għall‑bżonnijiet speċifiċi ta’ kull parti f’kawża.

38.

Fil-qosor, għalhekk, jiena ma naħsibx li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludi projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar-RStV.

L-Artikolu 56 TFUE

39.

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl‑Artikolu 7(11) tar-RStV.

40.

Dan l-artikolu tat-trattat jipprojbixxi kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjonijiet transkonfinali, sakemm din ir‑restrizzjoni ma tkunx iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

– Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

41.

Hija ġurisprudenza stabbilita li x-xandir ta’ messaġġi televiżivi, inklużi messaġġi ta’ reklamar, jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 56 TFUE ( 10 ). Taħt il-libertà stabbilita b’dan l‑artikolu, taqa’ wkoll il-possibbiltà, għal dawk li potenzjalment jirreklamaw, li jibbenefikaw minn servizzi ta’ reklamar televiżiv ( 11 ).

42.

Issa, għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà ( 12 ). Dan japplika iktar u iktar meta dawk li potenzjalment jirreklamaw ikunu ġejjin minn Stati Membri oħra, għaliex ir-restrizzjonijiet tal-possibbilitajiet li jibbenefikaw minn servizzi ta’ reklamar jagħmlu iktar diffiċli għalihom l-aċċess għas-suq tal-Istat Membru li jkun stabilixxa dawn ir‑restrizzjonijiet. Tali restrizzjonijiet jistgħu jeżistu, b’mod partikolari, meta r-reklamar għall-attività ta’ dak li potenzjalment jirreklama jkun permissibbli biss fuq il-kanali tat-televiżjoni lokali, filwaqt li jkun ipprojbit fuq dawk tat-televiżjoni nazzjonali ( 13 ).

43.

Sitwazzjoni simili tista’ tiġi identifikata f’din il-kawża. Ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak, tiġġestixxi katina ta’ ħwienet tal-moda fl-Awstrija. Hija tixtieq tkabbar l-attività tagħha, billi tistabbilixxi ruħha ukoll fil‑Ġermanja, iżda biss fuq parti tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru, jiġifieri f’Bayern.

44.

Għal dan il-għan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tixtieq tuża servizzi ta’ reklamar televiżiv. Madankollu, minħabba l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar-RStV, hija ma tistax titlob ix-xandir ta’ reklamar limitat għat-territorju ta’ Bayern fuq kanal tat-televiżjoni nazzjonali, kif kellha l-intenzjoni li tagħmel meta ffirmat kuntratt f’dan is-sens mal-konvenuta fil-kawża prinċipali. L-uniku għażliet li għandha quddiemha huma li tixtri ħin ta’ reklamar fil-livell nazzjonali fuq kanal tat-televiżjoni nazzjonali, jew li tirrikorri għas-servizzi tat-televiżjoni reġjonali u lokali. Ir-rikorrenti tispjega li madankollu l-ebda waħda minn dawn l-għażliet ma tissodisfa l-bżonnijiet tagħha.

45.

Ir-reklamar fil-livell nazzjonali huwa wisq għoli u, sa ċertu punt, inutli, għaliex prinċipalament ikopri t-territorju li fuqu r-rikorrenti ma tixtieqx twettaq attività. Tali reklamar għalhekk ma jħallix profitt ( 14 ).

46.

Fir-rigward tar-reklamar fuq kanali ta’ televiżjoni reġjonali u lokali, dan ma jippermettix li jintlaħqu l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-rikorrenti. L-ewwel nett, dawn il-kanali jirrapreżentaw biss parti żgħira mit-telespettaturi (madwar 5 % tal-udjenza tat-televiżjoni skont id-data tar-rikorrenti). It-tieni nett, il-pubbliku ta’ dawn il-kanali reġjonali u lokali lanqas ma huwa l-mira tar-rikorrenti. Fil-fatt, l-interess tar-rikorrenti huwa li r-reklamar jixxandar qabel jew wara programmi ta’ televiżjoni li jistgħu jinteressaw lill-klijenti potenzjali tar-rikorrenti, jiġifieri l-klijentela ta’ oġġetti tal-moda. Issa, dan it-tip ta’ programmi jixxandar fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali, filwaqt li l-kanali reġjonali u lokali huma kkonċentrati fuq is-suġġetti ta’ attwalità lokali u jattiraw pubbliku differenti.

47.

B’hekk, l-impossibbiltà li tibbenefika minn reklamar limitat għat‑territorju ta’ Bayern fuq kanal tat-televiżjoni nazzjonali, li tirriżulta mill-projbizzjoni fl-Artikolu 7(11) tar-RStV, minkejja li tali reklamar huwa teknikament possibbli u li l-konvenuta fil-kawża prinċipali hija disposta li tagħti tali servizz, qiegħed jagħmel l-aċċess tar-rikorrenti għas-suq Ġermaniż iktar diffiċli. Dan huwa dovut, b’mod partikolari, għall-fatt li hija qiegħda f’kompetizzjoni mal-ktajjen ta’ ħwienet tal-moda li joperaw fil-livell nazzjonali, li għalihom ir-reklamar fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali li jkopri t-territorju nazzjonali kollha huwa perfettament adatt.

48.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għandix dubju li l-projbizzjoni ta’ reklamar reġjonali fuq il-kanali ta’ televiżjoni nazzjonali, li tinsab fl‑Artikolu 7(11) tar-RStV, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi protetta mill-Artikolu 56 TFUE. Il-fatt li r-RStV tħalli l-possibbiltà lil-Länder li jippermettu r-reklamar reġjonali fit-territorji tagħhom ma jibdel xejn minn din l-evalwazzjoni għaliex, minn naħa waħda, din hija dejjem suġġetta għal deċiżjoni ta’ kull Land u, min-naħa l‑oħra, sa issa ħadd minnhom ma ppermetta tali reklamar, u b’hekk din il-possibbiltà baqgħet purament teoretika.

49.

Issa għandu jiġi evalwat jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata minnha raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

– Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

50.

Skont ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi protetta bl-Artikolu 56 TFUE tista’ tiġi ġġustifikata, meta tkun tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn din tkun tista’ tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq ( 15 ). Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri n-natura ġġustifikata tal-miżura li għandu l‑intenzjoni jadotta jew iżomm fis-seħħ.

51.

Il-Gvern Ġermaniż jinvoka bħala ġustifikazzjoni ż-żamma tal‑pluraliżmu ta’ opinjonijiet fil-livell reġjonali, li għaliha l-eżistenza tal‑kanali tat-televiżjoni reġjonali u lokali hija importanti ferm. Skont dan il-gvern, il-fatt li jirriżerva, permezz tal-Artikolu 7(11) tar-RStV, is-suq tar-reklamar reġjonali għall-organi tax-xandir reġjonali u lokali huwa neċessarju sabiex jiżgura s-sovravivenza ekonomika tagħhom.

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li r‑raġunijiet ta’ politika kulturali relatati maż-żamma tal-pluraliżmu tal‑media jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, dawn il-miżuri jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata l-libertà tal-espressjoni, protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta ( 16 ).

53.

Jidher li l-istess raġunament jista’ jiġi applikat f’din il-kawża. B’mod naturali, it-televiżjonijiet reġjonali u lokali jittrattaw suġġetti ta’ interess lokali li ma humiex jew li huma preżenti ftit ħafna fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali. B’hekk, dawn it-televiżjonijiet jikkontribwixxu għad-dibattitu pubbliku u, b’hekk, għall-pluraliżmu ta’ opinjonijiet fuq dawn is-suġġetti. L-importanza tal-media reġjonali u lokali għaż-żamma tal-pluraliżmu ta’ opinjonijiet u għad-demokrazija parteċipattiva hija enfasizzata wkoll minn diversi organi tal-Kunsill tal‑Ewropa ( 17 ). Miżura li jkollha l-għan li tiżgura l-possibbiltà ta’ funzjonament tat-televiżjonijiet reġjonali u lokali, filwaqt li tirriżervalhom is-suq tar-reklamar reġjonali u tiżguralhom b’hekk sors ta’ finanzjament, jidhirli li tista’ tiġi ġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ politika kulturali.

54.

Madankollu, din il-miżura, sabiex tkun konformi mal‑Artikolu 56 TFUE, għandha tkun xierqa sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan li għandu jintlaħaq u tkun proporzjonata, fis-sens li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

55.

Huwa proprju fuq dawn iż-żewġ aspetti li kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet fil-kawża prinċipali għandhom xi dubji.

– Fuq in-natura xierqa tal-miżura nazzjonali inkwistjoni

56.

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar in-natura sistematika u koerenti tal-miżura inkwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ), minħabba l-fatt li reklamar indirizzat għal ċerti kategoriji ta’ utenti huwa permissibbli fuq l-internet, b’mod partikolari b’rabta ma’ servizzi ta’ media awdjoviżivi mhux lineari pprovduti fuq dan in-netwerk. Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jqajmu argumenti simili.

57.

Jiena ma iniex konvint minn dawn l-argumenti. Kif diġà semmejt dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-reklamar fuq l-internet jopera b’mod totalment differenti mir-reklamar televiżiv. Minn naħa waħda, ir-reklamar fuq l-internet huwa teknikament indipendenti mill‑kontenut li miegħu huwa assoċjat. Anki jekk l-utent għandu l‑impressjoni li r-reklamar huwa parti integrali minn dan il-kontenut, dan madankollu jkun ġej, fil-fatt, minn sors differenti. Min-naħa l-oħra, il‑fornituri tas-servizzi fuq l-internet, bis-saħħa tal-informazzjoni li huma jiġbru fuq l-utenti tagħhom, jistgħu jiffukaw ir-reklamar fuq kull utent tal-internet b’mod individwali, skont l-interessi partikolari li huma attribwiti lejh abbażi tal-informazzjoni miġbura. Is-sitwazzjoni ġeografika tal-utent hija biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni. Konsegwentement, filwaqt li jkun qed jara l-istess kontenut fuq l-internet, kull utent jista’ jirċievi għażla ta’ reklamar partikolari għalih, differenti minn dik ta’ utenti oħra. Dan il-mekkaniżmu huwa ħafna iktar sofistikat mit-tqassim ġeografiku tar-reklamar televiżiv kopert bil-miżura nazzjonali inkwistjoni.

58.

Li s-servizzi pprovduti mill-internet jikkostitwixxu kompetizzjoni għall-organi ta’ xandir reġjonali u lokali fis-suq tar-reklamar u theddida għad-dħul tagħhom minn dan is-suq huwa reali, iżda dan ma jaqax fil‑kompetenzi leġiżlattivi tal-Länder, anki jekk biss minħabba l-fatt li d-Direttiva 2000/31 tillimita b’mod qawwi l-kapaċità tal-Istati Membri li jirregolaw dawn is‑servizzi ( 19 ). Barra minn hekk, l-isfidi li tirrapreżenta r‑regolamentazzjoni tal-internet huma totalment differenti minn dawk li tqajjem ir-regolamentazzjoni tat-televiżjoni. Issa, Stat Membru ma jistax jiġi kkritikat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li ma rregolax dak li ma jaqax taħt is-setgħa leġiżlattiva tiegħu.

59.

Għal din ir-raġuni, lanqas ma nara l-analoġija bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza Corporación Dermoestética ( 20 ). Din il-kawża tirrigwarda projbizzjoni ta’ reklamar għat-trattamenti mediċinali u kirurġiċi. Madankollu, din il-projobizzjoni kienet tirrigwarda biss il‑kanali tat-televiżjoni nazzjonali, bl-esklużjoni tal-kanali reġjonali, li fuqhom tali reklamar kien ammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali sistema kienet inkoerenti u, konsegwentament, kuntrarja għall-Artikolu 56 TFUE ( 21 ). Minn naħa l-oħra, l-għan tal-miżura nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża ma huwiex li tipprojbixxi jew tillimita r‑reklamar kollu indirizzat għal kategorija ta’ telespettaturi, iżda li tirriżerva suq speċifiku, dak tar-reklamar televiżiv reġjonali, kif eżistenti, għall-organi ta’ xandir televiżiv reġjonali u lokali. L-eżistenza ta’ reklamar indirizzat fuq kanali oħra ta’ komunikazzjoni, b’mod partikolari fuq l‑internet, għalhekk ma tikkontestax il-koerenza ta’ din il-miżura.

60.

Barra minn hekk, ma jidhirlix li l-“konverġenza tal-media”, b’mod partikolari dik tat-televiżjoni u tal-internet, imsemmija mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, tista’ tikkontesta din il-konstatazzjoni. Din il‑konverġenza ma hijiex ħlief proċess li, sakemm dawn iż-żewġ media huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjonijiet differenti ( 22 ), ma jistax jintlaħaq faċilment. Għalhekk ma naqbilx mal-opinjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan‑natura allegatament “anakronika” tal-miżura nazzjonali inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, din il-miżura ma hijiex iktar anakronika mil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirrigwarda tipi differenti ta’ media.

61.

It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sostnuta fuq dan il‑punt, bħal fuq l-oħrajn ukoll, mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, tikkontesta l-premessa li fuqha hija bbażata l-miżura nazzjonali inkwistjoni, jiġifieri li l-ftuħ tas-suq tar-reklamar reġjonali għall-kanali tat-televiżjoni nazzjonali joħloq preġudizzju kunsiderevoli għall‑finanzjament tal-organi tax-xandir reġjonali u lokali. Dan l‑argument huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq studju li sar fuq talba tal‑konvenuta fil-kawża prinċipali ( 23 ). Skont dan l-istudju, dawk li jirreklamaw li jistgħu jibbenefikaw minn reklamar reġjonali fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma humiex l-istess bħal dawk li jużaw is-servizzi ta’ reklamar tal-kanali reġjonali u lokali. B’hekk, il-ftuħ ta’ dan is-suq għall-kanali nazzjonali ma għandux bħala konsegwenza telf sinjifikattiv tad-dħul għall-kanali reġjonali u lokali. Għall-kuntrarju, huwa r-reklamar fuq l-internet li jikkawża, skont dan l-istudju, preġudizzju għad-dħul ta’ dawn il-kanali.

62.

Madankollu, mingħajr ma rrid nidħol fil-polemika dwar evalwazzjonijiet fattwali, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi previst b’ċertezza l-aġir futur tal-atturi tas-suq f’ambjent ġuridiku mibdul, b’mod partikolari għaliex dawn għandhom tendenza li jadattaw l-aġir tagħhom għal tali bidliet. Barra minn hekk, ladarba jiġi aċċettat il-prinċipju tar-reklamar reġjonali, xejn ma jipprekludi lill-kanali tat-televiżjoni nazzjonali milli jipproponu wkoll servizzi ta’ reklamar fil-livell subreġjonali u lokali, jiġifieri fil-livell li bħalissa jintuża, skont l-istudju hawn fuq imsemmi, mill-organi tax-xandir reġjonali u lokali.

63.

B’hekk, l-idea li d-dħul fis-suq tar-reklamar reġjonali ta’ atturi tant b’saħħithom bħall-kanali tat-televiżjoni nazzjonali jista’ jinterferixxi b’mod qawwi fuq l-ishma ta’ dan is-suq miżmuma fir-realtà mill-organi tax-xandir reġjonali u lokali, ma jidhirlix li hija manifestament infondata. Għalhekk naħseb li l-leġiżlatur Ġermaniż, fil-qafas tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, kien korrett li jibbaża ruħu fuq din il-premessa meta introduċa l-projbizzjoni tar-reklamar reġjonali fuq il-kanali tat‑televiżjoni nazzjonali. Issa, peress li hija miżura intiża sabiex tipproteġi l-libertà ta’ espressjoni protetta bl-Artikolu 11 tal‑Karta, il‑marġni ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali hija partikolarment sinjifikattiva ( 24 ).

64.

Biex nikkonkludi din il-parti, jiena tal-opinjoni li l-leġiżlatur Ġermaniż, fil-qafas tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, kien korrett li jqis li d-dħul tal-kanali tat-televiżjoni nazzjonali fis-suq tar‑reklamar reġjonali seta’ jikkawża preġudizzju għall-finanzjament tal‑organi tax-xandir reġjonali u lokali, u b’hekk jhedded il-pluraliżmu ta’ opinjonijiet fil-livell reġjonali li għalih dawn l-organi jikkontribwixxu. Il-miżura nazzjonali inkwistjoni għalhekk jidhirli li hija adattata għat‑twettiq tal-għan li jikkonsisti fil-protezzjoni ta’ dan il-pluraliżmu. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ reklamar immirat għall-utenti partikolari fuq l-internet ma jikkontestax il-koerenza ta’ din il-miżura.

– Fuq il-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali inkwistjoni

65.

Sabiex restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tkun iġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, hija ma għandhiex tkun biss adatta għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, iżda għandha tkun proporzjonata miegħu, jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Il-kwistjoni li tqum hija għalhekk dik dwar jekk miżuri oħra jistgħux jippermettu li jintlaħaq l-istess għan, filwaqt li jirriżultaw fl-istess ħin f’inqas restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

66.

Kemm il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni jikkontestaw il-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali filwaqt li jiddikjaraw li din tikkawża preġudizzju sinjifikattiv għall-possibbiltajiet ta’ reklamar tar-rikorrenti, filwaqt li tagħti biss benefiċċju limitat ferm lill-operaturi tax-xandir reġjonali u lokali.

67.

Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq il-fatt li dawn il‑persuni kkonċernati ma jaqblux li din il-miżura hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Issa, kif spjegajt, in-natura mhux xierqa tal‑imsemmija miżura pparagunata mal-għan tagħha ma jidhirlix li hija ppruvata. B’hekk, jekk jiġi aċċettat li l-miżura inkwistjoni hija xierqa għall-għan tagħha, il-bilanċ tal-interessi inkwistjoni, jiġifieri dawk tal‑impriżi li jixtiequ jippromwovu lilhom infushom permezz ta’ reklamar reġjonali fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali u dawk ta’ organi ta’ xandir reġjonali u lokali, jiġi ppreżentat minn perspettiva oħra. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, il-leġiżlatur Ġermaniż seta’ leġittimament jikkunsidra li l-interess pubbliku għall-eżistenza tal-imsemmija organi u l-kontribut tagħhom għad-diskussjoni pubblika fil-livell reġjonali u lokali kien jipprevali fuq l-interess privat tal-impriżi sabiex jippromwovu lilhom innifishom permezz ta’ kanal partikolari ta’ komunikazzjoni.

68.

Għalhekk jibqa’ li jiġi mistoqsi jekk jeżistux miżuri oħra inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan ta’ protezzjoni tal‑pluraliżmu tal-media fil-livell reġjonali u lokali.

69.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka, dwar dan is-suġġett, is‑soluzzjoni fis-seħħ fl-Awstrija, l-Istat Membru tal-oriġini tagħha. Din is-soluzzjoni hija li tiżgura l-finanzjament tal-kanali tat-televiżjoni pubbliċi permezz ta’ tariffa, flimkiem ma’ projbizzjoni ta’ reklamar, u tħalli libertà f’dak li jirrigwarda r-reklamar, inkluż dak reġjonali, lill‑kanali privati.

70.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn dawk imposti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li dawn tal-aħħar huma sproporzjonati, u għalhekk, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ( 25 ). B’hekk, l-eżistenza ta’ regoli inqas ristretti fl-Awstrija ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala prova ta’ nuqqas ta’ proporzjonalità tal-miżura Ġermaniża inkwistjoni.

71.

Barra minn hekk, jekk il-finanzjament tal-media mill-fondi pubbliċi jista’ jikkostitwixxi soluzzjoni għal ċerti problemi, dan jista’ jqajjem ukoll mistoqsijiet f’dak li jirrigwarda l-indipendenza reali ta’ dawn il-media. Minn din il-perspettiva, il-fatt li jkollhom riżorsi tagħhom, pereżempju taħt il-forma ta’ dħul mir-reklamar, hija garanzija addizzjonali tal-indipendenza tal-imsemmija media u, għalhekk, tal‑pluraliżmu ta’ opinjonijiet.

72.

Għall-kuntrarju, l-eżistenza nnifisha tal-klawżola prevista fl‑Artikolu 7(11) tar-RStV, li tippermetti lil-Länder jawtorizzaw, eventwalment taħt ċerti kundizzjonijiet, fit-territorji rispettivi tagħhom, ir-reklamar reġjonali fuq kanali tat-televiżjoni nazzjonali, tissuġġerixxi li r-rilassament tal-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 7 tar-RStV hija possibbli mingħajr ma tikkawża preġudizzju għall-għan li għandu jintlaħaq minn din il-projbizzjoni. Il-fatt li din il-possibbiltà baqgħet ma ġiex applikata sal-lum ma jibdel xejn mill-fatt li l-leġiżlatur Ġermaniż, bl-introduzzjoni ta’ din il-klawżola, irrikonoxxa l-kompatibbiltà ta’ tali eventwali awtorizzazzjoni mal-għanijiet tal-miżura inkwistjoni.

73.

Miżuri oħra inqas restrittivi minn projbizzjoni assoluta tar‑reklamar reġjonali fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali huma possibbli, bħal parteċipazzjoni tal-organi tax-xandir reġjonali u lokali fid-dħul li jkunu kisbu x-xandara nazzjonali minn tali reklamar reġjonali. Tali miżura tista’ tirrikonċilja l-interessi ta’ dawk li potenzjalment jirreklamaw, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma’ dawk tal-organi tax-xandir reġjonali u lokali.

74.

Finalment hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari legali u fattwali fil-Ġermanja, il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ eventwali miżuri inqas restrittivi. Sabiex din l-evalwazzjoni tkun realistika, din il-qorti għandha tikkunsidra biss il-miżuri li effettivament jistgħu jiġu applikati mil-leġiżlatur nazzjonali. Fil-fatt, ma jiswa xejn li tiġi ċċensurata l-miżura eżistenti minħabba miżuri inqas restrittivi, iżda li huma purament teoretiċi.

Proposta ta’ risposta

75.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r‑risposta għall-ewwel tliet domandi preliminari tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux projbizzjoni tar‑reklamar reġjonali fuq il-kanali tat-televiżjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar-RStV. L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali projbizzjoni, sakemm ma jeżistux miżuri inqas restrittivi li l-leġiżlatur nazzjonali jkun f’pożizzjoni li realistikament jintroduċi, li jistgħu jippermettu li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-pluraliżmu ta’ opinjonijiet fil-livell reġjonali u lokali, u dan huwa l‑qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah.

Fuq ir-raba’ domanda preliminari

76.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi projbizzjoni tar-reklamar reġjonali fuq il-kanali tat‑televiżjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(11) tar-RStV.

77.

Il-qorti tar-rinviju ma tispjegax il-bażi tad-dubju tagħha fir‑rigward tal-konformità tal-miżura nazzjonali inkwistjoni mal‑Artikolu 11 tal-Karta. L-istess japplika għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u għall-Kummissjoni, li jiddikjaraw biss li din il-miżura tikser l-imsemmija dispożizzjoni tal-Karta. Madankollu, din il-kwistjoni għandha tiġi analizzata sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju għad‑domanda tagħha.

78.

Kif korrettament tosserva l-Kummissjoni, il-Karta hija applikabbli għall-każ inkwistjoni. Fil-fatt, hija intiża li tapplika, fost l-oħrajn, fil‑każijiet fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni għal libertà tas-suq intern u l-Istat Membru jinvoka raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika din ir-restrizzjoni ( 26 ).

79.

Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din tinkludi drittijiet li jikkorrispondu mad-drittijiet protetti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk mogħtija minn din il-konvenzjoni. Il‑libertà ta’ espressjoni hija protetta mill-Artikolu 10 tal-KEDB. Issa, is‑sens u l-portata tad-drittijiet mogħtija f’din il-konvenzjoni huma ddefiniti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

80.

Skont din il-ġurisprudenza, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il‑libertà ta’ espressjoni tapplika għall-espressjoni kummerċjali u għar‑reklamar ( 27 ). Minn dan jirriżulta li l-miżura nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża, li tillimita l-possibbiltajiet ta’ reklamar tar-rikorrenti fil‑kawża prinċipali, għandha tiġi analizzata bħala restrizzjoni għal‑libertà ta’ espressjoni protetta mill-Artikolu 10 tal-KEDB u mill‑Artikolu 11 tal‑Karta.

81.

Madankollu, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rrikonoxxuti minn din il-Karta hija possibbli, sakemm tkun prevista mil-liġi, tkun tirrispetta l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li tkun effettivament tindirizza għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Riżerva simili tinsab, f’dak li jirrigwarda l-libertà ta’ espressjoni, fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB.

82.

Il-miżura nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża għandha l-għan li tipproteġi l-pluraliżmu tal-media, valur rrikonoxxut b’mod espress fl‑Artikolu 11(2) tal-Karta. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita mill‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tal-KEDB, “[i]l‑portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati kontraenti fil-qasam tvarja skont diversi elementi, fosthom it-tip ta’ ‘diskors’ jew ta’ informazzjoni inkwistjoni li għandhom importanza partikolari. B’hekk, minkejja li l-Artikolu 10[(2)] tal-[KEDB] ma tantx jipprovdi għal restrizzjonijiet għal-libertà tal-espressjoni fil-qasam politiku, pereżempju, l-Istati kontraenti għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jilleġiżlaw dwar il-libertà tal-espressjoni fil-qasam kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 28 ). Dan il-prinċipju diġà ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali fid-dritt tal-Unjoni ( 29 ). Barra minn hekk, skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “peress li l-għan li għandu jintlaħaq huwa dak tal-‘protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn’ u li ‘drittijiet u libertajiet’ huma fost dawk protetti mill-[KEDB] jew il-Protokolli tagħha, għandu jiġi aċċettat li l-ħtieġa li jiġu protetti tista’ twassal lill‑Istati sabiex jirrestrinġu drittijiet jew libertajiet oħra protetti wkoll mill‑[KEDB]. L-ibbilanċjar tal-interessi eventwalment kontradittorji ta’ wieħed jew ieħor huwa għalhekk diffiċli li jsir, u l-Istati kontraenti għandu jkollhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv”[traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 30 ).

83.

Fl-opinjoni tiegħi, bl-adozzjoni tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, il-leġiżlatur Ġermaniż ma marx lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu fl-eżerċizzju ta’ bbilanċjar, minn naħa waħda, tal-libertà ta’ espressjoni kummerċjali u, min-naħa l-oħra, tal-interess tal-protezzjoni tal-pluraliżmu ta’ opinjonijiet u tal-media.

84.

F’dan ir-rigward, huwa partikolarment importanti li jiġi osservat li l-miżura inkwistjoni ma fiha l-ebda projbizzjoni ta’ reklamar għall‑prodotti jew għat-trade mark tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. L‑effetti tagħha huma limitati sabiex jirrestrinġu l-possibbiltà tar‑rikorrenti li tippromwovi ruħha permezz ta’ mezz wieħed ta’ komunikazzjoni, jiġifieri l-kanali tat-televiżjoni nazzjonali permezz tar‑reklamar reġjonali. Minkejja li huwa l-mezz ta’ reklamar l-iktar ta’ profitt skont ir-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li mezzi oħra promozzjonali huma miftuħa għaliha, b’mod partikolari r-reklamar fuq l-internet li r‑rikorrenti stess tippreżenta bħala li kien kważi ekwivalenti għar‑reklamar televiżiv. B’hekk, f’dak li jirrigwarda l-libertà ta’ espressjoni tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura nazzjonali inkwistjoni ma taffettwax il-kontenut essenzjali tad-drittijiet tagħha ( 31 ). L‑iktar li tista’ taffettwa huma l-opportunitajiet kummerċjali tagħha.

85.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 11 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix projbizzjoni tar-reklamar reġjonali fuq il-kanali tat‑televiżjoni nazzjonali, bħal dik fl-Artikolu 7(11) tar-RStV.

Konklużjoni

86.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li għandha tingħata r-risposta segwenti għad-domandi preliminari magħmula mil‑Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja):

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva), il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll l-Artikolu 11 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux projbizzjoni tar-reklamar reġjonali fuq il‑kanali tat-televiżjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 7(11) tal‑iStaatsvertrag für Rundfunk und Telemedien (it-Trattat tal-Istat dwar ix‑Xandir u l-Media Televiżivi), tal-31 ta’ Awwissu 1991, kif emendat bl-Achtzehnter Rundfunkänderungsstaatsvertrag (it-18-il Trattat tal-Istat ta’ Emenda dwar ix-Xandir), tal-21 ta’ Diċembru 2015.

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali projbizzjoni, sakemm ma jeżistux miżuri inqas restrittivi li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ realistikament jintroduċi, li jippermettu li jintlaħaq l‑għan ta’ protezzjoni tal-pluraliżmu ta’ opinjonijiet fil-livell reġjonali u lokali, u dan huwa l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) 6 C 32.13.

( 3 ) 27 K 231.12.

( 4 ) Matzneller, P., “Le BVerwG autorise la régionalisation de la publicité par une chaîne nationale”, IRIS. Observations juridiques de l’Observatoire européen de l’audiovisuel, 2015, no3, p. 8; Trute, H.-H., “Zulässigkeit von Werbespots mit regional beschränktem Verbreitungsgebiet”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht. Praxis im Immaterialgüterund Wettbewerbsrecht, 2015, no13, p. 284.

( 5 ) Ara dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari, Iacino, G., f’: Observatoire européen de l’audiovisuel, IRIS Spécial, “La télévision régionale et locale en Europe”, Strasbourg 2016, p. 60 sa 61.

( 6 ) ĠU 2010, L 95, p. 1; rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15.

( 7 ) L-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ SevenOne Media ġew ippreżentati wara t-terminu u, għalhekk, ma ġewx inklużi fil-proċess.

( 8 ) Ara b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda r-reklamar televiżiv, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia (C‑234/12, EU:C:2013:496, punt 15).

( 9 ) Id-Direttiva 2010/13 u d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

( 10 ) Ara, diġà, is-sentenza tat-30 ta’ April 1974, Sacchi (155/73, EU:C:1974:40, punt 6). Għal applikazzjoni reċenti, ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2019, TV Play Baltic (C‑87/19, EU:C:2019:1063, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:421, punt 33 in fine).

( 12 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:421, punt 32).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:421, punt 33).

( 14 ) Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali targumenta wkoll li r-reklamar fil-livell nazzjonali jista’ jkun ta’ preġudizzju għaliha, inkwantu jista’ jwassal għal domanda li hija ma tkunx f’pożizzjoni li tissodisfa. Madankollu jidhirli li dan l-argument huwa purament ipotetiku, għaliex ma hemm xejn li jiggarantixxi tali suċċess tal-offerta tar-rikorrenti marbuta mar-reklamar televiżiv.

( 15 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2019, TV Play Baltic (C‑87/19, EU:C:2019:1063, punt 37).

( 16 ) Ara, dwar id-dritt ta’ moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C‑368/95, EU:C:1997:325, punt 18). Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et (C‑250/06, EU:C:2007:783, punti 40 sa 42), u tal-11 ta’ Diċembru 2019, TV Play Baltic (C‑87/19, EU:C:2019:1063, punti 38 sa 40).

( 17 ) Ara McGonagle, T., u van Eijk, N., f’: Observatoire européen de l’audiovisuel, IRIS Spécial, “La télévision régionale et locale en Europe”, Strasbourg 2016, p. 12 sa 20 u d-dokumenti ċċitati.

( 18 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċċita s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, HIT u HIT LARIX (C‑176/11, EU:C:2012:454, punt 22). Ara, ukoll, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:421, punt 39).

( 19 ) F’dak li jirrigwarda s-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq l-internet, id‑Direttiva 2010/13 tipprevedi numru limitat ta’ restrizzjonijiet għar-reklamar. Dawn ir-restrizzjonijiet madankollu ma jirrigwardawx il-portata ġeografika ta’ dan ir-reklamar.

( 20 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008 (C‑500/06, EU:C:2008:421).

( 21 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, EU:C:2008:421, punt 3940).

( 22 ) Fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, id-Direttiva 2010/13, mad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw it-televiżjoni, u d-Direttiva 2000/31.

( 23 ) Dewenter, R., “Führt das Verbot regionaler Fernsehwerbung auf bundesweiten Programmen zu einer Förderung von lokalen/regionalen Programmen?” (https://www.hsu-hh.de/ioek/wp-content/uploads/sites/520/2020/01/Gutachten_P7S1_Dewenter_final.pdf).

( 24 ) Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et (C‑250/06, EU:C:2007:783, punt 44).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 51); tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑262/02, EU:C:2004:431, punt 37) kif ukoll, reċentement, tat-18 ta’ Settembru 2019, VIPA (C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 71).

( 26 ) Ara, reċentement, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punti 63 sa 65).

( 27 ) Ara Qorti EDB, 16 ta’ Lulju 2013, Remuszko vs Il-Polonja (CE:ECHR:2013:0716JUD000156210, § 59).

( 28 ) Qorti EDB, 10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza (CE:ECHR:2013:0110JUD003676908, § 39).

( 29 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, RTL Television (C‑245/01, EU:C:2003:580, punt 73).

( 30 ) Qorti EDB, 10 ta’ Jannar 2013, Ashby Donald et vs Franza (CE:ECHR:2013:0110JUD003676908, § 40).

( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 151).