KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑3 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑485/19

LH

vs

PROFI CREDIT Slovakia s.r.o.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Direttiva 2008/48/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur – Arrikkiment indebitu tal-persuna li ssellef minħabba pagament abbażi ta’ klawżola illeċita – Obbligu li tiġi pprovata n-natura intenzjonali tal-arrikkiment indebitu tal-persuna li ssellef – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-konsumatur – Rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tissemma fil-kuntratt – Tneħħija ta’ ċerti rekwiżiti abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Obbligu tal-qorti nazzjonali li tinterpreta l-verżjoni preċedenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”

I. Introduzzjoni

1.

Reċentement, tressqu diversi rinviji għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-limitazzjoni ratione temporis tal-protezzjoni żgurata lill-konsumaturi permezz tad-dritt tal-Unjoni ( 2 ). Wara li ċċarat ċertu numru ta’ aspetti relatati mal-konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tal-konsumaturi u l-konsegwenzi li jitnisslu minnu, il-Qorti tal-Ġustizzja issa qiegħda tiġi mitluba sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mal-eżerċizzju ta’ rikorsi li huma intiżi sabiex iħassru l-konsegwenzi ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet.

2.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jaqa’ taħt din il-linja ġurisprudenzjali. Fil-fatt, permezz ta’ erbgħa mis-sitt domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti kjarifiki li jippermettulha tiddeċiedi dwar il-konformità tas-sistema ta’ preskrizzjoni applikabbli, taħt id-dritt Slovakk, fir-rigward tar-rimedji għall-konsumaturi, mad-dritt tal-Unjoni.

3.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tal-ewwel żewġ domandi preliminari. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu, fl-ewwel lok, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li jibda’ jiddekorri mill-mument ta’ arrikkiment indebitu u, fit-tieni lok, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, li madankollu japplika biss jekk il-konsumatur jipprova n-natura intenzjonali tal-arrikkiment indebitu, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 93/13/KEE

4.

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE ( 3 ):

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

2. Id-Direttiva 2008/48/KE

5.

L-għan tad-Direttiva 2008/48/KE ( 4 ) huwa, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tarmonizza ċerti aspetti ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi ta’ Stati Membri dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur.

6.

L-Artikolu 3(i) tad-Direttiva 2008/48 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “rata perċentwali annwali ta’ imposta” (RPAI) bħala l-“ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur espressa bħala perċentwali annwali ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, fejn applikabbli inklużi l-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 19(2)”.

7.

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(g)

ir-[RPAI] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

(h)

l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur u, fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għal bilanċi pendenti differenti b’rati tas-self differenti għall-finijiet ta’ radd lura;

(i)

fejn ikun involut amortizzament ta’ kapital ta’ ftehim ta’ kreditu b’tul ta’ żmien fiss, id-dritt tal-konsumatur li jirċievi, fuq talba jew mingħajr ħlas, fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ amortizzament.

Tabella ta’ amortizzament għandha tindika l-ħlasijiet dovuti u l-perijodi u l-kondizzjonijiet relatati mal-ħlas ta’ tali ammonti; it-tabella għandu jkun fiha analiżi dettaljata ta’ kull radd lura li turi amortizzament kapitali, l-interessi kkalkolati abbażi tar-rata tas-self u, fejn applikabbli, l-ispejjeż addizzjonali; fejn ir-rata ta’ l-interessi mhix fissa jew l-ispejjeż addizzjonali jistgħu jitbiddlu taħt il-ftehim ta’ kreditu, it-tabella ta’ amortizzament għandha turi b’mod ċar u konċiż li d-data misjuba fit-tabella tibqa’ valida biss sakemm ir-rata tas-self jew l-ispejjeż addizzjonali jiġu mibdula skond il-ftehim ta’ kreditu;

[…]”

B.   Id-dritt Slovakk

8.

Skont l-Artikolu 53(1) tal-Občiansky zákonník (il-Kodiċi Ċivili), il-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma humiex validi.

9.

Skont l-Artikolu 107 ta’ dan il-kodiċi:

“1)   Id-dritt għall-ħlas lura minħabba arrikkiment indebitu jiġi preskritt f’terminu ta’ sentejn mid-data li fiha l-persuna kkonċernata ssir taf bl-arrikkiment indebitu u tiskopri min ġie arrikkit għad-detriment tagħha.

2)   Id-dritt għall-ħlas lura minħabba arrikkiment indebitu jiġi preskritt f’terminu ta’ mhux iktar minn tliet snin, u f’terminu ta’ għaxar snin f’każ ta’ arrikkiment indebitu intenzjonali, mid-data li fiha jkun seħħ l-arrikkiment indebitu.

[…]”

10.

L-Artikolu 451(2) tal-imsemmi kodiċi jiddefinixxi l-“arrikkiment indebitu” bħala “vantaġġ pekunjarju miksub permezz ta’ benefiċċju li ma għandux bażi legali, benefiċċju bbażat fuq att legali null jew benefiċċju bbażat fuq raġuni legali li ma għadhiex teżisti, kif ukoll vantaġġ pekunjarju li ġej minn sorsi diżonesti”.

11.

Iż-zákon č. 129/2010 Z. z. o spotrebiteľských úveroch a o iných úveroch a pôžičkách pre spotrebiteľov a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 129/2010 dwar il-Krediti għall-Konsum u l-Krediti u Self Ieħor Mogħti għall-Konsumaturi u li Temenda Ċerti Liġijiet Oħra, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 129/2010”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, hija intiża sabiex tittrasponi fid-dritt Slovakk id-Direttiva 2008/48.

12.

Skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 129/2010, il-kreditu għall-konsum huwa “meqjus eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż” jekk il-kuntratt relatat ma jkunx fih l-elementi meħtieġa, b’mod partikolari, mill-Artikolu 9(2)(a) sa (k) ta’ din il-liġi, jew ma jindikax korrettament ir-RPAI għad-detriment tal-konsumatur.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari

13.

Matul is-sena 2011, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-istituzzjoni ta’ kreditu PROFI CREDIT Slovakia s.r.o. ikkonkludew kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għal ammont ta’ EUR 1500.

14.

Wara li ħallas lura l-kreditu kollu, jiġifieri EUR 3 698.40, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie informat minn ġurist, fix-xahar ta’ Frar 2017, li l-klawżola tal-kuntratt dwar l-ispejjeż ta’ differiment kellha natura inġusta u li l-indikazzjonijiet dwar ir-RPAI li kienu ġew ipprovduti lilu kienu żbaljati.

15.

Fix-xahar ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għall-ħlas lura tal-ispejjeż li skontu kienu ġew miksuba inġustament. Għad-difiża tagħha, PROFI CREDIT Slovakia invokat il-preskrizzjoni tad-dritt ta’ azzjoni tal-persuna kkonċernata.

16.

Adita b’appell ( 5 ), il-qorti tar-rinviju tqis li ċerti ċirkustanzi jindikaw li l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni jista’, f’diversi aspetti, imur kontra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kreditu għall-konsumaturi ( 6 ).

17.

L-ewwel ċirkustanza hija li skont il-kuntratt kontenzjuż, PROFI CREDIT Slovakia setgħet, sa mill-ewwel jum tar-relazzjoni kuntrattwali, titlob li jitħallsu l-ispejjeż, fl-ammont ta’ EUR 367.49, inkambju tal-possibbiltà mogħtija lill-konsumatur li fil-futur jikseb differiment tal-ħlas lura tal-kreditu. Minħabba li ġew applikati dawn l-ispejjeż, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma rċeviex l-ammont miftiehem ta’ EUR 1500, iżda l-ammont residwu ta’ EUR 1 132.51, jiġifieri tnaqqis ta’ 24 %, minkejja li l-konsumatur ma kienx ċert li kien ser jagħmel użu mill-possibbiltà li jiddiferixxi r-rimbors. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-imsemmija spejjeż kienu inġusti u jidher li hija tikkunsidra li dawn kienu nġabru mill-persuna li ssellef abbażi ta’ klawżola inġusta. Barra minn hekk, hija tirreferi għas-sentenza Radlinger u Radlingerová ( 7 ) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont totali tal-kreditu u l-ammont tal-ġbid ta’ kreditu jirreferu għas-somom kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-konsumatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jiġu esklużi l-ammonti allokati mill-persuna li ssellef għall-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-kreditu kkonċernat u li fil-fatt ma tħallsux lil dan il-konsumatur.

18.

It-tieni ċirkustanza hija li r-RPAI msemmija fil-kuntratt (66.31 %) hija inqas mir-rata ta’ interessi (70 %), li tista’ tkun marbuta mal-fatt li r-RPAI ma ġietx ikkalkolata abbażi tal-ammont effettivament imħallas minn PROFI CREDIT Slovakia. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Slovakk, l-indikazzjoni żbaljata tar-RPAI hija ssanzjonata bit-telf, għall-persuna li ssellef, tad-dritt għall-ħlas tal-interessi u tal-ispejjeż relatati mal-kreditu.

19.

Il-qorti tar-rinvju tindika wkoll li l-leġiżlazzjoni Slovakka tipprevedi, għal rikorsi ppreżentati minn konsumaturi, żewġ tipi ta’ termini ta’ preskrizzjoni, jiġifieri t-terminu ta’ preskrizzjoni suġġettiv u t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv.

20.

It-terminu ta’ preskrizzjoni suġġettiv huwa ta’ sentejn u jibda jiddekorri mill-mument li fih il-konsumatur isir jaf bl-arrikkiment indebitu ( 8 ). Jidher li huwa dan it-terminu li ġie osservat f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie informat bid-dannu inkwistjoni fix-xahar ta’ Frar 2017 u ppreżenta r-rikors tiegħu fix-xahar ta’ Mejju 2017.

21.

It-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv jibda jiddekorri mill-mument li fih ikun effetivament seħħ arrikkiment indebitu u t-tul tiegħu jvarja ( 9 ): skont il-leġiżlazzjoni Slovakka, dan huwa ta’ għaxar snin fil-każ ta’ arrikkiment intenzjonali u ta’ tliet snin fl-assenza ta’ tali intenzjoni ( 10 ). Dan it-tieni terminu jidher li kien diġà skada f’dan il-każ, peress li għaddew iktar minn tliet snin mill-ħlas tal-ispejjeż inkwistjoni (probabbilment matul is-sena 2011) sal-preżentata tar-rikors mir-rikorrent fil-kawża prinċipali (fix-xahar ta’ Mejju 2017).

22.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li l-qrati Slovakki applikaw id-dispożizzjonijiet dwar it-termini ta’ preskrizzjoni li kienu favorevoli għall-konsumaturi. Dawn il-qrati interpretaw b’mod “flessibbli” in-natura intenzjonali tal-arrikkiment indebitu u konsegwentement applikaw it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ għaxar snin. Madankollu, dan l-approċċ ġie kkontestat mid-deċiżjoni mogħtija min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) fit‑18 ta’ Ottubru 2018. Skont din id-deċiżjoni, ibbażata b’mod partikolari fuq analoġija mad-definizzjoni ta’ “nuqqas” li tinsab fiż-zákon 300/2005 Z.z., Trestný zákon (il-Kodiċi Kriminali Slovakk) ( 11 ), huwa r-rikorrent li jinvoka t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv speċjali ta’ għaxar snin, fir-rigward tal-każijiet ta’ arrikkiment indebitu “intenzjonali”, li għandu juri li l-persuna li ssellef infatti kellha l-intenzjoni li tarrikkixxi ruħha inġustament għad-detriment tiegħu. Fin-nuqqas ta’ tali prova, għandu jiġi applikat it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ġenerali ta’ tliet snin. Issa, skont iż-zákon č. 99/1963 Zb., Občiansky súdny poriadok (il-Liġi Nru 99/1963 li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, il-qrati inferjuri huma obbligati li jikkonformaw ruħhom mal-ġurisprudenza li tirriżulta mid-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2018.

23.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ġunju 2019, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sitt domandi preliminari, fejn l-ewwel tnejn, imsemmija fit-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ), huma fformulati kif ġej:

“1)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Karta”)], kif ukoll, impliċitament, id-dritt tal-konsumatur għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 107(2) tal-[Kodiċi Ċivili] dwar il-preskrizzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għal terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin, li jipprevedi li d-dritt tal-konsumatur għal ħlas lura minħabba klawżola inġusta jiddekadi anki jekk il-konsumatur ma jkunx f’pożizzjoni li jevalwa huwa nniffsu l-klawżola inġusta u li jkun hemm preskrizzjoni anki meta l-konsumatur ma kienx konxju min-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali?

2)

Fil-każ li l-istabbiliment tal-preskrizzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għal terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin huwa konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-prinċipju ta’ effettività, anki minkejja li huwa ma kienx konxju ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda li ġejja:

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħd fuq il-konsumatur l-oneru li jipprova, quddim il-qorti, li l-persuna li taġixxi f’isem il-kreditur kien konxju mill-fatt li l-kreditur jikser id-drittijiet tal-konsumatur, f’dan il-każ konxju mill-fatt li, billi ma jindikax ir-[RPAI] t-tajba, il-kreditur jikser dispożizzjoni legali, kif ukoll konxju mill-fatt li, f’tali każ, il-kreditu huwa eżenti minn interessi u li, billi jirċievi l-interessi, il-kreditur jikseb arrikiment indebitu?”

IV. Analiżi

24.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttivi 93/13 u 2008/48, l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività jipprekludux l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin ta’ kawża għal restituzzjoni ta’ servizzi mwettqa skont klawżola ddikjarata inġusta li jibda jiddekorri mill-mument li fih seħħ l-arrikkiment indebitu, jiġifieri fil-mument li fih twettqu dawn is-servizzi. Permezz tat-tieni domanda tagħha, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk dawn l-atti tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludux il-fatt li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, li jibda jiddekorri wkoll mill-mument li fih iseħħ l-arrikkiment indebitu, japplika biss jekk il-konsumatur jipprova n-natura intenzjonali ta’ dan l-arrikkiment.

25.

Il-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ domandi tista’ tqajjem ċerti dubji fir-rigward tar-rabta bejniethom, tal-kuntest tagħhom u tal-iskop tagħhom. Barra minn hekk, dawn id-dubji jinsabu, sa ċertu punt, fl-osservazzjonijiet ta’ ċerti partijiet li jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi. Għalhekk, qabel kollox ser nippreżenta xi osservazzjonijiet preliminari qabel ma nipproċedi għall-analiżi tal-imsemmija domandi dwar l-ammissibbiltà u l-mertu tagħhom.

A.   Osservazzjonijiet preliminari dwar id-domandi preliminari

1. Fuq ir-rabta bejn l-ewwel żewġ domandi preliminari

26.

Għandu jiġi nnotat li r-rabta bejn l-ewwel u t-tieni domanda preliminari ma hijiex ċara ħafna.

27.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li t-tieni domanda tagħha tqum biss jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv. Fil-fatt, hija tqis li t-tieni domanda għandha tiġi eżaminata biss jekk id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, jiġifieri jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ kawża għal restituzzjoni ppreżentata minn konsumatur ikun ta’ tliet snin li jibdew jiddekorru mill-arrikkiment indebitu.

28.

F’dan il-każ, jidher li għaddew iktar minn tliet snin bejn il-ħlas tal-ispejjeż inkwistjoni u l-preżentata tar-rikors mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li bħala prinċipju huwa impossibbli għar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jipprova n-natura intenzjonali tal-arrikkiment indebitu u li jibbenefika mit-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ għaxar snin.

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin jidher li diġà skada. Bl-applikazzjoni ta’ dan it-terminu, il-kawża għal restituzzjoni ppreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali hija, a priori, preskritta. Dan ma jkunx il-każ jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin (l-ewwel domanda) jew, eventwalment, dawk li jimponu, skont il-qorti tar-rinviju, oneru tal-prova eżorbitanti fir-rigward tat-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ għaxar snin (it-tieni domanda) jitqiesu li ma jistgħux jiġu invokati kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba n-nuqqas tal-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni. Mill-formulazzjoni tad-domandi niddeduċi li, fl-ewwel ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li ma tissuġġettax l-azzjoni mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali għal ebda terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv. Mill-banda l-oħra, fit-tieni ipoteżi, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali seta’ kien kapaċi jinvoka t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin.

30.

Konsegwentement, ser neżamina l-ewwel u t-tieni domanda preliminari fl-ordni li fiha saru mill-qorti tar-rinviju.

2. Fuq il-kuntest tal-ewwel żewġ domandi preliminari

31.

L-ewwel żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jsemmux atti oħra tad-dritt tal-Unjoni minbarra l-Karta. Issa, mill-espożizzjoni tal-motivi tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, u b’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija ċċitata fiha, jirriżulta li din il-qorti tqis li l-kuntratt ta’ kreditu konkluż mill-partijiet fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt l-applikazzjoni tad-Direttivi 93/13 u 2008/48 u li r-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirrigwarda dawn id-direttivi. F’dan is-sens, il-Kummissjoni Ewropea tanalizza dawn iż-żewġ domandi mill-perspettiva tad-Direttiva 93/13 u l-Gvern Slovakk mill-perspettiva tad-Direttivi 93/13 u 2008/48.

32.

Sabiex dawn iż-żewġ domandi jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom, għandu jiġi osservat li dawn jirrigwardaw il-limiti tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ azzjonijiet ibbażati fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

33.

Issa, la d-Direttiva 93/13 u lanqas id-Direttiva 2008/48 ma jistabbilixxu tali modalitajiet. Skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxihom, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività).

34.

Għandi nippreċiża wkoll, qabel kollox, li l-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdilha kjarifiki li jippermettulha tiddeċiedi jekk is-sistema ta’ preskrizzjoni Slovakka tosservax il-prinċipju ta’ ekwivalenza. Fi kwalunkwe każ, xejn ma jindika li din hija sistema speċifika għal rikorsi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk ma hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex osservat f’dan il-każ.

35.

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-formulazzjoni tad-domandi preliminari tista’ tissuġġerixxi li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar dan il-prinċipju esklużivament fil-kuntest tat-tieni domanda. Fil-fatt, l-ewwel domanda ma tinkludi ebda referenza espliċita għal dan il-prinċipju. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispeċifika, fis-sentenza introduttorja tat-tieni domanda, li din id-domanda qiegħda ssir biss fil-każ fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin ikun konformi mal-prinċipju ta’ effettività.

36.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu eżaminati r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel dawn iż-żewġ domandi mill-perspettiva kemm tal-prinċipju ta’ effettività kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta.

37.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza reċenti tagħha fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali u tad-Direttiva 93/13, tirreferi pjuttost għall-prinċipju ta’ ekwivalenza u għad-dritt għal rimedju effettiv ( 13 ) – jew iktar rarament għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 14 ) – milli għall-prinċipju ta’ ekwivalenza u għall-prinċipju ta’ effettività. Barra minn hekk, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat il-mod ta’ kif ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta huma marbuta ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività fil-kuntest tad-direttivi fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi ( 15 ).

38.

Madankollu, billi rreferiet, fil-ġurisprudenza tagħha, għad-dritt għal rimedju effettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ffokat fuq jekk il-modalitajiet proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali, eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, joħolqux riskju sostanzjali li konsumatur jiġi skoraġġut milli jinvoka b’mod utli id-drittijiet tiegħu quddiem il-qorti adita mill-bejjiegħ jew mill-fornitur ( 16 ). F’dan id-dawl, u kif esponejt fil-kuntest tat-termini ta’ preskrizzjoni ( 17 ), l-approċċ ibbażat fuq id-dritt għal rimedju effettiv jew għal protezzjoni ġudizzjarja huwa diffiċli biex tiddistingwih minn dak ibbażat fuq il-prinċipju ta’ effettività ( 18 ).

39.

Madankollu, jidhirli li l-użu tal-prinċipju ta’ effettività huwa iktar adattat għall-isfidi li tali termini jġibu magħhom, fid-dawl tal-fatt li s-sistema ta’ preskrizzjoni għandha tiġi evalwata fl-intier tagħha, kif stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali fin-nuqqas ta’ dritt sekondarju fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi f’dak li jirrigwarda l-kawżi għal restituzzjoni tas-servizzi mwettqa abbażi ta’ klawżoli li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

40.

Għar-raġunijiet li għadni kif esponejt, ser nanalizza l-ewwel u t-tieni domanda preliminari mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività.

3. Fuq l-għan tal-imsemmija domandi

41.

Jidher li teżisti ċerta kontradizzjoni bejn il-formulazzjoni tal-ewwel domanda u dik tat-tieni domanda sa fejn dawn id-domandi jiddeskrivu azzjoni li għaliha japplikaw it-termini ta’ preskrizzjoni kkonċernati.

42.

Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel domanda tikkonċerna espressament terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għad-“dritt tal-konsumatur għal ħlas lura minħabba klawżola inġusta”, it-tieni domanda tirreferi għal terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għal azzjoni bbażata fuq il-fatt li l-persuna li ssellef ma indikatx ir-RPAI t-“tajba” u, minħabba f’hekk, kisret regola u arrikkixxiet ruħha indebitament permezz tal-interessi li hija ġabret. Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-kuntest, li minn naħa, il-qorti tar-rinviju tispjega li indikazzjoni żbaljata tar-RPAI hija punibbli b’sanzjoni dissważiva fuq il-persuna li ssellef, jiġifieri, fost oħrajn, it-telf tad-dritt tal-persuna li ssellef għall-ħlas tal-ispejjeż. Mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriżulta li dan japplika wkoll fir-rigward tad-dritt tal-persuna li ssellef li titlob il-ħlas tal-interessi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali qiegħed jitlob sanzjoni – il-ħlas lura tal-ispejjeż u, kif tissuġġerixxi l-formulazzjoni tat-tieni domanda, il-ħlas lura tal-interessi miġbura mill-persuna li ssellef.

43.

Għalhekk l-ewwel domanda tista’ twassal sabiex wieħed jaħseb fid-Direttiva 93/13 u t-tieni domanda fid-Direttiva 2008/48.

44.

Dan il-qari ta’ dawn iż-żewġ domandi jirrifletti l-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, fl-espożizzjoni tal-motivi tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li minbarra l-ispejjeż eċċessivi, jidher li indikazzjoni ta’ RPAI żbaljata wkoll tikkostitwixxi ksur tar-regoli fil-qasam tal-għoti ta’ kreditu lill-konsumaturi. Din il-qorti tidentifika għalhekk żewġ raġunijiet għalfejn il-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali jista’ jkun kuntrarju għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kreditu lill-konsumaturi ( 19 ).

45.

Madankollu, l-ewwel żewġ domandi preliminari jidhru li jirrigwardaw it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-istess azzjoni mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali quddiem il-qrati Slovakki. Din l-azzjoni tidher li taqa’ taħt is-sistema tal-arrikkiment indebitu skont il-liġi Slovakka u nikkunsidra li, fil-każijiet imsemmija f’dawn iż-żewġ domandi, ir-raġuni għalfejn seħħ l-arrikkiment indebitu hija l-istess. Fir-rigward tat-tieni domanda, huwa għalhekk neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-Direttivi 93/13 u 2008/48 iqegħdux l-enfasi fuq in-natura intenzjonali tal-arrikkiment tal-bejjiegħ jew tal-fornitur. Madanakollu, ma jistax jiġi eskluż li, f’dan il-każ, il-klawżola kuntrattwali kontenzjuża tista’ tipproduċi effetti kuntrarji għad-Direttivi 93/13 u 2008/48. Għal din ir-raġuni, ser nanalizza ż-żewġ domandi mill-perspettiva ta’ dawn iż-żewġ direttivi.

46.

Ser neżamina preliminarjament l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari (Taqsima B). Imbagħad, sabiex nipprovdi risposta utli għal dawn id-domandi, ser nippreżenta, fl-ewwel lok, kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-preskrizzjoni tal-kawżi għal restituzzjoni fil-kuntest tad-direttivi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (Taqsima Ċ) u ser neżamina, fit-tieni lok, dawn id-domandi fl-ordni stabbilita mill-qorti tar-rinviju (Taqsimiet D u E).

B.   Fuq l-ammissibbiltà

47.

PROFI CREDIT Slovakia ssostni li l-irregolarità tal-proċedura segwita mill-qorti tar-rinviju sabiex tirreferi d-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari, li tikkonsisti fil-fatt li ma ngħatatx il-possibbiltà sabiex tesprimi ruħha dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni tal-proċedura, irriżultat fil-ksur tad-dritt tal-partijiet fit-tilwima għal smigħ xieraq.

48.

Barra minn hekk, b’mod partikolari, l-ewwel u t-tieni domanda preliminari jirrigwardaw, fir-realtà, l-interpretazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali, għaliex ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-preskrizzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 51 tal-Karta jillimita l-applikazzjoni ta’ dan l-istrument għas-sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, dawn id-domandi ma humiex utli sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

49.

Il-Gvern Slovakk jikkunsidra li, sa fejn it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-ewwel domanda, din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, din it-talba ma tindikax ir-raġuni għaliex il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità tat-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ġenerali ta’ tliet snin mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, jekk l-ewwel domanda kellha tkun inammissibbli, ma hemm ebda raġuni sabiex tiġi eżaminata, b’mod partikolari, it-tieni domanda.

50.

Jiena la nikkondividi r-riżervi fformulati minn PROFI CREDIT Slovakia u lanqas dawk ifformulati mill-Gvern Slovakk.

51.

Fir-rigward, qabel kollox, tad-dubji ta’ PROFI CREDIT Slovakia dwar ir-regolarità tal-proċedura segwita mill-qorti tar-rinviju, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura ġudizzjarji ( 20 ).

52.

Sussegwentement, fir-rigward tar-riżerva magħmula minn PROFI CREDIT Slovakia dwar id-domandi preliminari li ma jikkonċernawx id-dritt tal-Unjoni, huwa ċertament minnu li l-ewwel żewġ domandi ma jsemmux atti oħra tad-dritt tal-Unjoni minbarra l-Karta. Madankollu, kif sostnejt fil-punti 31 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn iż-żewġ domandi huma intiżi sabiex jinkisbu kjarifiki sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konformità, mad-Direttivi 93/13 u 2008/48, tar-regoli nazzjonali dwar it-termini ta’ preskrizzjoni stabbiliti skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ( 21 ).

53.

Issa, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ).

54.

Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza u li r-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq dawn id-domandi huwa possibbli biss jekk jidher li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domandi. Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-punti 31 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali konklużjoni ma tapplikax f’dan il-każ.

55.

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-riżerva fformulata mill-Gvern Slovakk, għalkemm l-espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel l-ewwel domanda tagħha ma hijiex xi mudell ta’ ċarezza, madankollu hija tippermetti li wieħed jifhem il-preokkupazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din id-domanda.

56.

Fil-fatt, kif indikajt fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-azzjoni mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali hija bħala prinċipju suġġetta għat-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin. Issa, dan it-terminu jidher li kien diġà skada f’dan il-każ. Sabiex din l-azzjoni ma tkunx preskritta, dan it-terminu għandu jitqies li ma jistax jiġi invokat kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali. Tali nuqqas ta’ infurzabbiltà jista’ jirriżulta min-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmi terminu mad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li, meta mqabbel mat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li permezz tiegħu l-qrati Slovakki kienu jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi b’mod konformi mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Gutiérrez Naranjo et ( 23 ), it-terminu ta’ tliet snin huwa ta’ żvantaġġ għall-konsumatur u jirrestrinġi d-drittijiet tiegħu, xi drabi sal-punt li jċaħħadhomlu. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tidher li tikkunsidra li t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin jista’ jrendi impossibbli fil-prattika l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni jew, tal-inqas, li dan it-terminu joħloq riskju sostanzjali li l-konsumatur jiġi skoraġġut milli jinvoka b’mod utli d-drittijiet tiegħu quddiem qorti nazzjonali.

C.   Fuq l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u l-preskrizzjoni tal-kawżi għal restituzzjoni fil-kuntest tad-direttivi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi

1. Fuq il-preskrizzjoni tal-kawżi għal restituzzjoni

57.

Kif indikajt fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fid-dawl tas-silenzju tal-leġiżlatur tal-Unjoni dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tal-kawżi għar-restituzzjoni ta’ ammonti miġbura abbażi ta’ klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra d-Direttivi 93/13 u 2004/48, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu tali modalitajiet. Dawn jistgħu għalhekk jissuġġettaw tali kawżi għal termini ta’ preskrizzjoni.

58.

Huwa ċertament veru li, fis-sentenza Gutiérrez Naranjo et ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konstatazzjoni ġudizzjarja dwar in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha, bħala prinċipju u b’konsegwenza, tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien ikun fiha fl-assenza ta’ din il-klawżola. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ somom li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju li jikkorrispondi għal dawn l-istess somom.

59.

Madankollu, fil-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawżi magħquda Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale ( 25 ), jiena esponejt diversi argumenti favur it-teżi li dik is-sentenza ma tipprekludix li kawżi għal restituzzjoni ta’ pagamenti mwettqa abbażi ta’ klawżoli inġusti jistgħu jiġu preskritti. F’dan ir-rigward, ser nillimita ruħi li nfakkar biss li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tiddeċiedi dwar ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji, għamlet distinzjoni bejn il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni ta’ modalità proċedurali, bħalma huwa terminu raġonevoli ta’ preskrizzjoni ( 26 ).

60.

L-istess japplika għal sentenzi oħra li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kawżi għal restituzzjoni bbażati fuq id-Direttivi 93/13 u 2008/48 setgħu jkunu preskritti.

61.

Dan huwa l-każ fis-sentenza OPR-Finance ( 27 ). Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi l-kundizzjoni li s-sanzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt ta’ kreditu, flimkien mal-obbligu li jingħata lura l-ammont prinċipali, applikabbli fil-każ ta’ ksur, mill-persuna li ssellef, tal-obbligu previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48, għandha titqajjem mill-konsumatur f’terminu ta’ tliet snin. Madankollu, din il-konstatazzjoni għandha tinqara fil-kuntest tat-tilwima li tat lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’dik il-kawża. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dik it-tilwima, diretta kontra konsumatur, il-qorti tar-rinviju ma setgħetx tqajjem ex officio n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu u konsegwentement kellha tilqa’ t-talba tal-persuna li ssellef. Din is-sitwazzjoni kienet dovuta għall-fatt li n-nuqqas ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet ibbażata fuq il-projbizzjoni li jsir eżami ex officio tal-osservanza tal-obbligu previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 ( 28 ).

62.

L-istess japplika għas-sentenza Cofidis ( 29 ) fejn, fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjoni proċedurali li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali, meta jiskadi t-terminu ta’ dekadenza, milli tqajjem, ex officio jew wara eċċezzjoni mqajma minn konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba mill-bejjiegħ jew mill-fornitur tagħmel eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tal-protezzjoni li din id-direttiva tagħti lill-konsumaturi, fit-tilwimiet fejn il-konsumaturi huma l-konvenuti.

63.

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Slovakka, kif spjegat il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, xejn ma jindika li l-iskadenza tat-termini ta’ preskrizzjoni oġġettivi tipprojbixxi milli titqajjem ex officio l-indikazzjoni żbaljata tar-RPAI, u dan jiddistingwi dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari minn dak li ta lok għas-sentenza OPR-Finance ( 30 ). Skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 129/2010, tali indikazzjoni tidher li hija ssanzjonata awtomatikament bl-eżenzjoni mill-interessi u mill-ispejjeż.

64.

Barra minn hekk, minn din il-leġiżlazzjoni ma jirriżultax li l-iskadenza ta’ dawn it-termini ta’ preskrizzjoni oġġettivi tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli tqajjem ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, u dan jiddistingwi wkoll ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża minn dak li ta lok għas-sentenza Cofidis ( 31 ). Fil-fatt, skont l-Artikolu 53(1) tal-Kodiċi Ċivili, il-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma humiex validi. Il-Kummissjoni tinterpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li hija nullità assoluta u li, skont id-duttrina Slovakka, tali nullità tittieħed f’kunsiderazzjoni mill-qorti anki fl-assenza ta’ talba mill-partijiet u mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis. Fi kwalunkwe każ, nosserva li ma jidhirx li l-Artikolu 107 tal-Kodiċi Ċivili jikkonċerna azzjonijiet għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali, iżda biss kawżi għal restituzzjoni li jaqgħu taħt is-sistema tal-arrikkiment indebitu.

2. Fuq il-limiti tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri

65.

Il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw kawżi għal restituzzjoni għal termini ta’ preskrizzjoni ma jimplikax li l-flessibbiltà li huma għandhom f’dan ir-rigward tkun illimitata. Is-sistema ta’ preskrizzjoni għandha tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi diversi kjarifiki fir-rigward tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju f’dak li jikkonċerna l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Peress li reċentement kelli l-okkażjoni li nanalizza din il-ġurisprudenza f’kuntest simili għal dak tal-kawża preżenti ( 32 ), ser nillimita ruħi għal sommarju tat-tagħlimiet li wieħed jista’ jislet minnha.

66.

Meta tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun hemm lok, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Għalhekk, jista’ jkun meħtieġ li l-konsumatur jeżerċita ċertu viġilanza fir-rigward tas-salvagwardja tal-interessi tiegħu mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ effettività. Minn din il-perspettiva, l-iffissar ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali ma jrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Mill-banda l-oħra, terminu li joħloq riskju sostanzjali li l-konsumatur jiġi skoraġġut milli jinvoka b’mod utli d-drittijiet tiegħu quddiem il-qorti adita mill-bejjiegħ jew mill-fornitur ma jistax jitqies bħala wieħed raġonevoli. Fi kliem ieħor, terminu raġonevoli għandu jkun materjalment suffiċjenti sabiex jippermetti li l-konsumatur jipprepara u jippreżenta rikors effettiv ( 33 ).

67.

Sussegwentement, in-natura raġonevoli ta’ terminu – u, għaldaqstant, il-konformità tiegħu mal-prinċipju ta’ effettività – ma tistax tiġi ddeterminata esklużivament mit-tul taż-żmien tiegħu. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet kollha relatati ma’ dan it-terminu u, b’mod partikolari, l-avveniment li jagħti bidu għalih ( 34 ).

68.

Fl-aħħar nett, terminu ta’ preskrizzjoni, ikkunsidrat flimkien mal-modalitajiet rilevanti kollha, jitqies li josserva l-prinċipju ta’ effettività jekk ikun adattat għall-ispeċifiċità tal-qasam ikkonċernat sabiex ma jġibx fix-xejn l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

69.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki ġurisprudenzjali li għandhom jiġu analizzati d-domandi preliminari. B’mod iktar preċiż, għandu jiġi ddeterminat jekk it-termini ta’ preskrizzjoni previsti fid-dritt Slovakk jistgħux jitqiesu li huma raġonevoli fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

D.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

70.

Mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin jibda jiddekorri mill-mument meta effettivament ikun hemm arrikkiment indebitu. Minn dan niddeduċi li l-ħlas magħmul mill-konsumatur bl-intenzjoni li jeżegwixxi l-kuntratt jikkostitwixxi avveniment li jagħti lok għad-dekorrenza ta’ dan it-terminu. L-imsemmi terminu għandu għalhekk jiġi kkalkolat separatament għal kull ħlas magħmul mill-konsumatur matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ( 35 ).

71.

Issa, kuntratti ta’ kreditu, bħal dak konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, huma, bħala prinċipju, eżegwiti matul perijodi ta’ tul taż-żmien twil. Fil-fatt, il-funzjoni ekonomika ta’ kuntratti ta’ kreditu tikkonsisti, inter alia, fil-provvista immedjata ta’ ammont speċifiku li, biż-żieda tal-ispejjeż u l-interessi, sussegwentement jitħallas lura gradwalment mingħand min jissellef.

72.

F’dan il-kuntest, jekk l-avveniment li jagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin huwa kull ħlas magħmul mill-persuna li tissellef, huwa possibbli li, fil-kuntest ta’ kuntratt eżegwit matul perijodu ta’ iktar minn tliet snin, ċertu azzjonijiet ta’ din il-persuna li tissellef jiġu preskritti qabel ma jintemm il-kuntratt ( 36 ). Dan huwa minnu b’mod partikolari għall-azzjonijiet li jikkonċernaw pagamenti mwettqa immedjatament wara l-konklużjoni tal-kuntratt, li jistgħu jħeġġu lill-bejjiegħa jew lill-fornituri sabiex “jeħilsu” mill-biċċa l-kbira tal-pagamenti li jridu jsiru mill-klijenti tagħhom.

73.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sistema tal-preskrizzjoni tista’ sistematikament iċċaħħad lill-konsumaturi mill-possibbiltà li jitolbu l-ħlas lura tal-pagamenti magħmula skont klawżoli kuntrattwali li jmorru kontra d-direttivi fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi, qabel ma jintemm il-kuntratt inkwistjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li konsumatur, li ma jkollux għarfien sħiħ tan-nuqqas ta’ konformità tal-kuntratt mad-dritt tal-Unjoni u li jibża’ minn azzjoni li tista’ titressaq kontrih mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, ikun inklinat li jeżegwixxi l-obbligi kuntrattwali tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li hija ħaġa mhux tas-soltu li l-konsumatur jinforma ruħu b’tali nuqqas ta’ konformità għand avukat jew għand konsulent legali wara li jintemm il-kuntratt. Dan huwa partikolarment il-każ għall-kuntratti li jiġu eżegwiti matul diversi snin, li ma jikkostitwixxix perijodu twil biżżejjed sabiex konsumatur, li juri ċerta viġilanza f’dak li jikkonċerna s-salvagwardja tal-interessi tiegħu, jinforma ruħu dwar tali nuqqas ta’ konformità.

74.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ effettività jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew interpretazzjoni tagħha li tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, applikabbli għal kawżi għal restituzzjoni bbażati fuq klawżoli kuntrattwali meqjusa inġusti fis-sens tad-Direttiva 93/13 u/jew fuq klawżoli kuntrattwali kuntrarji għar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2008/48 jibda jiddekorri mill-mument meta effettivament ikun hemm arrikkiment indebitu.

75.

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda, li saret biss fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda. Madankollu ser inkompli bl-eżami tiegħi fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda.

E.   Fuq it-tieni domanda preliminari

1. Osservazzjonijiet preliminari dwar it-tieni domanda preliminari

76.

Għall-finijiet tal-kuntestwalizzazzjoni tal-problema li tqajjem it-tieni domanda, għandu jitfakkar li, skont id-dritt Slovakk, b’differenza għat-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin, dak ta’ għaxar snin japplika biss jekk tiġi pprovata n-natura intenzjonali tal-arrikkiment indebitu. B’hekk jidher li dan ma huwiex terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali, applikabbli bħala prinċipju, iżda terminu speċjali.

77.

Abbażi ta’ din il-premessa, il-Gvern Slovakk josserva li t-tieni domanda, magħmula biss fl-ipoteżi li t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ġenerali ta’ tliet snin jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, hija irrilevanti, peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni speċjali ta’ għaxar snin joffri vantaġġ addizzjonali, li fit-teorija jista’ saħansitra ma jeżistix. Fi kwalunkwe każ, skont il-Gvern Slovakk, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta tali benefiċċju għall-fatt li l-konsumatur irid jipprova n-natura intenzjonali tal-arrikkiment indebitu. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza CA Consumer Finance ( 37 ), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, peress li s-sitwazzjoni li tat lok għal din is-sentenza ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-kawża preżenti.

78.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li sitwazzjoni li fiha l-konsumatur għandu juri n-nuqqas intenzjonali tal-persuna li ssellef sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ għaxar snin ikun applikabbli tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

79.

Hija ssostni, qabelxejn, li klawżola tkun inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 meta ma tkunx is-suġġett ta’ negozjar individwali u twassal, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, sabiex jinħoloq żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur. Minn din id-dispożizzjoni l-Kummissjoni tiddeduċi li l-persuna li ssellef hija l-unika persuna responsabbli għall-eżistenza ta’ klawżola kuntrattwali inġusta u li l-eżistenza ta’ din il-klawżola tippreżumi li l-persuna li ssellef ma tkunx aġixxiet b’bona fide.

80.

B’referenza għas-sentenza Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen ( 38 ), il-Kummissjoni tindika sussegwentement, li l-fatt li jitqiegħed fuq il-konsumatur il-piż li jridu jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal meta mqabbel mat-terminu ta’ tliet snin, imur kontra dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tipprovdi lill-konsumaturi, l-Artikolu 6 tagħha għandu jitqies bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku.

81.

Fl-aħħar nett, b’differenza mill-Gvern Slovakk, il-Kummissjoni tqis li s-sentenza CA Consumer Finance ( 39 ) hija rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

82.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fir-rigward ta’ tliet suġġetti diskussi bejn il-partijiet: ir-rwol tal-intenzjoni fis-sistemi stabbiliti mid-Direttivi 93/13 u 2008/48, il-koeżistenza ta’ termini ta’ preskrizzjoni oġġettivi fid-dritt Slovakk u r-rilevanza tas-sentenza CA Consumer Finance ( 40 ).

2. Ir-rwol tal-intenzjoni fis-sistemi stabbiliti mid-Direttivi 93/13 u 2008/48

83.

L-argumenti li l-Kummissjoni tislet mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jidhru li huma bbażati fuq interpretazzjoni ta’ din id-direttiva li tgħid li, fis-sistema stabbilita minnha, l-eżistenza ta’ klawżola kuntrattwali inġusta tippreżumi n-nuqqas intenzjonali tal-bejjiegħ jew tal-fornitur li jkun inkluda din il-klawżola fil-kuntratt konkluż mal-konsumatur.

84.

Huwa minnu li l-kriterju relatat mal-bona fide (jew pjuttost l-assenza tagħha) jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13. Madankollu, dan il-kriterju ma jintużax sabiex jirrifletti l-fenomeni psikoloġiċi li jakkumpanjaw il-konklużjoni ta’ kuntratt. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħmel referenza għall-imsemmi kriterju sabiex tiddeskrivi r-riżultat li għalih klawżola kuntrattwali għandha twassal sabiex titqies inġusta. Bl-użu tat-termini tal-imsemmija dispożizzjoni, tali klawżola għandha toħloq żbilanċ sinjifikattiv, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide.

85.

Għalhekk, dan ma huwiex kriterju ta’ natura suġġettiva, iżda kriterju oġġettiv ( 41 ). Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi mal-premessa 16 tad-Direttiva 93/13, li tenfasizza l-elementi oġġettivi tal-evalwazzjoni tar-rekwiżit ta’ bona fide ( 42 ). F’din il-linja ta’ ħsieb, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk il-bejjiegħ jew fornitur, huwa u jittratta lill-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali ( 43 ).

86.

Huwa wkoll minnu li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li kull klawżola inġusta ma hijiex is-suġġett ta’ negozjati individwali. Minn dan jirriżulta li l-inklużjoni ta’ klawżola inġusta fil-kuntratt u l-kontenut ta’ din il-klawżola ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-konsumatur. Ċertament wieħed jista’ jargumenta li dawn iż-żewġ elementi huma, mill-banda l-oħra, suġġetti għall-kontroll esklużiv tal-bejjiegħ jew fornitur. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li din id-direttiva teħtieġ li l-bejjiegħ jew fornitur ikun intenzjonalment daħħal il-klawżola inġusta fil-kuntratt konkluż mal-konsumatur jew li hija tintroduċi preżunzjoni f’dan is-sens.

87.

Fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 93/13, l-intenzjoni li klawżola inġusta tiġi inkluża fil-kuntratt jew li jinħoloq żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur hija irrilevanti. Tali sistema ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi, għaliex teskludi l-possibbiltà stess li jinħoloq dibattitu dwar jekk il-bejjiegħ jew fornitur għandux tort għall-finijiet tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jew, eventwalment, jekk jirnexxilux jaqleb il-preżunzjoni stabbilita minn din id-direttiva ( 44 ). Fil-fatt, ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, għas-sempliċi fatt li tintuża klawżola inġusta, għandha tiġi kklassifikata bħala responsabbiltà oġġettiva.

88.

Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li s-sistema stabbilita mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali hija kkundizzjonata min-nuqqas intenzjonali tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, tali nuqqas, fis-sens ta’ din id-direttiva, ma jikkoinċidix neċessarjament mal-kunċett ta’ “nuqqas intenzjonali” fis-sens tad-dritt ta’ Stat Membru. Għalhekk, l-eżistenza ta’ klawżola inġusta fis-sens tal-imsemmija direttiva ma timplikax neċessarjament li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi applikat it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ għaxar snin, previsti fid-dritt Slovakk.

89.

L-istess japplika fir-rigward tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, li jgħid li l-indikazzjoni żbaljata tar-RPAI tmur kontra din id-dispożizzjoni, mingħajr ma l-intenzjoni tal-bejjiegħ jew tal-fornitur tkun tista’ taffettwa d-drittijiet tiegħu jew dawk tal-konsumatur.

90.

Konsegwentement, is-sistema stabbilita mid-Direttiva 93/13 ma hijiex ibbażata fuq l-idea li kull klawżola inġusta tirriżulta minn aġir intenzjonali jew kolpuż tal-bejjiegħ jew tal-fornitur. Għalhekk, din id-direttiva ma teħtieġx li l-konsumatur ikun jista’ jinvoka terminu ta’ preskrizzjoni speċjali li japplika fil-każ ta’ arrikkiment indebitu intenzjonali. L-istess japplika għal dak li jirrigwarda s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2008/48 u l-indikazzjoni żbaljata tar-RPAI.

3. Il-koeżistenza ta’ termini ta’ preskrizzjoni

91.

Il-Gvern Slovakk u l-Kummissjoni jenfasizzaw il-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ għaxar snin huwa terminu addizzjonali meta mqabbel mat-terminu ta’ tliet snin. Huma ma jaqblux fir-rigward tal-implikazzjonijiet tal-koeżistenza ta’ dawn it-termini fuq il-kompatibbiltà tat-terminu itwal mad-dritt tal-Unjoni.

92.

Jekk wieħed jippreżumi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali ta’ tliet snin, meqjus waħdu, ma jrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni ( 45 ), huwa diffiċli li jiġi kkunsidrat li terminu ta’ preskrizzjoni speċjali ta’ għaxar snin, addizzjonalment għal dak ta’ tliet snin, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività.

93.

Fil-fatt, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali tosservax il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura sħiħa, l-iżvolġiment u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet kollha relatati ma’ terminu ta’ preskrizzjoni ( 46 ). Fuq dan ir-raġunament, fil-kuntest ta’ tali stħarriġ, ma jistax jiġi injorat il-fatt li dan huwa terminu ta’ preskrizzjoni addizzjonali għal terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali li l-konformità tiegħu mal-prinċipju ta’ effettività kienet ġiet ivverifikata.

94.

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, in-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tiżgura lill-konsumaturi ma jistgħux ipoġġu fid-dubju l-kunsiderazzjoni li huwa improbabbli li terminu ta’ preskrizzjoni speċjali ta’ għaxar snin, addizzjonalment għat-terminu ta’ tliet snin li jikkonforma mal-prinċipju ta’ effettività, ma josservax ir-rekwiżiti ta’ dan il-prinċipju. Għalkemm l-intenzjoni tal-bejjiegħ jew tal-fornitur fir-rigward tal-arrikkiment tiegħu hija irrilevanti mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni ( 47 ), għandu jiġi kkunsidrat li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix, fir-rigward tal-arrikkiment intenzjonali, li konsumatur għandu jkun jista’ jinvoka terminu ta’ preskrizzjoni speċjali li huwa itwal meta mqabbel mat-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali.

4. Ir-rilevanza tas-sentenza CA Consumer Finance

95.

Fis-sentenza CA Consumer Finance ( 48 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/48 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-oneru tal-prova tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 8 tagħha (provvista ta’ informazzjoni prekuntrattwali u evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur) jaqa’ fuq il-konsumatur minħabba li tali leġiżlazzjoni tikkomprometti l-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, minn naħa, li l-konsumatur ma għandux il-mezzi sabiex jipprova li l-persuna li ssellef ma eżegwietx dawn l-obbligi. Hija indikat, min-naħa l-oħra, li l-effettività tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva hija żgurata minn regola nazzjonali li tgħid li l-persuna li ssellef hija, bħala prinċipju, obbligata li tiġġustifika quddiem il-qorti l-eżekuzzjoni tajba tal-imsemmija obbligi ( 49 ).

96.

Qabelxejn, għandi nosserva li, fis-sentenza CA Consumer Finance ( 50 ), il-kuntest li fih qamet il-problema legali tal-oneru tal-prova kien differenti minn dak ta’ din il-kawża. Bħal fis-sentenza OPR-Finance ( 51 ), analizzata fil-qosor fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din kienet kawża mressqa mill-bejjiegħ jew mill-fornitur kontra l-konsumatur.

97.

Sussegwentement, il-problema legali dwar l-oneru tal-prova li kienet is-suġġett ta’ dik is-sentenza kienet tikkonċerna ommissjonijiet tal-bejjiegħ jew tal-fornitur li setgħu jservu ta’ bażi għal azzjoni tal-konsumatur jew għal eċċezzjoni mqajma ex officio mill-qorti nazzjonali. Mill-banda l-oħra, in-natura intenzjonali tal-aġir tal-bejjiegħ jew tal-fornitur hija irrilevanti fis-sistemi stabbiliti mid-Direttivi 93/13 u 2008/48, sa fejn din tal-aħħar tikkonċerna l-indikazzjoni żbaljata tar-RPAI.

98.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin, bħal dak li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda, ma joħloqx problema mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, nipproponi li jiġi kkunsidrat li, bħala regola ġenerali, dan il-prinċipju lanqas ma jipprekludi terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ għaxar snin, addizjonalment għal dak ta’ tliet snin, bħal dak li huwa s-suġġett tat-tieni domanda.

99.

Madankollu, bla ħsara għall-osservazzjonijiet addizzjonali preċedenti, dwar it-tieni domanda, jiena nżomm il-pożizzjoni li esponejt fil-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

V. Konklużjoni

100.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja):

Il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew interpretazzjoni tagħha li tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin applikabbli għal kawżi għal restituzzjoni bbażati fuq klawżoli kuntrattwali meqjusa inġusti fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur u/jew fuq klawżoli kuntrattwali kuntrarji għar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, jibda jiddekorri mill-mument meta effettivament ikun hemm arrikkiment indebitu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:181). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

( 5 ) F’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiżax liema kienet id-deċiżjoni meħuda fl-ewwel istanza. Madankollu, PROFI CREDIT Slovakia tindika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li l-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-partijiet fit-tilwima ma kienx jinkludi ftehim dwar ir-RPAI u li, għaldaqstant, il-kreditu kien eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, u konsegwentement ordnat lil PROFI CREDIT Slovakia sabiex tħallas lura lill-konsumatur l-ammont li huwa kien irrimborsa minbarra l-kreditu.

( 6 ) Ninnota li l-ħames u s-sitt domanda preliminari jirrigwardaw l-implikazzjonijiet tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48. Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni differenti minn dak imsemmi fl-ewwel erba’ domandi. Fil-fatt, kif tammetti l-qorti tar-rinviju, din hija raġuni legali possibbli għar-rimbors tal-ispejjeż mitluba mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, differenti minn dik imsemmija fl-ewwel erba’ domandi.

( 7 ) Sentenza tal‑21 ta’ April 2016 (C‑377/14, EU:C:2016:283).

( 8 ) Ara l-Artikolu 107(1) tal-Kodiċi Ċivili.

( 9 ) Ara l-Artikolu 107(2) tal-Kodiċi Ċivili.

( 10 ) Ninnota li l-qorti tar-rinviju tindika li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin huwa applikabbli f’każ ta’ arrikkiment “b’negliġenza”. Issa, dan il-kriterju ma jinsabx fl-Artikolu 107(2) tal-Kodiċi Ċivili. Din l-indikazzjoni hija barra minn hekk ikkontestata mill-Gvern Slovakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ għaxar snin jidher li jikkostitwixxi eċċezzjoni meta mqabbel ma’ dak ta’ tliet snin, fejn għall-applikazzjoni ta’ dan l-aħħar terminu, ir-rekwiżiti fir-rigward tal-persuna arrikkita indebitament huma iktar baxxi.

( 11 ) Il-qorti tar-rinviju tqis li din l-analoġija hija “inaċċettabbli”, peress li l-mezzi disponibbli għall-prosekutur u għas-servizzi tal-pulizija fil-kuntest tal-proċedura kriminali ma jistgħux fl-ebda każ jiġu pparagunati ma’ dawk ta’ konsumatur li ma huwiex informat. Madankollu, il-Gvern Slovakk isostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-qorti tar-rinviju, hi u tirrikorri għal din l-analoġija mad-dritt kriminali fid-deċiżjoni tagħha tat‑18 ta’ Ottubru 2018, qiegħda tbiddel l-għan li għandu jintlaħaq min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), li ma kienx li tiddetermina min għandu jerfa’ l-oneru tal-prova iżda li tiddefinixxi l-kunċetti ta’ “nuqqas” u ta’ “nuqqas intenzjonali”.

( 12 ) Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet. It-tielet u s-sitt domanda preliminari ma humiex riprodotti f’dawn il-konklużjonijiet. Għall-kompletezza, ninnota li t-tielet u r-raba’ domanda jirrigwardaw iċ-ċirkustanzi li rikorrent għandu jistabbilixxi sabiex ikun jista’ jinvoka t-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ għaxar snin. Il-ħames u s-sitt domanda jikkonċernaw l-interpretazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni, mill-qrati ta’ Stat Membru, ta’ standard nazzjonali ddikjarat bħala inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48, kif ukoll dwar l-effett dirett possibbli ta’ din l-aħħar dispożizzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

( 13 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 57), u tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med (C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 47). Ara, ukoll, id-digriet tat‑28 ta’ Novembru 2018, PKO Bank Polski (C‑632/17, EU:C:2018:963, punt 43).

( 14 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 35).

( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:181, punt 65 u n-nota 19). Ara wkoll Szpunar, M., “Quelques aspects procéduraux de la protection des consommateurs contre les clauses abusives: le contrôle d’office dans le cadre des procédures accélérées et simplifiées”, f’Paschalidis, P. u Wildemeersch, J. (dir.), L’Europe au présent! Liber amicorum Melchior Wathelet, Bruylant, Brussell, 2018, p. 699 sa 701.

( 16 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 61), u tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med (C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 54). Ara, ukoll, id-digriet tat‑28 ta’ Novembru 2018, PKO Bank Polski (C‑632/17, EU:C:2018:963, punt 45).

( 17 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:181, punt 65 u n-nota 19).

( 18 ) Ċertament, billi għamlet referenza għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’waħda mis-sentenzi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, inter alia, l-importanza li jiġi ddeterminat jekk ir-regoli nazzjonali jaffettwawx b’mod sproporzjonat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumatur. Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punti 5152). Madanakollu, għandu jiġi rrilevat li r-referenzi għall-ġurisprudenza li jinsabu f’dik is-sentenza jikkonċernaw fil-parti l-kbira ġurisprudenza relatata mal-prinċipju ta’ effettività, filwaqt li l-parti relatata mal-preġudizzju sproporzjonat għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kellha biss bħala għan l-ibbilanċjar tal-interessi tal-konsumaturi u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

( 19 ) Ara l-punti 17 u 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank (C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) F’dan il-kuntest, ninnota li l-interpretazzjoni li tgħid li l-Karta tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet nazzjonali stabbiliti skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali hija kkorroborata mill-ġurisprudenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja pjuttost irreferiet għad-dritt għal rimedju effettiv (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 57), u tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med (C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 47)) jew għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 35)), kif previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta.

( 22 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 75).

( 24 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016 (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 61).

( 25 ) C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:181, punti 7677.

( 26 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 56).

( 27 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020 (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 36).

( 28 ) Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali Kokott qieset, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi magħquda Cofidis u OPR-Finance (C‑616/18 u C‑679/18, EU:C:2019:975, punti 62 sa 70), li t-terminu ta’ dekadenza nazzjonali jista’ jkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività.

( 29 ) Sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2002 (C‑473/00, EU:C:2002:705, punt 36).

( 30 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020 (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 36).

( 31 ) Sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2002 (C‑473/00, EU:C:2002:705).

( 32 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:181, punti 67 sa 69). Ara, ukoll, il-punti 37 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 62).

( 34 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 61).

( 35 ) Dan il-fatt jagħmel distinzjoni bejn it-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża u dik tal-kawża li fiha ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Raiffeisen Bank u BRD Groupe Société Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:181).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-effetti tal-kunsiderazzjoni li t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-azzjonijiet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ arrikkiment jibda jiddekorri mill-mument meta l-konsumatur jagħmel ħlas, Łętowska, E., Kwalifikacje prawne w sprawach o sanację kredytów frankowych - da mihi factum dabo tibi ius. Stanowisko prof. Ewy Łętowskiej dla Forum Konsumenckiego przy RPO (Pożizzjoni elaborata għall-Forum tal-konsumaturi li joperaw mal-Ombudsman Pollakk), https://www.rpo.gov.pl/sites/default/files/Prof._Ewa_Łętowska_Kwalifikacje_prawne_w_sprawach_o_sanację_kredytów_frankowych_da_mihi_final_29.06.20.pdf, p. 17 u 18.

( 37 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑449/13. EU:C:2014:2464).

( 38 ) Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018 (C‑147/16. EU:C:2018:320).

( 39 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 32).

( 40 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑449/13. EU:C:2014:2464).

( 41 ) Ara wkoll Mikłaszewicz, P., “Komentarz do art. 3851 k.c.”, f’Osajda, K. (dir.), Kodeks cywilny. Komentarz, Legalis, Varsavja, 2020 (is‑26 edizzjoni), kummentarju fuq l-Artikolu 3851 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, punt 10, li jindika li dan huwa “ksur tal-bona fide” f’sens oġġettiv.

( 42 ) Din il-premessa tiddikjara, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni, skont il-kriterji ġenerali stabbiliti, tan-natura inġusta tal-klawżoli, b’mod partikolari fl-attivitajiet professjonali ta’ natura pubblika li jipprovdu servizzi kollettivi li jieħdu inkunsiderazzjoni s-solidarjetà bejn l-utenti, għandha tiġi kkompletata permezz ta’ evalwazzjoni globali tad-diversi interessi involuti u li dan jikkostitwixxi r-rekwiżit ta’ bona fide.

( 43 ) Ara, reċentement, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank (C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 50).

( 44 ) Huwa ċertament minnu li sistema nazzjonali tal-arrikkiment indebitu tista’ tagħti importanza lill-fatt li l-konsumatur jew il-bejjiegħ jew fornitur ikunu konxji tal-assenza ta’ kawża ġusta għall-pagamenti magħmula mill-konsumatur. B’mod partikolari, sistema bħal din tista’ tipprevedi li l-pagamenti magħmula minn persuna li kienet taf bl-assenza ta’ kawża ġusta ma jitħallsux lura mill-persuna li arrikkiet ruħha. Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din is-sistema hijiex konformi mad-Direttivi 93/13 u 2008/48 kif ukoll mal-effett utli tagħhom. Fuq il-kwistjoni tal-għarfien tal-partijiet fil-kuntratt fil-kuntest tal-klawżoli inġusti, ara Łętowska, E., Kwalifikacje prawne w sprawach o sanacjOD kredytów frankowych — da mihi factum dabo tibi ius. Stanowisko prof. Ewy Łętowskiej dla Forum Konsumenckiego przy RPO (Pożizzjoni elaborata għall-Forum tal-konsumaturi li joperaw mal-Ombudsman Pollakk), https://www.rpo.gov.pl/sites/default/files/Prof._Ewa_Łętowska_Kwalifikacje_prawne_w_sprawach_o_sanację_kredytów_frankowych_da_mihi_final_29.06.20.pdf, p. 17. Fi kwalunkwe każ, din il-kwistjoni ma tqumx f’dan il-każ, partikolarment fl-ipoteżi fejn it-tieni domanda preliminari tiġi analizzata biss jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni oġġettiv ta’ tliet snin jitqies li huwa konformi ma’ dawn id-direttivi.

( 45 ) Ara l-punti 70 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Ara, ukoll, il-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara l-punti 83 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑449/13, EU:C:2014:2464).

( 49 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance (C‑449/13, EU:C:2014:2464, punti 2728).

( 50 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (C‑449/13, EU:C:2014:2464).

( 51 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020 (C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 36).