KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fil‑11 ta’ Frar 2021 ( 1 )

Kawża C‑535/19

A

fil-preżenza ta’:

Latvijas Republikas Veselības ministrija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts), (il-Qorti Suprema, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li telaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu biex jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ospitanti għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja – Rifjut ta’ affiljazzjoni mas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti u tat-teħid ta’ responsabbiltà tal-benefiċċji tal-kura tas-saħħa pubblika – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7(1)(b) – Kundizzjoni li wieħed ikollu ‘assigurazzjoni għall-mard komprensiva’ – Kunċett ta’ ‘piż mhux raġonevoli’ – Artikolu 24 – Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3(1)(a) – Kunċett ta’ ‘benefiċċji tal-mard’ – Artikolu 4 u Artikolu 11(3)(e) – Portata – Rabta reali ta’ integrazzjoni mal-Istat Membru ospitanti – Konsegwenzi”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tirrigwarda d-dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni, ekonomikament inattiv, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi ċċaqlaq lejn Stat Membru għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, li jiġi affiljat mas-sigurtà soċjali ta’ dan tal-aħħar u li jibbenefika minn benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat.

2.

Din il-kawża tqajjem għal darba oħra l-kwistjoni tal-interazzjoni bejn id-Direttiva 2004/38/KE ( 2 ) u r-Regolament (KE) Nru 883/2004 ( 3 ), iżda f’kuntest differenti. Fit-tliet kawżi preċedenti ( 4 ), iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet iffissati mid-Direttiva 2004/38 sabiex jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza legali fl-Istat Membru ospitanti, jiġifieri li jkollhom riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard komprensiva. Huma ma kellhomx tali riżorsi u wieħed minnhom kien daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-finijiet ikklassifikati bħala “turiżmu soċjali” bl-uniku għan li jibbenefika minn benefiċċji soċjali fih. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni setgħu jiġu rrifjutati l-għoti ta’ benefiċċji soċjali fl-Istat Membru ospitanti bl-istess mod bħaċ-ċittadini tiegħu sakemm huma ma kinux residenti fih legalment għal ħames snin u ma kisbux dritt ta’ residenza permanenti.

3.

F’din il-kawża, iċ-ċittadin tal-Unjoni għall-kuntrarju jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa u tqum il-kwistjoni dwar jekk minn dan jirriżultax li huwa għandu dritt għall-ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-aċċess għall-kura tas-saħħa ffinanzjata mill-Istat.

4.

Sabiex iżomm il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu, l-Istat Membru ospitanti xorta jista’ jirrifjuta li jaffiljah u li jagħtih tali kura tas-saħħa bl-istess mod bħaċ-ċittadini tiegħu billi jibbaża fuq il-kundizzjoni li jkollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva?

5.

Din hija d-domanda prinċipali magħmula mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) fil-kuntest ta’ kawża bejn ċittadin Taljan u l-“Latvijas Republikas Veselības ministrija” (Il-Ministeru għas-Saħħa tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem il-“Ministeru Latvjan għas-Saħħa). Din hija kwistjoni ta’ importanza sinjifikattiva kemm għall-Istati Membri kif ukoll għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

6.

Wara analiżi tad-Direttiva 2004/38 u tar-Regolament Nru 883/2004, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiena ser nipproponi lil din tal-aħħar tiddeċiedi li ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, iżda li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li ċaqlaq iċ-ċentru tal-interessi kollha tiegħu lejn Stat Membru ospitanti u li għandu rabta ta’ integrazzjoni reali miegħu, ma jistax jiġi rrifjutat sistematikament l-affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru u l-benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat, fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu, minħabba li ma għandux impjieg jew attività indipendenti fih.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 883/2004

7.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

8.

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Oqsma koperti”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

(a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

[…]”

“5.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

(a)

assistenza soċjali u medika jew;

[…]”.

9.

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Trattament ugwali”, huwa redatt kif ġej:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

10.

Skont kliem l-Artikolu 11 ta’ dan l-istess regolament:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

“3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)

persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[…]

(e)

kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.

[…]”

2. Id-Direttiva 2004/38

11.

Id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari, ħassret id-Direttivi 90/365/KEE ( 5 ), 90/366/KEE ( 6 ) u 90/364/KEE ( 7 ) li kienu jikkonċernaw id-drittijiet ta’ residenza rispettivi tal-pensjonanti, tal-istudenti u ta’ persuni inattivi oħra.

12.

Il-premessi 9 u 10 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu:

“(9)

Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom ikollhom id-dritt li jgħixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi kondizzjonijiet jew xi formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, mingħajr preġudizzju għal trattament aktar favorevoli applikabbli għal dawk li qed ifittxu xogħol, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(10)

Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.”

13.

L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(ċ)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

(d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).”

14.

Konformement mal-Artikolu 14(1), (2) u (4) tal-istess direttiva:

“1.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż [mhux raġonevoli] fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

“2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

[…]

(b)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

15.

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

B.   Id-dritt Latvjan

16.

L-Artikolu 17 tal-Ārstniecības likums (il-Liġi dwar il-Kura Medika), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“1.   Il-kura medika ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat u mir-riżorsi tal-benefiċjarju tal-kura, skont il-modalitajiet iddefiniti fil-Kunsill tal-Ministri, tingħata lill-persuni li ġejjin:

1)

iċ-ċittadini Latvjani;

2)

il-persuni mhux ċittadini Latvjani;

3)

iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea u tal-Konfederazzjoni Svizzera, li jirrisjedu fil-Latvja minħabba impjieg jew l-eżerċizzju ta’ attività indipendenti, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom;

4)

il-barranin awtorizzati biex jirrisjedu b’mod permanenti fil-Latvja;

[…]

3.   Il-persuni li huma konjuġi ta’ ċittadini Latvjani u ta’ persuni mhux ċittadini Latvjani u li huma detenturi ta’ permess ta’ residenza għal żmien limitat fil-Latvja għandhom id-dritt, skont il-modalitajiet iddefiniti fil-Kunsill tal-Ministri, li jibbenefikaw mingħajr ħlas mill-kura ostetrika ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Istat u mir-riżorsi tal-benefiċjarji tal-kura.

[…]

5.   Il-persuni li ma humiex imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 ta’ dan l-artikolu jirċievu kura medika bi ħlas.”

17.

Skont kliem l-Artikolu 7 tal-Veselības aprūpes finansēšanas likums (il-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Kura Medika), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali:

“Kull persuna għandha d-dritt li tirċievi għajnuna medika ta’ emerġenza. Il-Kunsill tal-Ministri jistabbilixxi l-modalitajiet tagħha.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Fl-aħħar tas-sena 2015, A, ċittadin Taljan, telaq mill-Italja biex jistabbilixxi ruħu fil-Latvja sabiex jingħaqad mal-mara tiegħu, ta’ nazzjonalità Latvjana, u ż-żewġt itfal minuri tagħhom, ta’ nazzjonalitajiet Latvjana u Taljana.

19.

Qabel it-tluq tiegħu, A kien irreġistrat f’reġistru taċ-ċittadini Taljani li jistabbilixxu ruħhom barra mill-Italja għal perijodu ta’ mill-inqas tnax‑il xahar. Il-persuni rreġistrati f’dan ir-reġistru huma mċaħħda mill-possibbiltà li jibbenefikaw fl-Italja mill-kura medika żgurata minn dan l-Istat.

20.

Fit‑22 ta’ Jannar 2016, A talab lis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa Latvjan biex jirreġistrah fir-reġistru pubbliku tal-benefiċjarji ta’ kopertura pubblika għall-mard li jkun jagħtih id-dritt għal kura tas-saħħa ffinanzjata mir-Repubblika tal-Latvja, fi kliem ieħor li jiġi affiljat mas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħha, u li jingħata Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa ( 8 ).

21.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2016, dan is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa ċaħad dawn it-talbiet.

22.

Din id-deċiżjoni ġiet ivvalidata minn deċiżjoni tat‑8 ta’ Lulju 2016, tal-Ministeru għas-Saħħa tal-Latvja, minħabba li A la kien impjegat u lanqas ħaddiem indipendenti fil-Latvja, iżda kien jirrisjedi f’dan il-pajjiż fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni. Kif ġie kkonfermat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kien biss fl‑4 ta’ Jannar 2018 li r-rikorrent sab l-ewwel impjieg tiegħu fil-Latvja. Minħabba dan il-fatt, huwa ma jidħolx fil-kategorija tal-persuni msemmija fl-Artikolu 17(1), (3) jew (4) tal-Liġi dwar il-Kura Medika li jistgħu jibbenefikaw minn kopertura pubblika tal-mard, li tagħti d-dritt għal kura tas-saħħa ffinanzjata mill-Istat. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ċ-ċittadini tal-Unjoni, bħal A, jistgħu jibbenefikaw biss minn kura ostetrika u mill-għajnuna medika ta’ emerġenza ffinanzjati mill-Istat. Għall-kumplament, huma jistgħu jirċievu kura tas-saħħa li taqa’ taħt l-iskema tas-saħħa pubblika, iżda għandhom jiffinanzjawha bir-riżorsi rispettivi tagħhom.

23.

Ir-rikorrent ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), li, permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Jannar 2018, ċaħdet ir-rikors. Din tal-aħħar ċaħditu, sa fejn essenzjalment qieset li, għalkemm A kien jirrisjedi legalment fil-Latvja konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 u għalkemm A jista’, konsegwentement, jinvoka l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, differenza fit-trattament setgħet tiġi ġġustifikata, minħabba li kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u kienet tfittex li tilħaq għan leġittimu biex tipproteġi l-finanzi pubbliċi. Tali differenza fit-trattament hija wkoll proporzjonata sa fejn A għandu d-dritt għal għajnuna medika ta’ emerġenza, sa fejn il-primjums għal assigurazzjoni għall-mard privata ma humiex għoljin u sa fejn, wara ħames snin biss, huwa jkun jista’ jikseb dritt ta’ residenza permanenti li jippermettilu jibbenefika mill-kura tas-saħħa li hija r-responsabbiltà tal-Istat.

24.

Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Jannar 2018, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) ċaħdet l-appell ippreżentat minn din is-sentenza.

25.

L-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), adita b’appell mis-sentenza tal‑5 ta’ Jannar 2018, tqis li deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

26.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Liġi dwar il-Kura Medika tittrasponi l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Għalkemm din il-qorti ma tqajjem l-ebda dubji dwar il-fatt li din id-direttiva hija applikabbli, hija tistaqsi min-naħa l-oħra dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, l-imsemmija qorti tqis neċessarju li jiġi ddeterminat jekk kura tas-saħħa mogħtija mill-Istat, bħal dik ipprovduta fil-Latvja, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. Il-qorti tar-rinviju tqajjem din il-kwistjoni b’kunsiderazzjoni, l-ewwel nett, tal-finanzjament tas-sistema tas-sigurtà soċjali Latvjana, li, fl‑2016, kienet tibbaża prinċipalment fuq it-taxxa u, it-tieni nett, tal-esklużjoni tal-“għajnuna soċjali jew medika” mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 skont l-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament. Dik il-qorti tippreċiża li l-aċċess għall-kura tas-saħħa ffinanzjata mill-Istat tingħata skont kriterji oġġettivi u li s-sistema Latvjana tista’ tiġi deskritta bħala sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard pubblika obbligatorja.

27.

Fl-ipoteżi fejn ir-Regolament Nru 883/2004 jkun applikabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament, li jgħid li l-liġi applikabbli hija dik tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, jostakolax il-fatt li r-rikorrent jiġi rrifjutat l-affiljazzjoni mas-sistema tas-saħħa ffinanzjata mill-Istat kemm fl-Italja kif ukoll fil-Latvja u b’hekk jinsab imċaħħad għalkollox mill-aċċess għal tali protezzjoni.

28.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqajjem tħassib dwar il-fatt li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, u ppreċiżat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, ma ġiex osservat. Hija jidhrilha li l-leġiżlazzjoni Latvjana timponi fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi restrizzjoni sproporzjonata għall-aċċess għas-sistema tal-assigurazzjoni għall-mard pubblika obbligatorja.

29.

Din il-qorti tqis li hemm lok li tiġi evalwata s-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrent. Hija tenfasizza b’mod partikolari li A ċċaqlaq lejn il-Latvja biex jingħaqad mal-familja tiegħu, li huwa kien impjegat fl-Italja, li huwa fittex impjieg fil-Latvja u li, f’dan l-aħħar Stat Membru, għandu żewġt itfal minuri li għandhom in-nazzjonalità doppja Latvjana u Taljana. Fil-fehma tagħha, dawn l-elementi jiffavorixxu l-eżistenza ta’ rabtiet personali stretti tar-rikorrent mar-Repubblika tal-Latvja, li ma jippermettux li jiġi eskluż awtomatikament mill-affiljazzjoni mas-sistema tagħha tas-saħħa pubblika.

30.

B’kunsiderazzjoni ta’ dan, l-imsemmija qorti tirrikonoxxi li ċittadin tal-Unjoni jista’ jinvoka ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 biss jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ospitanti tosserva l-kundizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward, li A jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva, peress li huwa għandu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard komprensiva fil-Latvja, filwaqt li tenfasizza li huwa ġie eskluż mill-benefiċċju ta’ kopertura pubblika għall-mard li tagħti d-dritt għal kura tas-saħħa ffinanzjata mill-Istat. B’hekk, din il-qorti tistaqsi jekk il-fatt li ċittadin tal-Unjoni jkollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva, li tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-legalità tar-residenza previsti mid-Direttiva 2004/38, jistax jiġġustifika r-rifjut tal-affiljazzjoni mas-sistema tas-saħħa pubblika.

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kura tas-saħħa pubblika għandha titqies bħala inkluża fil-“benefiċċji marbutin mal-mard” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, jistgħu l-Istati Membri, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, sabiex jiġu evitati t-talbiet sproporzjonati ta’ benefiċċji soċjali intiżi sabiex jiżguraw il-kura tas-saħħa, jirrifjutaw li tali benefiċċji, li jingħataw liċ-ċittadini tagħhom u lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu l-istatus ta’ ħaddiem li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, jingħataw ukoll liċ-ċittadini tal-Unjoni li dak iż-żmien ma jkollhomx l-istatus ta’ ħaddiem?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikoli 18 u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, sabiex jevitaw talbiet sproporzjonati għal benefiċċji soċjali intiżi sabiex jiżguraw il-kura tas-saħħa, jirrifjutaw li tali benefiċċji, li jingħataw liċ-ċittadini tagħhom u lill-membri tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu l-istatus ta’ ħaddiem li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, jingħataw ukoll liċ-ċittadini tal-Unjoni li dak iż-żmien ma jkollhomx l-istatus ta’ ħaddiem?

4)

Sitwazzjoni li fiha ċittadin tal-Unjoni Ewropea, li jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, jiġi rrifjutat id-dritt li jirċievi servizzi ta’ kura tas-saħħa pubblika ffinanzjati mill-Istat fl-Istati Membri kollha involuti fil-każ preżenti hija konformi mal-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004?

5)

Sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni Ewropea, li jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, jiġi rrifjutat id-dritt li jirċievi servizzi ta’ kura tas-saħħa pubblika ffinanzjati mill-Istat fl-Istati Membri kollha involuti fil-każ preżenti hija konformi mal-Artikoli 18, 20(1) u 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

6)

Il-legalità tar-residenza, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, għandha tinftiehem bħala li tagħti lil persuna d-dritt ta’ aċċess għas-sistema tas-sigurtà soċjali kif ukoll fis-sens li tista’ tkun raġuni sabiex hija tiġi eskluża mis-sigurtà soċjali? B’mod partikolari, fil-każ preżenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-fatt li r-rikorrent għandu assigurazzjoni għall-mard kompleta [komprensiva], li tikkostitwixxi waħda mill-prerekwiżiti għal-legalità tar-residenza skont id-Direttiva 2004/38, jista’ jiġġustifika r-rifjut li jiġi inkluż fis-sistema tal-kura tas-saħħa ffinanzjata mill-Istat?”

32.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tad‑9 ta’ Lulju 2019, tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Lulju 2019.

33.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Latvjan u minn dak Spanjol, mill-Ministeru għas-Saħħa tal-Latvja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess partijiet u persuni kkonċernati, kif ukoll A, kienu rrappreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑28 ta’ Settembru 2020.

IV. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

34.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kura tas-saħħa pubblika, bħal dik mogħtija skont l-Artikolu 17 tal-Liġi dwar il-Kura Medika taqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċji tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

35.

Il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha dubju dwar dan is-suġġett minħabba l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 883/2004 li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar l-“għajnuna soċjali jew medika”.

36.

Bħall-partijiet kollha li esprimew ruħhom dwar l-ewwel domanda, inqis li din teħtieġ risposta affermattiva.

37.

Il-problema tad-distinzjoni bejn il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali koperti mir-Regolament Nru 883/2004 u l-“għajnuna soċjali jew medika” eskluża minnu saret kmieni ħafna, sa mir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ( 9 ), li ppreċeda r-Regolament Nru 883/2004 u li kien fih din id-distinzjoni ( 10 ).

38.

Qabel kollox, infakkar li din id-distinzjoni tibbaża essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-iskopijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet tiegħu għall-għoti, u mhux fuq il-fatt li benefiċċju jkun ikklassifikat jew le minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali ( 11 ).

39.

Sussegwentement, nenfasizza li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex benefiċċju ma jaqax taħt l-“għajnuna soċjali jew medika” fis-sens tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, iżda jikkostitwixxi benefiċċju tas-sigurtà soċjali kopert minn dan ir-regolament, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, il-benefiċċju għandu jingħata lill-benefiċjarji mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u, min-naħa l-oħra, dan ikun marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 ( 12 ).

40.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-qorti tar-rinviju tindika li l-kura medika hija ggarantita lil kull persuna residenti fil-Latvja li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji ddefiniti b’mod oġġettiv mil-Liġi dwar il-Kura Medika sabiex tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-benefiċjarji tal-kura mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-ebda ċirkustanza personali oħra.

41.

Inqis li tali karatteristiċi jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta.

42.

Inżid li l-mod kif huma ffinanzjati l-benefiċċji tal-kura tas-saħħa ( 13 ) ma huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ benefiċċju bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali fis-sens ta’ dan ir-regolament ( 14 ).

43.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, din teħtieġ li jiġi vverifikat jekk kura tas-saħħa, bħal dik prevista fil-Liġi dwar il-Kura Medika, hijiex marbuta ma’ wieħed mir-riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, f’dan il-każ, mal-“benefiċċji tal-mard” li jinsabu fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni.

44.

Għalkemm il-“benefiċċji tal-mard” ma humiex iddefiniti fir-Regolament Nru 883/2004, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet dwar dan is-suġġett meta qieset b’mod partikolari li jaqgħu taħt dan il-kunċett il-benefiċċji li għandhom l-għan essenzjali tal-fejqan mill-mard ( 15 ).

45.

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mit-titolu stess tal-liġi Latvjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta b’mod ċar li l-kura tas-saħħa inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija l-kura medika u, għaldaqstant, kura maħsuba biex tfejjaq il-mard.

46.

Inqis, konsegwentement, li l-kura tas-saħħa pubblika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija marbuta mar-riskju ta’ mard imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u li t-tieni kundizzjoni hija ssodisfatta wkoll.

47.

F’dawn il-kundizzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda li l-benefiċċji tal-kura tas-saħħa pubblika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jingħataw lill-benefiċjarji mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “għajnuna soċjali jew medika” fis-sens tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, iżda taħt dak ta’ “benefiċċji tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

48.

B’kunsiderazzjoni tar-risposta pproposta għall-ewwel domanda, inqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda, li hija magħmula fl-ipoteżi fejn il-benefiċċji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt ir-Regolament Nru 883/2004.

49.

Nipproponi li t-tieni domanda tiġi eżaminata b’rabta mal-ħames u mas-sitt domanda wara li tiġi eżaminata r-raba’ domanda.

B.   Fuq ir-raba’ domanda preliminari

50.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mid-dritt ta’ tgawdija mill-benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat, lil ċittadin tal-Unjoni, bħal A, li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment billi jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu sabiex jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li ma għandux impjieg jew attività indipendenti fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

51.

F’dan ir-rigward, nenfasizza qabel kollox li l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 isemmi biss“regola ta’ kunflitt” intiża sabiex tiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, f’dan il-każ il-benefiċċji tal-mard ( 16 ). Il-persuni ekonomikament inattivi, bħal A, li ma jaqgħu taħt l-ebda wieħed mill-punti (a) sa (d) ta’ dan l-Artikolu 11(3), jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (e) ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkostitwixxi kategorija residwa, u huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza. F’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li peress li A jirrisjedi fil-Latvja, il-liġi applikabbli għalih hija l-liġi Latvjana.

52.

B’hekk, dan l-Artikolu 11(3)(e), bħar-Regolament Nru 883/2004 kollu kemm hu, huwa intiż sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u jiġi prekluż li persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiċċaħħdu minn protezzjoni f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, minħabba nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li kieku tapplika għalihom ( 17 ).

53.

Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tarmonizzax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, bħall-benefiċċji tal-kura tas-saħħa. Dawn jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, li jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-politika tas-saħħa tagħhom konformement mal-Artikolu 168(7) TFUE, jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u jiddeterminaw, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-għoti u, għaldaqstant, għar-rifjut tal-benefiċċji f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali ( 18 ).

54.

Meta jiddeterminaw dawn il-kundizzjonijiet, l-Istati Membri, xorta waħda għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt primarju u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, iżda l-kontenut tagħhom ma huwiex previst fl-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan ir-regolament. Il-kwistjoni dwar jekk kundizzjonijiet bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex konformi mat-Trattat FUE u mal-atti tad-dritt sekondarju hija s-suġġett tat-tieni, tal-ħames u tas-sitt domanda li neżamina fit-taqsimiet li ġejjin.

55.

Nipproponi li tingħata r-risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti biss li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-benefiċċji tal-mard, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet tal-mertu relatati mal-ftuħ ta’ dritt għal tali benefiċċji. Din id-dispożizzjoni ma tippermettix, waħedha, li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mid-dritt ta’ tgawdija mill-benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat, lil ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment billi jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu sabiex jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li ma għandux impjieg jew attività indipendenti fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

C.   Fuq it-tieni, il-ħames u s-sitt domanda preliminari

56.

B’mod preliminari nenfasizza li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fil-mument li A telaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu għal żmien indefinit, huwa ma baqax jaħdem fih u ma baqax affiljat mas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu. Għalkemm huwa fittex impjieg fl-Istat Membru ospitanti, huwa ma daħalx fih prinċipalment għal dan l-għan, iżda bl-iskop li jingħaqad mal-mara u mat-tfal tiegħu. Għalhekk ma huwiex bħala ħaddiem li bbaża d-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, minkejja li huwa seta’ jaqa’ wkoll taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, dwar iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti lil hinn minn tliet xhur wara d-dħul tagħhom f’dan l-Istat sabiex ifittxu impjieg fih, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li fil-mument li fih ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali huwa kien jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti bħala persuna ekonomikament inattiva u li d-dritt ta’ residenza tiegħu kien ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(b) u fuq l-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva ( 19 ).

57.

Konsegwentement, inqis li permezz tat-tieni, tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u mal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-Istati Membri, fil-kwalità tagħhom ta’ Stati Membri ospitanti, sabiex jevitaw piż mhux raġonevoli fuq il-bilanċ tas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħhom, li jirrifjutaw l-affiljazzjoni mas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħhom u t-tgawdija mill-benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat, lil ċittadini tal-Unjoni li, meta jressqu l-applikazzjoni tagħhom għall-affiljazzjoni, ikunu ekonomikament inattivi, iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva, filwaqt li ċ-ċittadini rispettivi tagħhom, fl-istess sitwazzjoni, ikollhom dritt għaliha.

58.

Sabiex nagħti risposta għal din id-domanda, ser neżamina t-tagħlim tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interazzjoni bejn id-Direttiva 2004/38 u r-Regolament Nru 883/2004, b’rabta mal-kundizzjoni li wieħed ikollu riżorsi suffiċjenti, qabel ma napplika dan it-tagħlim għall-kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva. Fil-kuntest tal-eżami ta’ din it-tieni kundizzjoni, ser nuri li element essenzjali tal-analiżi huwa marbut mal-kwistjoni dwar jekk l-affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti toħloqx piż mhux raġonevoli fuq il-bilanċ finanzjarju ta’ dan tal-aħħar.

1. It-tagħlim tal-ġurisprudenza reċenti

59.

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi li, bħala prinċipju, il-persuni li għalihom japplika r-regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi, skont il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru, daqslikieku kienu ċittadini tiegħu. Dawn il-benefiċċji jinkludu b’mod partikolari l-benefiċċji tal-mard imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

60.

Fir-rigward tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat ukoll “Trattament ugwali”, dan jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li ċ-ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u li jirrisjedu fi Stat Membru ospitanti għandhom igawdu minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat. Dan id-dritt jiġi eżerċitat bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi previsti b’mod espliċitu mit-Trattat u mid-dritt sekondarju.

61.

Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma l-espressjoni f’oqsma speċifiċi, dak tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u dak taċ-ċittadinanza, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 18 TFUE ( 20 ).

62.

Fir-rigward tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji soċjali, bħal applikazzjoni għal dħul minimu, li tikkostitwixxi benefiċċji soċjali ta’ natura mhux kontributorja fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004, ċittadin tal-Unjoni jista’ biss jinvoka ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 ( 21 ). Fil-każ ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, iżda ta’ inqas minn ħames snin, ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, dawn il-kundizzjonijiet huma ppreċiżati fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva u jipprevedu li dan iċ-ċittadin għandu jkollu riżorsi suffiċjenti kif ukoll assigurazzjoni għall-mard komprensiva ( 22 ). Konformement mal-Artikolu 14(2) tal-imsemmija direttiva, id-dritt ta’ residenza jinżamm biss sakemm iċ-ċittadin tal-Unjoni jkompli jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet ( 23 ). Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi sabiex jiġi evitat li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jsir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti ( 24 ).

63.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat l-eżistenza ta’ rabta bejn id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, li jista’ jiġi suġġett għall-osservanza tal-Artikoli 7 u 14 ta’ din id-direttiva, u d-dritt għal benefiċċji soċjali skont ir-Regolament Nru 883/2004. Id-dritt għal dawn il-benefiċċji bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti b’hekk jista’ jiddependi mill-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza legali fl-Istat Membru ospitanti konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva u taż-żamma tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet matul ir-residenza konformement mal-Artikolu 14(2) ta’ din l-istess direttiva.

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni li teskludi milli jibbenefikaw minn ċerti benefiċċji previsti mir-Regolament Nru 883/2004 iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li ma jirrisjedux legalment, skont l-imsemmija direttiva, fl-Istat Membru ospitanti ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-istess konklużjoni tapplika f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 ( 26 ).

65.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li joriġinaw mis-sentenza Brey ( 27 ), ġew ikkonfermati fis-sentenzi sussegwenti Alimanovic ( 28 ), García-Nieto et ( 29 ) u Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit ( 30 ).

66.

Fis-sentenza García-Nieto, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin tal-Unjoni jistax jiġi rrifjutat benefiċċji tal-għajnuna soċjali, għandu jiġi vverifikat, qabel kollox, jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imfakkar fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 japplikax u, għaldaqstant, jekk ir-residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti hijiex legali fis-sens ta’ din id-direttiva ( 31 ), u sussegwentement, jekk is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata taqax madankollu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga msemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 24 ( 32 ). Fil-fatt, skont din id-deroga, id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jista’ jiġi rrifjutat fi tliet każijiet, jiġifieri, matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, matul il-perijodu eventwalment ta’ iktar minn tliet xhur li jikkorrispondi għat-tfittxija ta’ impjieg konformement mal-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva, u, fir-rigward ta’ applikazzjoni għal manteniment għall-istudji minn ċerti studenti, sakemm dawn ma jkunux kisbu dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru.

67.

Wara dawn is-sentenzi, seta’ jibqa’ dubju dwar jekk il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rabta bejn l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 kinux jikkonċernaw biss il-benefiċċji soċjali ta’ natura mhux kontributorja, bħad-dħul minimu, jew jekk dawn kinux japplikaw għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali intiżi minn dan ir-regolament. Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit tippreċiża li dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw bl-istess mod bħall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali ( 33 ).

68.

Minn din il-ġurisprudenza niddeduċi li l-kundizzjonijiet ippreċiżati fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, japplikaw ukoll għall-benefiċċji kollha tas-sigurtà soċjali u b’mod partikolari għal dawk li jaqgħu taħt l-ewwel parti tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri għall-benefiċċji tal-mard.

69.

Il-kwistjoni li tqum f’din il-kawża hija dik dwar jekk, ladarba dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, iċ-ċittadin tal-Unjoni jibbenefikax mill-ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti f’dak li jirrigwarda d-dritt għal benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat.

70.

Nenfasizza li A jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Mid-deċiżjoni tar-rinviju ( 34 ) jirriżulta u huwa paċifiku bejn il-partijiet li, fil-mument li fih ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali Latvjana sabiex jibbenefika minn tali benefiċċji, A kellu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard komprensiva. Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, ġie ppreċiżat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kien issottoskriva din tal-aħħar ma’ kumpannija privata tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li huwa kompla jissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet fi kwalunkwe ħin, wara l-applikazzjoni tiegħu għal affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Tali ċittadin tal-Unjoni għandu għalhekk, bħala prinċipju, jibbenefika mill-ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 peress li huwa ma jaqax taħt wieħed mit-tliet każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, jista’ jiġi affiljat mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu ( 35 ). Dan jimplika li huwa mhux biss talli jista’ jkollu aċċess għall-benefiċċji tal-kura tas-saħħa li jaqgħu taħt l-iskema tas-saħħa pubblika, iżda wkoll talli dawn il-benefiċċji għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-Istat fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini tiegħu ( 36 ).

71.

Madankollu, il-loġika esposta fil-punti preċedenti ma hijiex evidenti, kif jikkonfermaw l-osservazzjonijiet tal-Gvern Latvjan u tal-Gvern Spanjol, kif ukoll tal-Kummissjoni.

72.

Il-Gvern Latvjan jenfasizza li l-kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva ma ġietx inkluża bla ħsieb, iżda li din għandha għan speċifiku. L-istess bħar-rekwiżit ta’ riżorsi suffiċjenti intiż sabiex persuna tkun tista’ ssostni l-bżonnijiet tagħha hija stess matul ir-residenza tagħha ta’ iktar minn tliet xhur fi Stat Membru ieħor u sabiex dan tal-aħħar ma jkollux jagħtiha benefiċċji tal-għajnuna soċjali fil-forma ta’ ammont minimu għall-għajxien, ir-rekwiżit ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva għandu wkoll l-għan li l-persuna li ma teżerċitax impjieg jew attività indipendenti tkopri hija stess l-ispejjeż tas-saħħa tagħha u li l-Istat Membru kkonċernat ma jkollux jieħu r-responsabbiltà għal tali spejjeż. Fil-fehma ta’ dan il-gvern, ma jistax jiġi aċċettat li persuna tinvoka l-ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 sabiex tibbenefika mill-benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat, filwaqt li, konformement mal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, hija għandu jkollha assigurazzjoni għall-mard komprensiva sabiex tikseb id-dritt li tirrisjedi legalment fl-Istat Membru ospitanti għal iktar minn tliet xhur.

73.

Il-Kummissjoni tikkunsidra b’mod analogu, billi tirreferi għas-sentenza Dano ( 37 ), li r-rifjut tal-Istat Membru ospitanti li jagħti aċċess għas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu lil ċittadin tal-Unjoni, bħal A, l-istess bħaċ-ċittadini rispettivi tiegħu li jirrisjedu fit-territorju tiegħu, huwa biss konsegwenza inevitabbli tad-Direttiva 2004/38, f’dan il-każ, tal-kundizzjoni li jkollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva, konformement mal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva.

74.

Il-Gvern Spanjol isostni l-pożizzjoni tal-Gvern Latvjan u tal-Kummissjoni.

75.

Jekk nagħti sunt tal-pożizzjonijiet tagħhom, dawn tal-aħħar jikkunsidraw li, għalkemm il-kundizzjonijiet li wieħed ikollu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni għall-mard komprensiva għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi invokat id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 14 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jista’ jiġi invokat biss għall-għoti ta’ benefiċċji oħra minbarra dawk li jippermettu li jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, taħt piena li jixxejjen is-sens ta’ dawn tal-aħħar.

76.

Fi kliem ieħor, id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament ma jistax, skont dawn il-gvernijiet u l-Kummissjoni, jirrigwarda l-għoti ta’ dħul minimu jew l-affiljazzjoni mas-sistema tas-saħħa pubblika tal-Istat Membru ospitanti, li jippermettu preċiżament li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

77.

Jiena nifhem dan ir-raġunament. Nikkunsidra, kif ser nuri, li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva, hija intiża fil-fatt sabiex jiġi evitat li ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv isir piż mhux raġonevoli fuq l-Istat Membru ospitanti qabel ma jikseb dritt ta’ residenza permanenti konformement mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, jiġifieri wara l-ewwel ħames snin ta’ residenza. Nikkunsidra fil-fatt li, matul dan il-perijodu, l-Istat Membru ospitanti, bħala prinċipju, għandu d-dritt jeżiġi li ċ-ċittadin tal-Unjoni jissottoskrivi, bi spejjeż tiegħu, għal assigurazzjoni għall-mard li tkopri l-ispejjeż tiegħu tas-saħħa fl-Istat Membru ospitanti ( 38 ). Konsegwentement, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, dan l-Istat Membru għandu d-dritt, fil-fehma tiegħi, li jirrifjuta li dan iċ-ċittadin jiġi affiljat mas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu.

78.

Madankollu, il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi f’dan il-każ hija dik dwar jekk Stat Membru jistax jirrifjuta “f’kull ċirkustanza u awtomatikament” ( 39 ) li jaffilja lil ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv mas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini rispettivi tiegħu. Nenfasizza li, anki għaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, il-kura tas-saħħa pubblika li hija r-responsabbiltà tal-Istat ġeneralment ma hijiex “bla ħlas”. Huma jikkontribwixxu permezz ta’ kontribuzzjonijiet, jew permezz tat-taxxa skont il-mod ta’ finanzjament tas-sigurtà soċjali stabbilit minn kull Stat Membru.

79.

Din il-problema tqum b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni li, filwaqt li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, telaq għal żmien twil mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, fejn, minħabba dan il-fatt, ma għadux affiljat mas-sigurtà soċjali, u li stabbilixxa ruħu għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja fi Stat Membru ieħor li fih ċaqlaq iċ-ċentru tal-interessi kollha tiegħu kemm familjari kif ukoll personali u professjonali.

80.

Nikkunsidra, f’dan ir-rigward, li għandha tiġi adottata interpretazzjoni iktar sfumata minn dik proposta kemm mill-Gvern Latvjan u mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni, kif tistedinna nagħmlu s-sentenza Jobcenter Krefeld, dwar il-kundizzjoni li wieħed ikollu riżorsi suffiċjenti. Tali approċċ jiġi impost iktar, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva. Jiena ser nuri li r-rifjut sistematiku li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ekonomikament inattivi jibbenefikaw minn benefiċċji tal-kura tas-saħħa pubblika, fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, qabel ma jiksbu dritt ta’ residenza permanenti, wara ħames snin ta’ residenza fit-territorju tiegħu, ma huwiex issostanzjat mill-formulazzjoni tal-Artikoli 7, 14 u 24 tad-Direttiva 2004/38 u li jmur kontra kemm l-għan tal-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni kif ukoll kontra l-kunċett innifsu ta’ “ċittadinanza tal-Unjoni”.

2. Fuq il-kunċett ta’ “assigurazzjoni għall-mard komprensiva” fir-rigward tal-formulazzjoni u tal-kuntest tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38

81.

Il-kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva tinsab fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/38.

82.

Qabel kollox, nirrileva li d-Direttiva 2004/38, u b’mod partikolari fl-Artikoli 7, 14 u 24 tagħha, ma tistabbilixxix b’mod espliċitu li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jaffilja lil ċittadin tal-Unjoni mas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu u, għaldaqstant, li jagħtih kopertura pubblika għall-mard, minħabba li huwa ekonomikament inattiv fil-perijodu ta’ residenza bejn it-tliet xhur u l-ħames snin sa mill-wasla tiegħu f’dan l-Istat Membru.

83.

B’mod partikolari, id-deroga li tinsab fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ma tipprevedix tali limitu għad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament. Infakkar li, bħala deroga minn libertà fundamentali, din id-dispożizzjoni għandha, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi interpretata b’mod strett. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tagħha fis-sentenza reċenti tagħha Jobcenter Krefeld ( 40 ) billi enfasizzat, l-ewwel nett, li din tapplika biss għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 883/2004, u, għaldaqstant, għaċ-ċittadini tal-Unjoni biss li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa bbażat fuq id-direttiva nnifisha ( 41 ). It-tieni nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-deroga għal persuna li tfittex impjieg, id-deroga hija intiża għall-persuni li għandhom dritt ta’ residenza bbażat biss fuq l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 ( 42 ).

84.

Minn dan isegwi li ċittadin tal-Unjoni, bħal A, li għandu dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 7(1)(b) kif ukoll fuq l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, u mhux biss fuq l-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva, ma jaqax taħt id-deroga msemmija fl-Artikolu 24(2) tal-imsemmija direttiva ( 43 ).

85.

Sussegwentement, għall-kuntrarju tal-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li jimponi fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni l-kundizzjoni li jkollu riżorsi suffiċjenti “biex ma [jkunx] ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu [tiegħu] ta’ residenza ( 44 )”, nosserva li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma stabbilixxiex tali rabta bejn il-kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva u l-eżistenza ta’ tali piż. B’hekk, il-leġiżlatur ikkunsidra li n-nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti jista’ jikkostitwixxi piż li jista’ jiġġustifika r-rifjut li jingħataw benefiċċji soċjali l-istess bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti ( 45 ). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assigurazzjoni għall-mard komprensiva, it-tħassib tal-leġiżlatur kien li jevita li ċ-ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru ospitanti jsir għalih mhux biss piż, iżda piż mhux raġonevoli ( 46 ).

86.

Jiena neżamina fid-dettall il-kunċett ta’ “piż mhux raġonevoli” mill-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan l-istadju ser nenfasizza biss li l-klassifikazzjoni ta’ “mhux raġonevoli” tikkostitwixxi differenza sostanzjali.

87.

Finalment, fir-rigward tal-portata tal-kunċett ta’ “assigurazzjoni għall-mard komprensiva”, nenfasizza li dan ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2004/38.

88.

Skont il-lingwaġġ kurrenti, it-terminu “assigurazzjoni” jirreferi għal “kuntratt li permezz tiegħu assiguratur jiggarantixxi lill-assigurat, permezz ta’ primjum jew kontribuzzjoni, il-pagament ta’ somma miftiehma fil-każ li jseħħ riskju ddeterminat” [traduzzjoni libera] ( 47 ). F’dan il-każ, l-assigurazzjoni għall-mard hija intiża li tkopri r-riskji fil-qasam tal-kura tas-saħħa. It-terminu “komprensiva” jirrigwarda l-portata tar-riskji li għandhom jiġu koperti fl-Istat Membru ospitanti.

89.

Madankollu, id-Direttiva 2004/38 ma fiha l-ebda preċiżazzjoni dwar il-portata ta’ dawn it-termini. B’mod partikolari, din ma tindikax jekk l-assigurazzjoni għall-mard għandhiex tkun privata jew pubblika. Il-gvernijiet li intervenew f’din il-kawża u l-Kummissjoni telqu mill-premessa li l-assigurazzjoni inkwistjoni hija assigurazzjoni privata. Iżda dan ma jirriżultax mill-kliem tad-dispożizzjoni. Lanqas ma huwa indikat jekk l-assigurazzjoni għandhiex tiġi pprovduta minn korp jew minn impriża tal-Istat Membru ospitanti jew jekk din tistax tiġi minn Stat Membru ieħor, b’mod partikolari l-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni.

90.

Is-sentenza Baumbast u R ( 48 ) kif ukoll il-gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 ( 49 ) jagħtu xi kjarifiki f’dan ir-rigward. Minn din is-sentenza jirriżulta li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, li talab dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li fih huwa kien eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment, f’dan il-każ ir-Renju Unit, kellu assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, il-Ġermanja, mogħtija mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dan tal-aħħar ( 50 ).

91.

Għalhekk, il-mod ta’ assigurazzjoni ma jidhirx determinanti. L-importanti huwa li wieħed ikollu kopertura għall-mard ( 51 ).

92.

Inċidentalment, il-kuntest tad-Direttiva 2004/38 jagħti kjarifika supplimentari. Nirrileva li, skont il-premessa 10 ta’ din id-direttiva, il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati jsiru “piż mhux raġonevoli” fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti ( 52 ).

93.

Il-ġenesi tad-dispożizzjoni u l-gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 jenfasizzaw ukoll l-importanza għall-Istati Membri li jevitaw li ċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv jsir tali piż.

94.

Dan it-tħassib ta’ natura ekonomika fil-fatt kien diġà jinsab fit-tliet direttivi tal‑1990 li ppreċedew id-Direttiva 2004/38 ( 53 ), b’mod partikolari d-Direttiva 90/364, u kien isegwi r-rapport tal-Kumitat ad hoc“L-Ewropa għaċ-Ċittadini” msejjaħ ir-“rapport Adonnino” tal-1985 ( 54 ). Dan tal-aħħar kien issuġġerixxa li minbarra l-kundizzjoni li wieħed ikollu riżorsi suffiċjenti, tiġi prevista dik li wieħed ikollu “kopertura adegwata għar-riskji ta’ mard” sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tal-abbozz tad-Direttiva 90/364 li kienet tipprevedi dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi ( 55 ).

95.

Fir-rigward tal-gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, din tindika li “[k]ull assikurazzjoni, privata jew pubblika, li ssir fl-Istat Membru ospitanti jew x’imkien ieħor, hija fil-prinċipju aċċettabbli, sakemm din tkun tagħti kopertura komprensiva u ma tkunx toħloq piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti ( 56 )”.

96.

Inċidentalment ninnota li fl-abbozz ta’ reviżjoni tar-Regolament Nru 883/2004 intiż sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu aċċess għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti, jekk jirrisjedu fih b’mod abitwali, billi jagħtu kontribuzzjoni proporzjonata għal skema tal-assigurazzjoni għall-mard ( 57 ).

97.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-assigurazzjoni għall-mard komprensiva tista’ tkun privata u pubblika u tista’ tirriżulta minn affiljazzjoni mas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, b’mod partikolari l-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Baumbast, iżda wkoll tal-Istat Membru ospitanti ( 58 ). Fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet fid-Direttiva 2004/38 dwar il-kunċett ta’ “assigurazzjoni għall-mard komprensiva”, inqis li l-kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard komprensiva għandha tinftiehem bħala l-obbligu li jkollu kopertura komprensiva fil-qasam tal-kura tas-saħħa, irrispettivament mill-oriġini tagħha u l-mod eventwali ta’ affiljazzjoni. Ir-riferiment għal “assigurazzjoni għall-mard komprensiva” bħala kundizzjoni ta’ residenza legali ta’ ċittadin tal-Unjoni konformement mad-Direttiva 2004/38 ma jistax, fil-fehma tiegħi, waħdu, jostakola l-eżistenza ta’ dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jiġi affiljat mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Huwa meħtieġ ukoll li tali affiljazzjoni toħloq “piż mhux raġonevoli” fuq il-bilanċ finanzjarju tal-Istat Membru ospitanti.

98.

Issa, kif ser nuri iktar ’il quddiem, din il-konsegwenza ma hijiex awtomatika.

3. Fuq il-kunċett ta’ “piż mhux raġonevoli”

99.

Fis-sentenza Baumbast, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-dritt ta’ moviment u residenza kien ġie estiż mit-Trattat FUE għal kull ċittadin tal-Unjoni, kemm jekk jeżerċita attività ekonomika jew le, filwaqt li fakkret li dan id-dritt huwa suġġett għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previst mit-trattati u mid-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tagħhom ( 59 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li dawn il-limitazzjonijiet huma bbażati fuq l-idea li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ jkun suġġett għall-“interessi leġittimi” tal-Istati Membri, li fosthom hemm dak li l-benefiċjarji ta’ dan id-dritt ma għandhomx isiru “piż ‘irraġjonevoli’ fuq il-finanzi pubbliċi ta’ l-Istat Membru ospitanti” ( 60 ).

100.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li dawn il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għandhom jiġu applikati filwaqt li jiġu mħarsa l-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 61 ).

101.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li miżura ta’ tneħħija ma għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin tal-Unjoni jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali. Din id-dispożizzjoni tirrifletti l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Grzelczyk ( 62 ) li tgħid li s-sempliċi fatt li student japplika biex jibbenefika minn dħul minimu fl-Istat Membru ospitanti ma jistax iwassal awtomatikament għat-telf tad-dritt ta’ residenza tiegħu u għar-rifjut li jingħata l-benefiċċju soċjali mitlub ( 63 ). Minn dan niddeduċi li l-għoti ta’ tali benefiċċju soċjali mhux dejjem jikkostitwixxi piż mhux raġonevoli.

102.

Piż, meta jsir mhux raġonevoli?

103.

Il-kunċett ta’ “piż mhux raġonevoli” ġie applikat b’mod partikolari fis-sentenzi García-Nieto, Alimanovic u Dano u ppreċiżat fis-sentenza Jobcenter Krefeld (Taqsima a)). Dan kien ukoll is-suġġett ta’ eżami fil-kuntest ta’ kawżi fejn is-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni kienet tippreżenta rabta ta’ integrazzjoni mal-Istat Membru ospitanti (Taqsima b)). Għalkemm il-kawżi fil-bażi tas-sentenzi msemmija fit-Taqsima a) ma kinux is-suġġett ta’ eżami individwali tas-sitwazzjoni taċ-ċittadini kkonċernati, tali eżami huwa neċessarju f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali (Taqsima c)).

a) Fuq il-kunċett ta’ “piż mhux raġonevoli” fis-sens tas-sentenzi García-Nieto, Alimanovic u Dano kif ippreċiżat fis-sentenza Jobcenter Krefeld

104.

Fis-sentenza Jobcenter Krefeld, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb li tispjega li persuna, bħar-rikorrent fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ma kinitx tikkostitwixxi piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti filwaqt li għamlet distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tiegħu u dik ta’ J. García-Nieto, ta’ N. Alimanovic u E. Dano, jiġifieri ċ-ċittadini tal-Unjoni rispettivament ikkonċernati fis-sentenzi bl-istess isem.

105.

Għall-kuntrarju ta’ J. García-Nieto, iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fil-kawża li wasslet għas-sentenza Jobcenter Krefeld, missier ta’ familja u ex impjegat fl-Istat Membru ospitanti, ma kienx qiegħed japplika għal benefiċċju soċjali għall-ewwel tliet xhur ta’ residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat.

106.

Għall-kuntrarju ta’ N. Alimanovic, dan iċ-ċittadin tal-Unjoni lanqas ma kien qiegħed japplika għal tali benefiċċju skont dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ iktar minn dawn l-ewwel tliet xhur, abbażi biss tat-tfittxija tiegħu ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti, peress li kellu dritt ta’ residenza awtonomu bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

107.

Finalment, għall-kuntrarju ta’ E. Dano, l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni ma kienx daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti mingħajr impjieg u mingħajr riżorsi suffiċjenti għall-finijiet biss li jibbenefika fih minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mogħtija minn dan tal-aħħar liċ-ċittadini rispettivi tiegħu.

108.

Konsegwentement, u minkejja li kien qiegħed japplika għal benefiċċju għall-għajxien, iċ-ċittadin tal-Unjoni inkwistjoni ma kellux jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti ( 64 ).

109.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma rilevanti għal ċittadin tal-Unjoni bħal A, peress li s-sitwazzjoni tiegħu hija distinta wkoll b’mod ċar minn dawk ta’ J. García Nieto, ta’ N. Alimanovic u ta’ E. Dano.

110.

Fil-fatt, l-applikazzjoni tiegħu ma tirrigwardax l-ewwel tliet xhur mid-dħul tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, iżda l-perijodu sussegwenti għalih. Id-dritt ta’ residenza tiegħu ma huwiex ibbażat biss fuq tfittxija ta’ impjieg fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, peress li huwa paċifiku li huwa jirrisjedi legalment fl-Istat Membru ospitanti fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva. Finalment, għall-kuntrarju ta’ E. Dano, A ma daħalx fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex jikseb benefiċċji tal-għajnuna soċjali minn dan l-Istat Membru jew tal-kura tas-saħħa bla ħlas. Filwaqt li E. Dano qatt ma kienet ħadmet u ma kinitx qiegħda tfittex li tikseb impjieg fl-Istat Membru ospitanti, A kien diġà ħadem fl-Italja u fittex impjieg fil-Latvja ( 65 ).

111.

Tali konstatazzjonijiet jippermettu, fil-fehma tiegħi, li jiġi evitat ir-riskju li ċittadin tal-Unjoni, bħal A, jikkostitwixxi piż mhux raġonevoli fis-sens tat-tliet każijiet analizzati preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja.

112.

Barra minn hekk, A mhux talli ma ġabx ruħu bħala “turist soċjali”, espressjoni użata sabiex tikkaratterizza l-aġir ta’ E. Dano, iżda talli nisseġ rabtiet partikolari mal-Istat Membru ospitanti, li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipproduċu konsegwenzi fuq il-kunċett ta’ “piż mhux raġonevoli”. Dawn ser neżaminahom fit-taqsima li ġejja.

b) Fuq il-kunċett ta’ “piż mhux raġonevoli” eżaminat fid-dawl tar-rabta ta’ integrazzjoni mal-Istat Membru ospitanti

113.

Il-Qorti tal-Ġustizzja twasslet sabiex teżamina l-effett li seta’ jkollha r-rabta ta’ integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv ma’ Stat Membru ospitanti fuq id-dritt ta’ dan iċ-ċittadin għal benefiċċji tal-għajnuna soċjali l-istess bħaċ-ċittadini tiegħu. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ġiet żviluppata b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kawżi li jikkonċernaw studenti ekonomikament inattivi li jkomplu l-istudji tagħhom fl-Istat Membru ospitanti ( 66 ).

114.

B’hekk, fis-sentenza Bidar ( 67 ) il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk l-għoti tal-għajnuniet finanzjarji lil studenti fil-forma ta’ għotja għall-manteniment maħsuba sabiex tgħinhom fl-ispejjeż ta’ kuljum tagħhom għall-għajxien kienx ta’ natura li jikkostitwixxi piż mhux raġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tiġi mogħtija minn dan l-Istat.

115.

Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li sabiex jiġi evitat tali effett, huwa leġittimu għal Stat Membru li ma jagħtix tali għajnuna ħlief lil studenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat ( 68 ). Hija kkunsidrat bħala li kien rilevanti l-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun stabbilixxa rabta reali mas-soċjetà ta’ dan l-Istat li fih jirrisjedi legalment u li fih jagħmel parti importanti tal-istudji sekondarji tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali li xxekkel lil tali ċittadin milli jkompli l-istudji universitarji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu fil-qasam tal-għajnuniet finanzjarji, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-grad ta’ integrazzjoni reali ta’ dan iċ-ċittadin fis-soċjetà ta’ dan l-Istat, ma hijiex iġġustifikata mill-għan leġittimu li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li tiggarantixxi ( 69 ).

116.

Fis-sentenza Förster ( 70 ), li ħarġet wara s-sentenza Bidar, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu qieset, billi bbażat ruħha fuq il-kliem tad-Direttiva 2004/38, li Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala leġittimu l-fatt li ma jagħtix tali għajnuna għall-manteniment lil studenti li ġejjin minn Stati Membri oħra li jirrisjedu fit-territorju tiegħu għall-finijiet tal-istudji tagħhom, meta huma ma jkunux irrisjedew fit-territorju tiegħu għal ħames snin. Iżda nenfasizza li d-Direttiva 2004/38 fiha dispożizzjoni espressa f’dan is-sens fl-Artikolu 24(2) tagħha.

117.

Konsegwentement, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa li tippermetti deroga mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fil-każ ta’ applikazzjoni għal affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti, inqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-rabta reali ta’ integrazzjoni mas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti u l-kunċett ta’ “piż mhux raġonevoli” hija rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża ( 71 ).

118.

Din ir-rabta reali ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, li għandha tintwera, tista’ tkun imsejjsa fuq firxa ta’ indizji bħall-kuntest familjari u l-għeruq tal-familja f’dan l-Istat Membru ( 72 ), l-eżistenza ta’ rabtiet soċjali jew ekonomiċi ( 73 ) jew ta’ rabtiet personali bħaż-żwieġ ma’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru u r-residenza abitwali fit-territorju ta’ dan tal-aħħar ( 74 ) jew, anki, tal-impjieg f’dan it-territorju ta’ membri tal-familja li minnhom jiddependi ċ-ċittadin tal-Unjoni ( 75 ).

119.

Infakkar li r-rabta reali ta’ integrazzjoni ma għandhiex tkun iffissata b’mod uniformi, iżda għandha tiġi stabbilita skont elementi kostituttivi tal-benefiċċju inkwistjoni, b’mod partikolari skont in-natura tiegħu u l-għanijiet tiegħu ( 76 ). Fir-rigward tal-affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri jistgħu, fil-fehma tiegħi, jikkunsidraw li r-rabta ta’ integrazzjoni kkaratterizzata b’mod partikolari mir-residenza abitwali tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti tintwera biss wara tul raġonevoli ta’ residenza f’dan l-Istat Membru, sakemm din ma taqbiżx dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-persuna kkonċernata ttrasferixxiet iċ-ċentru tal-interessi tagħha lejn dan tal-aħħar ( 77 ).

120.

Issa, fil-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal A, infakkar li ma huwiex ikkontestat li huwa telaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, l-Italja, sabiex jistabbilixxi ruħu għal żmien indefinit flimkien mal-mara tiegħu u mat-tfal minuri tiegħu fil-Latvja u li huwa, skont il-kliem stess tal-qorti tar-rinviju, ċaqlaq iċ-“ċentru tal-interessi tiegħu” f’dan l-Istat Membru, li miegħu niseġ “rabtiet personali stretti”. B’hekk jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li huwa għandu rabta ta’ integrazzjoni reali mas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

121.

B’kunsiderazzjoni ta’ dan, il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-eżistenza ta’ tali rabta ta’ integrazzjoni għadhom iridu jiġu evalwati bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li s-settur tas-saħħa pubblika għandu partikolaritajiet li huma rikonoxxuti mit-Trattat FUE u riflessi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar qieset b’mod kostanti li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu, skont l-Artikolu 52 TFUE, jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment ( 78 ) u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 79 ). L-istess japplika fir-rigward tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38. Din id-deroga tkopri b’mod iktar preċiż żewġ għanijiet, dak li jinżamm servizz mediku jew tal-isptarijiet ta’ kwalità, ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd u dak sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali ( 80 ).

122.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li meta ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, li għandu rabta reali ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti u li għandu riżorsi suffiċjenti, jikkontribwixxi finanzjarjament għas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru bħaċ-ċittadini tiegħu, permezz ta’ kontribuzzjonijiet, meta s-sistema tkun ibbażata fuq mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni, jew permezz tat-taxxa, fir-rigward ta’ sistema nazzjonali tas-saħħa bħal dik li kienet fis-seħħ fil-Latvja fl‑2016 ( 81 ), l-affiljazzjoni tiegħu ma’ din is-sistema fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu ma għandhiex, bħala prinċipju, toħloq riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju ta’ dan tal-aħħar, jew saħansitra tikkostitwixxi piż mhux raġonevoli. Madankollu, huwa l-Istat Membru individwali li għandu jivverifika dan.

123.

Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, li jkun jinsab fl-istess sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, la jkun marbut iħallas it-taxxa u lanqas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jew ikun marbut iħallas biss b’mod simboliku. Inqis li, f’dan il-każ, jekk ikun jidher li l-affiljazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti tista’ toħloq riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju ta’ dan l-Istat Membru, dan tal-aħħar ma jkunx marbut jagħti trattament ugwali lil dan iċ-ċittadin. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali riskju għandha tkun ivverifikata fuq il-bażi ta’ data oġġettiva li tinkludi spjegazzjonijiet u figuri ( 82 ).

124.

F’tali ċirkustanzi, inqis li ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi implimentata sistema ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istat Membru ospitanti jew, fin-nuqqas ta’ dan, fir-rigward ta’ sistema nazzjonali tas-saħħa bbażata fuq it-taxxa, li dan l-Istat Membru jitlob liċ-ċittadin tal-Unjoni jżomm l-assigurazzjoni għall-mard komprensiva privata tiegħu inkambju għall-affiljazzjoni tiegħu ( 83 ).

125.

B’hekk nikkunsidra, fid-dawl tal-analiżi preċedenti, li ċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li għandu riżorsi suffiċjenti u għandu rabta reali ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti jista’, jekk ikun il-każ, jibbenefika mill-affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, anki qabel ma jkun sab impjieg jew attività indipendenti f’dan l-Istat Membru jew ikun kiseb dritt ta’ residenza permanenti fih konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 ( 84 ).

126.

Minn dan jirriżulta li r-rifjut awtomatiku u f’kull ċirkustanza ta’ affiljazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal A, mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti u tal-possibbiltà li jibbenefika minn benefiċċji tal-kura tas-saħħa pubblika fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu ma huwiex, fil-fehma tiegħi, konformi mal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u mal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva.

127.

Din il-kunsiderazzjoni ma titqegħidx f’dubju mill-fatt li s-sitwazzjoni ta’ tali ċittadin tal-Unjoni teżiġi eżami individwali għall-finijiet ta’ verifika li huwa integrat tassew fl-Istat Membru ospitanti.

c) Fuq in-neċessità ta’ eżami individwali tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk jikkostitwixxix piż mhux raġonevoli

128.

Infakkar li l-eżami individwali ta’ kull każ tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwa jistax japplika għal benefiċċju soċjali l-istess bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, għandu jsir f’diversi sitwazzjonijiet sabiex ma jiġix ippreġudikat id-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza. Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ student, bħal R. Grzelczyk, li japplika għal ammont minimu għall-għajxien u fejn għandu jiġi vverifikat jekk il-bżonn tiegħu huwiex temporanju ( 85 ). Dan huwa wkoll il-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħas-Sur Baumbast, fejn l-eżami tas-sitwazzjoni jeżiġi li jiġu vverifikati parametri differenti fosthom jekk huwa kienx preċedentement dipendenti mill-Istat Membru ospitanti.

129.

Fis-sentenzi Alimanovic u García-Nieto, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament qieset li t-tip ta’ kawżi fil-bażi ta’ dawn is-sentenzi u tas-sentenza Dano ma jeħtieġx eżami individwali tas-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati għall-finijiet li jiġi evalwat jekk huma jikkostitwixxux piż mhux raġonevoli ( 86 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għajnuna mogħtija lil applikant wieħed diffiċilment tista’ tiġi deskritta bħala “piż mhux raġonevoli” għall-Istat Membru, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2004/38, u li kellhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni l-applikazzjonijiet individwali kollha li jkunu ġew issottomessi lilu ( 87 ).

130.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta b’mod impliċitu li, meħuda kollha flimkien, is-sitwazzjonijiet fil-bażi ta’ dan it-tip ta’ kawżi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu piż mhux raġonevoli u li l-Istati Membri kkonċernati ma humiex marbuta jagħtu l-benefiċċji soċjali mitluba.

131.

B’hekk, il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-persuni, meħuda individwalment, ma tikkostitwixxix piż mhux raġonevoli, ma huwiex determinanti. Jekk is-sitwazzjoni tagħhom tikkorrispondi għal wieħed mill-każijiet intiżi b’mod espliċitu mil-leġiżlatur, b’mod partikolari fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, bħal fil-kawżi fil-bażi tas-sentenzi García-Nieto u Alimanovic, jew tikkonċerna persuna li, bħal E. Dano, eżerċitat il-libertà tagħha ta’ moviment bl-uniku għan li tibbenefika mill-benefiċċji soċjali tal-Istat Membru ospitanti, tali talbiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jistgħu jiġġeneraw piż mhux raġonevoli għall-bilanċ finanzjarju tal-Istat Membru ospitanti u dan tal-aħħar ma huwiex marbut li jilqagħhom.

132.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ persuna bħal A, li ma taqax taħt dawn il-każijiet, fil-fehma tiegħi għandu jittieħed l-approċċ oppost. Eżami tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata għandu jsir sabiex jiġi żgurat li hija tassew integrata fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari, li “tirrisjedi b’mod abitwali” fih fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 u, għaldaqstant, li tista’ tiġi affiljata mas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu, bil-kundizzjoni li hija ma taqax taħt is-sitwazzjoni msemmija fil-punti 123 u 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-elementi rilevanti jinkludu b’mod partikolari dawk elenkati fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 ( 88 ), bħall-istatus tal-familja tagħha, in-natura permanenti tal-akkomodazzjoni tagħha, l-Istat Membru li fih hija meqjusa li tirrisjedi għal finijiet tat-taxxa jew anki r-raġunijiet li wasslu lil dan iċ-ċittadin biex jiċċaqlaq.

133.

L-analiżi preċedenti, li tirrigwarda l-kunċett ta’ “piż mhux raġonevoli”, tapplika bl-istess mod fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

4. Fuq il-konsegwenzi li jinsiltu mill-kunċett ta’ “piż mhux raġonevoli” fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004

134.

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qrati Latvjani kkunsidraw li l-liġi tal-Istat Membru ta’ residenza, f’dan il-każ il-liġi Latvjana, kienet applikabbli, skont l-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004.

135.

Din il-liġi tista’ tiddefinixxi l-portata tal-benefiċċji għall-mard koperti mill-Istat Membru u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jintalbu dawn il-benefiċċji. Kif indikajt fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jistabbilixxu s-sistema tas-sigurtà soċjali tagħhom u, għaldaqstant, sabiex jiddefinixxu l-portata tal-benefiċċji offruti kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-ftuħ tad-drittijiet għal dawn il-benefiċċji. Minn dan jirriżulta li ċ-ċaqliq taċ-ċittadin tal-Unjoni jista’, skont il-każijiet, ikun ftit jew wisq vantaġġjuż jew żvantaġġjuż għalih, skont il-kombinazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli bis-saħħa tar-Regolament Nru 883/2004 ( 89 ).

136.

Madankollu, il-problema f’din il-kawża ma hijiex jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni li eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment jistax jingħata benefiċċji inqas wiesgħa minn dawk li seta’ jgawdi fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, iżda jekk jistax jiġi rrifjutat t-tgawdija minn kwalunkwe benefiċċju tal-kura tas-saħħa li huwa r-responsabbiltà tal-Istat minbarra l-kura ta’ emerġenza u l-kura ostetrika.

137.

Kif fakkart fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 883/2004 u mill-Artikolu 11(3)(e) tiegħu huwa, b’mod partikolari, li jiġi evitat li persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, minħabba li l-ebda leġiżlazzjoni ma tkun applikabbli għalihom ( 90 ).

138.

F’każ bħal dak ta’ A, iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkunx għadu affiljat fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, peress li huwa temm l-attività professjonali tiegħu f’dan l-Istat Membru u ċaqlaq ir-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor ( 91 ). L-indikazzjoni tal-liġi tal-Istat Membru ta’ residenza hija intiża bħala prinċipju sabiex jiġi evitat li huwa jiġi mċaħħad minn kull affiljazzjoni ( 92 ).

139.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’sitwazzjoni bħal dik irregolata mill-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004 u, konsegwentement, mil-liġi tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata, l-applikazzjoni ta’ din il-liġi ma tistax titqiegħed f’dubju mill-fatt li ċerti Stati Membri jissuġġettaw l-affiljazzjoni tal-persuna kkonċernata mas-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali għall-kundizzjoni li din il-persuna twettaq attività bħala persuna impjegata fit-territorju tagħhom, b’tali mod li, jekk il-persuna kkonċernata ma tissodisfax din il-kundizzjoni, hija x’aktarx ma tkunx affiljata ma’ sistema tas-sigurtà soċjali u tiġi mċaħħda mill-protezzjoni ( 93 ).

140.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, filwaqt li hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eżistenza tad-dritt ta’ affiljazzjoni ma’ skema tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri għandhom madankollu, meta jistabbilixxu tali kundizzjonijiet, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt li wieħed jiġi affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ma jistax ikollhom l-effett li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni lill-persuni li għalihom tapplika, skont ir-Regolament Nru 883/2004, din il-leġiżlazzjoni ( 94 ).

141.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-Liġi dwar il-Kura Medika, humiex konformi mar-Regolament Nru 883/2004, huwa importanti, fid-dawl tar-rabta bejn l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva u, b’mod partikolari, tar-riżultat li nasal għalih fil-punti 125 u 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

142.

Minn dan jirriżulta li l-kundizzjoni għall-eżerċitar ta’ impjieg jew attività indipendenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, bħal dik prevista fil-Liġi dwar il-Kura Medika, imposta biss fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, u dan, f’kull ċirkustanza, sakemm ma jkunux kisbu dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti, lanqas ma hija konformi mad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

143.

Barra minn hekk, nikkonstata li din id-differenza fit-trattament ma tikkorrispondix mal-għan tar-Regolament Nru 883/2004 li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Fil-fatt, għall-kuntrarju tar-Regolament preċedenti Nru 1408/71, li kien jikkonċerna biss lill-ħaddiema impjegati u mhux impjegati kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom, ir-Regolament Nru 883/2004 llum il-ġurnata japplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inkluż għall-persuni ekonomikament inattivi u għalhekk mingħajr impjieg ( 95 ).

144.

Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-liġi tal-Istat Membru ospitanti ma tistax iċċaħħad awtomatikament u f’kull ċirkustanza lil ċittadin tal-Unjoni, li ċaqlaq iċ-ċentru tal-interessi tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li għandu rabta reali ta’ integrazzjoni miegħu, minn kull dritt għal affiljazzjoni għas-sempliċi raġuni li huwa ma għandux impjieg jew attività indipendenti fit-territorju tiegħu.

145.

Fir-rigward b’mod partikolari ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal A, li jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-kunsiderazzjoni li huwa jitlef id-drittijiet kollha tiegħu għas-sigurtà soċjali fil-qasam tas-saħħa sakemm ma jkunx għex fih għal ħames snin jew ma jkunx sab fih impjieg jew attività indipendenti, la hija konformi, fil-fehma tiegħi, mad-dritt għal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni ggarantit fl-Artikolu 21 TFUE u kkonkretizzat mid-Direttiva 2004/38 u mir-Regolament Nru 883/2004 u lanqas mal-kunċett innifsu ta’ “ċittadinanza tal-Unjoni”.

5. Fuq l-għan ta’ moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni

146.

Id-dritt għal-libertà ta’ moviment jissarraf fil-possibbiltà taċ-ċittadin tal-Unjoni li jmur temporanjament fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu għall-finijiet ta’ xogħol, studji jew divertiment. Iżda dan id-dritt jinkludi wkoll dak li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor għal żmien twil u li jibni ħajtu fih. Din l-aħħar għażla, inerenti għal-libertà ta’ moviment, timplika l-possibbiltà li wieħed jintegra ruħu bis-sħiħ fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti billi jiġi ttrattat fih bħaċ-ċittadini rispettivi tiegħu.

147.

Jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni, bħal A, juri għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li huwa ċaqlaq iċ-ċentru tal-interessi tiegħu f’dan tal-aħħar, b’tali mod li għandu rabta reali ta’ integrazzjoni mat-territorju ta’ dan l-Istat, il-libertà tiegħu ta’ moviment, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, tiġi ppreġudikata jekk ma jkunx jista’ jiġi affiljat mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu ( 96 ).

148.

Infakkar li d-dritt għas-sigurtà soċjali huwa prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-istess bħad-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa, stabbilit fl-Artikolu 35 tagħha.

149.

L-impossibbiltà li ċ-ċittadin tal-Unjoni jiġi affiljat b’dan il-mod, filwaqt li ma jkunx għadu jaqa’ taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, preċiżament minħabba l-għażla tal-ħajja tiegħu li jitlaq minn dan tal-aħħar filwaqt li jistabbilixxu ruħu għal żmien twil fi Stat Membru ieħor, tista’ ċċaħħad lill-persuna kkonċernata minn protezzjoni fundamentali.

150.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema) tenfasizza li “jkun inammissibbli li persuna tiġi eskluża b’dan il-mod mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni kkonċernati” minħabba s-sempliċi fatt li hija eżerċitat d-dritt tagħha għal-libertà ta’ moviment. Jiena naqbel ma’ din il-perspettiva u nikkunsidra li din l-esklużjoni tikkostitwixxi ksur tal-essenzjal tal-istatus taċ-ċittadin tal-Unjoni, li sar l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 97 ).

151.

Bħall-qorti tar-rinviju, inqis li tali esklużjoni mis-sistema tas-sigurtà soċjali ma hijiex konformi mal-għan tal-Unjoni li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni fit-territorju tal-Unjoni u li tiġi kkonsolidata l-integrazzjoni Ewropea ( 98 ) permezz ta’ iktar solidarjetà bejn l-Istati Membri ( 99 ).

152.

Il-fatt li, anki jekk jikkontribwixxi finanzjarjament għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv jibbenefika minn sistema maħluqa minn dan l-Istat Membru prinċipalment għaċ-ċittadini rispettivi tiegħu u bbażata fuq mekkaniżmu ta’ solidarjetà previst għal dawn tal-aħħar, ma jistax jikkontradixxi din l-analiżi.

153.

Nenfasizza li d-dritt tal-Unjoni jibbaża fuq valuri ta’ solidarjetà li ġew imsaħħa iktar sa mill-ħolqien ta’ ċittadinanza tal-Unjoni u li b’mod partikolari għandhom l-għan li jiġu applikati f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

154.

B’hekk nikkunsidra li t-tiċħid sistematiku lil persuna bħal A mill-possibbiltà li tiġi affiljata mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti minħabba li, meta tressaq l-applikazzjoni tagħha għall-affiljazzjoni, hija kienet tinsab mingħajr impjieg, la huwa ssostanzjat mill-formulazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u lanqas minn dik tar-Regolament Nru 883/2004 u ma jissodisfax l-għan ta’ moviment liberu ggarantit minn dawn iż-żewġ testi tad-dritt sekondarju u lanqas minn dak tal-awturi tat-trattati stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 21 TFUE.

155.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 21 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1)(b), u mal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva u li, billi ċaqlaq iċ-ċentru tal-interessi kollha tiegħu lejn Stat Membru ospitanti, juri rabta reali ta’ integrazzjoni miegħu, tippermetti lil dan l-Istat jirrifjuta b’mod awtomatiku u f’kull ċirkustanza li jaffiljah mas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu u li jippermettilu jgawdi minn benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat, fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu, minħabba li ma għandux impjieg jew attività indipendenti fit-territorju tiegħu.

V. Konklużjoni

156.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Augstākā tiesa (Senāts), (il-Qorti Suprema, il-Latvja) bil-mod li ġej:

1)

Il-benefiċċji tal-kura tas-saħħa pubblika, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jingħataw lill-benefiċjarji mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “għajnuna soċjali jew medika” fis-sens tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1372/2013 tad‑19 ta’ Diċembru 2013, iżda taħt dak ta’ “benefiċċji tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

2)

L-Artikolu 11(3)(e) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1372/2013, jippermetti biss li tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-benefiċċji tal-mard bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet tal-mertu li jippermettu li jintalbu tali benefiċċji. Din id-dispożizzjoni ma tippermettix, waħedha, li tiġi evalwata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mid-dritt ta’ tgawdija mill-benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat, lil ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment billi jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu sabiex jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li ma għandux impjieg jew attività indipendenti fit-territorju ta’ dan tal-aħħar.

3)

L-Artikolu 21 TFUE kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 1372/2013, u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1)(b), u mal-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva u li, billi ċaqlaq iċ-ċentru tal-interessi kollha tiegħu lejn Stat Membru ospitanti, juri rabta reali ta’ integrazzjoni miegħu, tippermetti lil dan l-Istat jirrifjuta b’mod awtomatiku u f’kull ċirkustanza li jaffiljah mas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu u li jippermettilu jgawdi minn benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma r-responsabbiltà tal-Istat, fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu, minħabba li ma għandux impjieg jew attività indipendenti fit-territorju tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 3 ) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1372/2013 tad‑19 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 346, p. 27) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

( 4 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano (C‑333/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Dano”, EU:C:2014:2358); tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C‑67/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Alimanovic”, EU:C:2015:597) kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et (C‑299/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza García-Nieto”, EU:C:2016:114).

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza għall-impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tax-xogħol tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 5).

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU 1990, L 180, p. 30).

( 7 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 3).

( 8 ) Din il-karta tippermetti lid-detentur tagħha jibbenefika mill-kura tas-saħħa pubblika matul soġġorn temporanju f’wieħed mis-sebgħa u għoxrin Stat Membru tal-Unjoni, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Isvizzera, skont l-istess kundizzjonijiet u fl-istess tariffa bħall-persuni assigurati f’dan il-pajjiż.

( 9 ) Regolament tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

( 10 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, EU:C:1985:139, punt 10).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1992, Hughes (C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 14).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 1997, Meints (C‑57/96, EU:C:1997:564, punt 24), kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà) (C‑679/16, EU:C:2018:601, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Il-qorti tar-rinviju tispjega li mill‑2018, dawn il-benefiċċji huma ffinanzjati kemm minn kontribuzzjonijiet obbligatorji kif ukoll mit-taxxa.

( 14 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1992, Hughes (C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 21).

( 15 ) Ara, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 1972, Heinze (14/72, EU:C:1972:98, punt 8).

( 16 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑308/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit”, EU:C:2016:436, punt 63) u l-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

( 17 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, Brey, (C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 40), u l-punt 64 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, kif ukoll il-premessa 15 tar-Regolament Nru 883/2004.

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski (C‑208/07, EU:C:2009:455, punt 63).

( 19 ) Fuq id-differenza bejn l-Artikolu 14(4)(b) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2004/38, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dano, punt 61 u s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Jobcenter Krefeld”EU:C:2020:794, punt 60).

( 21 ) Ara s-sentenza Dano, punt 69.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 71 u 73 tas-sentenzi Dano; is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 76), u tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari (C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 29).

( 23 ) Ara s-sentenza Dano, punt 71.

( 24 ) Ara s-sentenza Dano, punt 71.

( 25 ) Ara s-sentenza Dano, punt 82.

( 26 ) Ara s-sentenza Dano, punt 83.

( 27 ) Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013 (C‑140/12, EU:C:2013:565). Ara, b’mod partikolari, il-punti 44 u 47 ta’ din is-sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi rabta bejn id-dritt għal benefiċċji soċjali skont ir-Regolament Nru 883/2004 u l-legalità tar-residenza fl-Istat Membru ospitanti, li jista’ jiġi ssuġġettat għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

( 28 ) Sentenza Alimanovic, punt 69.

( 29 ) Sentenza García-Nieto, punt 38.

( 30 ) Sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, punt 68).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza García-Nieto, punt 40. Nenfasizza li, fir-rigward ta’ persuna bħal E. Dano, hija kienet tirrisjedi legalment fl-Istat Membru ospitanti, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Inċidentalment hija kienet kisbet fih permess ta’ residenza għal żmien indefinit (ara l-punt 36 tas-sentenza Dano). Min-naħa l-oħra, sa fejn hija ma kellhiex riżorsi suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, hija ma kinitx tirrisjedi legalment fis-sens ta’ din id-direttiva.

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 43 tas-sentenza García-Nieto.

( 33 ) Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet sostniet li d-Direttiva 2004/38 ma kinitx tapplika għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (ara l-punti 44 u 46 tas-sentenza). Wara li ppreċiżat li l-benefiċċji inkwistjoni, jiġifieri l-allowances tal-familja, kienu tassew benefiċċji tas-sigurtà soċjali (punt 61 tas-sentenza), il-Qorti tal-Ġustizzja applikat id-direttiva għal dawn tal-aħħar (ara l-punti 66 u 68 tas-sentenza) u ċaħdet ir-rikors intiż sabiex jiġi deċiż li r-Renju Unit kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu billi ssuġġetta l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji għal kundizzjoni ta’ residenza legali fit-territorju tiegħu.

( 34 ) Ara l-punti 3.7 u t-tieni paragrafu tal-punt 20 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 35 ) Ara, wkoll, il-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara, għal paragun, il-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Punt 77 ta’ din is-sentenza.

( 38 ) Infakkar li l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi jista’ jiġi limitat mid-dritt sekondarju konformement mal-Artikolu 21 TFUE li jipprevedi li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.

( 39 ) Ara s-sentenza Jobcenter Krefeld, punt 79, minn fejn huma meħuda dawn it-termini.

( 40 ) Ara l-punti 60 et seq. ta’ dik is-sentenza. Din tikkonċerna ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv fil-mument li fih huwa ppreżenta applikazzjoni għal benefiċċji għall-għajxien għalih u għat-tfal tiegħu fl-Istat Membru ospitanti fejn kien ħadem preċedentement. Peress li kien tilef il-klassifikazzjoni tiegħu ta’ ħaddiem, iżda kien qiegħed ifittex impjieg ġdid f’dan l-Istat Membru, huwa kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, huwa kellu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), minħabba l-attendenza tat-tfal tiegħu fi skola f’dan l-Istat u, għaldaqstant, id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda għajnuna soċjali bħaċ-ċittadini ta’ dan tal-aħħar.

( 41 ) Ara s-sentenza Jobcenter Krefeld, punt 65.

( 42 ) Ara s-sentenza Jobcenter Krefeld, punti 69 u 70.

( 43 ) Nenfasizza li, filwaqt li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 huwa intiż għall-persuni li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti lil hinn mill-ewwel tliet xhur tal-wasla tagħhom sabiex ifittxu impjieg u ma għandhomx dritt għall-benefiċċji tal-għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru minħabba l-applikazzjoni tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 14(2) ta’ din id-direttiva, huwa intiż għal persuni oħra li għandhom dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva u li jkomplu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u li, għaldaqstant, għandhom bħala prinċipju dritt għall-ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, bis-saħħa tal-Artikolu 24(1) tal-istess direttiva.

( 44 ) Enfasi miżjuda minni.

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dano, punt 77.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dano, punt 71.

( 47 ) Definizzjoni misluta mid-dizzjunarju Le Robert.

( 48 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002 (C‑413/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Baumbast”, EU:C:2002:493) li kienet tikkonċerna d-Direttiva 90/364, li ppreċediet id-Direttiva 2004/38, u li kien fiha obbligu ta’ assigurazzjoni għall-mard simili.

( 49 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE (KUMM(2009) 313 finali (iktar ’il quddiem il-“gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38”).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baumbast, punt 89, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Baumbast (C‑413/99, EU:C:2001:385, punt 116). Inċidentalment, din il-kunsiderazzjoni hija ssostanzjata mill-gwida msemmija fin-nota preċedenti, li skontha l-assigurazzjoni għall-mard tista’ tirriżulta mill-affiljazzjoni mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tagħti l-eżempju ta’ persuni li jirċievu pensjoni li jkollhom dritt għall-kura medika skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jħallsilhom il-pensjoni. Din l-istituzzjoni ssemmi wkoll il-każ fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tkopri l-benefiċċji tal-kura tas-saħħa ta’ student li jmur fi Stat Membru ieħor għall-istudji tiegħu madankollu mingħajr ma jittrasferixxi r-residenza tiegħu fih fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 li sar ir-Regolament Nru 883/2004.

( 51 ) L-obbligu li wieħed ikun kopert minn assigurazzjoni għall-mard jinsab f’żewġ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2004/38, fl-Artikolu 12(2) u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(2) tagħha. L-obbligu huwa fformulat b’mod ftit iktar strett fis-sens li dan jimponi li l-persuni kkonċernati għandhom ikunu koperti minn assigurazzjoni ta’ mard li tkun “komprensiva” fl-Istat Membru ospitanti, iżda bħal fl-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva, il-formulazzjoni hija newtrali fir-rigward tal-mod ta’ kopertura.

( 52 ) Din il-premessa tirrifletti ir-raba’ premessa tad-Direttiva 90/364. Ara, wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 40).

( 53 ) Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Rapport Adonnino indirizzat lill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell fid‑29 u fit‑30 ta’ Marzu 1985 (Bulletin tal-Komunitajiet Ewropej, suppliment Nru 7/85, p. 9 u 10). Dan ir-rapport stabbilixxa sensiela ta’ proposti, fuq talba tal-kapijiet tal-Istat u tal-gvern sabiex jiżdiedu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt ta’ residenza. Ara, ukoll f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża Kaba (C‑356/98, EU:C:1999:470, nota ta’ qiegħ il-paġna 123), li jirreferu għall-imsemmi rapport.

( 55 ) Ara l-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt ta’ residenza (COM(89) 275 final (ĠU 1989, C 191, p. 5)). Nirrileva li l-ewwel proposta dwar id-dritt ta’ residenza ġeneralizzat tmur lura għal tmiem is-snin 70. Din ma kinitx issemmi l-kundizzjoni li wieħed ikollu assigurazzjoni għall-mard. Ara l-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ppreżentata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill fil‑31 ta’ Lulju 1979 (ĠU 1979, C 207, p. 14).

( 56 ) Enfasi miżjuda minni (ara l-punt 2.3.2 ta’ din il-gwida). Inżid li dawn tal-aħħar ma humiex legalment vinkolanti, iżda jistgħu jkunu sors ta’ interpretazzjoni.

( 57 ) Ara l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2016 li jemenda ir-Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (COM (2016) 815 final), b’mod partikolari, l-Artikolu 1(3) ta’ din il-proposta.

( 58 ) Ninnota li, matul is-seduta f’din il-kawża, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà ta’ affiljazzjoni volontarja mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti, il-Kummissjoni indikat li, jekk l-Istat Membru ospitanti jipprevedi l-possibbiltà ta’ aċċess għas-sistema tas-saħħa pubblika tiegħu permezz ta’ kontribuzzjoni, iktar milli simbolika, dan il-mezz għandu jiġi segwit sabiex iċ-ċittadin tal-Unjoni inattiv li eżerċita d-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment ma jkunx obbligat jissottoskrivi assigurazzjoni privata.

( 59 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baumbast, punti 81 sa 85. Ara wkoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara s-sentenza Baumbast, punt 90.

( 61 ) Ara s-sentenza Baumbast, punt 91.

( 62 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001 (C‑184/99, EU:C:2001:458, iktar ’il quddiem is-“sentenza Grzelczyk”).

( 63 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grzelczyk, punti 44 u 45.

( 64 ) Infakkar madankollu, kif spjegajt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li din il-persuna kienet tislet id-dritt ta’ residenza tagħha fl-Istat Membru ospitanti mir-Regolament Nru 492/2011, minħabba li hija kienet ħadmet fih preċedentement u t-tfal tagħha kienu jattendu l-iskola fih.

( 65 ) Kif indikajt fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa sab impjieg fil-Latvja fl‑2018. Jiena nindika li din iċ-ċirkustanza ma tibdel xejn fl-interess ġuridiku tiegħu u, għaldaqstant, fl-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, li, inċidentalment, ma ġietx eċepita. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza hija nnifisha, minn naħa, li d-deċiżjoni ta’ rifjut għall-affiljazzjoni setgħet kienet ivvizzjata minn illegalità, u dan jagħti dritt ġuridiku. Min-naħa l-oħra, jekk ir-relazzjoni legali ta’ impjieg tintemm, konstatazzjoni ta’ illegalità tevita li l-awtur ta’ din id-deċiżjoni jadotta deċiżjoni simili ġdida fil-konfront tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punti 61, 6364).

( 66 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432); tal‑15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bidar”, EU:C:2005:169); tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher (C‑11/06 u C‑12/06, EU:C:2007:626); tat‑18 ta’ Novembru 2008, Förster (C‑158/07, EU:C:2008:630); tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668); tat‑18 ta’ Lulju 2013, Prinz u Seeberger (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524); tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Thiele Meneses (C‑220/12, EU:C:2013:683); tas‑26 ta’ Frar 2015, Martens (C‑359/13, EU:C:2015:118) kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà) (C‑679/16, EU:C:2018:601).

( 67 ) Punt 56 tas-sentenza.

( 68 ) Ara s-sentenza Bidar, punt 57.

( 69 ) Ara s-sentenza Bidar, punti 61 u 63.

( 70 ) Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2008 (C‑158/07, EU:C:2008:630).

( 71 ) Nenfasizza li fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, A (Għajnuna għal persuna b’diżabbiltà) (C‑679/16, EU:C:2018:601, punti 69 sa 71), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-eżistenza ta’ rabta reali u suffiċjenti mal-Istat Membru kkonċernat hija intiża sabiex jiġi żgurat il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali billi tippermetti lil dan tal-aħħar jaċċerta ruħu li l-piż ekonomiku assoċjat mal-ħlas ta’ dan il-benefiċċju ma jsirx mhux raġonevoli.

( 72 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C‑503/09, EU:C:2011:500, punt 100).

( 73 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Thiele Meneses (C‑220/12, EU:C:2013:683, punt 38).

( 74 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punt 50).

( 75 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Martens (C‑359/13, EU:C:2015:118, punt 41).

( 76 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 63).

( 77 ) Ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, EU:C:2004:172, punti 7073).

( 78 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 46).

( 79 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 45).

( 80 ) Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 47), u tas‑16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, EU:C:2006:325, punti 103104, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 81 ) Ara, fir-rigward tal-modi differenti ta’ finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, Mantu, S., u Minderhoud, P., “Exploring the Links between Residence and Social Rights for Economically Inactive EU Citizens”, European Journal of Migration and Law, 2019, Vol. 21, Nru 3, p. 313-337, b’mod partikolari punt 2.3.

( 82 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 71).

( 83 ) F’tali każ, ma hemm xejn li jxekkel lill-Istati Membri milli jipprevedu fil-leġiżlazzjoni tagħhom dispożizzjoni li tobbliga lill-kumpanniji tal-assigurazzjoni sabiex jinkludu fil-kuntratti tagħhom klawżola intiża għar-rimbors direttament lill-Istat tal-ispejjeż tas-saħħa mġarrba favur iċ-ċittadin tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jsir piż mhux raġonevoli. Barra minn hekk, meta jistabbilixxu l-livell ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali jew l-obbligu li tinżamm assigurazzjoni għall-mard komprensiva privata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, madankollu, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li dan iċ-ċittadin ikun jista’ jissodisfa dawn ir-rekwiżiti u, għaldaqstant, li l-ammonti rikjesti ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-issodisfar ta’ dawn tal-aħħar.

( 84 ) Minn dan jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li tali ċittadin tal-Unjoni, li inizjalment issottoskriva assigurazzjoni għall-mard komprensiva privata, sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, ikun jista’, bla ħsara għas-sitwazzjoni deskritta fil-punt 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet, itemm din l-assigurazzjoni, filwaqt li l-affiljazzjoni mas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti tieħu post din tal-aħħar.

( 85 ) Ara, f’dan is-sens is-sentenza Grzelczyk, punt 44.

( 86 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi García-Nieto, punt 46 u Alimanovic, punt 62.

( 87 ) Ara s-sentenza García-Nieto, punt 50. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-Direttiva 2004/38, meta tistabbilixxi sistema gradwali ta’ żamma tal-istatus ta’ ħaddiem intiża li tiżgura d-dritt ta’ residenza u l-aċċess għall-benefiċċji soċjali, hija stess tieħu inkunsiderazzjoni diversi fatturi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni individwali ta’ kull applikant għal benefiċċju soċjali (ara s-sentenzi García-Nieto, punt 47 u Alimanovic, punt 60).

( 88 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1). Ara, ukoll, il-punt 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 89 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski (C‑208/07, EU:C:2009:455, punt 85). Jista’ jkun ukoll li dan iċ-ċaqliq jissarraf fit-telf totali, għal perijodu, ta’ ċerti drittijiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-pensjoni. Nosserva li, f’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu enfasizzat fis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, van den Berg et (C‑95/18 u C‑96/18, EU:C:2019:767, punti 65) li kien indikat b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat tali telf, li l-Istati Membri jirrikorru għall-possibbiltà li jagħtihom ir-Regolament Nru 883/2004 li jipprevedu ftehim komuni tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

( 90 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst (C‑631/17, EU:C:2019:381, punti 3839).

( 91 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Pensionsversicherungsanstalt (benefiċċju għar-riabilitazzjoni) (C‑135/19, EU:C:2020:177, punt 52).

( 92 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst (C‑631/17, EU:C:2019:381, punti 38, 3942).

( 93 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst (C‑631/17, EU:C:2019:381, punti 4243).

( 94 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Inspecteur van de Belastingdienst (C‑631/17, EU:C:2019:381, punti 4546, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 95 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 42 tar-Regolament Nru 883/2004.

( 96 ) Bla ħsara għas-sitwazzjoni msemmija fil-punti 123 u 124 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 97 ) Ara s-sentenza Grzelczyk, punt 31.

( 98 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 61), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-għan tat-trattati li tinħoloq “għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa”.

( 99 ) Ara s-sitt premessa tat-Trattat UE.