KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl‑10 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑450/19

Kilpailu‑ ja kuluttajavirasto

fil‑preżenza ta’

Eltel Group Oy,

Eltel Networks Oy

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Determinazzjoni tat-tul ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Kriterji – Akkordji li jestendu l-effetti tagħhom lil hinn mit-tmiem formali tagħhom – Kundizzjonijiet – Determinazzjoni tal-effetti ekonomiċi tal-aġir antikompetittiv – Tlestija tax-xogħlijiet diversi snin wara l-konklużjoni tal-kuntratt – Pagamenti parzjali mħallsa wara x-xogħlijiet”

I. Introduzzjoni

1.

Meta ksur allegat tal-Artikolu 101 TFUE jieħu l-forma ta’ koordinazzjoni rigward is-sottomissjoni ta’ offerti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti mnedija għat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, kif għandha tiġi evalwata d-data li fiha ntemmet l-imsemmija koordinazzjoni? Dan it-tmiem jista’ jseħħ qabel it-tmiem tax-xogħlijiet inkwistjoni, jew qabel it-tmiem tal-ħlas tagħhom? Essenzjalment, din hija l-kwistjoni f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament Nru 1/2003

2.

L-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat ( 2 ) huwa fformulat kif ġej:

“1)   Il-poteri konferuti fuq il-Kummissjoni mil-Artikolu 23 u 24 ħa jkun suġġett għal perjodi ta’ preskrizzjoni li ġejjin:

a)

tlett snin fil-każ ta’ ksur ta’ disposizzjonijiet li jikkonċernaw it-talba ta’ informazzjoni jew il-kondotta ta’ spezzjonijiet;

b)

ħames snin fil-każ ta’ kwalunkwe ksur ieħor.

2)   It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il-ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew ripetut, il-ħin jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ meta il-ksur intemm.

3)   Kwalunkwe azzjoni meħuda mil-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għall-għan ta’ l-investigazzjonijiet jew proċeduri b’rispett ta’ ksur tinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni għall-imposizzjoni ta’ multi jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. L-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika b’effet mid-data li fiha l-azzjoni ġiet notifikata lil mill-anqas waħda mil-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża li pparteċipaw fil-ksur. Azzjonijiet li jinterrompu l-preskrizzjoni ser jinkludu b’mod partikolari dawn li ġejjin:

a)

talba bil-miktub għal informazzjoni mil-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru;

b)

awtorizzazzjoni bil-miktub biex jagħmlu xi spezzjonijiet maħruġa lill-uffiċjali tal-Kummissjoni jew l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru;

ċ)

il-bidu tal-proċeduri mil-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru;

d)

notifika tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru.

4)   L-interuzzjoni tal-preskrizzjoni ser tapplika għall-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ l-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur.

5)   Il-preskrizzjoni terġa’ tibda tiddekorri wara kull interruzzjoni. Madankollu, il-perjodu tal-preskrizzjoni jagħlaq ma l-aħħar ġurnata li jkun ugwali għad-dopju tal-perjodu tal-preskrizzjoni jkun għadda mingħajr ma l-Kummissjoni ma tkun imponiet xi multa jew pagamenti ta’ pieni perjodiċi. Dak il-perjodu għandu jiġi mtawwal mal-perjodu li fih il-preskrizzjoni tkun sospiża skond tl-paragrafu 6.

6)   Il-limitu tal-preskrizzjoni applikabbli għall-imposizzjoni ta’ multi jew ħlas ta’ penali ser jiġi sospiż sa kemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.”

B.   Id-dritt Finlandiż

3.

L-Artikolu 1a tal-kilpailunrajoituslaki (il-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni) jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 u 82 tat-[Trattat KE] japplikaw meta restrizzjoni tal-kompetizzjoni jista’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

4.

L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“Għandhom ikunu pprojbiti kwalunkwe ftehim bejn professjonisti, kwalunkwe deċiżjoni ta’ assoċjazzjonijiet ta’ professjonisti u kwalunkwe prattika miftiehma ta’ professjonisti li għandhom l-għan jew l-effett li jipprekludu, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv.

Għandhom ikunu pprojbiti l-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiki miftiehma li jinvolvu, b’mod partikolari:

1)

l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ xiri jew bejgħ jew xi kundizzjoni kummerċjali oħra;

2)

il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investiment,

3)

it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta’ fonti ta’ provvista,

4)

l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti għal operazzjonijiet ekwivalenti mal-partijiet kummerċjali l-oħra, u b’hekk ipoġġuhom fi żvantaġġ kompetittiv; jew

5)

is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-partijiet l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skont l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti.”

5.

L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi jipprovdi li “[m]ulta ma tistax tiġi imposta fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ ksur tal-Artikolu 4 […] ta’ din l-istess liġi jew tal-Artikoli 81 jew 82 tat-Trattat KE jekk ma ssirx proposta f’dan is-sens lill-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi fi żmien ħames snin mit-tmiem tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni jew mid-data li fiha l-awtorità saret taf b’din ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni”.

III. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6.

L-impriża Fingrid Oyj hija l-klijenta prinċipali ta’ xogħlijiet ta’ trażmissjoni ta’ enerġija elettrika fil-Finlandja. Hemmhekk hija proprjetarja u responsabbli mill-iżvilupp tan-netwerk ta’ vultaġġ għoli użat għall-fluss ġenerali ta’ trażmissjoni tal-elettriku. Fis-16 ta’ April 2007 hija ppubblikat sejħa għal offerti għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fid-dawl tat-twettiq tal-linja ta’ trażmissjoni ta’ 400 kV Keminmaa‑Petäjäskoski. L-offerti kellhom jintbagħtu sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Ġunju 2007 sabiex ix-xogħol jintemm fit-12 ta’ Novembru 2009.

7.

Fl-4 ta’ Ġunju 2007, l-impriża Finlandiża Eltel Networks Oy ippreżentat l-offerta li rebħet il-kuntratt. L-offerta tindika li t-tlestija tal-proġett u l-kunsinna lill-klijent kienu previsti għat-12 ta’ Novembru 2009. Mid-deċiżjoni tal-kilpailu‑ ja kuluttajavirasto (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-Konsum, il-Finlandja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Kompetizzjoni”) jirriżulta li din l-offerta kienet ġiet sottomessa wara ftehim minn qabel ma’ impriża oħra ( 3 ) li kienet parteċipant fl-akkordju pprojbit allegat. Il-kuntratt dwar ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kien iffirmat bejn Eltel Networks u Fingrid fid-19 ta’ Ġunju 2007. Ix-xogħol tlesta fit-12 ta’ Novembru 2009. L-aħħar pagament parzjali tħallas fis-7 ta’ Jannar 2010.

8.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2014, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni għamlet, kif jeħtieġ id-dritt Finlandiż, lill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja) proposta li tiġi imposta multa ta’ EUR 35 miljun li hija riedet timponi solidament fuq Eltel Networks u Eltel Group Oy (iktar ’il quddiem, flimkien, “Eltel”) minħabba allegata parteċipazzjoni f’akkordju pprojbit ( 4 ). Skont id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni, l-imsemmi akkordju kien beda mhux iktar tard mix-xahar ta’ Ottubru 2004 u kompla minghajr interruzzjoni tal-inqas sax-xahar ta’ Marzu 2011. Għalhekk, Eltel kienet kisret l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar ir-Restizzjonijiet tal-Kompetizzjoni kif ukoll l-Artikolu 101 TFUE billi ftehmet, ma’ impriża oħra, dwar il-prezzijiet, il-marġni u t-tqassim tas-swieq ta’ ddisinjar u ta’ kostruzzjoni ta’ linji ta’ trażmissjoni tal-enerġija elettrika fil-Finlandja.

9.

Fit-30 ta’ Marzu 2016, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) ċaħdet il-proposta li tiġi imposta multa tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni. Fil-fehma tagħha, Eltel kienet waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni allegata qabel il-31 ta’ Ottubru 2009 u l-Awtorità tal-Kompetizzjoni ma kinitx ipproduċiet prova li l-ksur estenda sa wara din id-data. Madankollu, mill-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni jirriżulta li l-proposta li tiġi imposta multa għandha ssir mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni lill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) f’terminu ta’ ħames snin mit-tmiem tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Skont din il-qorti, l-akkordju allegat kien jirrigwarda x-xogħlijiet ta’ ddisinjar tal-linja ta’ trażmissjoni tal-enerġija elettrika inkwistjoni, iżda mhux ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni nnifishom. Issa, dawn ix-xogħlijiet ta’ ddisinjar kienu lesti matul is-sena 2007.

10.

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Essenzjalment, skont din l-awtorità l-ftehim bejn Eltel u l-impriża l-oħra parteċipanta fl-akkordju kien ġie konkluż qabel is-sottomissjoni tal-offerta minn Eltel u kien jirrigwarda l-prezzijiet. Din il-koordinazzjoni pprojbita kienet damet sad-data tal-aħħar pagament (jiġifieri s-7 ta’ Jannar 2010), u l-kuntratt li jimplimenta t-tarifikazzjoni illegali kien għadu fis-seħħ. Sussidjarjament, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni ssostni li għandha tinżamm id-data ta’ tlestija tax-xogħlijiet (jiġifieri t-12 ta’ Novembru 2009). L-effetti ekonomiċi tal-akkordju, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippersistew u Fingrid ġarrbet preġudizzju sa dawn id-dati minħabba l-prezz imħallas. Fil-każ partikolari tal-għoti ta’ kuntratti, l-akkordju għandu effetti konkreti u fit-tul minħabba l-ħlas bin-nifs tal-prezz. L-effetti dannużi tal-akkordju jinħassu kull sena meta jkun dovut il-ħlas ta’ pagament parzjali u jkollu effett fuq l-ispejjeż annwali tal-attivitajiet tal-impriża vittma tal-akkordju kif ukoll fuq ir-riżultati ekonomiċi tagħha. L-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-prezz imħallas, frott tal-akkordju, jinħassu wkoll mill-klijenti tal-ġestjonarju tan-netwerk. Billi ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha għall-impożizzjoni ta’ multa lill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) fil-31 ta’ Ottubru 2014, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni ssostni li aġixxiet fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni.

11.

Min-naħa tagħha, Eltel tikkontesta din il-linja ta’ analiżi u ssostni, essenzjalment, li t-tul tal-ksur għandu jiġi evalwat skont il-perijodu li matulu l-impriżi parteċipanti fl-akkordju implimentaw l-aġir illegali tagħhom. Fil-każ ta’ kuntratti għal xogħlijiet, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata tal-preżentazzjoni tal-offerta, jiġifieri, f’dan il-każ, fl-4 ta’ Ġunju 2007. Sussidjarjament, tista’ tinżamm id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt (jiġifieri d-19 ta’ Ġunju 2007) iżda wara li jseħħu dawn iż-żewġ avvenimenti, il-prezz offrut jew miftiehem frott tal-akkordju ma jkunx fadallu effetti fuq is-suq. Ir-ritmu tat-twettiq tax-xogħlijiet jew il-pjan tal-pagamenti ma għandhom ebda effett fuq il-kompetizzjoni fis-suq, peress li dawn ma għandhom ebda effett fuq il-prezz mitlub. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra, bħal dik proposta mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni, tkun nieqsa minn rabta mal-kwistjoni tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-akkordju u kuntrarja għall-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għalhekk, il-proposta li tiġi imposta multa sottomessa mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni lill-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) kienet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu.

12.

Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li s-sejħa għal offerti mirbuħa minn Eltel tirrigwarda kuntratt għal xogħlijiet li jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ linja ta’ trażmissjoni ta’ enerġija elettrika. F’dan il-kuntest partikolari, hija tistaqsi sa fejn jista’ jiġi kkunsidrat li s-sottomissjoni allegatament miftiehma u t-tarifikazzjoni illegali li fiha rriżultat ipproduċew effetti ekonomiċi. Skont il-ġurisprudenza nazzjonali, it-terminu ta’ ħames snin stabbilit mill-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha jintemm l-aħħar aġir marbut mal-ksur. Hija tistaqsi kif dan għandu jiġi evalwat fil-każ fejn parteċipant f’akkordju jikkonkludi ma’ terz barra mill-akkordju kuntratt għal xogħlijiet li jikkorrispondi għal dak li kien miftiehem fil-kuntest tal-akkordju, fejn ix-xogħlijiet jitlestew diversi snin wara l-konklużjoni tal-kuntratt għal xogħlijiet inkwistjoni u fejn il-pagamenti dovuti skont dan il-kuntratt isiru wara t-tlestija tax-xogħol. Hija tirrileva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma toffrix soluzzjoni li tista’ tapplika b’mod ċar.

13.

Minn naħa, fis-sentenza tagħha Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effetti ekonomiċi ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni setgħu jippersistu sat-tmiem tal-perijodu li fih il-prezzijiet illegali kienu fis-seħħ u li kien possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu l-prezzijiet kollużivi kienu fis-seħħ għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur ( 6 ). Għalhekk, ma hijiex daqstant il-forma ġuridika tal-aġir antikompetittiv li hija importanti, iżda l-effetti ekonomiċi ta’ dan tal-aħħar. Jekk wieħed kellu jikkunsidra li tali effetti setgħu jippersistu anki wara t-tmiem formali ta’ ksur kumpless u kontinwu, u kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tul tal-ksur, it-teżi sostnuta mill-Awtorita tal-Kompetizzjoni tista’ tirnexxi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li hija s-suġġett tas-sentenza Quinn Barlo ( 7 ) kienet ta’ natura totalment differenti minn dik fil-kawża prinċipali.

14.

Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha EMI Records ( 8 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-każ ta’ akkordji li ma għadhomx fis-seħħ, u sabiex jiġi stabbilit it-tul tal-ksur, huwa suffiċjenti li l-imsemmija akkordji jippersistu bl-effetti tagħhom lil hinn mit-tmiem formali tagħhom, pereżempju jekk l-aġir tal-persuni kkonċernati jirriżulta b’mod impliċitu f’elementi ta’ ftehim u ta’ koordinazzjoni speċifiċi għall-akkordju u jwassal għall-istess riżultat bħall-akkordju nnifsu ( 9 ). Jekk, kif issostni Eltel, il-prezzijiet applikati fil-kuntratti għal xogħlijiet u l-effetti tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni jippersistu biss sad-data tas-sottomissjoni tal-offerta, jew l-iffirmar tal-kuntratt, allura hija pjuttost it-teżi ta’ Eltel li għandha tintlaqa’ u l-proposta li tiġi imposta multa magħmula mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni għandha titqies bħala li ġiet sottomessa lill- markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) wara l-iskadenza tat-terminu.

15.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kwistjoni tat-tul tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni allegat ma tistax tiġi konfuża ma’ dik tad-dannu eventwalment imġarrab mill-vittmi tal-allegat akkordju ( 10 ).

16.

Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Korkein hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha, u permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2019, għamlet lil din tal-aħħar id-domanda preliminari segwenti:

“Is-sistema ta’ kompetizzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn parteċipant f’akkordju jkun ikkonkluda, ma’ terz barra mill-akkordju, kuntratt ta’ kostruzzjoni bħal dak li huwa s-suġġett tal-akkordju, il-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni jissokta, minħabba l-effetti ekonomiċi kkawżati minn tali sitwazzjoni, matul il-perijodu kollu li fih jitwettqu l-obbligi kuntrattwali ta’dan il-kuntratt, jew li fih ikompli jitħallas il-prezz għax-xogħlijiet lill-partijiet kontraenti, jiġifieri sal-punt li fih jitħallas l-aħħar pagament għax-xogħlijiet, jew minn tal-inqas sa kemm jitlestew ix-xogħlijiet inkwistjoni; jew inkella huwa possibbli li jitqies li l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jissokta biss sal-punt li fih l-impriża li tkun wettqet il-ksur tkun ippreżentat offerta rigward ix-xogħlijiet inkwistjoni, jew tkun ikkonkludiet kuntratt għat-twettiq tax-xogħlijiet?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni, Eltel, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Grieg kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.

18.

Wara d-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, datata 16 ta’ April 2020, li tannulla s-seduta inizjalment prevista quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija awla, minn naħa, u l-Avukat Ġenerali min-naħa l-oħra, għamlu mistoqsijiet sabiex jitwieġbu bil-miktub lill-parteċipanti kollha fil-fażi bil-miktub ta’ din il-proċedura preliminari. L-Awtorità tal-Kompetizzjoni, Eltel, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Latvjan kif ukoll il-Kummissjoni bagħtu t-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

V. Analiżi

19.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, kif għandu jiġi ddeterminat it-tmiem ta’ ksur allegat tal-Artikolu 101(1) TFUE fil-każ fejn il-ksur ikun ikkonsista fi ftehim bejn impriżi parteċipanti f’akkordju dwar l-offerti sottomessi fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ ddisinjar u ta’ xogħlijiet li f’dan il-każ jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ linja ta’ trażmissjoni ta’ enerġija elettrika. Din id-domanda qed issir lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ applikazzjoni magħmula mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni biex tiġi imposta multa fuq Eltel, peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar id-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni sabiex tiġi imposta multa.

A.   Kummenti preliminari

20.

Qabel ma nibda l-analiżi ta’ din id-domanda, nixtieq nagħmel żewġ serje ta’ kummenti preliminari, waħda li tirrigwarda kjarifika tad-dritt nazzjonali u l-oħra li tirrigwarda n-natura deċentralizzata tal-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

21.

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-istat tad-dritt nazzjonali, mal-ewwel daqqa t’għajn, u anki jekk id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jgawdu minn preżunzjoni qawwija ta’ rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 11 ), mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni jipprovdi żewġ punti ta’ tluq possibbli għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, jiġifieri jew it-tmiem tal-ksur jew il-mument fejn l-Awtorità tal-Kompetizzjoni tkun saret taf bl-aġir antikompetittiv. Issa l-imsemmija awtorità saret taf b’dan l-aġir fil-31 ta’ Jannar 2013 u ssottomettiet il-proposta tagħha li tiġi imposta multa fil-31 ta’ Ottubru 2014. Jekk jiġi aċċettat it-tieni punt ta’ tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni, wieħed jista’ jiddubita l-utilità tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

22.

Madankollu, dawn id-dubji tneħħew mill-bqija tal-informazzjoni li rċeviet il-Qorti tal-Ġustizzja bi tweġiba għall-mistoqsijiet tagħha. Fil-fatt, jidher li Eltel u l-Gvern Finlandiż jaqblu li fil-każ ta’ ksur uniku u kontinwu li diġà ntemm, huwa biss l-ewwel punt ta’ tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin – jiġifieri d-data tat-tmiem tal-ksur – li huwa applikabbli. Għalhekk ma hemmx dubju dwar l-utilità tad-domanda magħmula fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

23.

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa każ ta’ implimentazzjoni deċentralizzata tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu immedjatament jiġi rrilevat li s-sistema ta’ preskrizzjoni li tapplika fil-kuntest ta’ azzjonijiet mibdija mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma hijiex, fiha nnifisha, organizzata mid-dritt tal-Unjoni.

24.

Huwa minnu li l-Kapitolu VII tar-Regolament Nru 1/2013 huwa ddedikat għall-preskrizzjoni. Madankollu, ir-regoli li huwa jistabbilixxi fil-qasam japplikaw biss għall-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li s-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE. It-terminu jibda’ jiddekorri mill-ġurnata li fiha twettaq il-ksur, jew għall-ksur kontinwu u ripetut, mill-ġurnata li fiha jintemm il-ksur ( 12 ). Mill-proċess jirriżulta li l-leġiżlatur nazzjonali kien għażel li jdaħħal l-azzjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni fl-istess terminu ta’ preskrizzjoni bħal dak stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-Kummissjoni, jiġifieri ta’ ħames snin.

25.

Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern ( 13 ), mingħajr ma timponi terminu, stabbilixxiet il-prinċipju li għall-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE, kellhom jiġu previsti “regoli li jaħdmu” li jinvolvu b’mod partikolari, li “il-perijodi ta’ limitazzjoni nazzjonali jenħtieġ li jiġu sospiżi jew interrotti matul il-proċedimenti quddiem l-[awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni] ta’ Stat Membru ieħor jew quddiem il-Kummissjoni” mingħajr madankollu ma jipprekludu lill-Istati Membri milli jżommu jew milli jintroduċu termini ta’ preskrizzjoni assoluti, sakemm dawn it-termini “ma [jagħmlux] l-infurzar effettiv tal-[Artikolu 101 TFUE] prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed” ( 14 ). L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2019/1 jikkonferma dawn ir-rekwiżiti. Għalhekk, skont l-ispirtu tal-leġiżlatur tal-Unjoni, id-determinazzjoni tat-terminu nazzjonali ta’ preskrizzjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, u għalhekk, taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali.

26.

Madankollu, wieħed jinnota li d-domanda magħmula ma tirrigwardax daqstant it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni bħala tali iżda l-mument li fih jibda jiddekorri dan it-terminu. Kif invokat iktar kmieni, ir-Regolament Nru 1/2003 jibda dan it-terminu mill-mument li fih jintemm il-ksur. Issa, id-determinazzjoni tat-tul tal-allegat ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE taqa’ mingħajr ebda dubju taħt id-dritt tal-Unjoni.

B.   Fuq it-tul tal-ksur f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali

27.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur allegat tal-Artikolu 101(1) TFUE, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandhom jitfakkru l-karatteristiċi essenzjali tiegħu. Għalhekk, l-imsemmi ksur ikkonsista f’koordinazzjoni bejn impriżi intiża għall-manipulazzjoni ta’ proċedimenti ta’ sejħa għal offerti mnedija fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet. Il-kuntratt kien konkluż fl-istess xahar li fih kienet ippreżentata l-offerta. Madankollu x-xogħlijiet, bħall-pagamenti, saru fuq diversi snin: ix-xogħlijiet tlestew sentejn u ħames xhur wara l-preżentazzjoni tal-offerta u l-konklużjoni tal-kuntratt, filwaqt li l-aħħar pagament sar sentejn u seba’ xhur wara li seħħew dawn iż-żewġ avvenimenti.

1. It-tul tal-ksur fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Fiha nnifisha, il-kwistjoni tat-tul ta’ akkordju tqum b’mod frekwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja peress li s-severità tas-sanzjoni tiddependi b’mod partikolari fuq it-tul tal-ksur, b’tali mod li l-impriżi li allegatament wettqu aġir li jikser l-Artikolu 101(1) TFUE, jagħmlu b’mod frekwenti argument marbut ma’ dan it-tul bil-għan li jnaqqsuh.

29.

Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, għal dak li jirrigwarda akkordju li ma għadux fis-seħħ, li sabiex japplika l-Artikolu 101 TFUE huwa suffiċjenti li l-effetti ekonomiċi ta’ dan l-akkordju jippersistu lil hinn mit-tmiem formali tat-tul tiegħu ( 15 ). B’mod iktar partikolari, “akkordju jitqies li ppersista bl-effetti tiegħu biss jekk l-aġir tal-partijiet ikkonċernati jirriżulta b’mod impliċitu fl-eżistenza ta’ elementi ta’ ftehim u ta’ koordinazzjoni speċifiċi għall-akkordju u jwassal għall-istess riżultat bħal dak intiż mill-akkordju” ( 16 ).

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet din il-ġurisprudenza u applikatha fil-qasam tal-pubblikazzjoni fis-sentenza tagħha Binon ( 17 ), li għalhekk fiha ddeċidiet li l-Artikolu 101 TFUE kien applikabbli wkoll “jekk aġir parallel tal-edituri kien estiż wara t-tmiem tal-ftehim l-antik mingħajr ma jkun sar ebda ftehim […] [p]eress li s-sistema ta’ kompetizzjoni stabbilita mill-Artikoli [101 et seq. TFUE] tirrigwarda r-riżultati ekonomiċi tal-ftehimiet, jew kull forma paragunabbli ta’ ftehim jew ta’ koordinazzjoni, pjuttost milli l-forma legali tagħhom” ( 18 ). Għalhekk, l-Artikolu 101 TFUE kellu jiġi kkunsidrat applikabbli jekk il-ftehimiet kollha inkwistjoni f’din il-kawża “irriżultaw, effettivament, fl-approvazzjoni ta’ punti ta’ bejgħ bl-imnut fl-evalwazzjoni tal-aġenzija jew tal-korp maħluq minnha fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet” ( 19 ).

31.

Fis-sentenza iktar reċenti tagħha Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni ( 20 ), l-appellanti allegaw li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ġenerali ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza billi estendiet it-tul tal-ewwel perijodu tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju lil hinn mid-data tat-tieni laqgħa antikompetittiva, filwaqt li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat li matul din il-laqgħa li nżammet fix-xahar ta’ Ġunju 1998, il-parteċipanti kienu ftehmu dwar żieda fil-prezzijiet għax-xahar ta’ Ottubru ta’ dik l-istess sena ( 21 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[kienet] ġurisprudenza stabbilita li s-sistema ta’ kompetizzjoni stabbilita permezz tal-Artikoli 101 u 102 TFUE tirrigwarda r-riżultati ekonomiċi tal-ftehimiet jew ta’ kull forma oħra paragunabbli ta’ ftehim jew ta’ koordinazzjoni, pjuttost milli l-forma ġuridika tagħhom. Konsegwentement, f’każ ta’ akkordji li ma għadhomx fis-seħħ, huwa suffiċjenti, sabiex japplika l-Artikolu 101 TFUE, li l-effetti tagħhom jippersistu lil hinn mit-tmiem formali tal-kuntatti kollużivi. Minn dan jirriżulta li t-tul tal-ksur jista’ jiġi evalwat skont il-perijodu li matulu l-impriżi li dwarhom tressaq l-ilment implimentaw aġir ipprojbit minn dan l-artikolu […]. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali setgħet teoretikament tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, pereżempju, matul il-perijodu kollu li matulu kienu fis-seħħ il-prezzijiet kollużivi, li f’dan il-każ kien wassal għal riżultat oġġettivament inqas favorevoli għall-interessi tal-appellanti” ( 22 ).

32.

Minkejja li t-tliet sentenzi msemmija hawn fuq jipprovdu xi punti interessanti għall-analiżi tagħna, għandu madankollu jiġi kkonstatat li ebda waħda waħedha ma hija suffiċjenti sabiex tirrispondi d-domanda preliminari magħmula. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha l-qorti tar-rinviju rreferiet b’mod abbondanti għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha, jiġifieri fil-kuntest proprju ta’ kull akkordju inkwistjoni, li ebda wieħed minnhom ma huwa paragunabbli ma’ dak tal-kawża prinċipali. Għalhekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza EMI ( 23 ), l-eżistenza ta’ elementi ta’ ftehim u ta’ koordinazzjoni impliċiti setgħu jiġu kkonstatati. Fis-sentenza Binon ( 24 ), il-ftehim kien intemm formalment, iżda donnu ppersista ftehim fattwali. Finalment, fis-sentenza Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni ( 25 ), jekk il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza tagħha dwar l-akkordji li ma għadhomx fis-seħħ iżda li l-effetti tagħhom ippersistew, dan għamlitu sabiex tikkonstata b’mod konkret li fl-aħħar laqgħa kollużiva kien intlaħaq ftehim dwar il-prezzijiet għall-futur.

2. Tul tal-ksur u interess ġuridiku protett

33.

Għalhekk, filwaqt li għandha tiġi rrikuntestwalizzata l-portata ta’ dawn it-tliet sentenzi għas-soluzzjoni tal-kawża tagħna, is-sentenza T‑Mobile Netherlands et ( 26 ) timmerita l-attenzjoni tagħna. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu [101 TFUE], bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni tat-Trattat, mhuwiex intiż primarjament sabiex jipproteġi l-interessi immedjati ta’ kompetituri jew konsumaturi, imma biex tiġi protetta l-istruttura tas-suq u għalhekk il-kompetizzjoni bħala tali. […] [I]l-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma mhijiex issubordonata għal dik tar-rabta diretta bejnha u l-prezz bl-imnut. […] [P]rattika miftiehma għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu [101(1) TFUE] meta, skont il-kontenut u l-iskopijiet tagħha u fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku tagħha, tista’, b’mod konkret, tirriżulta fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. F’dan ir-rigward, mhuwiex neċessarju li l-kompetizzjoni tkun verament ipprevenuta, ristretta jew mgħawġa u lanqas li jkun hemm rabta diretta bejn il-prattika miftiehma u l-prezzijiet bl-imnut. Skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jkollu għan antikompetittiv jekk l-iskambju jkun jista’ jneħħi l-inċertezzi eżistenti dwar l-aġir ippjanat fis-suq mill-impriżi kkonċernati” ( 27 ).

34.

Għalhekk, is-sentenza T‑Mobile Netherlands et tippermetti li l-kwistjoni tat-tul tal-ksur tinftiehem minn perspettiva differenti minn dik tas-sentenzi EMI ( 28 ), Binon ( 29 ) u Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni ( 30 ), peress li waħda mill-kwistjonijiet fundamentali li għandha tiġi indirizzata għad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur hija dik tal-interess ġuridiku protett, jiġifieri l-għażla libera tal-klijent, il-possibbiltà li jikseb l-aħjar offerti taħt l-aħjar kundizzjonijiet possibbli skont kompetizzjoni libera, kif issostni b’mod partikolari l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Għalhekk, il-ksur jeżisti sakemm il-kollużjoni, formali jew fattwali, tirrestrinġi din il-possibbiltà. L-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur teħtieġ għalhekk l-evalwazzjoni tal-impatt tal-imsemmi ksur fuq l-interess ġuridiku protett u għalhekk, finalment, tal-portata eżatta tal-akkordju, li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju.

35.

B’applikazzjoni tat-tagħlimiet tas-sentenza T‑Mobile Netherlands et ( 31 ), jekk l-akkordju deskritt fit-talba għal deċiżjoni preliminari kellu jirrigwarda biss il-kuntratt dwar id-disinjar u l-kostruzzjoni tal-linja ta’ trażmissjoni ta’ 400 kV Keminmaa-Petäjäskoski, l-għan antikompetittiv tal-akkordju kien jispiċċa mhux iktar tard mill-iffirmar tal-kuntratt. Fil-fatt, wara dan l-iffirmar, ma jibqax iktar ftehim bejn l-impriżi parteċipanti fl-akkordju ( 32 ), b’tali mod li wieħed lanqas ma jista’ jikkunsidra li l-prezzijiet kollużivi, intiżi bħala l-espressjoni ta’ volontà tal-parteċipanti fl-akkordju li jiftiehmu dwar il-prezzijiet li għandhom japplikaw f’kuntratti futuri, ikunu għadhom “fis-seħħ”, fis-sens tas-sentenza Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni ( 33 ). Għalhekk, il-perijodu li matulu l-impriżi li dwarhom jitressaq l-ilment implimentaw aġir ipprojbit, dejjem fis-sens ta’ din is-sentenza, jintemm mal-iffirmar tal-kuntratt.

36.

Mingħajr ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, tali konstatazzjoni tista’ tiġi spjegata fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull kuntratt għal xogħlijiet, u mingħajr preġudizzju għall-eżistenza eventwali ta’ provi dwar l-eżistenza ta’ akkordju dwar il-kuntratt ta’ xogħlijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u kuntratti għal xogħlijiet oħra futuri ( 34 ). Jekk, kif sostniet Eltel, wieħed għandu jsostni li l-prezz tal-kuntratt għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-linja Keminmaa-Petäjäskoski kien ġie ddeterminat skont il-karatteristiċi speċifiċi tiegħu (jiġifieri t-twettiq ta’ xogħol uniku, f’żona ġeografika partikolari, f’perijodu partikolari u skont proċedura teknika stabbilita), fil-fehma tiegħi, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li dan il-prezz kellu fis-suq, miftiehem din id-darba f’sens wiesa’, effetti li jmorru lil hinn mill-kuntratt li fil-kuntest tiegħu kien ġie ffissat.

3. Tul tal-ksur u intenzjoni li jitwettaq ksur

37.

Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ftit informazzjoni dwar l-elementi tal-aġir li allegatament jikkostitwixxi ksur fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Pereżempju, hija ma għandhiex informazzjoni dwar l-eventwali kuntatti jew laqgħat kollużivi li ppersistew wara l-iffirmar tal-kuntratt. Mill-informazzjoni addizzjonali pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-tweġibiet bil-miktub għall-mistoqsijiet tagħha jirriżulta biss li l-manipulazzjoni tas-sejħa għal offerti kienet tikkonsisti fi ftehim milħuq mal-impriża l-oħra parteċipanta fl-akkordju dwar il-prezz iffissat li jiġi propost u l-parteċipanta l-oħra kellha tipproponi prezz neċessarjament iktar għoli minn dak offrut minn Eltel. B’kollox Fingrid kienet irċeviet erba’ offerti. F’dawn il-kundizzjonijiet, jekk wieħed jaċċetta li l-akkordju kien jirrigwarda biss dan il-kuntratt, l-iffirmar tal-kuntratt fl-aħħar tas-sejħa għal offerti mhux biss jikkristallizza t-tqegħid fil-prattika tal-akkordju, li huwa l-quċċata tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnu (peress li l-kompetituri potenzjali tas-suq kienu b’hekk esklużi), iżda wkoll it-tmiem tal-perijodu li matulu l-prezzijiet kollużivi kienu “fis-seħħ” fis-sens tal-ġurisprudenza Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni ( 35 ).

38.

Fi kliem ieħor, it-tul tal-ksur ma jistax jiġi sseparat mill-intenzjoni li jitwettaq ksur tal-impriżi parteċipanti fl-akkordju. F’qasam kważi kriminali bħal dak tad-dritt tal-akkordji ( 36 ), ma jidhirx li huwa aċċettabbli li t-tul tal-ksur ikun jiddependi fuq element estern għall-volontà tal-partijiet, bħall-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u t-twettiq tax-xogħlijiet jew il-pjan tal-ħlas. Dan iwassal sabiex ineħħi mill-volontà tal-partijiet il-possibbiltà li għandha tiġi rrikonoxxuta lilhom li jtemmu f’kull mument l-aġir tagħhom li jikkostitwixxi ksur. Pereżempju, f’każ ta’ impossibbiltà li jitħallas il-prezz miftiehem fil-kuntratt jew ta’ rifjut, jiġi aċċettat li t-tul tal-ksur jiġi estiż daqshekk, u għalhekk potenzjalment għal tul indeterminat, għall-unika raġuni li l-prezz kollużiv baqa’ dovut? Jiena ma naħsibx.

39.

Din hija r-raġuni għaliex m’iniex konvint mill-pożizzjoni difiża mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u mill-Gvern Finlandiż. Għaldaqstant, l-effetti ekonomiċi tal-akkordju ma għandhomx jiġu konfużi mal-effetti dannużi li huwa jipprovoka. L-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-manipulazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwasslu għall-esklużjoni ta’ kompetituri offerenti kif ukoll għal-limitazzjoni eventwalment artifiċjali tal-għażla tal-“klijent”, għandhom jiġu distinti mill-effetti ekonomiċi iktar wiesa’ li jirriżultaw għall-klijent, u b’mod inċidentali, għall-klijenti tal-klijent (bħall-konsegwenza tal-prezz distort mill-klijent, fejn din il-konsegwenza ma hijiex, fiha nnifisha, il-prova li l-aġir li jikkostitwixxi ksur imputabbli lil Eltel ippersista iżda tirrappreżenta biss waħda mill-konsegwenzi tiegħu) ( 37 ).

40.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-ksur jippersisti lil hinn mit-tmiem formali tiegħu (li fil-każ tal-kawża prinċipali huwa l-iffirmar tal-kuntratt), l-aġir pprojbit għandu jkun jista’ jkompli jkun ikkaratterizzat, madankollu l-effetti li ma jaqgħux strettament taħt l-aġir antikompetittiv allegat ma jistgħux jikkostitwixxu elementi ta’ din il-karatterizzazzjoni.

41.

Sabiex jiġi ddeterminat il-mument li fih jintemm il-ksur f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu finalment jiġi enfasizzat li kieku l-impriża li allegatament wettqet l-aġir antikompetittiv ma rebħitx finalment il-kuntratt, id-data tat-tmiem tal-ksur, lil hinn minn kull element ieħor li jagħti x’jifhem li l-ksur estenda lil hinn mill-kuntratt inkwistjoni, tista’ tkun dik tas-sottomissjoni tal-offerta. Fi kliem ieħor, id-data tal-iffirmar tal-kuntratt ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tiddetermina, fi kwalunkwe każ, it-tmiem tal-ksur, peress li dan tal-aħħar għandu neċessarjament jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi suġġettivi u oġġettivi li jikkaratterizzawh.

42.

Fl-istess linja ta’ ħsieb, id-data tal-iffirmar tal-kuntratt tista’ titqies bħala li turi t-tmiem tal-ksur, jew anki t-tmiem tal-applikazzjoni tal-prezzijiet kollużivi, taħt il-kundizzjoni li l-kuntratt jimmarka b’mod suffiċjentement preċiż l-iskambju tal-volontà tal-partijiet fir-rigward tagħhom. Għalhekk, dan jippreżumi li f’dan il-każ, il-kuntratt ikun suffiċjentement ċar fir-rigward tal-kwistjoni tal-prezzijiet għax-xogħlijiet.

4. Tul tal-ksur, implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE u Unjoni tad-dritt

43.

L-Awtorità tal-Kompetizzjoni kif ukoll il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Ġermaniż isostnu li f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tul qasir ħafna tal-ksur imur kontra r-rekwiżit tal-effettività tal-Artikolu 101 TFUE.

44.

Bla dubju jiena sensittiv għal dan l-argument.

45.

Madankollu, nirrileva li ladarba d-dritt tal-Unjoni, b’applikazzjoni ta’ prinċipji karatteristiċi ta’ Unjoni tad-dritt, jaċċetta l-prinċipju nnifsu tal-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet tiegħu u tal-alleati nazzjonali tiegħu li huma l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, sabiex jipproċessa u jissanzjona l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fl-istess waqt għandha tiġi rrinunzjata kull idea ta’ effettività assoluta tal-Artikolu 101 TFUE u għalhekk jiġi aċċettat li ċertu ksur ta’ din id-dispożizzjoni jibqa’ mhux sanzjonat. Fi kliem ieħor, it-tmiem ma’ jistax jiġġustifika l-mezzi kollha ( 38 ).

46.

Barra minn hekk, inżid li fil-kuntest tal-kawża prinċipali, dan huwa każ pjuttost speċifiku u li t-terminu tal-preskrizzjoni ta’ ħames snin previst mid-dritt nazzjonali prima facie kien jidher li jirrendi possibbli intervent tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni ( 39 ). L-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE ma tistax tiġġustifika li wieħed jestendi artifiċjalment, b’mod partikolari lil hinn mill-volontà tal-parti li twettaq ksur, it-tul tal-ksur sabiex tkun tista’ tiġi pproċessata. Dan huwa iktar importanti peress li kif enfasizzat il-Kummissjoni, it-tul tal-ksur huwa element li jittieħed inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment tal-ammont tal-multa ( 40 ).

47.

Għalhekk, mill-analiżi tiegħi jirriżulta li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn parteċipant f’akkordju jikkonkludi ma’ terz barra mill-akkordju kuntratt għal xogħlijiet korrispondenti għal dak li kien ġie miftiehem fil-kuntest tal-akkordju inkwistjoni, u sa fejn l-imsemmi akkordju kien limitat għal dan il-kuntratt, it-tmiem tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jitqies li seħħ, fil-prinċipju, fid-data li fiha l-impriża li hija l-awtriċi tiegħu ppreżentat l-offerta li tirrigwarda l-kuntratt inkwistjoni jew, jekk ikun il-każ, ikkonkludiet il-kuntratt relattiv għat-twettiq ta’ dan il-kuntratt għal xogħlijiet. Madankollu, tali interpretazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tal-kontenut tal-imsemmi kuntratt u tal-grad ta’ preċiżjoni tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz, tal-portata eżatta tal-akkordju, tal-elementi oġġettivi u suġġettivi li jikkaratterizzawh, tal-effetti antikompetittivi tiegħu u tal-analiżi tal-provi differenti ta’ aġir kollużiv li joħorġu mill-investigazzjoni mwettqa mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni.

VI. Konklużjoni

48.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja):

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ fejn parteċipant f’akkordju jikkonkludi ma’ terz barra mill-akkordju kuntratt għal xogħlijiet korrispondenti għal dak li kien ġie miftiehem fil-kuntest tal-akkordju inkwistjoni, u sa fejn l-imsemmi akkordju kien limitat għal dan il-kuntratt, it-tmiem tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jitqies li seħħ, fil-prinċipju, fid-data li fiha l-impriża li hija l-awtriċi tiegħu ppreżentat l-offerta li tirrigwarda l-kuntratt inkwistjoni jew, jekk ikun il-każ, ikkonkludiet il-kuntratt relattiv għat-twettiq ta’ dan il-kuntratt għal xogħlijiet. Madankollu, tali interpretazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tal-kontenut tal-imsemmi kuntratt u tal-grad ta’ preċiżjoni tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz, tal-portata eżatta tal-akkordju, tal-elementi oġġettivi u suġġettivi li jikkaratterizzawh, tal-effetti antikompetittivi tiegħu u tal-analiżi tal-provi differenti ta’ aġir kollużiv li joħorġu mill-investigazzjoni mwettqa mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.

( 3 ) Matul is-sena 2013, l-impriża l-oħra inkwistjoni ppreżentat applikazzjoni għall-klemenza quddiem l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, applikazzjoni li wasslet lill-imsemmija awtorità tinvestiga l-akkordju. Fil-31 ta’ Ottubru 2014, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni tat il-klemenza lil din l-impriża l-oħra u eżentata minn kwalunkwe sanzjoni.

( 4 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li mill-proċess jirriżulta li l-eżistenza ta’ akkordju pprojbit bejn Eltel u l-impriża l-oħra parteċipanta fl-akkordju allegat għadha ma ġietx stabbilita ġudizzjarjament b’mod definittiv. Eltel tikkontesta kemm quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Awtorità tal-Kompetizzjoni pprovat suffiċjentement tali eżistenza fid-deċiżjoni tagħha tal-31 ta’ Ottubru 2014. Min-naħa tagħha, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) kienet iddeċidiet li l-akkordju kien jirrigwarda biss l-iddisinjar tal-linja ta’ trażmissjoni tal-enerġija elettrika kkonċernata mis-sejħa għal offerti, għall-kuntrarju ta’ dak li donnha hija l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tal-qorti tar-rinviju. Peress li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk tali akkordju eżistiex effettivament jew li għandha tiddetermina l-eventwali portata tiegħu, kull riferiment f’dawn il-konlużjonijiet għal akkordju li fih ipparteċipat Eltel għandu jinftiehem bħala riferiment għal akkordju pprojbit strettament preżunt.

( 5 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013 (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351).

( 6 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 40).

( 7 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013 (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351).

( 8 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1976 (51/75, EU:C:1976:85).

( 9 ) Hawn hekk il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-punti 30 u 31 tas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1976, EMI Records (51/75, EU:C:1976:85).

( 10 ) Dwar dan il-punt, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li d-dritt Finlandiż iżomm bħala data li fiha ġie kkawżat id-dannu (u għalhekk bħala punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-kumpens għad-dannu) mhux id-data tal-ħlas tal-prezz iżda d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

( 11 ) Fost ġurisprudenza abbondanti, ara s-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2017, Lounani (C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2020, Land Sachsen-Anhalt (Remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin) (C‑773/18 sa C‑775/18, EU:C:2020:125, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

( 13 ) ĠU 2019, L 11, p. 3. Għandu jiġi nnotat li t-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għadu ma skadiex (ara l-Artikolu 34(1) tal-imsemmija direttiva).

( 14 ) Premessa 70 tad-Direttiva 2019/1.

( 15 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1976, EMI Records (51/75, EU:C:1976:85, punt 30).

( 16 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1976, EMI Records (51/75, EU:C:1976:85, punt 31).

( 17 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1985 (243/83, EU:C:1985:284).

( 18 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1985, Binon (243/83, EU:C:1985:284, punt 17).

( 19 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1985, Binon (243/83, EU:C:1985:284, punt 18).

( 20 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351).

( 21 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punti 3233).

( 22 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 40). Korsiv miżjud minni.

( 23 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1976 (51/75, EU:C:1976:85).

( 24 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1985 (243/83, EU:C:1985:284).

( 25 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013 (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351).

( 26 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009 (C‑8/08, EU:C:2009:343).

( 27 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 383943). Korsiv miżjud minni.

( 28 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1976 (51/75, EU:C:1976:85).

( 29 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1985 (243/83, EU:C:1985:284).

( 30 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013 (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351).

( 31 ) Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009 (C‑8/08, EU:C:2009:343).

( 32 ) Dan japplika kemm għal ftehim formali jew fattwali.

( 33 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013 (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351).

( 34 ) Madankollu, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibdew mit-tmiem tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (ara l-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni), applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali, donnu jirriżulta li l-akkordju allegat ma estendiex lil hinn mill-kuntratt għal xogħlijiet inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

( 35 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013 (C‑70/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:351).

( 36 ) Dwar din it-tema, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, EU:C:2010:635, punti 48 sa 52) jew anki l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Schenker & Co. et (C‑681/11, EU:C:2013:126, punt 40) kif ukoll it-teħid ta’ pożizzjoni tiegħu dwar l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB, EU:C:2014:2475, punt 149).

( 37 ) Hawnhekk inżid li l-kwistjoni tal-konsegwenza tal-prezz kollużiv fuq il-kapaċità ekonomika tal-klijent jew fuq il-prezzijiet li eventwalment ġew applikati għall-klijenti finali donnha għandha tiġi evalwata b’mod speċifiku f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, li minnu donnu jirriżulta li l-offerta ta’ Eltel kienet l-inqas offerta għolja fost l-erbgħa sottomessi lil Fingrid. Nispeċifika li l-fatt li l-offerta ta’ Eltel kienet l-inqas offerta għolja, evidentement ma jneħħi xejn min-natura antikompetittiva tagħha fid-dawl tal-effett tagħha ta’ esklużjoni tal-offerenti l-oħra (fl-istess linja ta’ ħsieb, ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni (T‑29/92, EU:T:1995:34, punt 151)).

( 38 ) Fl-istess linja ta’ ħsieb, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punt 54).

( 39 ) Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex mitluba deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività tal-Artikolu 101 TFUE tas-sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni. Kif innotat il-Kummissjoni, it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma huwiex l-uniku kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, peress li elementi oħra, bħal dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li fihom dan it-terminu jista’ jiġi interrott jew sospiż, jirriżultaw determinanti wkoll għal dan il-għan.

( 40 ) Ara l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.