KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑17 ta’ Settembru 2020 ( 1 )
Kawża C‑488/19
Minister for Justice and Equality
vs
JR
(kundanna minn Stat terz membru taż-ŻEE)
(talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Kamp ta’ applikazzjoni – Kundanna minn qorti ta’ Stat terz – Rikonoxximent tal‑kundanna fl-Istat Membru emittenti – Eżekuzzjoni fl-Istat Membru emittenti – Rikonoxximent reċiproku – Fiduċja reċiproka – Artikolu 4(7)(b) – Rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Reati mwettqa barra mit-territorju tal-Istat Membru emittenti”
I. Introduzzjoni
|
1. |
L-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri jistgħu abbażi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ( 2 ) joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew, sabiex jeżegwixxu sentenzi ta’ priġunerija. Imma dan japplika wkoll għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tkun ingħatat fi Stat terz u li tkun ġiet irrikonoxxuta fl-Istat Membru li jkun għamel it-talba abbażi ta’ ftehim internazzjonali? |
|
2. |
Barra minn hekk, il-kundanna fi Stat terz tqajjem il-mistoqsija dwar raġuni għar-rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest, li s’issa l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx. Skont l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istat Membru li ssirlu t-talba jista’ effettivament jiċħad eżekuzzjoni, meta r-reat ikun ġie mwettaq barra t-territorju tal-Istat Membru li jkun għamel it-talba u meta l-liġijiet tal-Istat Membru li ssirlu t-talba, ma jippermettux il-prosekuzzjoni għall-istess reati meta ġew imwettqin barra t-territorju tiegħu. Fil-każ preżenti, filwaqt li r-reat tabilħaqq twettaq fi Stat terz, kien hemm atti preparatorji li ġew imwettqin fl-Istat Membru li jkun għamel it-talba. Għalhekk jeħtieġ jiġi stabbilit xi jfisser dan għall-applikazzjoni tar-raġuni għar-rifjut imsemmija. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt internazzjonali
1. Il-Ftehim bejn il-Litwanja u n-Norveġja fuq ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali
|
3. |
Sa mill‑5 ta’ April 2011 jeżisti Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Renju tan-Norveġja fuq ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali, li jimponu sentenzi jew miżuri ta’ priġunerija li jneħħu l-libertà. Dan il-Ftehim jirregola r-rikonoxximent ta’ sentenzi tal-Istat Membru emittenti (l-Artikolu 7) u fih raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent mill-Istat Membru li jeżegwixxi (l-Artikolu 8). |
2. Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Islanda u n-Norveġja fuq il-proċedura ta’ konsenja
|
4. |
Il-Ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja fuq il-konsenja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja ( 3 ) ilu fis-seħħ sa mill‑1 ta’ Novembru 2019 ( 4 ). |
|
5. |
Fil-preambolu tal-Ftehim hemm miktub: “[…] filwaqt li jesprimu l-fiduċja reċiproka tagħhom fl-istruttura u l-funzjonament tas-sistemi ġuridiċi tagħhom u fil-kapaċità tal-Partijiet Kontraenti kollha li jiggarantixxu proċess ġust fil-qorti, […]” |
|
6. |
L-Artikolu 1(3) tal-Ftehim jipprovdi li: “Dan il-Ftehim ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, jew, f’każ ta’ eżekuzzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru, tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea”. |
|
7. |
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-konsenja jikkorrispondu fil-biċċa l-kbira ma’ dawk tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
B. Id-dritt tal-Unjoni
|
8. |
Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprovdi li: “Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja” |
|
9. |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiddefinixxi l-arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. 3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.” |
|
10. |
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew: “1. Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn ingħatat sentenza jew ġiet magħmula ordni ta’ detenzjoni, għal sentenzi ta’ mill-inqas erba’ xhur. 2. Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti, għandhom, skond it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għall-konsenja skond mandat ta’ arrest Ewropew:
3. […] 4. Għal reati barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-atti li għalihom inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, irrespettivament mill-elementi kostitwenti jew ta’ kif inhu deskritt.” |
|
11. |
F’ċerti każijiet, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistipula raġunijiet sabiex l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jiġi miċħud: “L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:
[…]
|
|
12. |
L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiddefinixxi l-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness: […]
[…]” |
C. Id-dritt Irlandiż
|
13. |
L-Irlanda implimentat id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 permezz tal-European Arrest Warrant Act 2003 (il-Liġi tal‑2003 dwar l-Arrest Ewropew). L-Artikolu 5 jiddefinixxi b’mod ċar x’jikkostitwixxi reat kriminali: “Skont din il-liġi, reat kif deskritt f’mandat ta’ arrest Ewropew jikkorrispondi ma’ reat skont id-dritt tal-Istat [Irlandiż] meta l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tikkostitwixxi reat, li kieku din tkun ġiet imwettqa fl-Istat [Irlandiż] fil-ġurnata li fiha jkun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, u tikkostitwixxi reat skont id-dritt tal-Istat [Irlandiż].” |
|
14. |
Permezz tal-Artikolu 44 tal-Liġi tal‑2003 dwar l-Arrest Ewropew, l-Irlanda implimentat l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584: “Skont din il-liġi, persuna ma għandhiex tiġi kkonsenjata jekk ir-reat speċifikament imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għalih jew għaliha jkun ġie mwettaq jew allegatament ikun ġie mwettaq f’post ieħor differenti mill-Istat emittenti u l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni li tikkostitwixxi r-reat, minħabba l-fatt li tkun ġiet imwettqa f’post differenti minn dak l-Istat, ma tkunx tikkostitwixxi reat taħt il-liġi tal-Istat.” |
|
15. |
Il-Misuse of Drugs Act 1977 (il-Liġi tal‑1977 dwar l-Użu Illegali ta’ Drogi) ( 5 ) fih Artikolu 15(1): “Kull persuna li jkollha fil-pussess tagħha, indipendentement jekk hux legalment jew le, drogi kkontrollati bl-iskop li tbigħhom jew b’xi mod ieħor tipprovdihom lil persuna oħra bi ksur tar-regolamenti msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din il-liġi tkun ħatja ta’ reat.” |
III. Il-fatti tal-kawża u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari
|
16. |
JR huwa ċittadin Litwan. F’Jannar tas-sena 2014, huwa ftiehem ma’ terzi fil-Litwanja sabiex iwassal drogi lejn in-Norveġja għall-ħlas ta’ EUR 570. Huwa ttrasporta d-drogi barra mil-Litwanja u huwa u jagħmel dan qasam bosta fruntieri internazzjonali, sabiex fl-aħħar ivvjaġġa mill-Isvezja għan-Norveġja. Fid‑19 ta’ Jannar 2014 inqabad b’madwar 4.6 kg ta’ metamfetamina fin-Norveġja, madwar ħames kilometri ’l bogħod mill-fruntiera. |
|
17. |
Il-Heggen og Frøland tingrett (il-Qorti Distrettwali ta’ Heggen u Frøland, in-Norveġja) ikkundannat lil JR (iktar ’il quddiem il-“persuna kkundannata”) fit‑28 ta’ Novembru 2014 minħabba r-reat ta’ “kunsinna illegali ta’ kwantità kbira ta’ sustanzi narkotiċi” skont l-Artikolu 162 tal-Lov om straff (il-Kodiċi Kriminali), għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin u sitt xhur. L-appell tal-persuna kkundannata ġie miċħud. |
|
18. |
Il-Jurbarko rajono apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Jurbarkas, il-Litwanja) irrikonoxxiet is-sentenza Norveġiża fit‑18 ta’ Ġunju 2015 abbażi tal-ftehim bejn in-Norveġja u l-Litwanja dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali u li għaldaqstant skont id-dritt tal-Litwanja tista’ tiġi eżegwita. Appell imressaq mill-persuna kkundannata kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud. |
|
19. |
Fis‑7 ta’ April 2016 in-Norveġja kkonsenjat lill-persuna kkundannata lil-Litwanja. |
|
20. |
Fil‑15 ta’ Novembru 2016 il-Kaišiadorių rajono apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Kaisiadorys, il-Litwanja) ordnat li l-persuna kkundannata tinħareġ mill-ħabs fuq libertà kundizzjonata. Madankollu, peress li l-persuna kkundannata kisret il-kundizzjonijiet tal-libertà kundizzjonata, il-Marijampolės apylinkės teismo Jurbarko rūmai (il-Qorti Distrettwali ta’ Marijampole, Awla ta’ Jurbarkas, il-Litwanja) fil‑5 ta’ Frar 2018 ordnatilha tiskonta l-bqija tas-sentenza jiġifieri sena, seba’ xhur u 24 ġurnata. |
|
21. |
Peress li l-persuna kkundannata sadattant kienet ħarbet barra l-pajjiż, l-awtoritajiet Litwani fl‑24 ta’ Mejju 2018, ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-fini tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għal reat wieħed ta’ ħażna, trasport, provvista, bejgħ jew tqassim ieħor illegali ta’ kwantità kbira ta’ sustanza narkotika u psikotropika. |
|
22. |
Fil‑21 ta’ Jannar 2019 il-persuna kkundannata ġiet arrestata l-Irlanda. Hemmhekk hija inizjalment sa Ottubru 2019 kienet qiegħda tiskonta sentenza ta’ priġunerija Irlandiża għal reat ieħor. |
|
23. |
Il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) għandha tieħu deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u għaldaqstant fis‑26 ta’ Ġunju 2019 għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
|
|
24. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fin-nuqqas ta’ urġenza ma laqgħetx it-talba tal-High Court (il-Qorti Għolja) sabiex tagħti risposta lil dawn id-domandi fi proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
|
25. |
Kemm il-persuna kkundannata kif ukoll l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub għal dawn id-domandi. |
IV. Evalwazzjoni legali
A. Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (l-ewwel domanda preliminari)
|
26. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, jekk jistax jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, sabiex tiġi eżegwita sentenza ta’ priġunerija, li tkun ingħatat minn qorti ta’ Stat terz u li tkun ġiet irrikonoxxuta mill-Istat emittenti. |
|
27. |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop tal-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-iskopijiet ta’ tmexxija ta’ proċeduri kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jew ordni ta’ detenzjoni. |
|
28. |
Fil-każ preżenti l-Istat Membru emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew jixtieq jeżegwixxi piena ta’ priġunerija. Madankollu din il-piena ma ngħatatx minn dan l-Istat Membru imma minn Stat terz u l-Istat Membru emittenti l-ieħor irrikonoxxa wara. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiċċara jekk is-sentenza mogħtija mill-Istat terz kif ukoll ir-rikonoxximent tagħha mill-Istat Membru emittenti, tistax tikkostitwixxi suġġett vijabbli ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
|
29. |
Pieni ta’ priġunerija mogħtija minn Stati terzi bħala prinċipju ma humiex eżegwibbli permezz tal-mandat ta’ arrest Ewropew (dwar dan ara 1). Dan ma japplikax jekk l-Istat Membru emittenti jirrikonoxxi l-piena ta’ priġunerija mogħtija (dwar dan ara 2). L-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni insegwitu għandu jeżamina jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew huwiex validu (dwar dan ara 3). |
1. Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ma japplikax fir-rigward ta’ relazzjonijiet ma’ Stati terzi…
|
30. |
Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tapplika biss għall-Istati Membri u mhux għall-Istati terzi ( 6 ). Għaldaqstant il-piena ta’ priġunerija mogħtija minn Stat terz bħali tali, bħala prinċipju, ma tistax tiġi eżegwita fil-qafas tal-mandat ta’ arrest Ewropew. |
|
31. |
Skont l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istat li jkun għamel it-talba jista’ biss joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew, jekk tkun teżisti deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi eżegwita ( 7 ). Tali deċiżjonijiet ġudizzjarji li jistgħu jiġu eżegwiti jiġu adottati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ( 8 ). |
|
32. |
Bejn l-Istati Membri japplika l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-bażi tiegħu hija l-fiduċja reċiproka u li l-mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 1(2) u l-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 adottaw b’mod konkret ( 9 ). |
|
33. |
B’mod konkret, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jitlob minn kull Stat Membru, ħlief f’ċirkustanzi straordinarji, li jassumi li l-Istati Membri kollha l-oħra jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-istess dritt tal-Unjoni ( 10 ). |
|
34. |
Madankollu dawn il-prinċipji ma jistgħux jiġu adottati ipso facto għal Stati terzi. Mingħajr tali fiduċja reċiproka, wieħed ma jistax jassumi li l-Istat terz irrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta. Imma skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, dawn id-drittijiet għandhom jiġu rrispettati. Iċ-ċirkustanza li Stat terz ikun ikkonkluda ftehim internazzjonali li bħala prinċipju jitlob ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, mhux neċessarjament jikkumpensa għal dan ( 11 ). |
|
35. |
Għaldaqstant is-sentenza tal-qorti Norveġiża fiha nnifisha ma tistax tkun il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
2. …imma biss fl-Unjoni…
|
36. |
Madankollu, f’dan il-każ, il-Litwanja rrikonoxxiet il-kundanna u l-piena mogħtija mill-qorti Norveġiża. |
|
37. |
Sakemm ebda ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u Stat terz ma jkun applikabbli, il-liġijiet tal-estradizzjoni fir-rigward ta’dawn iż-żewġ Stati jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu l-Istati Membri fl-eżerċitar tal-kompetenza tagħhom għall-estradizzjonijiet, iridu jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni ( 12 ). |
|
38. |
Billi l-ftehim bejn l-Unjoni, l-Islanda u n-Norveġja, fiż-żmien tal-estradizzjoni min-Norveġja għal-Litwanja, ma kienx għadu fis-seħħ, il-Litwanja setgħet tapplika b’mod sħiħ il-ftehim li kellha man-Norveġja. |
|
39. |
B’hekk tqum il-kwistjoni, jekk mandat ta’ arrest Ewropew jirrikjedix, li l-piena ta’ priġunerija li għandha tiġi eżegwita, ingħatatx fi Stat Membru, jew jekk l-Istat Membru emittenti jistax “jillegalizza” piena ta’ priġunerija mogħtija minn Stat terz, billi jirrikonoxxi l-kundanna. |
|
40. |
Jidher li meta kienet qiegħda tiġi adottata d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sitwazzjoni bħal din ma nħasbitx għaliha. Madankollu l-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkun applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik tal-każ preżenti, jekk ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni Qafas ikunu ssodisfatti. Jiġifieri l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jeskludix dan espressament. |
|
41. |
Il-punt tat-tluq huwa l-artikolu diġà msemmi jiġifieri l-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Skont dan l-artikolu, il-mandat ta’ arrest Ewropew irid ikun ibbażat fuq deċiżjoni ġudizzjarja oħra tal-Istat Membru li qiegħed jagħmel it-talba ( 13 ). Għal dan il-għan jista’ jitqies li sentenza li tista’ tiġi eżegwita, mandat ta’ arrest jew xi deċiżjoni ġudizzjarja oħra li tista’ tiġi eżegwita għandhom l-istess effett legali tal-Artikoli 1 u 2. |
|
42. |
Għaldaqstant mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Jurbarko rajono apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Jurbarkas) irrikonoxxiet is-sentenza mogħtija mill-qorti Norveġiża fit‑28 ta’ Novembru 2014 b’sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, sabiex din tkun tista’ tiġi eżegwita skont id-dritt tal-Litwanja. Wara sospensjoni temporanja tal-eżekuzzjoni, il-Marijampolės apylinkės teismo Jurbarko rūmai (il-Qorti Distrettwali ta’ Marijampole, Awla ta’ Jurbarkas), fil‑5 ta’ Frar 2018, iddeċidiet li l-persuna kkundannata kellha tiskonta l-bqija tal-piena. Għalhekk teżisti deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi eżegwita. |
|
43. |
Ma hijiex faċli sabiex wieħed jiġġudika, jekk sentenza għandhiex l-istess effett legali skont l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Madankollu b’mod partikolari l-verżjonijiet tal-Artikolu 8(1)(c),tad-Deċiżjoni Qafas kif tradotti fil-lingwa Ingliża u dik Franċiża jindikaw li wieħed għandu jeżamina, jekk is-sentenza taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 1 u 2 ( 14 ). Dan jikkorrispondi mal-funzjoni tal-Artikolu 8(1)(c). L-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 8 għandha tikkjarifika li l-kundizzjonijiet mitluba mill-mandat ta’ arrest Ewropew huma ssodisfatti ( 15 ). Dawn huma stipulati b’mod partikolari fl-Artikoli 1 u 2. |
|
44. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 imbagħad ma jiġix iddeterminat fuq il-bażi ta’ lista ta’ deċiżjonijiet nazzjonali, iżda abbażi tal-iskop u tas-suġġett tad-deċiżjoni. |
|
45. |
Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew bħala deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru, madankollu dan mhux qiegħed jalludi għal deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Għal dak li jirrigwarda l-aħħar deċiżjoni msemmija, jirriżulta mill-Artikolu 1(1), li għal dak li jirrigwarda l-każ preżenti, il-mandat ta’ arrest għandu jkollu biss bħala għan l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. Tal-inqas skont kif pprovdut fid-dispożizzjoni, din il-piena ma hemmx bżonn li tkun ġiet imposta fi Stat Membru. Għaldaqstant ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat terz għandu l-istess funzjoni ta’ kundanna, billi din titlob l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fl-Istat Membru li jkun irrikonoxxa l-istess sentenza. |
|
46. |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi maħruġ għal sentenzi ta’ priġunerija li huma punibbli mil-liġi tal-Istat Membru mill-inqas b’erba’ xhur. Anki hawn ma huwiex stabbilit li l-kundanna tkun ingħatat fi Stat Membru. Għal kuntrarju r-rikonoxximent ta’ kundanna mogħtija fi Stat terz taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meta din tikkonċerna piena ta’ priġunerija għal żmien twil biżżejjed. |
|
47. |
Għalhekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tista’ tiġi applikata f’sitwazzjoni li fiha l-persuna rikjesta tkun ġiet ikkundannata u ssentenzjata fi Stat terz, imma li s-sentenza ta’ dan l-Istat terz tkun ġiet irrikonoxxuta mill-Istat Membru emittenti, abbażi ta’ ftehim internazzjonali ma’ dan l-Istat terz u li tkun ġiet eżegwita skont il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti. |
3. …u ma tfissirx fiduċja għamja
|
48. |
Anki jekk id-Deċiżjoni Qafas hija applikabbli, xorta waħda jrid jiġi ċċarat, sa fejn ir-rikonoxximent ta’ sentenza ta’ priġunerija fl-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja li tkun għamlet it-talba torbot lill-awtorità ġudizzjarja li trid teżegwixxi. |
|
49. |
Sabiex jiġi ġġustifikat r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenza mill-Istati Membri l-oħra, jeħtieġ li jkunu rrispettati kemm il-liġi proċedurali kif ukoll id-drittijiet fundamentali ( 16 ). Għaldaqstant id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi interpretata fis-sens, li tiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata jkunu ggarantiti, mingħajr ma tillimita l-effettività tas-sistema ta’ kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, li tagħha l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-forma li ngħatatlu mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa komponent essenzjali ( 17 ). |
|
50. |
Għaldaqstant, is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew fiha ħarsien f’żewġ stadji tal-liġi proċedurali u tad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta. Fl-ewwel stadju, il-persuna rikjesta trid tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja meta tiġi adottata sentenza ġudizzjarja li tista’ tiġi eżegwita. Fit-tieni stadju għandha tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ( 18 ). |
|
51. |
F’dan is-sens, proċeduri ġudizzjarji preċedenti li fihom jiġi deċiż jekk il-persuna rikjesta hijiex ħatja, jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja li trid teżegwixxi, l-aċċettazzjoni li d-deċiżjoni sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-eżekuzzjoni ta’ piena, ittieħdet fi proċeduri nazzjonali li matulhom il-persuna kkundannata kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-garanziji kollha marbutin mat-teħid ta’ tali deċiżjonijiet b’mod partikolari dawk id-drittijiet fundamentali u prinċipji legali fundamentali li huma stabbiliti fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ( 19 ). |
|
52. |
Fil-każ preżenti, il-Litwanja rrikonoxxiet is-sentenza mogħtija mill-qorti Norveġiża abbażi tal-ftehim li għandha man-Norveġja u l-persuna kkundannata kienet iggarantita protezzjoni ġudizzjarja permezz tal-appell minn dan ir-rikonoxximent. Abbażi tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, għandu jitqies li fil-proċeduri tal-Istat Membru li jkun għamel it-talba, id-drittijiet proċedurali u fundamentali tal-persuna kkundannata kienu ggarantiti. |
|
53. |
Madankollu f’ċirkustanzi straordinarji, restrizzjonijiet tal-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri huma possibbli ( 20 ). |
|
54. |
Il-punt tat-tluq sabiex jiġu identifikati tali ċirkustanzi straordinarji huwa l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li skontu din id-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali oħra kif stabbiliti fl-Artikoli 2 u 6 TUE ( 21 ). |
|
55. |
Madankollu mhux kull ksur konċepibbli tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru li jkun għamel it-talba għandu neċessarjament jitqies bħala ċirkustanza straordinarja, billi huwa fin-natura tal-fiduċja reċiproka, li normalment huwa biżżejjed, jekk il-persuni kkonċernati f’dan ir-rigward jingħataw protezzjoni ġudizzjarja f’dan l-Istat Membru ( 22 ). |
|
56. |
Bħala ċirkustanza straordinarja għandu jitqies biss il-perikolu ta’ ksur gravi tad-drittijiet fundamentali. Dan sostnietu l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett f’każ ta’ perikolu ta’ trattament inuman jew degradanti tal-persuna rikjesta fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 23 ). L-istess kwalità ta’ perikolu reali jkun jeżisti, jekk il-persuna li kontra tagħha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (sabiex jinżammu proċeduri kriminali), f’każ li waqt il-konsenja tagħha lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tkun sofriet ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u b’hekk tkun intmisset is-sustanza tad-dritt fundamentali tagħha ggarantit skont l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għal smigħ ġust u pubbliku ( 24 ). |
|
57. |
Meta Stat Membru jirrikonoxxi u jeżegwixxi piena, li tkun ingħatat minn qorti fi Stat terz, perikolu ta’ ksur gravi ta’ dritt fundamentali jista’ minn naħa jirreferi għal kundanna kriminali fl-Istat terz, pereżempju għal dak li għandu x’jaqsam mal-proċeduri, ir-reat u s-sentenza, imma min-naħa l-oħra wkoll għall-proċeduri u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru li jkun għamel it-talba. |
|
58. |
Madankollu jista’ jkun hemm każijiet li fihom perikoli analogi abbażi ta’ informazzjoni ġeneralment magħrufa ( 25 ) li tkun evidenti jew li l-persuna kkonċernata tinvoka li jista’ jkun hemm riskju serju ta’ ksur gravi tad-drittijiet tagħha f’każ ta’ estradizzjoni ( 26 ). |
|
59. |
Għaldaqstant, f’każijiet bħal dawn, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, wara li tkun għamlet evalwazzjoni konkreta u preċiża tal-każ partikolari, trid teżamina jekk hemmx raġunijiet serji sostnuti bil-fatti sabiex jitqies li l-persuna rikjesta tinsab f’perikolu ta’ ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tagħha ( 27 ). Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, l-istess bħal ma għamlet il-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas trid titlob mill-awtorità ġudizzjarja emittenti kull informazzjoni ulterjuri, li hija tqies bħala meħtieġa sabiex tkun tista’ tiddetermina l-eżistenza ta’ tali perikolu ( 28 ). |
|
60. |
Imma, fil-każ preżenti, s’issa ma ġew prodotti ebda provi għal xi ksur ta’ xi dritt fundamentali u wisq inqas ta’ xi ksur gravi. Għall-kuntrarju għandu jiġi kkunsidrat li din ma hijiex kwistjoni ta’ rikonoxximent ta’ sentenza ta’ Stat terz kwalunkwe. |
|
61. |
Tabilħaqq ma huwiex biżżejjed li n-Norveġja hija parti kontraenti tal-KEDB ( 29 ). Dan l-Istat ikkonkluda mal-Unjoni Ewropea l-ftehim dwar il-proċedura tal-konsenja li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2019. Fil-preambolu ta’ dan il-ftehim, il-partijiet kontraenti esprimew il-fiduċja reċiproka fl-istruttura u l-funzjonament tas-sistemi legali tagħhom u fil-kapaċità li jiggarantixxu smigħ ġust ( 30 ). Permezz ta’ dan il-ftehim, l-Unjoni esprimiet fir-rigward tan-Norveġja fiduċja li toqrob lejn il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant fil-każ ta’ dan l-Istat terz, teżisti l-preżunzjoni konfutabbli li d-drittijiet fundamentali sal-lum diġà ġew iggarantiti u ser jibqgħu jiġu ggarantiti fil-ġejjieni wkoll. |
4. Risposta għall-ewwel domanda
|
62. |
Għaldaqstant id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija applikabbli f’sitwazzjoni, li fiha l-persuna rikjesta ġiet ikkundannata u ssentenzjata fin-Norveġja, liema sentenza iżda ġiet irrikonoxxuta mill-Istat Membru emittenti, abbażi ta’ ftehim internazzjonali man-Norveġja u li ġiet eżegwita skont il-liġi tal-Istat emittenti. |
|
63. |
Madankollu l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ttemm il-proċedura ta’ konsenja jekk hija jkollha raġunijiet serji kkonfermati bil-provi sabiex temmen li l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija mogħtija fin-Norveġja, liema piena ġiet irrikonoxxuta mil-Litwanja, tista’ twassal għal ksur gravi ta’ dritt fundamentali. |
B. Dwar il-possibbiltà ta’ rifjut tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (it-tieni domanda)
|
64. |
Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, jekk, awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, minħabba li r-reat ikun ġie mwettaq fi Stat terz, meta min wettaq ir-reat kien wettaq atti preparatorji fl-Istat emittenti. |
1. Dwar l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584
|
65. |
Skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, meta f’xi wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), l-azzjoni li fuqha huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew, ma jikkostitwixxix reat skont il-liġi tal-Istat Membru li qiegħed jeżegwixxih. |
|
66. |
Jidher li hija eskluża l-possibbiltà, li l-estradizzjoni fil-każ preżenti tista’ tiġi rrifjutata fuq din il-bażi, minħabba li r-reat tat-traffikar tad-droga huwa punibbli skont l-Artikolu 15 tal-Liġi Irlandiża dwar l-Abbuż tad-Drogi u barra minn hekk apparentement ma jaqax taħt l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Għal kuntrarju jidher li huwa każ ta’ reat imniżżel f’katalogu ta’ reati skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(2) li ma teħtieġx kriminalità doppja. |
|
67. |
Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tesprimi ruħha dwar l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
2. Dwar l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584
|
68. |
Mill-banda l-oħra l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija rilevanti għall-każ. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew meta dan ikopri reati li ġew imwettqa barra t-territorju tal-Istat Membru emittenti u l-liġijiet tal-Istat Membru li jeżegwixxi ma jippermettix il-prosekuzzjoni għall-istess offiżi meta jiġu mwettqa barra t-territorju tiegħu. |
|
69. |
Għaldaqstant ir-rifjut jiddependi minn żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: li r-reat, fuq liema bażi nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, irid ikun ġie mwettaq barra mit-territorju tal-Istat Membru emittenti u l-liġijiet tal-Istat Membru li jeżegwixxi ma jippermettix il-prosekuzzjoni tal-istess reati meta ġew imwettqa barra t-territorju tiegħu. |
|
70. |
L-għan ta’ din id-deroga huwa, li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja li meta teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew, tikkunsidra deċiżjonijiet fundamentali tal-Istat Membru li ssirlu t-talba dwar l-iskop tal-ġurisdizzjoni kriminali tiegħu. Madankollu l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jagħtix lil dan il-għan xi validità bla restrizzjonijiet. |
|
71. |
Għal dak li għandu x’jaqsam it-tieni kundizzjoni msemmija hawn fuq, huma l-qrati Irlandiżi biss li jistgħu jivverifikaw l-iskop tad-dispożizzjonijiet kriminali Irlandiżi rilevanti. F’dan ir-rigward, ir-rifjut tal-eżekuzzjoni jaqa’ f’idejn l-awtorità ġudizzjarja li ssirilha t-talba. |
|
72. |
Fil-fatt l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fir-rigward tal-kunċett tar-reati li jkunu ġew imwettqin barra mit-territorju tal-Istat Membru emittenti, ma jirreferix għal-liġi tal-Istat Membru li ssirlu t-talba. Għalhekk dan huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja minħabba f’hekk, trid tinterpreta kif għandu jinftiehem, kemm‑il darba min wettaq ir-reat ikun wettaq atti preparatorji fl-Istat emittenti ( 31 ). |
|
73. |
Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Gvern Irlandiż, ir-rikonoxximent mill-Istat Membru emittenti ma huwiex sinjifikattiv għal din id-domanda, billi tali rikonoxximent ma jbiddel xejn fil-post fejn twettaq ir-reat. Imma l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiffoka espressament fuq fejn “ġie imwettaq” ir-reat. Għaldaqstant ir-reat jeħtieġ li fil-każ speċifiku rilevanti jkun ġie mwettaq barra mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat. |
|
74. |
Fil-każ preżenti, il-persuna kkundannata ftiehmet ma’ persuna oħra fil-Litwanja sabiex għal flus twassal drogi lejn in-Norveġja. Hija ttrasportat id-droga barra mil-Litwanja u hija u tagħmel dan qasmet bosta fruntieri internazzjonali, sakemm fl-aħħar daħlet fin-Norveġja mill-Isvezja. Hemmhekk huwa nqabad madwar ħames kilometri ’l bogħod mill-fruntiera b’bosta kilogrammi ta’ metamfetamina. Huwa ġie kkundannat minħabba “kunsinna illegali ta’ kwantità kbira ta’ sustanzi narkotiċi”. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiex stabbilit li s-suġġett tal-kundanna kienu azzjonijiet li ġew imwettqa fil-Litwanja. |
|
75. |
F’dan ir-rigward il-kawża prinċipali tqajjem tliet kwistjonijiet, jiġifieri l-ewwel, jekk riferiment għall-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hijiex diġà eskluża, jekk biss uħud, imma mhux l-azzjonijiet kriminali kollha ġew imwettqin fl-Istat emittenti, it-tieni, sa fejn il-kunċett reat għandu jinkludi atti preparatorji u t-tielet, jekk din hijiex kwistjoni tat-tul tal-kundanna li trid tiġi eżegwita. |
a) Partijiet mir-reat li ġew imwettqa fit-territorju nazzjonali
|
76. |
Għal dak li għandu x’jaqsam il-firxa meħtieġa tar-reati fl-Istat emittenti, l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jinqara flimkien mas-subparagrafu (a). |
|
77. |
L-Artikolu 4(7)(a) jispeċifika li r-reat irid ikun ġie mwettaq “interament jew f’parti” fl-Istat Membru li jeżegwixxi. Għaldaqstant it-twettiq ta’ partijiet mir-reat fl-Istat Membru li jeżegwixxi huwa biżżejjed sabiex dan l-istess Stat Membru jkun jista’ jirrifjuta l-estradizzjoni skont dan ir-regolament. |
|
78. |
Għal kuntrarju, l-Artikolu 4(7)(b) jispeċifika li l-azzjoni tkun ġiet imwettqa “barra mit-territorju” tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat, mingħajr żieda ta’ kliem ieħor. Għalhekk ir-raġuni għall-esklużjoni tas-subparagrafu (b) tapplika biss, jekk ir-reat ikun ġie interament imwettaq barra mit-territorju tal-Istat li jkun għamel it-talba, filwaqt li ma huwiex biżżejjed, jekk ir-reat ikun ġiet imwettaq biss parzjalment barra mit-territorju tal-Istat. |
|
79. |
Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-kunsiderazzjoni li l-Artikolu 4 (7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma japplikax biss għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ priġunerija rilevanti f’dan il-każ, imma wkoll għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali. Tali proċeduri kriminali għandhom ikunu wkoll possibbli, jekk l-Istat li jkun għamel it-talba jieħu azzjoni, billi huwa jibbaża l-ġurisdizzjoni territorjali tiegħu biss fuq parti mir-reat. |
b) Il-kunċett ta’ reat
|
80. |
Imma l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi wkoll, sa liema estent atti preparatorji tar-reat għandhom jitqiesu fir-rigward tar-reat li għalih qiegħda ssir it-talba għall-estradizzjoni. |
|
81. |
F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jirrikorri għall-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Bħala espressjoni tal-prinċipju ne bis in idem skont l-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi rrifjutat, jekk il-persuna rikjesta tkun diġà ġiet ikkundannata minħabba l-istess reat. F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja, hija u tinterpreta l-kunċett “l-istess reat” ikkunsidrat ir-reat konkret, indipendentement mill-klassifikazzjoni legali tiegħu jew mill interess legali protett, u kkonstatat, li r-reat konkret jinkludi sett ta’ ċirkustanzi konkreti marbutin flimkien b’mod li ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin ( 32 ). |
|
82. |
Għalhekk ukoll għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-reat li ġie mwettaq, wieħed għandu jikkunsidra r-reat kif twettaq konkretament. Deċiżivi huma ċ-ċirkustanzi konkreti marbutin flimkien b’mod li ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin. |
|
83. |
Għal dak li għandu x’jaqsam ir-reati fil-qasam tat-traffikar illegali tad-drogi, l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-istess drogi narkotiċi f’bosta pajjiżi jistgħu jirrappreżentaw sett ta’ ċirkustanzi li minħabba n-natura tagħhom, huma marbutin flimkien b’mod li ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin ( 33 ). |
|
84. |
Minħabba f’hekk, huwa ovvju li l-persuna kkundannata, apparti r-reati tal-provvista u l-importazzjoni ta’ drogi narkotiċi fin-Norveġja, wettqet atti kriminali fil-Litwanja b’mod partikolari l-esportazzjoni ta’ droga. B’hekk ir-reat ma ġiex imwettaq esklużivament barra mit-territorju tal-Istat Membru emittenti. Jekk ftehim ma’ persuna oħra sabiex tittrasporta droga għal flus huwiex parti minn dan is-sett ta’ ċirkustanzi, ma għandux bżonn għalhekk ta’ evalwazzjoni finali. Madankollu tali ftehim jindika li l-persuna kkundannata esportat id-drogi narkotiċi barra mil-Litwanja sabiex timportahom fin-Norveġja u allura aġixxiet b’intenzjoni kriminali. |
|
85. |
Iżda l-evalwazzjoni deċiżiva hija tal-qrati nazzjonali rilevanti u kompetenti li jridu jistabbilixxu jekk il-fatti materjali inkwistjoni jirrappreżentawx sett ta’ ċirkustanzi, li fid-dawl taż-żmien u tal-ispazju kif ukoll minn dak tal-għan, huma marbutin flimkien b’mod li ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin ( 34 ). Fil-każ preżenti ta’ proċeduri ta’ estradizzjoni, tali konstatazzjoni tal-fatti hija prinċipalment ir-responsabbiltà tal-qrati Irlandiżi, li madankollu jridu jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lill-evalwazzjonijiet tal-qrati Norveġiżi li ġew rrikonoxxuti fil-Litwanja. Jekk tkun meħtieġa kjarifika ulterjuri, huma barra minn hekk għandhom, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, jitolbu lill-qrati tal-Litwanja għal informazzjoni supplimentari. |
c) Dwar is-suġġett tal-kundanna
|
86. |
Fil-każ preżenti, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ukoll minħabba l-fatt li l-kundanna tal-qrati Norveġiżi ma hijiex relatata ma’ qsim ta’ fruntieri imma ngħatat minħabba provvista ta’ sustanzi narkotiċi. |
|
87. |
Huwa veru li s-suġġett tal-kundanna – kif jidher – f’dan il-każ huwa biss reat li ġie mwettaq barra mit-territorju tal-Istat Membru emittenti. Madankollu l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas fit-test tiegħu jispeċifika, fejn ir-reat “ġie mwettaq”. Li kieku l-leġiżlatur ried jispeċifika reati li diġà ngħatat deċiżjoni dwarhom, kieku kien juża l-kunċett “fejn kien hemm sentenza”, kif inhi mniżżla pereżempju fl-Artikolu 3(2) jew fl-Artikolu 4(5). |
|
88. |
Li kieku kellha tiffoka fuq il-kundanna ta’ ħtija, l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tkun sproporzjonalment diffiċli. Billi fil-mument tal-kundanna normalment wieħed ma jkunx jista’ jantiċipa liema azzjonijiet kriminali iktar tard jistgħu jkunu sinjifikattivi għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u minħabba f’hekk għandhom jiġu inklużi. Dan japplika b’mod partikolari għal kundanni fi Stati terzi, billi fil-qrati ta’ dawn il-pajjiżi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas ma hijiex daqshekk komuni. |
|
89. |
Wara kollox ma jirriżulta xejn differenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ kriminalità doppja. Huwa veru li l-kriminalità doppja hija relatata b’mod deċiżiv mal-elementi fattwali li jiffurmaw il-bażi ta’ reat, kif ġew riprodotti fis-sentenza mogħtija fl-Istat emittenti ( 35 ). Madankollu anki l-kriminalità doppja tiffoka fuq it-twettiq tar-reat u mhux fuq il-kundanna. Billi skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI ( 36 ), l-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jagħmel ir-rikonoxximent ta’ sentenza dipendenti fuq il-fatt li jirrelata ma’ atti li wkoll, taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, jikkostitwixxu reat. |
3. Risposta għat-tieni domanda
|
90. |
Għaldaqstant awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew skont l-Artikolu 4(7)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta jiġi stabbilit, li l-persuna rikjesta għamlet atti preparatorji punibbli fl-Istat emittenti, li huma konkretament marbutin mar-reat b’mod li ma jistgħux jiġu sseparati minnu, u li minħabba fihom, il-persuna rikjesta ġiet ikkundannata. |
V. Deċiżjoni
|
91. |
Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45) kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).
( 3 ) ĠU 2006, L 292, p. 2, approvat f’isem l-Unjoni permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/835/UE tas‑27 ta’ Novembru 2014 (ĠU 2014, L 343, p. 1).
( 4 ) Avviż dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Konsenja bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda u n-Norveġja (ĠU 2019, L 230, p. 1).
( 5 ) Kif emendata.
( 6 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 42).
( 7 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C‑241/15, EU:C:2016:385, punti 43 u 44, u 49 sa 57), u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 27).
( 8 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punti 32 u 33).
( 9 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 43 u 44) u PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457, punti 22 u 23).
( 10 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 36); tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 43) u PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 22); u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 46).
( 11 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 55 sa 57), u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 65).
( 12 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 45), u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 48).
( 13 ) Punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 14 ) “[A]ny other enforceable judicial decision having the same effect, coming within the scope of Articles 1 and 2” jew “toute autre décision judiciaire exécutoire ayant la même force entrant dans le champ d’application des articles 1er et 2”.
( 15 ) Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski (C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 59).
( 16 ) Dwar dan ara wkoll is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 35 et seq.), u tal-15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C-128/18, EU:C:2019:857, punti 46 et seq.).
( 17 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 63).
( 18 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 67), u PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 45).
( 19 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, ZB (Prosekutur tar-Re għal Brussell) (C‑627/19 PPU, EU:C:2019:1079, punt 36).
( 20 ) Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191), kif ukoll is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 82), tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 43), u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 49).
( 21 ) Sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 83), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 45).
( 22 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, NS (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 80 sa 85); tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 50 et seq.); tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 48); tat‑2 ta’ April 2019, H. u R. (C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 40); u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 47).
( 23 ) Sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 84); tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 44); u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 50).
( 24 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 59), u tat‑12 ta’ Frar 2019, TC (C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 43).
( 25 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, NS (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 87 et seq.); tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 88 u 89); tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 57 sa 59); tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punti 51 sa 53); u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 65).
( 26 ) Ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 64).
( 27 ) Sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 92 u 94); tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 73); u tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu (C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 55).
( 28 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 76), u tad‑19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 42).
( 29 ) Ara wkoll is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 55 sa 57), u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 65); ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 52).
( 30 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 73).
( 31 ) Ara wkoll is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Kozlowski (C‑66/08, EU:C:2008:437, punt 42); tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 38); tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž (C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 26); tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis (C‑135/15, EU:C:2016:774, punt 28); u tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI (C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 31).
( 32 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punti 39 u 40), abbażi tas-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2006, van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punti 27, 32 u 36), u tat‑28 ta’ Settembru 2006, van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614, punti 41, 47 u 48) dwar l-Artikolu 54 dwar il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.
( 33 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2006, van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punt 37), u tat‑28 ta’ Settembru 2006, van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614, punt 51).
( 34 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, van Esbroeck (C‑436/04, EU:C:2006:165, punt 38), u tat‑28 ta’ Settembru 2006, van Straaten (C‑150/05, EU:C:2006:614, punt 52).
( 35 ) Sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Grundza (C‑289/15, EU:C:2017:4, punt 37).
( 36 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27).