KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fid‑29 ta’ Ottubru 2020 ( 1 )

Kawża C‑425/19 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir‑Repubblika Taljana

Banca Popolare di Bari SCpA, li qabel kienet Tercas-Cassa di risparmio della provincia di Teramo SpA (Banca Tercas SpA),

Fondo interbancario di tutela dei depositi,

Banca d’Italia

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Miżura adottata minn konsorzju ta’ banek irregolat mid-dritt privat għall-benefiċċju ta’ wieħed mill-membri tiegħu — Definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat — Imputabbiltà lill-Istat — Riżorsi tal-Istat”

Werrej

 

I. Il-kuntest ġuridiku

 

II. Il-kuntest tal-proċedura

 

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

 

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

V. Analiżi

 

A. L-ewwel aggravju, li jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-oneru tal-prova li għandu jiġi ssodisfatt mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat u li ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

a) Ammissibbiltà

 

b) Sustanza

 

1) Osservazzjonijiet preliminari

 

2) L-ewwel parti tal-ewwel aggravju

 

i) L-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna

 

– Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata minflok minn impriża pubblika.

 

– Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, hija għandha tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi għamlet dan

 

– Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna huwa fondat, hija madankollu jkollha tiċħad dan l-ilment bħala ineffettiv

 

ii) L-ilment relatat mal-prova li miżura ta’ għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat

 

3) It-tieni parti tal-ewwel aggravju

 

B. It-tieni aggravju, li jallega żnaturament tad-dritt nazzjonali u tal-fatti

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

a) Ammissibbiltà

 

b) Sustanza

 

VI. Fuq l-ispejjeż

 

VII. Konklużjoni

1.

B’dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, L‑Italja et vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is“sentenza appellata”) ( 2 ), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat‑23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Italja lill-bank Tercas (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”) ( 3 ).

2.

Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri adottati mill-konsorzju ta’ banek irregolat mid-dritt privat, Fondo interbancario di tutela dei depositi (il-Fond Interbankarju għall-Ħarsien tad-Depożiti) (iktar ’il quddiem il-“FITD”), għall-benefiċċju ta’ Banca Tercas (Cassa di risparmio della Provincia di Teramo SpA) (iktar ’il quddiem “Tercas”), awtorizzati mill-Bank Ċentrali tar-Repubblika Taljana, Banca d’Italia (iktar ’il quddiem il-“Bank tal-Italja”) fis‑7 ta’ Lulju 2014, ikkostitwixxew għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli li r-Repubblika Taljana kellha tirkupra mingħand il-benefiċjarju.

3.

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni ppreżentati mir-Repubblika Taljana, Banca Popolare di Lodi SCpA (iktar ’il-quddiem il-“BPB”) u l-FITD, fuq il-bażi li l-miżuri inkwistjoni ma kkostitwixxewx għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Skont il-Qorti Ġenerali, l-ewwel kundizzjoni li miżura ta’ għajnuna għandha tissodisfa sabiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat ma ġietx issodisfatta, peress li l-miżuri adottati mill-FITD għall-benefiċċju ta’ Tercas la kienu imputabbli lill-Istat u lanqas ma ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

4.

Minħabba li l-entità li tat l-għajnuna ma kinitx korp tal-Istat jew impriża pubblika, iżda entità privata, speċifikament il-FITD, qamet il-mistoqsija dwar jekk l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri adottati minn din l-entità u l-finanzjament tagħhom permezz ta’ riżorsi tal-Istat setgħux jiġu evalwati bl-istess mod bħalma jiġu evalwati fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna adottata b’mod partikolari minn impriża pubblika, jew jekk il-Kummissjoni kellhiex tissodisfa oneru tal-prova itqal. Din il-mistoqsija hija fil-qalba ta’ dan l-appell.

I. Il-kuntest ġuridiku

5.

Skont l-Artikolu 96‑ter tal-Liġi Taljana dwar il-Banek ( 4 ):

“1.   Il-Bank tal-Italja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni ta’ min ifaddal u tal-istabbiltà tas-sistema bankarja:

a)

għandu jirrikonoxxi skemi ta’ garanzija billi japprova l-Istatut tagħhom, bil-kundizzjoni li dawn l-iskemi ma jkunux tali li jwasslu għal distribuzzjoni żbilanċjata ta’ riskji ta’ insolvenza fuq is-sistema bankarja;

b)

għandu jikkoordina l-attivitajiet tal-iskemi ta’ garanzija mar-regolazzjoni tal-kriżijiet bankarji u mal-attività ta’ sorveljanza;

[…]

d)

għandu jawtorizza interventi tal-iskemi ta’ garanzija u l-esklużjoni ta’ banek minn dawn l-iskemi;

[…]”

II. Il-kuntest tal-proċedura

6.

Tercas hija bank b’kapital privat li jopera prinċipalment fir-reġjun tal-Abruzzo, fl-Italja.

7.

Fit‑30 ta’ April 2012, fuq proposta tal-Bank tal-Italja, li kien ikkonstata xi irregolaritajiet fir-rigward ta’ Tercas, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi Taljan iddeċieda li jissuġġetta lil Tercas għal amministrazzjoni straordinarja. Il-Bank tal-Italja nnomina kummissarju speċjali responsabbli għat-tmexxija ta’ Tercas matul l-amministrazzjoni straordinarja (iktar ’il quddiem il-“kummissarju speċjali”).

8.

F’Ottubru 2013 il-kummissarju speċjali beda negozjati ma’ BPB, il-kumpannija holding ta’ grupp bankarju b’kapital privat attiv prinċipalment fin-nofsinhar tal-Italja, li kienet uriet interess tissottoskrivi żieda fil-kapital ta’ Tercas, bil-kundizzjoni li jsir awditu minn qabel ta’ Tercas u li l-FITD ikopri għal kollox id-defiċit patrimonjali ta’ dan il-bank.

9.

Kif imsemmi fil-punt 2 iktar ’il fuq, il-FITD huwa konsorzju ta’ banek irregolat minn dritt privat, li l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi d-depożiti tal-membri tiegħu. Fl‑1996, minħabba t-traspożizzjoni fid-dritt Taljan tad-Direttiva 94/19/KE ( 5 ), il-FITD ġie rrikonoxxut mill-Bank tal-Italja bħala waħda mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti awtorizzati joperaw fl-Italja b’applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli stabbiliti f’din id-direttiva.

10.

Skont l-Artikolu 27 tal-Istatut tal-FITD fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża (iktar ’il-quddiem l-“Istatut tal-FITD”), fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ wieħed mill-membri tiegħu, il-FITD għandu jintervjeni billi jirrimborsa d-depożiti tad-depożitanti magħmula miegħu sal-limitu ta’ EUR 100000 għal kull depożitant.

11.

Madankollu, il-FITD għandu l-fakultà li jintervjeni favur il-membri tiegħu mhux biss abbażi tal-garanzija tad-depożiti għad-depożitanti msemmija fil-punt preċedenti (intervent obbligatorju) iżda wkoll fuq bażi volontarja, jekk dan l-intervent jippermetti li jitnaqqsu l-oneri li jistgħu jirriżultaw mill-garanzija tad-depożiti imposti fuq il-membri tiegħu (intervent volontarju).

12.

B’hekk, skont l-Artikolu 28 tal-Istatut tal-FITD, dan il-konsorzju jista’, minflok jipproċedi għar-rimbors previst abbażi tal-garanzija tad-depożiti tad-depożitanti fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ membru tal-konsorzju, jintervjeni fi tranżazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ attiv u ta’ passiv relatati ma’ dan il-membru (l-intervent volontarju alternattiv). Bl-istess mod, skont l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-FITD, indipendentement mill-ftuħ formali ta’ proċedura ta’ stralċ amministrattiv forzat, dan il-konsorzju jista’ jiddeċiedi li jintervjeni permezz ta’ finanzjamenti, ta’ garanziji, ta’ xiri ta’ ishma jew fil-forma ta’ appoġġ tekniku ieħor lil wieħed mill-membri tiegħu suġġett għas-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja, meta jkun hemm prospetti ta’ rkupru u jkun previst oneru iżgħar meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta mill-intervent tal-FITD fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ dan il-membru (intervent volontarju ta’ appoġġ jew preventiv, bħal fil-każ ta’ Tercas).

13.

Fit‑28 ta’ Ottubru 2013, sussegwentement għal talba tal-kummissarju speċjali ta’ Tercas ibbażata fuq l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-FITD, il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-FITD iddeċieda jintervjeni insostenn ta’ Tercas għal ammont massimu ta’ EUR 280 miljun. Din id-deċiżjoni ġiet irratifikata mill-Kunsill tal-FITD fid‑29 ta’ Ottubru 2013. Fl‑4 ta’ Novembru 2013, skont l-Artikolu 96‑ter(1)(d) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, il-Bank tal-Italja approva dan l-intervent ta’ appoġġ.

14.

Madankollu, għalkemm kien diġà kiseb l-awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja, il-FITD iddeċieda li jissospendi l-miżuri previsti minħabba inċertezzi dwar is-sitwazzjoni ekonomika u patrimonjali ta’ Tercas u dwar it-trattament fiskali ta’ dan il-miżuri. Fil-fatt, fit‑18 ta’ Marzu 2014, wara l-awditu dwar l-attiv ta’ Tercas mitlub minn BPB, kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-esperti tal-FITD u dawk ta’ BPB. Dan in-nuqqas ta’ qbil kien sussegwentement ġie solvut permezz ta’ proċedura ta’ arbitraġġ. Barra minn hekk, il-FITD u BPB qablu li jaqsmu l-oneri eventwali li jirriżultaw mit-tassazzjoni tal-miżuri fil-każ li l-eżenzjoni fiskali prevista ma tiġix applikata.

15.

Wara s-sospensjoni tal-miżuri fit‑18 ta’ Marzu 2014 u sabiex jiżgura ruħu li l-intervent favur Tercas kien ekonomikament iktar vantaġġuż mir-rimbors tad-depożitanti ta’ dan il-bank, il-FITD ħatar kumpannija ta’ awditu u ta’ konsulenza. Fid-dawl tal-konklużjonijiet ippreżentati minn din il-kumpannija f’rapport tas‑26 ta’ Mejju 2014, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispiża tal-intervent imqabbla mal-ispiża ta’ kumpens taħt l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ, fit‑30 ta’ Mejju 2014 il-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Kunsill tal-FITD iddeċidew li jintervjenu favur Tercas.

16.

Fl‑1 ta’ Lulju 2014, il-FITD bagħat lill-Bank tal-Italja talba għal awtorizzazzjoni ġdida. Fis‑7 ta’ Lulju 2014, il-Bank tal-Italja awtorizza l-intervent tal-FITD favur Tercas, jiġifieri, l-ewwel nett, kontribuzzjoni ta’ EUR 265 miljun sabiex jiġi kopert id-defiċit patrimonjali ta’ Tercas; it-tieni nett, garanzija ta’ EUR 35 miljun sabiex jiġi kopert ir-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ ċerti skoperturi ta’ Tercas u, it-tielet nett, garanzija ta’ EUR 30 miljun sabiex jiġu koperti l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ħlas tat-taxxa fuq l-ewwel miżura (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”).

17.

Fis‑27 ta’ Lulju 2014, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Tercas iddeċidiet, fl-ewwel lok, li jiġi parzjalment kopert it-telf, b’mod partikolari permezz tar-riduzzjoni tal-kapital għal żero u permezz tal-kanċellazzjoni tal-ishma ordinarji kollha f’ċirkolazzjoni, u, fit-tieni lok, li l-kapital jiżdied għal EUR 230 miljun permezz tal-ħruġ ta’ ishma ordinarji ġodda rriżervati għal BPB. Din iż-żieda fil-kapital seħħet fis‑27 ta’ Lulju 2014.

18.

Fit‑8 ta’ Awwissu u fl‑10 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni talbet mingħand l-awtoritajiet Taljani informazzjoni dwar l-intervent tal-FITD favur Tercas. Dawn l-awtoritajiet wieġbu fis‑16 ta’ Settembru u l‑14 ta’ Novembru 2014.

19.

Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ dawn il-miżuri.

20.

Fit‑23 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Kif imsemmi fil-punt 2 iktar ’il fuq, b’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni kkostitwixxew għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli u ordnat l-irkupru ta’ din l-għajnuna ( 6 ).

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21.

Kif imsemmi fil-punt 3 iktar ’il fuq, bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni fuq il-bażi li l-Kummissjoni kienet għamlet żball fil-konstatazzjoni li l-miżuri inkwistjoni kkostitwixxew għajnuna mill-Istat. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, dawn il-miżuri ma ssodisfawx l-ewwel kundizzjoni li miżura nazzjonali għandha tissodisfa sabiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat jiġifieri li għandha tingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u tkun imputabbli lill-Istat ( 7 ).

22.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali għamlet osservazzjoni preliminari dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mogħtija minn […] Stat Membru”. Il-Qorti Ġenerali nnotat li, skont il-ġurisprudenza, vantaġġi mogħtija minn korpi distinti mill-Istat huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li, kieku dan ma kienx il-każ, ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu evitati sempliċement bil-ħolqien ta’ istituzzjonijiet awtonomi inkarigati mid-distribuzzjoni ta’ għajnuna. Skont il-Qorti Ġenerali, filwaqt li din il-ġurisprudenza hija intiża li tiġġieled riskju ta’ nuqqas ta’ inklużjoni ta’ vantaġġi mogħtija minn korpi distinti mill-Istat, din twassal ukoll għar-riskju ta’ inklużjoni żejda. Konsegwentement, fejn korp distint mill-Istat ma jkunx impriża pubblika, iżda entità privata, il-Kummissjoni għandha tipproduċi prova mhux biss li l-Istat għandu l-possibbiltà li jeżerċita influwenza dominanti fuq din l-entità, iżda wkoll li dan kien f’pożizzjoni li jeżerċita dan il-kontroll fil-każ konkret.

23.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat.

24.

Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, fejn miżura ta’ għajnuna tittieħed minn entità privata bħall-FITD pjuttost milli minn impriża pubblika, ma huwiex suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-assenza ta’ influwenza u ta’ kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi fuq din l-entità privata hija improbabbli. Minflok, hija għandha tipprova li din il-miżura ġiet adottata taħt l-influwenza jew kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi. F’din il-kawża, il-Kummissjoni ma pproduċietx din il-prova. Fl-ewwel lok, il-miżuri inkwistjoni, skont il-Qorti Ġenerali, ma tawx effett għal mandat pubbliku mogħti lill-FITD mid-dritt Taljan: l-ewwel, miżuri ta’ intervent meħuda minn dan il-konsorzju insostenn ta’ bank membru, bħall-miżuri inkwistjoni, kienu intiżi prinċipalment biex javvanzaw l-interessi privati tal-banek membri tiegħu (minħabba li kienu intiżi biex jiġu evitati l-konsegwenzi ekonomiċi iktar onerużi ta’ rimbors tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat), u, it-tieni, il-mandat pubbliku mogħti lill-FITD mid-dritt Taljan ikkonsista biss fir-rimbors tad-depożitanti, mhux fl-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ intervent. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-awtonomija tal-FITD fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-imputabbiltà ta’ dawn il-miżuri lill-Istat ma tistax tiġi dedotta mill-indizji segwenti: l-ewwel, l-awtorizzazzjoni obbligatorja ta’ dawn il-miżuri mill-Bank tal-Italja (minħabba li din l-awtorizzazzjoni ngħatat suġġett għall-osservanza tar-regoli prudenzjali fis-settur bankarju – mhux suġġetta għal verifika mill-Bank tal-Italja tan-natura xierqa tal-intervent); it-tieni, il-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Bank tal-Italja fil-laqgħat tal-korpi governattivi tal-FITD (dawn tal-aħħar kienu sempliċi osservaturi mingħajr dritt tal-vot); it-tielet, bil-fatt li l-Bank tal-Italja kien ġie informat bl-iżvilupp tan-negozjati bejn il-FITD, minn naħa, u BPB u l-kummissarju speċjali, min-naħa l-oħra (fl-assenza ta’ kwalunkwe prova li l-Bank tal-Italja kien uża dawn il-kuntatti sabiex jinfluwenza l-kontenut tal-miżuri inkwistjoni); jew, ir-raba’, is-setgħa tal-kummissarju speċjali li jibda l-proċedura li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bħal dak inkwistjoni (peress li t-talba għal intervent tal-FITD mill-kummissarju speċjali ma kienet timponi ebda obbligu fuq dan tal-aħħar).

25.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi b’mod suffiċjenti li l-miżuri inkwistjoni ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

26.

Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali nnotat, fl-ewwel lok, li l-mandat pubbliku mogħti lill-FITD ma kienx jobbliga lill-konsorzju jintervjeni qabel il-falliment ta’ wieħed mill-membri tiegħu, billi jitlob ir-riżorsi neċessarji minn tali membri. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi ma kellhomx kontroll fuq ir-rirżorsi użati għall-finanzjament tal-miżuri inkwistjoni, minħabba li, l-ewwel, dawn il-miżuri ġew adottati, mhux fuq inizjattiva tal-kummissarju speċjali, iżda fuq inizjattiva privata, jiġifieri dik ta’ BPB, u, it-tieni, l-awtorizzazzjoni tal-miżuri inkwistjoni mill-Bank tal-Italja rriżultat biss f’kontroll formali tal-legalità tagħhom. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, l-ewwel, li n-natura obbligatorja tal-kontribuzzjoni użata għall-finanzjament tal-miżuri inkwistjoni ma rriżultatx minn dispożizzjoni regolatorja, iżda mill-Istatut tal-FITD u, it-tieni, li dawn il-miżuri kienu fl-interess tal-membri tal-FITD u kienu ġew adottati unanimament mill-korpi governattivi tal-FITD.

27.

Minħabba li l-ewwel kundizzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat ma ġietx issodisfatta, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni mingħajr ma eżaminat l-eċċezzjonijiet u l-argumenti l-oħra sostnuti mill-Gvern Taljan, BPB, il-FITD jew il-Bank tal-Italja.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

28.

B’dan l-appell, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikorsi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni sa fejn dawn jikkontestaw (i) l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri inkwistjoni u (ii) l-oriġini mill-Istat tar-riżorsi, tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar l-eċċezzjonijiet l-oħra sostnuti quddiemha, u tordna li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

29.

Il-Gvern Taljan, BPB u l-Bank tal-Italja jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Il-FITD isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell bħala inammissibbli, ineffettiv u infondat, tikkonferma s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

V. Analiżi

30.

Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE għal żewġ raġunijiet, it-tnejn fir-rigward tal-oneru tal-prova li għandu jiġi ssodisfatt mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat u li ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan rilevanti, fejn dawn in-nuqqasijiet materjali serji jirriżultaw b’mod manifest mill-atti tal-proċess.

A. L-ewwel aggravju, li jallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-oneru tal-prova li għandu jiġi ssodisfatt mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat u li ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat

1.   L-argumenti tal-partijiet

31.

L-ewwel aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, li t-tnejn li huma jallegaw, għal raġunijiet differenti, ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

32.

Fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 69, 89, 90, 91, 114, 116, 117, 127, 128 u 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball f’dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova li għandu jiġi ssodisfatt mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat u li ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat; dan għaliex hija rrikjediet li l-Kummissjoni mhux biss turi li l-Istat seta’ jeżerċita influwenza dominanti fuq l-entità li tagħti l-għajnuna, iżda wkoll li kien f’pożizzjoni li jeżerċita dan il-kontroll fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, abbażi biss tal-fatt li din l-entità kienet impriża privata. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ma hemm ebda raġuni għalfejn għandha ssir distinzjoni skont in-natura pubblika jew privata tal-entità li tagħti l-għajnuna, bir-riżultat li, anki fejn l-għajnuna tingħata minn entità privata, il-Kummissjoni ma tkunx obbligata turi li fil-każ partikolari l-awtoritajiet pubbliċi speċifikament inċitaw jew taw struzzjoni lil din l-entità tieħu l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. Ma hemm ebda appoġġ fil-ġurisprudenza għal din id-distinzjoni. Il-Kummissjoni ssostni ulterjorment li, fi kwalunkwe każ, il-FITD ma għandux jitqies bħala entità privata, iżda bħala emanazzjoni tal-istat minħabba li huwa fdat b’inkarigi speċifiċi konformement mad-Direttiva 94/19. Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Kummissjoni għandha oneru tal-prova itqal fejn l-għajnuna tingħata minn entità privata, f’din il-kawża, hija ma jkollhiex dan l-oneru itqal. Finalment, il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Kummissjoni għandha oneru tal-prova itqal fejn l-għajnuna tingħata minn entità privata, tkun kważi impossibbli għaliha li turi li l-miżuri meħuda minn skemi ta’ garanzija tad-depożiti li jikkonsistu f’banek pubbliċi u privati, bħall-miżuri inkwistjoni, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. B’riżultat ta’ dan, dawn l-iskemi jistgħu jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom sabiex jadottaw “miżuri alternattivi sabiex [jiġi evitat] falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu” fis-sens tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49/UE ( 8 ) mingħajr ma dan l-istabbiliment jitqiegħed taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59/UE ( 9 ).

33.

Fit-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fir-rigward tal-oneru tal-prova li għandha tiġi ssodisfatta mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat u li ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat, billi eżaminat u evalwat b’mod frammentarju l-provi varji prodotti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni, mingħajr ma kkunsidrat dawn il-provi b’mod sħiħ u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest iktar wiesa’ tagħhom. Il-Kummissjoni tikkontesta, għal din ir-raġuni, il-punti 96, 100 sa 106, 114, 115, 116 u 125 tas-sentenza appellata, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tas-subkundizzjoni li l-miżura ta’ għajnuna għandha tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

34.

Il-Gvern Taljan isostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

35.

Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Taljan iqajjem l-inammissibbiltà tal-ewwel aggravju (jew, tal-inqas, tal-ewwel parti tiegħu) minħabba li dan iqajjem kwistjoni ta’ fatt, u tat-tieni parti tal-ewwel aggravju minħabba li din tqajjem kwistjoni ta’ fatt u l-appell ma jindikax li jikkontesta l-punti 125 sa 132 tas-sentenza appellata.

36.

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija, fil-fehma tal-Gvern Taljan, infondata minħabba li l-Kummissjoni, li, sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika hija imputabbli lill-Istat, skont il-ġurisprudenza għandha turi involviment reali tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta’ din il-miżura, hija iktar u iktar obbligata tipproduċi din il-prova fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata b’awtonomija sħiħa għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-valur probatorju tal-evidenza li minnha, f’dan l-aħħar każ, jista’ jiġi dedott li l-miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat għandu jkun ulterjorment ikbar, minħabba l-impossibbiltà li jiġu invokati kwalunkwe rabtiet organiċi bejn l-entità privata u l-Istat. It-tieni parti tal-ewwel aggravju, hija, skont il-Gvern Taljan, infondata bl-istess mod minħabba li, fl-evalwazzjoni tad-diversi provi, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-“kuntest” identifikat fil-punt 125 tas-sentenza appellata u tal-fatt li l-miżuri inkwistjoni kienu alternattiva għar-rimbors tad-depożitanti fil-każ ta’ stralċ ta’ Tercas, li jaqa’ fil-portata tal-mandat pubbliku mogħti lill-FITD.

37.

BPB isostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat (l-ewwel u t-tieni parti ta’ dan l-aggravju) u ineffettiv (l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju).

38.

BPB iqajjem l-inammissibbiltà, l-ewwel nett, tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju (minħabba li tqajjem kwistjoni ta’ fatt), it-tieni nett, tal-argument tal-Kummissjoni li l-FITD għandu jitqies bħala emanazzjoni tal-Istat (minħabba li jqajjem kwistjoni ta’ fatt, u ma ġiex imqajjem fl-ewwel istanza), u, it-tielet nett, tat-tieni parti tal-ewwel aggravju (minħabba li tqajjem kwistjoni ta’ fatt).

39.

Fi kwalunkwe każ, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija, skont BPB, infondata minħabba li, minflok ma timponi lill-Kummissjoni oneru tal-prova itqal sabiex tiddetermina l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna fejn l-għajnuna tingħata minn entità privata, il-Qorti Ġenerali sempliċement tapplika, fil-punti 67, 69, u 87 sa 91 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li ssegwi mis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), waqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura privata tal-FITD. Iktar minn hekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija, fi kwalunkwe każ, ineffettiva sa fejn din tikkontesta l-punti 69, 89 u 90 tas-sentenza appellata, minħabba li l-punti 94 sa 132 ta’ din is-sentenza jipprovdu bażi legali suffiċjenti għall-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma kinux imputabbli lill-Istat. L-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija wkoll infondata u, fi kwalunkwe każ, ineffettiva sa fejn tikkontesta l-oneru tal-prova itqal allegatament impost fuq il-Kummissjoni sabiex turi li l-miżuri inkwistjoni ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Finalment, skont BPB, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

40.

Il-FITD jissottometti li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat (l-ewwel u t-tieni parti ta’ dan l-aggravju) u ineffettiv (l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju).

41.

Il-FITD isostni l-istess eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ BPB.

42.

Fi kwalunkwe każ, skont il-FITD, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva peress li, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda kompetenza twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti fid-dawl ta’ livell tal-prova iktar baxx, u, it-tieni nett, l-appell ma jikkontestax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma ngħatawx permezz ta’ riżorsi tal-Istat, bir-riżultat li, billi dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, żball tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-livell tal-prova sabiex jiġi ddeterminat li dawn il-miżuri huma imputabbli lill-Istat ma jkollu ebda impatt fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata. Il-FITD isostni ulterjorment li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata, peress li, minn naħa, il-livell tal-prova adottat mill-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata ma huwiex ogħla mil-livell stabbilit fis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), u, it-tieni nett, il-Kummissjoni ma tagħmel ebda lment speċifiku fir-rigward tal-istandard tal-prova stabbilit mill-Qorti Ġenerali sabiex tipproduċi l-prova li miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat (u, fi kwalunkwe każ, it-test deskritt fil-punt 134 tas-sentenza appellata ma huwiex iktar restrittiv minn dak ipprovdut fil-ġurisprudenza). Finalment, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija, fil-fehma tal-FITD, infondata minħabba li huwa ċar mill-punti 105, 106, 114, 120, 125, 132, 144, 147, 149, 157 u 161 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat l-evidenza b’mod sħiħ u ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-miżuri inkwistjoni.

43.

Il-Bank tal-Italja jsostni li l-ewwel aggravju huwa parzjalment inammissibbli (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju sa fejn din tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma kinux imputabbli lill-Istat), parzjalment infondat (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju sa fejn din tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma kinux imputabbli lill-Istat, u t-tieni parti tal-ewwel aggravju), u parzjalment ineffettiv (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju).

44.

Il-Bank tal-Italja jqajjem l-inammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju u tal-argument tal-Kummissjoni li l-FITD għandu jitqies bħala emanazzjoni tal-Istat, minħabba li jqajmu kwistjonijiet ta’ fatt.

45.

Skont il-Bank tal-Italja, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata sa fejn din tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma kinux imputabbli lill-Istat, minħabba li, fl-assenza ta’ indizji b’valur probatorju għoli bħall-eżistenza ta’ rabtiet organiċi bejn l-entità li tat l-għajnuna u l-Istat, ma huwiex suffiċjenti li l-Kummissjoni tipproduċi prova “negattiva” jew “indiretta”, u hija għandha tipproduċi prova “pożittiva” li l-Istat kien involut fl-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva sa fejn tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma kinux imputabbli lill-Istat, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat kull indizju prodott mill-Kummissjoni u kkonstatat li ma kellhom ebda valur probatorju. B’mod simili, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva sa fejn tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma ngħatawx permezz ta’ riżorsi tal-Istat, minħabba li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx livell tal-prova ogħla f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija infondata minħabba li l-Qorti Ġenerali, l-ewwel, iddeċidiet li kull prova, ikkunsidrata individwalment, kienet nieqsa minn valur probatorju, u t-tieni, ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-miżuri inkwistjoni.

2.   Evalwazzjoni

46.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fir-rigward tal-oneru tal-prova li għandu jiġi ssodisfatt mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat u tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, u għalhekk kisret l-Artikolu 107(1) TFUE. Fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta obbligat lill-Kummissjoni turi l-eżistenza ta’ influwenza dominanti mill-awtoritajiet pubbliċi, fl-istadji kollha tal-proċedura li tat lok għall-adozzjoni ta’ din il-miżura, fuq l-entità li tagħti l-għajnuna, esklużivament fuq il-bażi tal-fatt li din tal-aħħar hija entità privata. Fit-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tissottometti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta eżaminat b’mod frammentarju l-provi prodotti mill-Kummissjoni mingħajr ma ħadet dawn il-provi inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest iktar wiesa’ tagħha.

a)   Ammissibbiltà

47.

L-ewwel nett, il-Gvern Taljan, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju fuq il-bażi li din tqajjem kwistjoni ta’ fatt. Fil-fehma tagħhom, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma talbithiex tissodisfa oneru tal-prova itqal fejn l-entità li tagħti l-għajnuna ma tkunx impriża pubblika iżda impriża privata. Minflok, il-Qorti Ġenerali sempliċement applikat għall-miżuri inkwistjoni – li ttieħdu minn entità privata, jiġifieri l-FITD, u ġew iffinanzjati permezz ta’ fondi amministrati minn din l-entità – il-ġurisprudenza li tapplika fejn l-għajnuna tingħata minn impriża pubblika. Skont il-Gvern Taljan, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja, isegwi li, bl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ma tinvokax żball ta’ liġi min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-evidenza magħmula mill-Qorti Ġenerali. Minħabba li tali evalwazzjoni ma hijiex suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija, fil-fehma tal-Gvern Taljan, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja, inammissibbli.

48.

Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tirnexxi.

49.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-oneru tal-prova itqal li, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tobbligaha tissodisfa fejn l-għajnuna tingħata minn entità privata. Skont il-ġurisprudenza, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ il-konstatazzjonijiet ta’ fatt tal-Qorti Ġenerali testendi, inter alia, għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli dwar l-oneru tal-prova u t-teħid ta’ evidenza ġewx osservati. B’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali applikatx il-kriterji legali korretti bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u tal-evidenza hija kwistjoni ta’ liġi, suġġetta għal stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’appell ( 10 ). L-ewwel parti tal-ewwel aggravju għaldaqstant tqajjem punt ta’ liġi.

50.

Nenfasizza li l-kwistjoni dwar jekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali obbligatx lill-Kummissjoni tissodisfa oneru tal-prova itqal fejn l-għajnuna tingħata minn entità privata, hija kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tas-sentenza appellata u, għaldaqstant, is-sustanza tal-kawża. Din il-kwistjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, ikollha influwenza fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

51.

It-tieni nett, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-argument tal-Kummissjoni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tissodisfa oneru tal-prova itqal fejn l-entità li tat l-għajnuna tkun entità privata, tali oneru ma japplikax għal din il-kawża minħabba li l-FITD ma huwiex entità privata tipika iżda emanazzjoni tal-Istat ( 11 ). Fil-fehma ta’ BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja, din hija kwistjoni ta’ fatt.

52.

Ma naqbilx ma’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibiltà. Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni dwar jekk il-FITD għandux jitqies emanazzjoni tal-Istat minħabba li ġie obbligat, minn korp pubbliku, iwettaq inkarigu fl-interess pubbliku u ngħata, għal dan l-għan, setgħat speċjali li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mir-regoli normali applikabbli għal relazzjonijiet bejn individwi ( 12 ), tikkonċerna l-karatterizzazzjoni ġuridika tal-fatti tal-kawża, li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni biex tistħarreġ ( 13 ). Barra min hekk, il-kwistjoni dwar jekk, kieku l-FITD kellu jitqies emanazzjoni tal-Istat, din iċ-ċirkustanza ma tagħmlux differenti minn entitajiet privati oħra u jekk, għal din ir-raġuni, l-oneru tal-prova itqal impost mill-Qorti Ġenerali fejn l-għajnuna tingħata minn entità privata ma għandux jiġi applikat għal għajnuna mogħtija mill-FITD, hija wkoll kwistjoni ta’ liġi.

53.

It-tielet nett, il-FITD u BPB isostnu li l-motiv tal-Kummissjoni kif miġbur fil-qosor fil-punt 51 iktar ’il fuq huwa inammissibbli minħabba li ma tqajjimx fl-ewwel istanza.

54.

Ma naqbilx ma’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Skont il-ġurisprudenza, argument li ma jkunx tqajjem fl-ewwel istanza ma jistax jitqies bħala argument ġdid, inammissibbli fl-istadju tal-appell, jekk dan ikun jikkostitwixxi sempliċement elaborazzjoni ta’ argument li jkun diġà ġie żviluppat fil-kuntest ta’ motiv imressaq fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ( 14 ). Meta ssostni li l-FITD għandu jitqies bħala emanazzjoni tal-Istat, il-Kummissjoni tfittex li turi li, għal din ir-raġuni, l-oneru tal-prova itqal impost mill-Qorti Ġenerali fejn l-għajnuna tingħata minn entità privata ma japplikax għal għajnuna mogħtija mill-FITD. Għaldaqstant, l-argument tal-Kummisjsoni li l-FITD huwa emanazzjoni tal-Istat ma huwiex eċċezzjoni fid-dritt, iżda sempliċement argument insostenn tal-eċċezzjoni, imressqa mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, li tallega li l-miżuri inkwistjoni huma imputabbli lill-Istat u ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Isegwi li dan l-argument huwa ammissibbli.

55.

Ir-raba’ nett, il-Gvern Taljan isostni li l-motiv tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali evalwat il-provi mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest tan-negozjati bejn il-FITD minn naħa u BPB u l-kummissarju speċjali min-naħa l-oħra huwa inammissibbli, fuq il-bażi li l-appell ma jispeċifikax li jikkontesta l-punti 125 sa 132 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali indirizzat din il-kwistjoni.

56.

Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tirnexxi minħabba li l-appell jispeċifika li jikkontesta l-punt 126 tas-sentenza appellata.

57.

Il-ħames nett, il-Gvern Taljan, BPB u l-FITD isostnu li t-tieni parti tal-ewwel aggravju hija inammissibbli fuq il-bażi li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali.

58.

Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha wkoll tiġi miċħuda. Bit-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummisjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-provi b’mod sħiħ u tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest iktar wiesa’ li fih ittieħdu l-miżuri inkwistjoni. Huwa veru li, skont il-ġurisprudenza, hija l-Qorti Ġenerali biss li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi prodotti quddiemha ( 15 ). Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-valur mogħti mill-Qorti Ġenerali lil kull prova prodotta quddiemha. Hija tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa dawn il-provi b’mod sħiħ u fil-kuntest iktar wiesa’ tagħhom, filwaqt li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imputabbiltà tista’ tiġi dedotta minn numru ta’ indizji riżultanti miċ-ċirkustanzi tal-kawża u l-kuntest li fih tkun ittieħdet il-miżura ( 16 ). Din hija kwistjoni ta’ dritt.

59.

Nikkonkludi li l-ewwel aggravju huwa kompletament ammissibbli.

b)   Sustanza

1) Osservazzjonijiet preliminari

60.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkollu l-potenzjal li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, irid jagħti lok għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni ( 17 ).

61.

Kif imsemmi fil-punt 21 iktar ’il fuq, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni fuq il-bażi li l-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti ma ġietx issodisfatta.

62.

Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, għandu jitfakkar li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u jkunu imputabbli lill-Istat ( 18 ). Dawn iż-żewġ subkundizzjonijiet huma kumulattivi ( 19 ).

63.

Fl-ewwel lok, sabiex jiġi evalwat jekk miżura hijiex imputabbli lill-Istat, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura ( 20 ).

64.

Fejn il-miżura ta’ għajnuna hija prevista bil-liġi jew b’miżura amministrattiva, ma hemmx dubju li din il-miżura tkun imputabbli lill-Istat ( 21 ). Il-kwistjoni tal-imputabbiltà tqum meta l-miżura tiġi adottata minn korp li huwa distint mill-Istat, bħal impriża pubblika ( 22 ).

65.

F’dan l-aħħar każ, mis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294) (iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Stardust”) u minn ġurisprudenza sussegwenti jirriżulta li l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika ma tistax tiġi dedotta biss mill-fatt li din l-impriża tkun taħt il-kontroll tal-Istat, minħabba li impriża pubblika tista’ taġixxi bi ftit jew wisq indipendenza, skont il-livell ta’ awtonomija permess lilha mill-Istat, u li, għaldaqstant, l-eżerċizzju effettiv ta’ dan il-kontroll f’każ partikolari ma jistax jiġi preżunt awtomatikament. Madankollu, lanqas ma jista’ jintalab li jintwera li fil-każ speċifiku l-awtoritajiet pubbliċi inċitaw b’mod speċjali lill-impriża pubblika sabiex tadotta l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, jew li dawn il-miżuri ġew fil-fatt adottati fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, peress li, minħabba r-relazzjonijiet mill-qrib eżistenti bejn l-Istat u l-impriżi pubbliċi, tkun diffiċli ħafna għall-Kummissjoni sabiex tipproduċi din il-prova. Għaldaqstant, skont is-sentenza fil-kawża Stardust, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn numru ta’ indizji riżultanti miċ-ċirkustanzi tal-każ u l-kuntest li fihom ġiet adottata l-miżura. Tali indizji jinkludu, b’mod partiolari: il-fatt li l-korp inkwistjoni kellu jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti jew id-direttivi tal-awtoritajiet pubbliċi; l-integrazzjoni tiegħu fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika; in-natura tal-attivitajiet tal-impriża u l-eżerċizzju ta’ dawn tal-aħħar fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati; l-istatus legali tal-impriża (dritt pubbliku jew dritt ordinarju tal-kumpanniji); u l-intensità tas-sorveljanza mwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni tal-impriża. Għal darba oħra skont is-sentenza fil-kawża Stardust, dawn l-indizji għandhom juru, fil-każ partikolari, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta’ miżura, jew l-improbabbiltà tal-involviment tagħhom ( 23 ).

66.

F’din il-kawża, il-miżuri inkwistjoni ma ġewx adottati minn impriża pubblika, bħalma kien il-każ fis-sentenza fil-kawża Stardust, iżda minn entità privata, jiġifieri l-FITD, konsorzju ta’ banek irregolat mid-dritt privat, li l-korpi ta’ ġestjoni tiegħu – il-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Kunsill – ġew maħtura minn laqgħat ġenerali tal-FITD u kienu komposti biss minn rappreżentanti tal-banek membri tal-konsorzju ( 24 ).

67.

Fil-punt 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-obbligu tal-Kummissjoni li turi, abbażi ta’ numru ta’ indizji, eżerċizzju effettiv tal-kontroll tal-Istat fil-każ partikolari, li, skont is-sentenza fil-kawża Stardust, japplika fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità pubblika, japplika “iktar u iktar” fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, minħabba li, b’differenza minn impriża pubblika, entità privata ma għandha ebda “rabt[iet] kapitalisti[ċi]” mal-Istat u ma tistax, għaldaqstant, tiġi preżunta li hija taħt il-kontroll tal-Istat. Għaldaqstant, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “bid-differenza ta’ sitwazzjoni li fiha miżura adottata minn impriża pubblika hija imputata lill-Istat, fil-każ ta’ miżura adottata minn entità privata, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha tistabbilixxi […] li l-assenza ta’ influwenza u ta’ kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi fuq din l-entità privata hija improbabbli”. F’dan il-każ, għandu jintwera pjuttost li “din il-miżura kienet ġiet adottata taħt l-influwenza jew il-kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi”.

68.

Sussegwentement il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi prodotti mill-Kummissjoni, u, kif imsemmi fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq, ikkonkludiet, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat sal-livell legali meħtieġ li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat.

69.

Fit-tieni lok, ma hemm ebda dubju li jingħata vantaġġ permezz ta’ riżorsi tal-Istat meta l-fondi użati għall-finanzjament ta’ dan il-vantaġġ jiġu mill-baġit tal-Istat (jew meta, bl-għoti ta’ dan il-vantaġġ, l-Istat jitlef id-dħul) ( 25 ).

70.

Il-kwistjoni dwar jekk jintużawx riżorsi tal-Istat titqajjem meta l-fondi ma joriġinawx mill-baġit tal-Istat iżda minn partijiet privati, jiġifieri, meta joriġinaw minn ħlas jew kontribuzzjoni mħallsa minn partijiet privati. F’dan il-każ, sabiex dawn il-fondi jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, huma għandhom kontinwament jibqgħu taħt kontroll pubbliku u għaldaqstant ikunu disponibbli għall-awtoritajiet pubbliċi, anki jekk jiġu amministrati minn entità separata mill-Istat. Fi kliem ieħor, l-Istat għandu jkollu setgħa li jiddisponi minn dawn il-fondi u jkun jista’ jidderieġi l-użu tagħhom sabiex jiġi ffinanzjat il-vantaġġ ( 26 ). Barra minn hekk, għandu jkun hemm rabta suffiċjentement diretta bejn il-vantaġġ u tnaqqis tal-baġit tal-Istat, jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-piżijiet li jaqgħu fuq dan il-baġit ( 27 ).

71.

F’din il-kawża, il-fondi użati għall-finanzjament tal-miżuri inkwistjoni ma ġewx mill-baġit tal-Istat iżda minn kontribuzzjonijiet tal-banek membri tal-FITD. L-oriġini tagħhom kienet għaldaqstant privata ( 28 ). Barra minn hekk, dawn il-fondi tħallsu lil u ġew amministrati minn entità privata distinta mill-Istat, b’mod speċifiku l-FITD, li implimentat il-miżuri inkwistjoni wara awtorizzazzjoni mill-Bank tal-Italja.

72.

Fil-punti 135 u 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnotat li, f’sitwazzjoni li tikkonċerna impriżi pubbliċi ( 29 ), kien ġie deċiż li r-riżorsi tagħhom kienu riżorsi tal-Istat minħabba li l-Istat kien kapaċi, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq dawn l-impriżi, jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħhom u li kien irrilevanti, f’dan ir-rigward, jekk ir-riżorsi kinux iġġestiti minn entitajiet distinti mill-Istat, jew jekk kinux ta’ oriġini privata. Il-Qorti Ġenerali mbagħad eżaminat il-provi li invokat il-Kummissjoni sabiex tikkonstata li l-fondi użati għall-finanzjament tal-miżuri inkwistjoni kienu riżorsi tal-Istat, u, kif imsemmi fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq, ikkonkludiet, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet naqset milli tistabbilixxi li ntużaw riżorsi tal-Istat.

73.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annulat id-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat li l-miżuri inkwistjoni kienu imputabbli lill-Istat, jew li ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

74.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, l-ewwel nett, billi kkonstatat li fejn l-għajnuna tingħata minn entità privata bħall-FITD minflok minn impriża pubblika l-Kummissjoni għandha tissodisfa oneru tal-prova itqal sabiex tistabbilixxi li miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat u hija mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju); u, it-tieni nett, billi evalwat b’mod frammentarju l-provi prodotti f’dan ir-rigward mingħajr ma kkunsidrathom b’mod sħiħ u fid-dawl tal-kuntest iktar wiesa’ tagħha (it-tieni parti tal-ewwel aggravju).

2) L-ewwel parti tal-ewwel aggravju

75.

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija maqsuma f’żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fir-rigward tal-oneru tal-prova impost fuq il-Kummissjoni sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat, fejn din il-miżura tiġi adottata minn entità privata minflok minn impriża pubblika (iktar ’il quddiem l-“ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna”). Permezz tat-tieni lment, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fir-rigward tal-oneru tal-prova impost fuq il-Kummissjoni sabiex turi li miżura ta’ għajnuna ngħatat permezz tar-riżorsi tal-Istat, fejn il-fondi użati għall-finanzjament ta’ din il-miżura jiġu amministrati minn entità privata minflok minn impriża pubblika (iktar ’il quddiem l-“ilment relatat mal-prova li miżura ta’ għajnuna ngħatat permezz tar-riżorsi tal-Istat”). Sejjer neżamina kull ilment wieħed wieħed.

i) L-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna

76.

Insostenn ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tissottometti li, fil-punti 69, 89, 90, 91, 114, 116, 117, 127, 128 u 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, il-Kummissjoni għandha tipproduċi prova pożittiva li l-awtoritajiet pubbliċi kellhom influwenza jew kontroll dominanti fuq l-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li hija għandha tiddetermina li dawn l-awtoritajiet eżerċitaw l-influwenza tagħhom fl-istadji kollha tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ din il-miżura; li ħarġu struzzjonijiet vinkolanti lil din l-entità; u li l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi kellu impatt fuq il-miżura ta’ għajnuna. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huma inkonsistenti mal-ġurisprudenza, li teħtieġ li l-Kummissjoni turi, mhux li l-awtoritajiet pubbliċi huma involuti fl-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna, iżda biss li l-involviment tagħhom fl-adozzjoni ta’ din il-miżura huwa probabbli, jew li n-nuqqas ta’ involviment tagħhom huwa improbabbli. Filwaqt li l-ġurisprudenza ġiet żviluppata fil-każ ta’ miżuri ta’ għajnuna adottati minn impriżi pubbliċi, ma hemm ebda raġuni, kif tissottometti l-Kummissjoni, li ssir distinzjoni bejn impriżi pubbliċi u entitajiet privati u li tiġi applikata l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq biss fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, filwaqt li jiġi żviluppat test ġdid u iktar restrittiv fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata.

77.

Il-Gvern Taljan, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja jargumentaw li l-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna għandu jiġi miċħud.

78.

Fil-fehma tiegħi, dan l-ilment ma jistax ikollu suċċess għar-raġunijiet segwenti. L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, u kif ġie argumentat mill-Gvern Taljan, BPB u l-FITD, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma imponietx oneru tal-prova itqal fuq il-Kummissjoni fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata minflok minn impriża pubblika. It-tieni nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali applikat dan l-oneru tal-prova itqal fis-sentenza appellata, l-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna jkollu madankollu jiġi miċħud minħabba li, minkejja li jkun fondat, ikun ineffettiv.

79.

Qabel ma neżamina dawn ir-raġunijiet, nixtieq nagħmel żewġ rimarki preliminari.

80.

L-ewwel nett, għandi ninnota, għaċ-ċarezza, li, skont il-punt 67 tas-sentenza appellata, “entità privata” tfisser entità li “jkollha status privat jew tkun awtonoma, inkluż fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi tagħha, fir-rigward tal-interventi tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-finanzi pubbliċi”. “Entità privata” ma hijiex impriża pubblika, inkwantu din tal-aħħar hija ddefinita mill-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2006/111/KE ( 30 ) bħala “kull impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-pussess li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha” kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata. Fi kliem ieħor, entità privata hija entità li ma hijiex taħt il-kontroll tal-Istat.

81.

It-tieni nett, għandi nsemmi li l-kwistjoni dwar jekk, sabiex tiġi ddeterminata l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, il-Kummissjoni għandhiex tipproduċi prova pożittiva li l-awtoritajiet pubbliċi kellhom influwenza jew kontroll dominanti fuq l-adozzjoni ta’ din il-miżura, jew jekk huwiex biżżejjed li hija turi li n-nuqqas ta’ influwenza u ta’ kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi huwa improbabbli ( 31 ), għandha – minkejja l-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball f’dak li jirrigwarda l-oneru tal-prova ( 32 ) – iktar x’taqsam mal-livell tal-prova (li jiddetermina l-livell ta’ kunfidenza jew persważjoni neċessarja sabiex jintwera fatt) milli mal-oneru tal-prova (li jiddetermina liema parti għandha tipprova l-fatti, u għandha r-riskju ta’ fatti li jibqgħu mhux ipprovati) ( 33 ).

– Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata minflok minn impriża pubblika.

82.

Kif imsemmi fil-punt 67 iktar ’il fuq, isegwi mill-punti 69, 89 u 90 tas-sentenza appellata li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, il-Qorti Ġenerali teħtieġ prova ta’ influwenza jew kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi – fil-kliem tal-Kummissjoni, “prova pożittiva” – filwaqt li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi l-probabbiltà ta’ influwenza u kontroll effettivi mill-awtoritajiet pubbliċi (jew, pjuttost l-improbabbiltà tan-nuqqas tal-influwenza u kontroll effettivi tagħhom).

83.

Madankollu, nemmen pjuttost li, kuntrarjament għal dak li jista’ jidher li huwa l-każ, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx b’hekk livell tal-prova ogħla sabiex jiġi ddeterminat li miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat f’każ fejn din il-miżura tiġi adottata minn entità privata minflok minn impriża pubblika.

84.

Hawn taħt sejjer neżamina kull wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-fehma tagħha li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet tali livell tal-prova ogħla fis-sentenza appellata. Skont il-Kummissjoni, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali obbligatha turi, l-ewwel nett, li l-miżuri inkwistjoni ġew adottati fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, li ġiegħlu lill-FITD jadotta dawn il-miżuri, it-tieni nett, li l-involviment ta’ dawn l-awtoritajiet kellu impatt fuq il-kontenut ta’ dawn il-miżuri, u, it-tielet nett, li l-awtoritajiet pubbliċi kellhom influwenza jew impatt effettiv fl-istadji kollha tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. L-ebda wieħed minn dawn l-argumenti, fil-fehma tiegħi, ma huwa konvinċenti.

85.

Fl-ewwel lok, ninnota li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma ddeċidietx li, sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata hija imputabbli lill-Istat, il-Kummissjoni għandha turi li din il-miżura ġiet adottata fuq l-istruzzjoni vinkolanti tal-awtoritajiet pubbliċi, li ġiegħlu lil din l-entità tadotta dawn il-miżuri.

86.

Li kieku din il-prova kellha tkun meħtieġa mill-Qorti Ġenerali, hija effettivament kienet tistabbilixxi livell tal-prova ogħla milli huwa l-każ fejn il-miżura ta’ għajnuna tiġi adottata minn impriża pubblika. Ninnota li mill-punt 54 tas-sentenza fil-kawża Stardust, dwar miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, isegwi li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata turi li din il-miżura ġiet adottata fuq l-istruzzjonjiet tal-awtoritajiet pubbliċi ( 34 ). Madankollu, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma obbligatx lill-Kummissjoni tipproduċi l-prova deskritta fil-punt 85 iktar ’il fuq.

87.

Dan minħabba li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, il-prova ta’ influwenza jew kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi fuq l-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna tista’ tingħata “fil-forma ta’ indizji” ( 35 ), bħalma huwa l-każ fejn l-entità li tagħti l-għajnuna tkun impriża pubblika ( 36 ). Dan ifisser li l-Kummissjoni tista’ tiddeduċi l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna miċ-ċirkustanzi tal-każ u l-kuntest li fihom ġiet adottata l-miżura, minflok ma tipproduċi l-prova diretta li l-miżura ġiet adottata taħt l-influwenza jew il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri, minflok ma tipprova li l-miżura ġiet adottata fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi.

88.

Dan ukoll minħabba li mill-punti 117, 127, 128 u 131 tas-sentenza appellata, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni, ma jirriżultax li hija obbligata tipproduċi l-prova deskritta fil-punt 85 iktar ’il fuq.

89.

Huwa minnu li, fil-punti 117 u 130 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li l-Bank tal-Italja ma kellux, permezz tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni li għaliha huma suġġetti l-miżuri inkwistjoni, is-setgħa li “jobbliga lill-FITD jintervjeni insostenn ta’ bank f’diffikultà” ( 37 ), u, min-naħa l-oħra, li t-tressiq mill-kummissarju speċjali ta’ Tercas ta’ talba sabiex il-FITD jintervjeni “bl-ebda mod ma jobbliga lil dan tal-aħħar jilqa’ din it-talba” ( 38 ).

90.

Madankollu, ninnota li, sabiex jiġi konkluż li l-miżuri inkwistjoni ma kinux imputabbli lill-Istat, il-Qorti Ġenerali ma invokatx biss il-fatt li la l-Bank tal-Italja u lanqas il-kummissarju speċjali ma kkonvinċew lill-FITD jintervjeni insostenn ta’ Tercas, jew ħarġu istruzzjonijiet vinkolanti lil dan il-konsorzju.

91.

Fil-fatt, fil-punti 122 sa 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali invokat ukoll ir-“rwol purament passiv” tar-rappreżentanti tal-Bank tal-Italja fil-laqgħat tal-korpi governattivi tal-FITD. Li kieku dawn ir-rappreżentanti wettqu rwol iktar attiv f’dawn il-laqgħat (pereżempju, “[j]esprim[u] d-dubji [tagħhom]” dwar l-intervent ippjanat), dan kien jitqies mill-Qorti Ġenerali bħala element li jsostni l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri inkwistjoni ( 39 ). Barra minn hekk, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali invokat ukoll il-fatt li l-laqgħat informali bejn, minn naħa, il-Bank tal-Italja, u, min-naħa l-oħra, BPB, il-FITD u l-kummissarju speċjali (iktar ’il quddiem il-“laqgħat informali”), “ppermettew biss lill-Bank tal-Italja jiġi informat” dwar l-iżviluppi bejn il-FITD minn naħa u BPB u l-kummissarju speċjali min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, li kieku l-Bank tal-Italja uża l-laqgħat informali “sabiex jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-miżuri […] inkwistjoni”, dan kien jitqies mill-Qorti Ġenerali bħala indizju li dawn il-miżuri kienu imputabbli lill-Istat.

92.

Fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li “l-Bank tal-Italja kien ‘talab’ sabiex jilħaq ‘ftehim bilanċjat’ ma’ BPB fir-rigward tal-kopertura tad-defiċit ta’ kapital ta’ Tercas” kienet “nieqsa minn kull valur vinkolanti għall-FITD”, ninnota li, sabiex jiġi kkonstatat li din l-istedina ma kinitx indizju li l-Bank tal-Italja kellu influwenza fuq l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali invokat mhux biss in-natura mhux vinkolanti ta’ din l-istedina, iżda wkoll il-fatt li d-deċiżjoni tal-FITD li jadotta dawn il-miżuri ma kinitx dovuta għal din l-istedina, iżda għal kunsiderazzjonijiet ekonomiċi (jiġifieri, tal-konklużjoni tar-rapport sottomess minn kumpannija tal-awditjar u tar-rappurtar, li skontu l-ispiża tal-miżuri inkwistjoni kienet inqas mill-ispiża tal-kumpens skont l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fil-każ tal-istralċ ta’ Tercas).

93.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt, imsemmi fil-punt 89 iktar ’il fuq, li t-talba tal-kummissarju speċjali biex jintervjeni ma kinitx vinkolanti fuq il-FITD, ninnota li sabiex jiġi kkonstatat li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni ma nbdietx minn awtorità pubblika, il-Qorti Ġenerali wkoll fil-punt 131 tas-sentenza appellata ibbażat ruħha fuq il-fatt li, fil-prattika, “l-inizjattiva li wieħed jirrikorri għall-FITD [irriżultat] mir-rekwiżiti stabbiliti minn BPB, li kienet issuġġettat is-sottoskrizzjoni tagħha għal żieda fil-kapital ta’ Tercas għall-kopertura tad-defiċit patrimonjali ta’ dan il-bank mill-FITD”.

94.

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma kinitx ħtieġet li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, il-Kummissjoni turi li din il-miżura ġiet adottata abbażi tal-istruzzjonijiet vinkolanti tal-awtoritajiet pubbliċi, li ġiegħlu lil entità privata tadottahom.

95.

Fit-tieni lok, ninnota li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma ddeċidietx li, sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata hija imputabbli lill-Istat, il-Kummissjoni għandha turi li l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi kellu effett fuq il-kontenut ta’ din il-miżura.

96.

Kieku l-Qorti Ġenerali kienet teħtieġ din il-prova, kienet fil-fatt tkun stabbilixxiet livell tal-prova ogħla minn dak li huwa l-każ fejn il-miżura ta’ għajnuna tiġi adottata minn impriża pubblika. Dan minħabba li, skont il-punt 48 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni (T‑305/13, EU:T:2015:435), li kkonċernat miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, ma huwiex neċessarju għall-Kummissjoni “li tiġi evalwata l-inċidenza [tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi] fuq il-kontenut tal-miżura” sabiex tiddetermina li l-miżura hija imputabbli lill-Istat. Madankollu, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kinitx teħtieġ lill-Kummissjoni tipproduċi l-prova deskritta fil-punt preċedenti.

97.

Fil-punt 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk, fil-prattika, l-intervernt tal-Bank tal-Italja kellux impatt fuq il-kontenut tal-miżuri inkwistjoni. Minflok, hija kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Taljana ma tatx lill-Bank tal-Italja, fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, is-setgħa li jemenda l-kontenut ta’ dawn il-miżuri (u li, għaldaqstant, il-Bank tal-Italja ma setax, f’dan il-kuntest, ikollu xi influwenza fuq il-kontenut tal-miżuri inkwistjoni). B’mod simili, sabiex tikkonkludi, fil-punt 126 tas-sentenza appellata, li l-Bank tal-Italja ma użax il-laqgħat informali “sabiex jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-miżuri […] inkwistjoni”, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk, fil-prattika, il-parteċipazzjoni tal-Bank tal-Italja fil-laqgħat informali kellhiex impatt fuq il-kontenut tal-miżuri inkwistjoni. Minflok, il-Qorti Ġenerali jidher li sempliċement innotat, f’dan il-punt, li l-parteċipazzjoni tal-Bank tal-Italja kienet purament passiva minħabba li kienet għal għanijiet ta’ informazzjoni biss. L-istess jgħodd fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali nnotat li l-istedina tal-Bank tal-Italja lill-FITD biex jintlaħaq ftehim ibbilanċjat ma’ BPB fir-rigward tal-kopertura tad-defiċit patrimonjali ta’ Tercas ma kellhiex “l-iċken effett” fuq id-deċiżjoni tal-FITD li jadotta l-miżuri inkwistjoni minħabba li din id-deċiżjoni ma kinitx riżultat ta’ din l-istedina iżda kienet riżultat tal-kundizzjonijiet imposti minn BPB.

98.

Fit-tielet lok, ma hemm ebda bażi għall-allegazzjoni tal-Kummissjoni li fil-punt 114 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali teħtieġ prova li l-awtoritajiet pubbliċi kienu jistgħu jinfluwenzaw “l-istadji kollha” tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Fil-fehma tiegħi, ir-raġuni għalfejn il-Qorti Ġenerali fil-punti 115 sa 131 tas-sentenza appellata ( 40 ) teżamina l-istadji kollha tal-proċedura, wieħed wara l-ieħor, hija li, billi ma kkonstatat ebda evidenza li l-awtoritajiet pubbliċi kellhom influwenza jew kontroll effettiv matul l-ewwel stadju, hija tivverifika jekk dawn kellhomx din l-influwenza fit-tieni stadju, u tkompli b’dan dan il-mod. Ma hemm ebda indikazzjoni li, kieku l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, pereżempju li l-Bank tal-Italja kellu xi influwenza effettiva fuq l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tagħhom, hija kienet issibha neċessarja li teżamina jekk il-Bank tal-Italja kellux influwenza simili fl-istadji l-oħra tal-proċedura.

99.

Nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma stabbilixxietx livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, u li l-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna għandu jiġi miċħud.

100.

Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, b’mod paritkolari abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq, li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet dan il-livell tal-prova ogħla fis-sentenza appellata, sejjer neżamina jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi billi għamlet dan.

– Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, hija għandha tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi għamlet dan

101.

Kif imsemmi fil-punt 78 iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kienet twettaq żball ta’ liġi billi tistabbilixxi livell tal-prova ogħla (madankollu l-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna għandu madankollu jiġi miċħud bħala ineffettiv).

102.

Minkejja li naqbel li, sabiex tistabbilixxi li miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata hija imputabbli lill-Istat, il-Kummissjoni għandha turi influwenza jew kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi fuq l-adozzjoni ta’ din il-miżura, huwa, fil-fehma tiegħi, dubjuż jekk, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, huwiex suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-assenza ta’ influwenza u kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi fuq din l-impriża hija improbabbli, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 89 tas-sentenza appellata.

103.

Ninnota li, fil-maġġoranza tas-sentenzi li jikkonċernaw miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, il-livell tal-prova applikabbli ma jiġix identifikat ( 41 ). Madankollu, ġie identifikat livell tal-prova fis-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni (T‑305/13, EU:T:2015:435), tat‑28 ta’ Jannar 2016, Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni (T‑507/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:35), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni (T‑167/13, EU:T:2018:940), li kkonċernaw miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika. F’dawn is-sentenzi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “juri li ma hijiex probabbli l-assenza ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni tal-miżuri kkontestati” ( 42 ), u li “t-turija mill-Kummissjoni ta’ tali involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti ta’ għajnuna ma teżiġix li jkun hemm prova pożittiva, imma huwa biżżejjed li tintwera l-improbabbiltà tal-assenza ta’ involviment fl-adozzjoni tal-miżura” ( 43 ). Għaldaqstant, jidher li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, huwa suffiċjenti li tiġi ppruvata l-probabbiltà tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi (jew l-improbabbiltà tan-nuqqas ta’ involviment tagħhom), minflok l-involviment effettiv tagħhom ( 44 ).

104.

B’kuntrast, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑53/16, EU:T:2018:943, punt 132), li kkonċernat miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża privata ( 45 ), jidher li l-livell tal-prova applikat imur lil hinn mis-sempliċi probabbiltà ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi minħabba li, fil-kliem tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kienet ipprovat “li […] [it-tliet indikaturi eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata] kell[hom] influwenza biżżejjed determinanti fuq l-aġir ta’ [l-entità li tat l-għajnuna] fil-konfront [tal-benefiċjarju] sabiex il-kuntrat[t] inkwistjoni [seta’] jitqie[s] imputabbli lill-Istat”.

105.

Madankollu, nenfasizza li, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni prinċipali fir-rigward tal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna ma hijiex jekk il-Kummisjoni għandhiex tistabbilixxi eżerċizzju effettiv tal-influwenza jew kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, jew jekk huwiex suffiċjenti li turi l-probabbiltà ta’ tali influwenza jew kontroll (jew l-improbabbiltà tal-assenza ta’ influwenza u kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi). Pjuttost, il-kwistjoni prinċipali hija dik tal-indizji li minnhom tista’ tiġi dedotta l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna, u, b’mod partikolari, jekk dawn l-indizji għandhomx ikunu relatati mal-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna, jew jekk huwiex suffiċjenti li dawn ikunu relatati mal-entità li tagħti l-għajnuna. Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni prinċipali hija jekk il-Kummissjoni għandhiex turi influwenza jew kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi fuq din l-entità, jew jekk huwiex suffiċjenti li hija turi influwenza jew kontroll effettiv ta’ dawn l-awtoritajiet fuq l-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna.

106.

F’dan ir-rigward, ninnota li, fis-sentenzi kollha ċċitati fil-punti 103 u 104 iktar ’il fuq li fihom ġie identifikat il-livell tal-prova applikabbli, l-influwenza jew kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi, jew l-improbabbiltà tal-assenza ta’ tali influwenza u kontroll, għandhom jikkonċernaw l-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna, mhux sempliċement l-entità li tagħti l-għajnuna, irrispettivament jekk din l-entità hijiex impriża pubblika ( 46 ) jew entità privata ( 47 ). Madankollu, qabel ma nislet xi tip ta’ konklużjonijiet, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenzi l-oħra ċċitati fil-punt 103 iktar ’il fuq, li fir-rigward tagħhom il-kwistjoni dwar jekk l-influwenza jew il-kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jikkonċernaw l-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna, jew sempliċement l-entità li tagħti l-għajnuna, tista’ tiġi indirizzata billi jiġu eżaminati l-indizji li minnhom ġiet dedotta l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna ( 48 ). F’dan ir-rigward, jidher li, minkejja li, f’xi każijiet, il-konstatazzjoni li l-miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat hija dedotta biss mill-indizji relatati mal-impriża pubblika li adottat il-miżura ta’ għajnuna, f’ħafna każijiet, din tiġi dedotta wkoll minn indizji relatati mal-adozzjoni ta’ din il-miżura.

107.

Pereżempju, fis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland (C‑242/13, EU:C:2014:2224, punti 35 sa 39), l-imputabbiltà lill-Istat tal-garanziji previsti mill-impriża portwarja ta’ Rotterdam, entità li hija fl-intier tagħha l-proprjetà tal-Komun, kienet tirriżulta, “bħala prinċipju” (u suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju), mir-“rabtiet organiċi” ta’ bejn l-impriża portwarja u l-Komun ( 49 ). Iċ-ċirkustanzi li l-amministratur waħdieni tal-impriża portwarja kien żamm id-dispożizzjoni tal-garanziji sigrieti u li kien hemm “lok li jiġi preżunt” li l-Komun kien jopponi d-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-garanziji, li kieku kien informat bihom, “ma humiex […] fihom innifishom, ta’ natura li jeskludu […] tali imputabbiltà”. F’dan il-każ, l-indizji li minnhom ġiet dedotta l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna kienu relatati biss mal-entità li tat l-għajnuna, filwaqt li ftit attenzjoni ngħatat lill-indizji relatati mal-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna u li ħadmu kontra l-konstatazzjoni tal-imputabbiltà. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ġiet viċin ħafna li tistabbilixxi preżunzjoni (konfutabbli), li, fil-fehma tiegħi, ma hijiex konsistenti mal-punt 52 tas-sentenza fil-kawża Stardust, li skontha “l-fatt waħdu li impriża pubblika hija taħt il-kontroll tal-Istat ma huwiex suffiċjenti sabiex miżuri adottati minn din l-impriża […] ikunu imputabbli lill-Istat [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

108.

B’mod simili, fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2013, Nitrogénművek Vegyipari vs Il‑Kummissjoni (T‑387/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:98, punti 63 sa 66), il-konstatazzjoni li s-self mogħti minn stabbiliment ta’ kreditu li huwa fl-intier tiegħu proprjetà tal-Istat, Magyar Fejlesztési Bank Zrt. (iktar ’il quddiem “MFB”), kien imputabbli lill-Istat Ungeriż, ġiet dedotta biss mill-indizji relatati ma’ MFB, jiġifieri, il-fatt li l-attivitajiet ta’ MFB kienu dawk ta’ bank għall-iżvilupp pubbliku, li kellu status legali differenti minn dak ta’ bank kummerċjali, u li kien suġġett għal sorveljanza intensa mill-awtoritajiet pubbliċi (minħabba li, b’mod partikolari, il-ministru kompetenti kien jeżerċita d-drittijiet ta’ proprjetà tal-Istat f’MFB u jaħtar u jirrevoka l-membri tal-korpi governattivi tiegħu). Ninnota li ġiet eżerċitata sorveljanza fuq l-operazzjonijiet ta’ MFB, mhux fuq l-adozzjoni tas-self inkwistjoni.

109.

Madankollu, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni (T‑167/13, EU:T:2018:940, punti 75 sa 96), l-imputabbiltà lill-Istat Taljan tal-injezzjonijiet tal-kapital magħmula minn SEA SpA, l-operatriċi bi proprjetà pubblika tal-ajruporti ta’ Milano, fis-sussidjarja tagħha Sea Handling SpA, ġiet dedotta mhux biss mir-rabtiet organiċi bejn SEA u l-Komun ta’ Milano (li kellu l-maġġoranza tal-ishma u drittijiet tal-vot f’SEA, u kien jaħtar il-membri tal-korpi governattivi ta’ SEA), iżda wkoll minn indizju relatat mal-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna. Dan l-indizju jikkonsisti fil-ftehim sindakali magħmul bejn il-Komun ta’ Milano, SEA u varji sindakati oħra, li permezz tiegħu SEA ntrabtet li tkopri t-telf magħmul minn Sea Handling – appoġġ li mbagħad ħa l-forma tal-injezzjonijiet tal-kapital inkwistjoni, jiġifieri, tal-miżuri ta’ għajnuna. Kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 81 ta’ din is-sentenza l-Komun ta’ Milano kellu parteċipazzjoni attiva fin-negozjati ta’ dan il-ftehim sindakali u, billi ffirma għal dan il-ftehim, approva, fil-kapaċità tiegħu bħala azzjonist maġġoritarju ta’ SEA, l-impenn tal-kumpannija li tkopri t-telf tas-sussidjarja tagħha kif ukoll l-implimentazzjoni sussegwenti ta’ dan l-impenn minn SEA.

110.

B’mod simili, fis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18, EU:T:2020:182, punti 117 sa 140), l-imputabbiltà lir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna (l-Italja) (iktar ’il quddiem ir-“Reġjun Awtonomu”) tal-ħlasijiet magħmula mill-operaturi tal-ajruporti ta’ Sardegna lil linji tal-ajru, bil-patt li, dawn il-linji tal-ajru jipprovdu konnessjonijiet minn punt għal punt bejn Sardegna u ċerti ajruporti Ewropej oħra, ġiet dedotta minn indizji relatati mal-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna. Dawn l-indizji kienu s-segwenti: l-ewwel nett, il-fatt li l-fondi użati mill-operaturi tal-ajruporti sabiex iħallsu lil-linji tal-ajru kienu disponibbli mir-Reġjun Awtonomu wara l-approvazzjoni, minn tiegħu, tal-pjanijiet ta’ attività ddettaljati ta’ dawn l-operaturi, li kellhom jiġu redatti konformement mal-linji gwida adottati mill-poter eżekuttiv tar-Reġjun Awtonomu; u, it-tieni nett, il-fatt li l-mekkaniżmu ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-operaturi tal-ajruport kien jippermetti lir-Reġjun Awtonomu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ attività tal-operaturi tal-ajruport (minħabba li l-ispejjeż li rriżultaw mill-ftehimiet bejn l-operaturi u l-linji tal-ajru setgħu jiġu rrimborsati biss jekk il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet ikunu konsistenti mal-linji gwida msemmija iktar ’il fuq). Ninnota li l-influwenza u kontroll tar-Reġjun Awtonomu kienu eżerċitati fuq il-kontenut u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ attività tal-operaturi tal-ajruporti, u li din l-implimentazzjoni kienet tikkonsisti preċiżament fil-miżura ta’ għajnuna (jiġifieri, il-ħlas magħmul mill-operaturi tal-ajruport lil-linji tal-ajru).

111.

Konsegwentement, kif imsemmi fil-punti 102 u 106 iktar ’il fuq, fejn l-entità li tagħti l-għajnuna hija impriża pubblika, ma huwiex, fil-każijiet kollha, suffiċjenti li l-Kummissjoni turi influwenza jew kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi (jew l-improbabbiltà tal-assenza ta’ din l-influwenza u kontroll) fuq din l-impriża. Hija għandha turi influwenza jew kontroll effettiv (jew l-improbabbiltà tal-assenza tagħhom) fuq l-adozzjoni tal-miżura ta’ għajnuna. Ir-raġuni għalfejn il-livell tal-prova jvarja tista’ tinsab fiċ-ċirkustanza li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 52 tas-sentenza fil-kawża Stardust, “impriża pubblika tista’ taġixxi b’iktar jew inqas indipendenza, skont il-grad ta’ awtonomija mogħtija lilha mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

112.

Isegwi li l-livell tal-prova applikat fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika huwa, f’xi każijiet, viċin, jekk mhux identiku, għal dak li japplika fejn il-miżura ta’ għajnuna tiġi adottata minn entità privata.

113.

Fil-fatt, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Servies vs Il‑Kummissjoni (T‑53/16, EU:T:2018:943, punti 125 sa 141), l-imputabbiltà lil korp tal-Istat, jiġifieri s-Syndicat mixte pour l’aménagement et le développement de l’aéroport de Nîmes (iktar ’il quddiem is-“SMAN”), tal-ftehim tas-servizzi tal-ajruport bejn Ryanair u l-entità privata li kienet topera l-ajruport ta’ Nîmes (Franza), jiġifieri Veolia Transport Aéroport de Nîmes (iktar ’il quddiem “VTAN”), ġiet dedotta minn indizji relatati mal-adozzjoni ta’ dan il-ftehim. Dawn l-indizji kienu: l-ewwel nett, il-fatt li l-ftehim ta’ delega ta’ servizz pubbliku konkluż bejn is-SMAN u VTAN kien jinkariga lil din tal-aħħar mhux biss bl-operat tal-ajruport ta’ Nîmes, iżda wkoll bi żvilupp tal-inkarigu tat-traffiku tal-ajru, li seta’ jkun inkompatibbli mal-għan ta’ operatur ta’ ajruport privat li jimmassimizza l-profittabbiltà tiegħu; it-tieni nett, diversi dikjarazzjonijiet ta’ VTAN magħmula qabel il-konklużjoni tal-ftehim tas-servizzi tal-ajruport inkwistjoni, li wrew li VTAN kienet taf bil-fatt li r-relazzjoni ma’ Ryanair setgħet tagħmel ħsara lill-profittabbiltà tal-operat tal-ajruport ta’ Nîmes, u li hija kienet disposta li tidħol f’relazzjoni ma’ din il-linja tal-ajru biss fid-dawl tal-kontribuzzjoni b’rata fissa offruta mis-SMAN; u, it-tielet nett, il-fatt li l-profittabbiltà tal-konċessjoni ta’ VTAN kienet ibbażata fuq din il-kontribuzzjoni b’rata fissa, li kienet ġiet ikkalkolata abbażi tal-ispejjeż u tad-dħul marbuta mal-ftehim ma’ Ryanair.

114.

Għandi ninnota wkoll li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18, EU:T:2020:182, punti 2 u 79), imsemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq, wara li nnotat li ċertu operatur tal-ajruport kien ta’ proprjetà privata, il-Qorti Ġenerali bil-kemm semmiet in-natura privata ta’ din l-entità meta evalwat l-imputabbiltà, u wisq inqas ma għamlet distinzjoni mal-miżuri adottati minn operaturi tal-ajruport l-oħra, li huma ta’ proprjetà pubblika.

115.

Konsegwentement, filwaqt li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża privata, il-Kummissjoni għandha turi influwenza jew kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi fuq l-adozzjoni ta’ din il-miżura, dan il-livell ġie applikat mill-Qrati tal-Unjoni Ewropea wkoll f’każijiet fejn il-miżura ta’ għajnuna ġiet adottata minn impriża pubblika.

116.

Għandi nenfasizza wkoll li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑53/16, EU:T:2018:943, punt 135), imsemmija fil-punt 113 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma kinitx teħtieġ il-prova li l-miżura ta’ għajnuna ġiet adottata minn impriża pubblika fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Dan jirriżulta mill-fatt li l-argument ta’ Ryanair li s-SMAN sistematikament qagħad lura milli jeżerċita s-setgħa tiegħu li jinfluwenza l-aġir ta’ VTAN fin-negozjati ma’ Ryanair kien meqjus ineffettiv, fuq il-bażi li s-SMAN kellu diskrezzjoni jintervjeni fin-negozjati bejn VTAN u Ryanair, u li dan “seta’ jintervjeni kieku VTAN ipprovat timponi kundizzjonijiet fuq Ryanair li kienu jwasslu lil din tal-aħħar sabiex tnaqqas it-traffiku tagħha fl-ajruport ta’ Nîmes” ( 50 ).

117.

Nikkonkludi li mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li japplika livell tal-prova itqal fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża privata minflok minn impriża pubblika.

118.

Għandi ninnota wkoll li, filwaqt li indizju elenkat fil-punt 56 tas-sentenza fil-kawża Stardust, jiġifieri, l-eżistenza ta’ rabtiet organiċi mal-Istat (jew, fil-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-“integrazzjoni [tal-entità li tat l-għajnuna] fl-istrutturi tal-amminstrazzjoni pubblika” [traduzzjoni mhux uffiċjali]), ovvjament ma tistax tippermetti li miżura adottata minn entità privata tiġi imputata lill-Istat, l-indizji l-oħra elenkati f’din is-sentenza jistgħu, u ġew ( 51 ), invokati sabiex tiġi stabbilita l-imputabbiltà lill-Istat ta’ tali miżura. Il-fatt li, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, ikun nieqes indizju jimplika li l-indizji l-oħra għandhom ikunu iktar konvinċenti. Madankollu, dan ma jfissirx li, f’dan il-każ, il-livell tal-prova huwa ogħla. Dan ifisser biss li l-istess livell għandu jiġi ssodisfatt bl-invokazzjoni ta’ indizji li ma humiex l-eżistenza ta’ rabtiet organiċi mal-Istat.

119.

Nikkonkludi li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat livell tal-prova ogħla biss minħabba n-natura privata tal-entità li tat l-għajnuna, u, b’mod partikolari, li kienet teħtieġ il-prova li l-miżura ta’ għajnuna ġiet adottata fuq l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, hija jkollha tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi għamlet dan.

120.

Qabel nispjega għalfejn nikkunsidra li, kif imsemmi fil-punt 78 iktar ’il fuq, l-ilment dwar il-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna xorta jkollu jiġi miċħud minħabba li huwa ineffettiv, nixtieq nenfasizza li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, l-ewwel nett, iċ-ċaħda ta’ dan l-appell ma jipperikolax il-premessa li fuqha huma bbażati d-Direttivi 2014/49 u 2014/59, u, it-tieni nett, huwa irrilevanti jekk il-FITD jistax jitqies bħala “emanazzjoni tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313).

121.

Fl-ewwel lok, ma naqbilx mal-argument tal-Kummissjoni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni ma humiex imputabbli lill-Istat u li, għaldaqstant, dawn ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, ebda miżura meħuda minn skema ta’ garanzija tad-depożiti ma tkun qatt tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, bir-riżultat li dawn l-iskemi jistgħu jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom għal intervent sabiex jipprevjenu l-falliment ta’ stabbiliment ta’ kreditu mingħajr dan tal-aħħar ma jkun tqiegħed taħt riżoluzzjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan jipperikola l-premessa li fuqha huma bbażati d-Direttivi 2014/49 u 2014/59, jiġifieri, li l-miżuri kollha adottati minn skemi ta’ garanzija tad-depożiti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

122.

Għandi nispjega li l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti ( 52 ), li l-missjoni prinċipali tagħhom hija li jipproteġu lid-depożitanti mill-konsegwenzi tal-insolvenza ta’ stabbiliment ta’ kreditu, jistgħu madankollu jmorru lil hinn minn din il-funzjoni ( 53 ) u jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom għal “miżuri alternattivi sabiex [jevitaw] falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu”, skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49. Madankollu, dan l-użu tal-fondi disponibbli ta’ skema ta’ garanzija tad-depożiti huwa suġġett għall-kundizzjoni li ebda azzjoni ta’ riżoluzzjoni ma tkun ittieħdet fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kreditu kkonċernat. Skont l-Artikolu 32(4)(d) tad-Direttiva 2014/59, azzjoni ta’ riżoluzzjoni tista’ tittieħed fejn “għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja” hija meħtieġa, b’din tal-aħħar iddefinita mill-Artikolu 2(1)(28) tal-istess direttiva bħala “għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE […] li tiġi pprovduta sabiex tiġi ppreservata jew tinġieb lura l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta’ istituzzjoni [ta’ kreditu]”.

123.

Għaldaqstant, f’din il-kawża, jekk il-miżuri inkwistjoni jitqiesu għajnuna mill-Istat, tista’ tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarja tagħhom (Tercas), li tipprekludi lill-FITD, bħala skema ta’ garanzija tad-depożiti rrikonoxxuta ( 54 ), milli tuża l-mezzi finanzjarji tagħha għal “miżuri alternattivi” intiżi sabiex jipprevjenu l-falliment ta’ Tercas skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49, bħall-miżuri inkwistjoni ( 55 ). Bil-maqlub, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, ma tkun tista’ tittieħed ebda azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Tercas, u, għaldaqstant, il-FITD jista’ juża l-fondi disponibbli sabiex jadotta miżuri bħal dawn inkwistjoni mingħajr ma jikser l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49.

124.

Għar-raġunijiet segwenti, ma naqbilx mal-argument sostnut mill-Kummissjoni miġbur fil-qosor fil-punt 121 iktar ’il fuq.

125.

L-ewwel nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni ma kinux imputabbli lill-Istat u ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, ma jkunx jirriżulta li ebda miżura meħuda minn skema ta’ garanzija tad-depożiti tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Dan ikun jiddependi mill-karatteristiċi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti u tal-miżura partikolari. Ninnota, f’dan ir-rigward, li, f’diversi okkażjonijiet, miżuri adottati minn skemi ta’ garanzija tad-depożiti ġew ikkonstatati li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ( 56 ).

126.

It-tieni nett, infakkar li l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49 jippermetti espressament li skemi ta’ garanzija tad-depożiti jużaw mezzi finanzjarji disponibbli sabiex jipprevjenu l-falliment ta’ stabbiliment ta’ kreditu, sakemm dan l-istabbiliment ma jkunx ġie mqiegħed taħt riżoluzzjoni. Jekk, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, kull miżura adottata minn skema ta’ garanzija tad-depożiti għandha titqies li hija għajnuna mill-Istat, dan il-fatt, fil-prattika, jista’ jipprekludi skemi ta’ garanzija tad-depożiti milli jadottaw miżuri alternattivi skont din id-dispożizzjoni minħabba li tkun nieqsa kundizzjoni waħda. Dan jista’ għaldaqstant iċaħħad din id-dispożizzjoni mis-sustanza tagħha.

127.

Fit-tieni lok, ma naqbilx mal-argument sostnut mill-Kummissjoni li l-FITD ma huwiex entità privata tipika, iżda “emanazzjoni tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 18), bir-riżultat li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li japplika livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, dan il-livell ma jkunx japplika għall-miżuri adottati mill-FITD.

128.

Ninnota li l-kunċett ta’ emanazzjoni tal-Istat ġie żviluppat fir-rigward tad-duttrina tal-effett dirett ta’ direttivi f’tilwimiet “vertikali” bejn l-individwu u l-Istat. Skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjonijiet ta’ direttiva li huma inkundizzjonati u preċiżi b’mod suffiċjenti jistgħu jiġu invokati minn individwi kontra organizzazzjonijiet jew korpi li huma suġġetti għall-awtorità jew kontroll tal-Istat jew li għandhom setgħat speċjali lil hinn minn dawk li jirriżulaw mir-regoli normali applikabbli għal relazzjonijiet bejn individwi. Organizzazzjonijiet jew korpi li huma obbligati, minn awtorità pubblika, li jwettqu inkarigu fl-interess pubbliku u li ngħataw, għal dan l-għan, setgħat speċjali jistgħu wkoll jitqiesu li huma paragunabbli għall-Istat ( 57 ).

129.

Ma nistax nara kif il-kwistjoni dwar jekk organizzazzjoni jew korp jistgħux jitqiesu bħala emanazzjoni tal-Istat u jekk jistgħux, bħala tali, jitqiesu li huma paragunabbli għall-Istat fir-rigward tal-effett “vertikali” ta’ direttivi għandha xi relazzjoni mal-klassifikazzjoni tal-miżuri adottati minn din l-organizzazzjoni jew korp bħala għajnuna mill-Istat. Il-kunċett ta’ emanazzjoni tal-Istat ma ġiex żviluppat għal dan l-għan, u ma nara ebda raġuni għalfejn dan għandu jintuża sabiex jiġi identifikat il-livell applikabbli sabiex jiġi pprovat li miżura ta’ għajnuna hija imputabbli lill-Istat.

130.

Fi kwalunkwe każ, il-FITD, fil-fehma tiegħi, ma jitqiesx bħala emanazzjoni tal-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 128 iktar ’il fuq. Dan minħabba li, b’differenza għall-Motor Insurers Bureau of Ireland, li tqieset emanazzjoni tal-Istat fis-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punti 38 u 40), invokata mill-Kummissjoni, il-FITD ma huwiex jaġixxi taħt mandat pubbliku meta, kif huwa l-każ hawnhekk, dan jintervjeni fl-assenza tal-istralċ obbligatorju ta’ wieħed mill-membri tiegħu, u ma għandux setgħat speċjali lil hinn minn dawk li jirriżultaw mir-regoli normali applikabbli għar-relazzjonijiet bejn individwi minħabba li ma għandux is-setgħa li jeħtieġ kontribuzzjoni mingħand il-membri tiegħu.

131.

Nikkonkludi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, hija jkollha tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi għamlet dan. Madankollu, hija xorta jkollha tiċħad l-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna minħabba li, kif sejjer nuri iktar ’il quddiem, dan l-ilment huwa ineffettiv.

– Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna huwa fondat, hija madankollu jkollha tiċħad dan l-ilment bħala ineffettiv

132.

Dan minħabba li l-indizji elenkati fil-punti 96 sa 132 tas-sentenza appellata ma jippermettux li l-miżuri inkwistjoni jiġu imputati lill-Istat anki jekk jiġi kkunsidrat li l-istess livell tal-prova japplika fejn l-entità li tagħti l-għajnuna hija entità privata u fejn hija entità pubblika (u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, sabiex tiddetermina l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, li turi li l-awtoritajiet pubbliċi ġiegħlu lil din l-entità tadotta din il-miżura, li l-involviment tagħhom kellu impatt fuq il-kontenut tal-miżura, u li kellhom influwenza f’kull stadju tal-proċedura).

133.

L-ewwel nett, naqbel mal-Qorti Ġenerali li l-mandat pubbliku mogħti lill-FITD mill-Artikolu 96-ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, ma huwiex indizju li jippermetti li l-miżuri inkwistjoni jiġu imputati lill-Istat, minħabba li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 101 tas-sentenza appellata, dan il-mandat jikkonsisti biss fir-rimbors tad-depożitanti, bir-riżultat li fejn, kif inhuwa l-każ hawnhekk, il-FITD jagħmel intervent insostenn ta’ bank membru, huwa ma jaġixxix taħt mandat pubbliku.

134.

It-tieni nett, l-imputabbiltà lill-Istat Taljan tal-miżuri inkwistjoni ma tistax tiġi dedotta mill-fatt li dawn il-miżuri huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni mill-Bank tal-Italja. Mill-punti 116 u 118 tas-sentenza appellata jidher li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, il-Bank tal-Italja ma jistax ikollu xi tip ta’ influwenza fuq l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni jew fuq il-kontenut tagħhom, minħabba li l-unika għan ta’ din il-proċedura kien il-verifika tal-konformità tal-miżuri mar-regoli prudenzjali li jirregolaw is-settur bankarju.

135.

It-tielet nett, mill-punti 123 u 126 tas-sentenza appellata jirriżulta li ma hemm ebda evidenza li l-Bank tal-Italja eżerċità xi influwenza jew kontroll informalment. Ir-rwol tiegħu fil-laqgħat tal-korpi governattivi tal-FITD kien “purament passiv” minħabba li r-rappreżentanti sempliċement esprimew is-sodisfazzjoni tagħhom bil-mod li bih ġiet immaniġġata l-kriżi ta’ Tercas, jew ma tkellmu xejn. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-Bank tal-Italja fil-laqgħat informali sempliċement ippermettielu jkun informat bil-progress tan-negozjati bejn il-FITD minn naħa u BPB u l-kummissarju speċjali min-naħa l-oħra. L-unika biċċa evidenza rilevanti hija l-istedina tal-Bank tal-Italja biex jintlaħaq ftehim ibbilanċjat fir-rigward tal-kopertura tad-defiċit patrimonjali ta’ Tercas, kif imsemmi fil-punt 127 tas-sentenza appellata. Madankollu, din il-biċċa evidenza għandha, fil-fehma tiegħi, ftit valur probatorju, minħabba li kienet il-protezzjoni tal-interessi tal-membri tiegħu ( 58 ) li wassal lill-FITD biex jadotta l-miżuri inkwistjoni, pjuttost milli l-istedina mill-Bank tal-Italja.

136.

Ir-raba’ nett, huwa immaterjali li l-kummissarju speċjali talab lill-FITD jadotta l-miżuri inkwistjoni, minħabba li, kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 131 tas-sentenza appellata, l-inizjattiva li wieħed jirrikorri għall-FITD fil-fatt ma rriżultatx mill-kummissarju speċjali, iżda minn BPB (minħabba li BPB kienet issuġġettat is-sottoskrizzjoni tagħha għal żieda fil-kapital ta’ Tercas għall-kopertura tad-defiċit patrimonjali ta’ dan il-bank mill-FITD).

137.

Nikkonkludi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata għandha tiġi evalwata bl-istess livell bħal dak ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata li wriet li l-miżuri inkwistjoni huma imputabbli lill-Istat.

138.

Konsegwentement, l-ilment relatat mal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna għandu jiġi miċħud, jew għar-raġuni msemmija fil-punt 99 iktar ’il fuq, jew, fi kwalunkwe każ (jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata), għar-raġuni spjegata fil-punt 137 iktar ’il fuq.

ii) L-ilment relatat mal-prova li miżura ta’ għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat

139.

Jiena tal-fehma li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma imponietx fuq il-Kummissjoni oneru tal-prova itqal, jew, pjuttost, li ma kinitx ħtieġet lill-Kummissjoni tissodisfa livell tal-prova ogħla sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat fejn, kif inhuwa l-każ hawnhekk, ir-riżorsi użati għall-finanzjament ta’ din il-miżura huma amministrati minn entità privata minflok minn impriża pubblika.

140.

Dan minħabba li ma hemm ebda dikjarazzjoni ta’ prinċipju fis-sentenza appellata fis-sens li l-Kummissjoni għandha tissodisfa livell tal-prova ogħla fejn ir-riżorsi użati għall-finanzjament tal-miżura ta’ għajnuna huma amministrati minn impriża privata minflok minn impriża pubblika. Għaldaqstant, is-sentenza appellata ma tidentifikax l-allegat l tal-prova ogħla li l-Kummissjoni għandha, f’dan il-każ, tissodisfa. Huwa ċar mill-formulazzjoni tal-punti 88 sa 90 ta’ din is-sentenza, u mill-fatt li dawn huma parti mit-taqsima intitolata “Fuq l-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-Istat Taljan”, li dawn il-punti huma relatati biss mal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna. Barra minn hekk fil-punti 133 sa 161 tas-sentenza appellata ma hemmx dikjarazzjoni ta’ prinċipju li tindirizza l-kwistjoni dwar jekk il-miżuri inkwistjoni kinux iffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat, simili għad-dikjarazzjoni fil-punti 88 sa 90 ta’ din is-sentenza. Pjuttost, fil-punti 133 sa 161 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat mingħajr ma tipprova tagħmel distinzjoni bejn ir-riżorsi amministrati minn impriża pubblika u dawk amministrati minn entità privata – li huwa wisq iktar sorprendenti minħabba li, fil-punti 135 u 136, il-Qorti Ġenerali, billi tiċċita s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836), tinnota li dan jikkonċerna l-impriżi pubbliċi ( 59 ).

141.

Barra minn hekk, ma jidhirlix li, fil-punti 139 sa 161 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq elementi li ma humiex imsemmija fis-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407), li kkonċernaw miżuri ta’ għajnuna ffinanzjati permezz ta’ riżorsi amministrati minn impriżi publiċi. B’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi li l-Bank tal-Italja ma kellux is-setgħa li jidderieġi l-użu tar-riżorsi tal-FITD (minħabba li l-proċedura tal-awtorizzazzjoni ma kinitx tippermetti lill-Bank tal-Italja jwettaq eżami tal-miżuri inkwistjoni li tmur lil hinn minn kontroll formali tal-legalità tagħhom), u li minkejja li l-kontribuzzjoni li l-FTID uża għall-finanzjament tal-miżuri inkwistjoni kienet obbligatorja, in-natura obbligatorja ta’ din il-kontribuzzjoni ma rriżultatx minn dispożizzjoni regolatorja, iżda mill-Istatut tal-FITD, jidhru li huma konsistenti ma’ dawn is-sentenzi ( 60 ).

142.

Ninnota wkoll li l-Kummissjoni la tispjega minn xiex jikkonsisti t-test iktar strett allegatament applikat mill-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ riżorsi amministrati minn entità privata, u lanqas ma tidentifika l-punti tas-sentenza appellata li fihom huwa applikat dan it-test iktar strett ( 61 ).

143.

Għaldaqstant, nikkunsidra li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma obbligatx lill-Kummissjoni tissodisfa livell tal-prova ogħla sabiex tiddetermina li miżura ta’ għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat fejn ir-riżorsi użati għall-finanzjament tal-miżura huma amministrati minn entità privata minflok minn impriża pubblika.

144.

Għall-għan ta’ kompletezza, sejjer nistabbilixxi r-raġunijiet għalfejn, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ riżorsi amministrati minn impriża privata, l-ilment relatat mal-prova li miżura ta’ għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat għandu madankollu jiġi miċħud minħabba li, minkejja li huwa fondat, huwa ineffettiv.

145.

Fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt preċedenti, dan l-ilment ikun fondat minħabba li ma hemm, sa fejn naf jien, ebda indikazzjoni fil-ġurisprudenza li japplika livell tal-prova ogħla fejn l-entità li tamministra r-riżorsi użati għall-finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna ma hijiex impriża pubblika iżda entità privata. F’każijiet fejn ir-rirżorsi ġew amministrati minn entità privata, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, li hija żviluppat fir-rigward ta’ riżorsi amministrati minn impriża pubblika ( 62 ): fi kliem ieħor hija vverifikat jekk il-fondi nkisbux permezz ta’ ħlasijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u jekk l-Istat kellux setgħa li jiddisponi mill-fondi amministrati mill-impriża.

146.

F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-argument sostnut mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha fis-sens li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-livell tal-prova li għandu jiġi applikat sabiex tiġi ddeterminata l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata huwa iktar baxx mil-livell applikat fis-sentenza appellata, livell tal-prova iktar baxx għandu jiġi applikat ukoll sabiex jiġi ddeterminat li din il-miżura ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan jirriżulta mill-fatt li l-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet pubbliċi fuq l-entità li tagħti l-għajnuna huwa kruċjali mhux biss sabiex jiġi ddeterminat li l-miżura hija imputabbli lill-Istat, iżda wkoll sabiex jiġi ddeterminat li ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Biżżejjed jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq jirriżulta li, fejn il-fondi użati għall-finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna joriġinaw minn riżorsi privati, il-Kummissjoni għandha turi wkoll li dawn il-fondi nkisbu permezz ta’ ħlasijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru.

147.

Madankollu, kif imsemmi fil-punt 144 iktar ’il fuq, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ħtieġet lill-Kummissjoni tissodisfa livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ riżorsi amministrati minn entità privata, u li wettqet żball billi għamlet dan, hija jkollha madankollu tiċħad bħala ineffettiv l-ilment relatat mal-prova li miżura ta’ għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

148.

Dan minħabba li ma jidhirx li l-awtoritajiet pubbliċi eżerċitaw xi tip ta’ forma ta’ kontroll fuq l-użu tal-fondi ġġenerati mill-kontribuzzjoni imposta fuq il-membri tal-FITD, minħabba li, skont il-punti 145 u 147 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett, fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, il-Bank tal-Italja ma kellux is-setgħa li jidderiġi l-użu tar-riżorsi tal-FITD, u, it-tieni nett, fil-prattika, l-intervent tal-FITD għall-benefiċċju ta’ Tercas ma kienx ingħata bidu mill-awtoritajiet pubbliċi, iżda minn impriża privata, jiġfieri BPB. Dan ukoll minħabba li ma hemm ebda dubju li, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 159 tas-sentenza appellata, in-natura obbligatorja tal-kontribuzzjoni mill-membri tal-FITD ma tirriżultax minn dispożizzjoni regolatorja, iżda minn deċiżjoni unanima ta’ dawn il-membri, u li, għaldaqstant, ma tistax tiġi pparagunata ma’ imposta parafiskali. Ninnota, f’dan ir-rigward, li, fis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 70 u 71), il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet li l-fatt li n-natura obbligatorja tal-kontribuzzjoni użata sabiex tiġi ffinanzjata l-miżura ta’ għajnuna rriżultat minn dispożizzjoni regolatorja, u li ċ-ċirkustanza li, “fil-prattika”, l-ammonti addizzjonali mħallsa mill-fornituri tal-elettriku kienu jiġu mgħoddija fuq il-klijenti finali, kienet tqieset li hija irrilevanti.

149.

Nikkonkludi li l-ilment relatat mal-prova li miżura ta’ għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat għandu jiġi miċħud għar-raġuni stabbilita fil-punt 143 iktar ’il fuq jew, fi kwalunkwe każ (jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali obbligat lill-Kummissjoni tissodisfa livell tal-prova ogħla fil-każ ta’ riżorsi amministrati minn entità privata), għar-raġuni spjegata fil-punt 148 iktar ’il fuq.

150.

Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

3) It-tieni parti tal-ewwel aggravju

151.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi evalwat b’mod frammentarju l-provi prodotti u naqset milli tikkunsidra dawn il-provi b’mod sħiħ u milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest iktar wiesa’ tagħhom fil-punti 96, 100 sa 106, 114, 115, 116 u 125 tas-sentenza appellata, u fir-rigward tal-prova li l-miżuri inkwistjoni ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna tista’ tiġi dedotta minn numru ta’ indikaturi riżultanti miċ-ċirkustanzi tal-każ u l-kuntest li fih ittieħdet il-miżura. Minkejja li xi provi jista’ jkollhom valur probatorju relattivament baxx minnhom innifishom, dawn jistgħu, meta kkunsidrati flimkien, jippermettu li l-miżura tiġi imputata lill-Istat.

152.

Il-Gvern Taljan, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja jsostnu li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

153.

Jiena nikkunsidra li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

154.

Naqbel mal-Kummissjoni li l-provi prodotti għandhom jiġu evalwati b’mod sħiħ. Dan jirriżulta mill-fatt li l-prova tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna tista’ tiġi dedotta minn indizji, li – kif turi l-lista ta’ indizji mhux eżawrjenti fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza f’Stardust – jistgħu jkunu diversi u jirrelataw mal-miżura nnifisha, il-kuntest tagħha jew l-entità li ħaditha, u, għaldaqstant, ikollhom gradi ta’ valur probatorju differenti.

155.

Madankollu, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-provi b’mod frammentarju.

156.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni targumenta li, filwaqt li kkonstatat, fil-punti 96 u 100 sa 106 tas-sentenza appellata (i) li l-mandat pubbliku mogħti lill-FITD ikkonsista biss fir-rimbors tad-depożitanti, u (ii) li, billi adotta miżuri alternattivi insostenn ta’ bank membru fl-assenza tal-istralċ obbligatorju ta’ dan tal-aħħar, il-FITD aġixxa ’l barra mill-qafas tal-mandat mogħti lilu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-miżuri alternattivi kellhom preċiżament l-intenzjoni li jevitaw li jirrimborsaw lid-depożitanti fil-każ ta’ stralċ. Ninnota li huwa minnu li, skont l-Artikolu 29(1) tal-Istatut tal-FITD, waħda mill-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn inkwistjoni hija li huwa mistenni piż inqas meta mqabbel ma’ dak imġarrab fil-każ tal-istralċ obbligatorju tal-bank ikkonċernat, li jiskatta l-obbligu tal-FITD li jirrimborsa lid-depożitanti. Madankollu, dan ma jnaqqas xejn mill-fatt li, fl-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawn inkwistjoni, il-FITD aġixxa mhux fl-interess pubbliku (jiġifieri, fl-interess tad-depożitanti), iżda fl-interess tal-banek membri tiegħu, u li d-deċiżjoni li jiġu adottati dawn il-miżuri ma rriżultatx minn obbligu statutorju iżda minn deċiżjoni awtonoma tal-banek membri tal-FITD, bir-riżultat li l-mandat pubbliku mogħti lill-FITD ma kienx indizju li ppermetta li l-miżuri inkwistjoni jiġu imputati lill-Istat.

157.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tissottometti li billi fil-punt 114 tas-sentenza appellata ħtieġet il-prova ta’ influwenza jew kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi fl-istadji kollha tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk, meta l-istadji kollha jiġu kkunsidrati flimkien, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħux jiġu kkunsidrati li kienu involuti b’mod suffiċjenti fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni b’tali mod li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu imputati lill-Istat. Għal darba oħra, ma naqbilx mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tas-sentenza appellata. Kif ġie spjegat fil-punt 98 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, ma kinitx ħtieġet il-prova ta’ influwenza jew kontroll effettiv mill-awtoritajiet pubbliċi fl-istadji kollha tal-proċedura.

158.

It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-fatt li, kif imsemmi fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni kienet suġġetta għal awtorizzazzjoni mill-Bank tal-Italja, u li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 126 ta’ din is-sentenza, din l-istituzzjoni ġiet informata bil-progress tan-negozjati bejn il-FITD minn naħa u BPB u l-kummissarju speċjali min-naħa l-oħra, jekk jiġu kkunsidrati flimkien, kien iwassal lill-Qorti Ġenerali biex tikkonstata li l-Bank tal-Italja eżerċita influwenza jew kontroll effettiv fuq l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Madankollu, fil-fehma tiegħi, jekk dawn il-fatti jiġux evalwati flimkien huwa irrilevanti, minħabba li l-Bank tal-Italja ma eżerċita ebda influwenza jew kontroll effettiv meta awtorizza l-miżuri inkwistjoni (minħabba li huwa vverifika biss il-konformità ta’ dawn il-miżuri ma’ regoli prudenzjali) jew meta pparteċipa fil-laqgħat informali (minħabba li dawn il-laqgħat ma ppermettewlux jinfluwenza l-kontenut ta’ dawn il-miżuri).

159.

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tissottometti, essenzjalment, li l-fatt li, skont l-Artikolu 96(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, il-banek Taljani (minbarra assoċjazzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu) huma obbligati li jsiru membri tal-FITD ( 63 ), u li l-istess dispożizzjoni tal-Istatut tal-FITD tirregola l-kontribuzzjoni użata għall-finanzjament tal-miżuri inkwistjoni u l-kontribuzzjoni użata għar-rimbors tad-depożitanti fil-każ tal-istralċ obbligatorju ta’ wieħed mill-banek membri tiegħu ( 64 ), għandu, jekk jiġu kkunsidrati flimkien, iwassal lill-Qorti Ġenerali biex tikkonstata li l-miżuri inkwistjoni ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Dan, fil-fehma tiegħi, ma huwiex il-każ. Kif sejjer jintwera fil-punt 177 iktar ’il quddiem, il-kontribuzzjoni użata għall-finanzjament tal-miżuri inkwistjoni u dik użata għar-rimbors tad-depożitanti ma humiex irregolati mill-istess dispożizzjoni tal-Istatut tal-FITD. Fi kwalunkwe każ, filwaqt li huwa veru li l-isħubija tal-FITD hija obbligatorja għal banek Taljani li ma humiex assoċjazzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu, xorta jibqa’ l-fatt li l-FITD ma huwiex obbligat jadotta miżuri alternattivi għall-benefiċċju ta’ bank membru fl-assenza tal-istralċ obbligatorju ta’ dan il-bank, u li, għaldaqstant, in-natura obbligatorja tal-isħubija tal-FITD ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat li l-miżuri inkwistjoni ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

160.

Nikkonkludi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

B. It-tieni aggravju, li jallega żnaturament tad-dritt nazzjonali u tal-fatti

1.   L-argumenti tal-partijiet

161.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tissottometti li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt nazzjonali u l-fatti. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-Artikolu 96-ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek billi kkonstatat, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-awtorizzazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ bħal dawn inkwistjoni tingħata wara verifika sempliċi li dawn il-miżuri jikkonformaw mal-qafas regolatorju. Skont il-Kummissjoni l-kontroll eżerċitat mill-Bank tal-Italja jmur lil hinn ferm minn stħarriġ tal-legalità tal-miżuri inkwistjoni minħabba li, fl-eżami ta’ dawn il-miżuri, il-Bank tal-Italja għandu “[jieħu inkunsiderazzjoni l-]protezzjoni ta’ min ifaddal u […] l-istabbiltà tas-sistema bankarja”. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi kkonstatat, fil-punti 153 u 154 tas-sentenza appellata, li miżuri ta’ intervent insostenn ta’ bank, bħall-miżuri inkwistjoni, huma ffinanzjati b’mod differenti mir-rimbors tad-depożitanti. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD, li tirreferi għalih il-Qorti Ġenerali fil-punt 153 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-finanzjament tal-miżuri inkwistjoni, japplika bl-istess mod għal dawn il-miżuri u għal miżuri adottati għar-rimbors ta’ depożitanti.

162.

Il-Gvern Taljan jargumenta li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, minħabba li l-allegat żball ta’ interpretazzjoni ma huwiex manifest. Huwa jargumenta ulterjorment li t-tieni aggravju huwa infondat minħabba li, minn naħa, l-Artikolu 96-ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek għandu jitqies li jipprovdi għal sempliċi stħarriġ tal-legalità, minkejja li dan l-istħarriġ jista’, f’xi każijiet, ikun pjuttost kumpless, u, min-naħa l-oħra, fiż-żmien rilevanti, il-finanzjament ta’ invervent insostenn ta’ bank bħall-intervent inkwistjoni ġie pprovdut fuq bażi ta’ każ b’każ, fuq talba tal-FITD.

163.

BPB tissottometti li t-tieni aggravju huwa inammissibbli minħabba li l-interpretazzjoni ta’ dritt nazzjonali hija kwistjoni ta’ fatt, u l-iżnaturament allegat mill-Kummissjoni ma huwiex apparenti mill-proċess. Fi kwalunkwe każ, it-tieni aggravju huwa, fil-fehma ta’ BPB, infondat. Huwa wkoll ineffettiv sa fejn jallega l-iżnaturament tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD.

164.

Il-FITD jargumenta li t-tieni aggravju huwa inammissibbli minħabba li ebda żnaturament ma huwa apparenti mid-dokumenti fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, l-aggravju huwa, fil-fehma tal-FITD, ineffettiv u infondat.

165.

Il-Bank tal-Italja jissottometti li t-tieni aggravju huwa inammissibbli sa fejn jallega żnaturament tal-Artikolu 96-ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, minħabba li żnaturament bħal dan ma huwiex manifest, u ma huwiex apparenti mid-dokumenti fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Bank tal-Italja jissottometti wkoll li t-tieni aggravju huwa infondat u, fi kwalunkwe każ, ineffettiv.

2.   Evalwazzjoni

a)   Ammissibbiltà

166.

Il-Gvern Taljan, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju fuq il-bażi li l-allegat żnaturament tad-dritt Taljan u tal-fatti ( 65 ) ma huwiex manifest u ma huwiex apparenti mill-proċess, bir-riżultat li l-aggravju jqajjem kwistjoni ta’ fatt.

167.

Fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tirnexxi.

168.

Kif imsemmi fil-punt 49 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, dment li dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u li l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti biex tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn l-elementi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali żnaturament ikun jeżisti meta, mingħajr ma jiġu prodotti provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tkun tidher li hija manifestament żbaljata. Madankollu, dan l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mid-dokumenti fil-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 66 ).

169.

L-ewwel nett, ninnota li, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kunċett tal-“awtorizzazzjoni” mill-Bank tal-Italja ta’ miżuri ta’ intervent ikkunsidrati minn skemi ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 96-ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek fis-sens li jippermetti lil din l-istituzzjoni tistħarreġ biss il-legalità ta’ tali intervent (jiġifieri, il-konsistenza tiegħu mar-regoli prudenzjali għal stabbilimenti ta’ kreditu). Madankollu, jekk l-obbligu ta’ “teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni ta’ min ifaddal u tal-istabbiltà tas-sistema bankarja” impost fuq il-Bank tal-Italja mill-istess dispożizzjoni, jitlob stħarriġ mhux biss tal-legalità iżda wkoll ta’ kemm huma xierqa dawn il-miżuri, l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 116 tas-sentenza appellata b’mod ċar tkun skorretta. Għaldaqstant dan jammonta għal żnaturament tal-provi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 168 iktar ’il fuq ( 67 ).

170.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tissottometti li, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD jipprovdi li miżuri ta’ intervent insostenn ta’ bank, bħall-miżuri ta’ intervent inkwistjoni, jiġu ffinanzjati b’mod differenti mir-rimbors tad-depożitanti, filwaqt li, fil-fehma tal-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn il-finanzjament ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ interventi. Jekk, kif tissottometti l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD mill-Qorti Ġenerali tkun differenti mill-kontenut tiegħu, dan ikun jammonta għal żnaturament ta’ din id-dispożizzjoni.

171.

Nikkonkludi li t-tieni aggravju huwa ammissibbli fl-intier tiegħu.

b)   Sustanza

172.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tissottometti li, fil-punti 116, 153 u 154 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat, l-ewwel nett, l-Artikolu 96‑ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, u, it-tieni nett, l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD.

173.

Fil-fehma tiegħi, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

174.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma wrietx li l-Artikolu 96‑ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Bank tal-Italja jivverifika jekk intervent magħmul minn skema ta’ garanzija tad-depożiti huwiex xieraq, minflok, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 116 tas-sentenza appellata, sempliċement tikkontrolla li dawn l-interventi huma konsistenti mar-regoli prudenzjali għal stabbilimenti ta’ kreditu.

175.

Kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, mill-fatt li, skont l-Artikolu 96‑ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, il-Bank tal-Italja għandu “[jieħu] inkunsiderazzjoni [l]-protezzjoni ta’ min ifaddal u [l]-istabbiltà tas-sistema bankarja”, ma jirriżultax li dan il-bank jista’ jmur lil hinn minn kontroll tal-konsistenza tal-miżuri mar-regoli prudenzjali għal stabbilimenti ta’ kreditu, minħabba li – kif allegat mill-Gvern Taljan, BPB, il-FITD u l-Bank tal-Italja – il-protezzjoni tad-depożitanti u l-istabbiltà tas-sistema bankarja huma għanijiet li l-Bank tal-Italja għandu jsegwi fid-dmirijiet tiegħu bħala awtorità prudenzjali ta’ sorveljanza. Kif innotat mill-Gvern Taljan, il-premessa 7 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ( 68 ) tistabbilixxi li r-rekwiżiti prudenzjali għal stabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti f’dan ir-regolament “huma maħsuba biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja tal-operaturi f’[…] is-swieq [tas-settur bankarju u dak finanzjarju] u kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u d-depożituri”.

176.

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, mill-fatt li l-awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja, tal-intervent magħmul mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti insostenn ta’ bank membru taħt l-Artikolu 96-ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek hija intiża sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-depożitanti u l-istabbiltà tas-sistema bankarja, minflok “it-tmexxija soda u prudenti tal-istabbiliment ta’ kreditu [kkonċernat]” – li huwa l-għan tal-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-Bank tal-Italja għall-għanijiet tal-awtorizzazzjoni ta’ akkwist fis-settur finanzjarju skont l-Artikolu 19 tal-Liġi Taljana dwar il-Banek – jirriżulta li l-Bank tal-Italja mar lil hinn minn stħarriġ ta’ legalità meta aġixxa skont l-Artikolu 96-ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek. Dan minħabba li, kif issottomettew il-Gvern Taljan, il-FITD u l-Bank tal-Italja, it-tmexxija soda u prudenti ta’ stabbilimenti ta’ kreditu hija wkoll għan ta’ superviżjoni prudenzjali, flimkien mal-protezzjoni tad-depożiztanti u l-istabbiltà tas-sistema bankarja. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Artikolu 5(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, li l-Qorti Ġenerali tiċċita fil-punt 116 tas-sentenza, jelenka bħala l-għanijiet tas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux biss l-“istabbiltà globali” tas-sistema bankarja, iżda wkoll it-“tmexxija soda u prudenti tal-istabbilimenti [ta’ kreditu]”.

177.

It-tieni nett, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD jipprovdi li miżuri ta’ intervent adottati minn skema ta’ garanzija tad-depożiti insostenn ta’ bank membru, bħall-miżuri inkwistjoni, huma ffinanzjati b’mod differenti mir-rimbors tad-depożitanti. Il-Kummissjoni tinterpreta b’mod żbaljat il-punt 153 tas-sentenza appellata. F’dan il-punt, kif sostnut minn BPB u l-FITD, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni huma ffinanzjati b’mod differenti mill-ispejjeż tal-operat tal-FITD (fil-kliem tal-Qorti Ġenerali, “[i]r-riżorsi meħtieġa għall-funzjonament tal-konsorzju”) ( 69 ), mhux mir-rimbors tad-depożiti. Id-differenza tinsab fil-fatt li r-riżorsi użati sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-operat tal-FITD, li ma humiex irregolati mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD, jikkontribwixxu għar-redazzjoni tal-baġit ta’ dan il-konsorzju; min-naħa l-oħra, ir-riżorsi użati għal intervent insostenn ta’ bank membru (kif ukoll, skont BPB u l-FITD, dawk użati għall-finanzjament tar-rimbors tad-depożiti), li huma rregolati mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD, huma “ħlasijiet bil-quddiem” imħallsa mill-membri tal-FITD, li jamministrahom bħala l-aġent tagħhom, u huma pprovduti mill-banek membri tal-FITD fuq talba ta’ dan il-konsorzju, fuq bażi ta’ każ b’każ.

178.

Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

179.

Għall-kompletezza, għandi ninnota li dan l-aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, ineffettiv.

180.

L-ewwel nett, it-tieni aggravju huwa ineffettiv sa fejn jallega żnaturament tal-Artikolu 96‑ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, minħabba li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma humiex imputabbli lill-Istat tirriżulta wkoll mill-konstatazzjonijiet fil-punti 96 sa 106 u 117 sa 131 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari mill-fatt li l-Bank tal-Italja ma ħa ebda parti attiva fil-laqgħat tal-korpi governattivi tal-FITD jew fil-laqgħat informali, u li l-inizjattiva għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni ġiet minn BPB, entità privata.

181.

It-tieni nett, it-tieni aggravju huwa ineffettiv sa fejn jallega żnaturament tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD, minħabba li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-miżuri inkwistjoni ma ngħatawx permezz ta’ riżorsi tal-Istat tirriżulta wkoll mill-fatt li, kif imsemmi fil-punt 154 tal-istess sentenza, in-natura obbligatorja ta’ din il-kontribuzzjoni ma rriżultatx minn dispożizzjoni regolatorja u mill-konstatazzjonijiet fil-punti 139 sa 149 u 155 sa 161 ta’ din is-sentenza.

182.

Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

183.

Nikkonkludi li l-appell għandu jiġi miċħud.

VI. Fuq l-ispejjeż

184.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell ikun infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

185.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184 tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, u peress li l-Gvern Taljan, BPB u l-FITD talbu l-ispejjeż, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika Taljana, BPB u l-FITD.

186.

Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta parti intervenjenti fl-ewwel istanza tieħu sehem fil-proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li din tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Minħabba li l-Bank tal-Italja ħa sehem fl-appell, dan għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

VII. Konklużjoni

187.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–

tiċħad l-appell;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għall-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Taljana, Banca Popolare di Bari SCpA, u Fondo interbancario di tutela dei depositi;

–

tikkundanna lil Banca d’Italia għall-ispejjeż tagħha stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Kawżi T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16, EU:T:2019:167.

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-Banca Tercas (Każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN)) (notifikata bid-dokument C(2015) 9526) (ĠU 2016, L 203, p. 1).

( 4 ) Decreto legislativo no 385, e successive modifiche e integrazioni, Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (il-Liġi Taljana dwar il-Banek) tal‑1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230, 30 ta’ Settembru 1993, Suppliment Ordinarju Nru 92) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Taljana dwar il-Banek”).

( 5 ) Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252).

( 6 ) Għandi nispeċifika li t-tieni miżura msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, jiġifieri l-garanzija ta’ EUR 35 miljun intiża sabiex jiġi kopert id-defiċit patrimonjali ta’ Tercas ġiet ivvalutata biss għal EUR 140000 sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, inter alia, il-fatt li dawn l-iskoperturi kienu ġew kompletament imħallsa lura mid-debituri mal-maturità u li, għaldaqstant, il-garanzija ma kinitx ġiet infurzata. B’kuntrast, fir-rigward tal-ewwel u t-tielet miżuri msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq, l-għajnuna ġiet ivvalutata għal EUR 265 miljun u EUR 30 miljun, rispettivament. Ir-Repubblika Taljana għaldaqstant ġiet ordnata tirkupra ammont totali ta’ EUR 295.14 miljun (miżjuda bl-interessi).

( 7 ) Għall-kompletezza, għandi wkoll insemmi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikors imressaq mill-FITD kien ammissibbli, billi l-fond ta’ kumpens kien direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni inkwistjoni.

( 8 ) Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (riformulazzjoni) (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifika fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u rettifika fil-ĠU 2014, L 309, p. 37). Id-Direttiva 2014/49 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 94/19.

( 9 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

( 10 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punti 39 u 40); tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 51); tal‑11 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje (C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punt 59); tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il‑Kummissjoni (C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 26), u tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il‑Kummissjoni (C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 39).

( 11 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza li skontha korp jew organizzazzjoni li huma meqjusa emanazzjoni tal-Istat tkun tista’ tiġi invokata kontrihom direttiva li għandha effett dirett.

( 12 ) Sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punti 33 u 34.).

( 13 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummisjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591, punt 31).

( 14 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑587/17 P, EU:C:2019:75, punt 40).

( 15 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, ABB vs Il‑Kummissjoni (C‑593/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1027, punt 31).

( 16 ) Sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 55).

( 17 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 17); tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 46); tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et (C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 31); u tas‑7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il‑Kummissjoni (C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 44).

( 18 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20); tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 48); tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 47); u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et (C‑385/18, EU:C:2019:1121, punt 33).

( 19 ) Sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2020, easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18, EU:T:2020:182, punt 78).

( 20 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 52) tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et (C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 17); tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 21); tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 49), u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 48).

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Arriva Italia et (C‑385/18, EU:C:2019:1121, punti 34 u 65).

( 22 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Commerz Nederland (C‑242/13, EU:C:2014:308, punt 65).

( 23 ) Sentenza fil-kawża Stardust (punti 52 sa 56). Ara wkoll is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland (C‑242/13, EU:C:2014:2224, punti 31 sa 33); tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea (C‑150/16, EU:C:2017:388, punti 18 sa 20), u tat‑23 ta’ Novembru 2017, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni (C‑472/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:885, punti 34 sa 36).

( 24 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq, il-punt 113 tas-sentenza appellata, u l-premessi 32 sa 37 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia (C‑522/13, EU:C:2014:2262, punti 22 u 23).

( 26 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punti 25 u 31); tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 57, 75 u 80), u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 53, 66 u 67). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Eco TLC (C‑EU:C:2020:399, punti 80 u 84 sa 102).

( 27 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et (C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 109), u tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 60 u 84). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Eco TLC (C‑556/19, EU:C:2020:399, punti 60 u 103 sa 109).

( 28 ) Ara l-punti 151 sa 153 tas-sentenza appellata, u l-premessi 35 sa 37 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

( 29 ) Il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, fil-punti 134 sa 136 tas-sentenza appellata, għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836), li tikkonċerna l-impriżi pubbliċi.

( 30 ) Direttiva tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (Verżjoni kkodifikata) (ĠU 2008, L 348M, p. 906, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555). Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq din id-definizzjoni – jew, pjuttost, fuq id-definizzjoni simili ta’ impriża pubblika fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal‑25 ta’ Ġunju 1980 fuq it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjari bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 20), imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2006/111 – fis-sentenza fil-kawża Stardust (punt 34), u li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2006/111 kien invokat fis-sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni (T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 40); tat‑28 ta’ Jannar 2016, Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni (T‑507/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:35, punt 75), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni (T‑167/13, EU:T:2018:940, punt 65).

( 31 ) Ara l-punti 67 u 76 iktar ’il fuq.

( 32 ) Ninnota, f’dan ir-rigward, li, minkejja li, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega żball tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-oneru tal-prova (“un errore sull’onere della prova”), hija tagħmel riferiment fi tliet okkażjonijiet, fl-appell u fir-risposta, għall-“livell tal-prova ogħla”, l-“livell applikabbli” u l-“livell tal-prova” (“un livello di prova più elevato”, “lo standard applicabile”, “uno standard probatorio”) stabbilit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, Castillo de la Torre, F., u Gippini Fournier, É., Evidence, Proof and Judicial Review in EU Competition Law, Edward Elgar, 2017, (punti 2.002, 2.008 u 2.009); Kalintiri, A., Evidence Standards in EU Competition Enforcement: The EU Approach, Hart Publishing, 2019, p. 33, 34, 72 u 73; Sibony, A.‑L., u Barbier de la Serre, É., ‘Charge de la preuve et théorie du contrôle en droit communautaire de la concurrence: pour un changement de perspective’, Revue trimestrielle de droit européen, 2007, ħarġa 2, p. 205 sa 252 (punti 3 sa 12); u Pérez Bernabeu, B., ‘Assessing the Standard of Proof in Fiscal State Aid’, European State Aid Law Quarterly, 2019, ħarġa 4, pp. 447 sa 457, fil-p. 452. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:110, nota ta’ qiegħ il-paġna 60), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2013:766, punt 34).

( 34 ) Ara l-punt 65 iktar ’il fuq. Ara wkoll is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland (C‑242/13, EU:C:2014:2224, punt 32); tas‑26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il‑Kummissjoni (T‑442/03, EU:T:2008:228, punti 96 u 97); tal‑10 ta’ Novembru 2011, Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il‑Kummissjoni (T‑384/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:650, punti 52 u 53); tas‑27 ta’ Frar 2013, Nitrogénművek Vegyipari vs Il‑Kummissjoni (T‑387/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:98, punti 59 u 60); tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni (T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 44); tat‑28 ta’ Jannar 2016, Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni (T‑507/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:35, puinti 67 u 68), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni (T‑167/13, EU:T:2018:940, punt 75).

( 35 ) Ara l-punt 88 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Ara l-punt 65 iktar ’il fuq.

( 37 ) Enfasi miżjuda minni. Dan kien minħabba li l-awtorizzazzjoni ngħatat wara kontroll sempliċi li l-miżuri inkwistjoni kienu konsistenti mal-qafas regolatorju, mingħajr ma l-Bank tal-Italja kellu s-setgħa jivverifika kienx xieraq li jiġu adottati l-miżuri inkwistjoni. Konsegwentement, il-korpi governattivi tal-FITD weħidhom kellhom is-setgħa jiddeċiedu jadottawx dawn il-miżuri u liema kontenut għandu jkollhom (ara l-punti 116 u 118 tas-sentenza appellata).

( 38 ) Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll il-punt 128 ta’ din is-sentenza, li skontha t-talba tal-kummissarju speċjali ta’ Tercas titqies bħala “mhux vinkolanti”.

( 39 ) Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-preżenza, “anki biss bħala osservaturi”, tar-rappreżentanti tal-Bank tal-Italja fil-laqgħat tal-korpi governattivi tal-FITD tista’ tkun rilevanti probabbilment tirriżulta miċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni kienet f’idejn dawn il-korpi u kellha tittieħed f’waħda minn dawn il-laqgħat.

( 40 ) L-argument tal-Kummissjoni miġbur fil-qosor fil-punt 98 iktar ’il fuq huwa relatat mal-punti 115 sa 131 tas-sentenza appellata, minflok mal-punt 114 ta’ din is-sentenza, li għaliha jirreferi l-appell. Dan minħabba li, fil-punt 114 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement tinnota li, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-awtoritajiet pubbliċi Taljani kellhom l-awtorità u l-mezzi biex jinfluwenzaw l-istadji kollha fl-implimentazzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt, ma tqisx, li huwa neċessarju li jiġi pprovat li l-awtoritajiet pubbliċi kellhom influwenza fuq kull stadju ta’ din il-proċedura.

( 41 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland (C‑242/13, EU:C:2014:2224, punti 34 sa 39); tas‑27 ta’ Frar 2013, Nitrogénművek Vegyipari vs Il‑Kummissjoni (T‑387/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:98, punti 63 sa 68); tat‑30 ta’ April 2014, Tisza Erőmű vs Il‑Kummissjoni (T‑468/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:235, punti 171 sa 179); tat‑12 ta’ Marzu 2020, Elche Club de Fútbol vs Il‑Kummissjoni (T‑901/16, EU:T:2020:97, punti 52 sa 63), u tat‑13 ta’ Mejju 2020, easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18, EU:T:2020:182, punti 117 sa 140).

( 42 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni (T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 82), u tat‑28 ta’ Jannar 2016, Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni, T‑507/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:35, punt 186).

( 43 ) Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni (T‑167/13, EU:T:2018:940, punt 80). Għandi ninnota li hemm appell pendenti minn din is-sentenza li permezz tiegħu l-appellant jinvoka, b’mod partikolari, żball tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-prova tal-imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna (Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P).

( 44 ) Għandi ninnota, madankollu, li, fis-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il‑Kummissjoni (T‑384/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:650, punt 77), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “l-Kummissjoni wriet […] li l-Istat ma kienx involut fl-[…] għoti tal-[miżura ta’ għajnuna]” (enfasi miżjuda minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jissuġġerixxi li, f’dan il-każ, il-prova meħtieġa kienet lil hinn mill-probabbiltà tal-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi.

( 45 ) Ftit hemm ġurisprudenza li tindirizza l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata. Jista’ wkoll isir riferiment għas-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C‑345/02, EU:C:2004:448, punti 36 u 37), u tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348, punt 41). Dawn is-sentenzi, madankollu, ma humiex partikolarment ta’ għajnuna sabiex jiġu distinti b’mod ċar l-elementi li huma rilevanti f’termini ta’ imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna u dawk li huma kkunsidrati li juru l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat.

( 46 ) Ara l-punt 77 tas-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il‑Kummissjoni (T‑384/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:650), li jipprovdi li “l-Istat kien involut fl-[…] għoti tal-[miżura ta’ għajnuna]” (enfasi miżjuda minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali]; il-punt 82 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni (T‑305/13, EU:T:2015:435), u l-punt 186 tas-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Is‑Slovenja vs Il‑Kummissjoni (T‑507/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:35), li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “huwa improbabbli li l-awtoritajiet pubbliċi ma kinux involuti fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni” (enfasi miżjuda minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali]; u l-punt 80 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni (T‑167/13, EU:T:2018:940), li jipprovdi li “huwa biżżejjed li tintwera l-improbabbiltà tal-assenza ta’ involviment fl-adozzjoni tal-miżura” (enfasi miżjuda minni).

( 47 ) Ara l-punt 134 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑53/16, EU:T:2018:943), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni, mhux talli “ma llimitatx ruħha […] li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ sempliċi influwenza tal-Istat fuq l-aġir ta’ [l-entità li tat l-għajnuna]”, iżda wriet li l-awtoritajiet pubbliċi “kellh[om] influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet li ħadet [l-entità privata li tat l-għajnuna] dwar [il-benefiċjarju tal-għajnuna]” (enfasi miżjuda minni).

( 48 ) Dan għaliex, f’dawn is-sentenzi, il-livell tal-prova applikat ma huwiex identifikat.

( 49 ) Il-Komun ta’ Rotterdam kien il-proprjetarju tal-ishma kollha fl-impriża portwarja, il-membri tat-tmexxija u tal-kunsill ta’ sorveljanza kienu nnominati mill-assemblea ġenerali tal-azzjonisti u għalhekk mill-Komun, il-membru tal-kunsill responsabbli għall-port kien jippresjedi l-kunsill ta’ sorveljanza, u, skont l-Istatut tal-impriża portwarja, l-approvazzjoni tal-kunsill ta’ sorveljanza kienet meħtieġa sabiex jiġu pprovduti garanziji bħal dawn inkwistjoni.

( 50 ) Enfasi miżjuda minni.

( 51 ) Fid-deduzzjoni tal-imputabbiltà lill-Istat tal-ftehim ta’ VTAN ma’ Ryanair mill-fatt li, kieku ma kienx għall-kontribuzzjoni b’rata fissa offruta mis-SMAN, dan il-ftehim ma kienx ikun profittabbli u VTAN ma kinitx tikkonkludih, il-Qorti Ġenerali essenzjalment invokat indizju elenkat fil-punt 56 tas-sentenza fil-kawża Stardust fir-rigward ta’ miżuri ta’ għajnuna adottati minn impriżi pubbliċi, jiġifieri, (in-nuqqas ta’) l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fis-suq fil-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni.

( 52 ) Stabbiliment ta’ kreditu awtorizzat fi Stat Membru ma jistax jieħu depożiti sakemm ma jkunx membru ta’ skema li hija uffiċjalment irrikonoxxuta fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħha bħala “skema ta’ garanzija tad-depożiti” (ara l-Artikolu 4(1) u (3) tad-Direttiva 2014/49). Skemi ta’ garanzija tad-depożiti għandhom iħallsu lura lid-depożitanti, sa ammont massimu ta’ EUR 100000, f’każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli (ara l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 8(1) u l-punt 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49). L-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti għandu jkollhom “mezzi finanzjarji disponibbli” sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw dan l-obbligu. Dawn il-mezzi jinġabru b’kontribuzzjonijiet magħmula mill-membri ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ara l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/49).

( 53 ) Ara l-premessi 14 u 16 tad-Direttiva 2014/49.

( 54 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.

( 55 ) Madankollu, dan ma jipprekludix lill-FITD milli juża l-mezzi finanzjarji disponibbli sabiex jiffinanzja r-riżoluzzjoni ta’ Tercas, mhux skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49, iżda skont l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva u skont l-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59.

( 56 ) Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2011, Nru SA.33001 (2011/N) – Id‑Danimarka – Parti B – Emenda tal-iskema tal-kundizzjonijiet kompetittivi Daniża għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu (C(2011) 5554 finali); id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Mejju 2012, Nru SA.34255 (2012/N) – Spanja – Ir-ristrutturar ta’ CAM u ta’ Banco CAM (C(2012)3540); u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Frar 2014, Nru SA.37425 (2013/N) – Il‑Polonja – Skema ta’ stralċ ordnat tal-kooperattivi ta’ kreditu (C(2014) 1060 finali).

( 57 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 18); tal‑4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et (C‑253/96 sa C‑258/96, EU:C:1997:585, punt 46); tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 33); tas‑6 ta’ Settembru 2018, Hampshire (C‑17/17, EU:C:2018:674, punt 54), u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Pensions-Sicherungs-Verein (C‑168/18, EU:C:2019:1128, punt 48).

( 58 ) Minħabba li l-miżuri inkwistjoni kellhom l-intenzjoni li jevitaw ir-riperkussjoni iktar oneruża tal-ħlas lura tad-depożiti fil-każ tal-istralċ obbligatorju ta’ Tercas.

( 59 ) Il-Qorti Ġenerali tinnota, fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li “f’sitwazzjoni li tirrigwarda impriżi pubbliċi, ġie deċiż li […],” u, fil-punt 136 ta’ din is-sentenza, li “t-tliet impriżi kkonċernati kienu impriżi pubbliċi”.

( 60 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671, punti 30 u 32); tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 70 u 75); u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 64 u 66).

( 61 ) Il-Kummissjoni tissottometti biss, fir-risposta tagħha, li huwa biżżejjed li hija turi kontroll indirett tal-Istat fuq l-entità li tamministra l-fondi. Hija tinvoka, f’dan is-sens, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 59 tas-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407), li l-entità li tamministra l-fondi użati għall-finanzjament tal-miżura ta’ għajnuna għandha tkun ikkontrollata “direttament jew indirettament” mill-Istat. Ninnota, madankollu, li din il-konstatazzjoni hija sempliċement repetizzjoni tat-termini tal-leġiżlazzjoni Litwana applikabbli, mhux dikjarazzjoni ta’ prinċipju.

( 62 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL-ARREE (C‑677/11, EU:C:2013:348, punti 32 sa 36), u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (T‑EU:T:2014:1060, punti 67 sa 76). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Eco TLC (C‑556/19, EU:C:2020:399, punti 67 u 81 sa 84).

( 63 ) Ara l-punt 150 tas-sentenza appellata u l-premessa 33 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 64 ) Ara l-punt 153 tas-sentenza appellata u l-premessa 137 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 65 ) Filwaqt li l-Gvern Taljan, BPB u l-FITD isostnu l-inammissibbiltà tat-tieni aggravju fl-intier tiegħu, il-Bank tal-Italja jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju biss sa fejn jallega żnaturament tal-Artikolu 96-ter(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek.

( 66 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il‑Litwanja vs Il‑Kummissjoni (C‑79/19 P, EU:C:2020:129, punti 70 u 71).

( 67 ) Ara wkoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 37), u tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivere et vs Il‑Kummissjoni (C-71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 153). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża PKK u KNK vs Il‑Kunsill (C‑229/05 P, EU:C:2006:606, punt 42).

( 68 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 28, p. 68, rettifika fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, u rettifika fil-ĠU 2017, L 20, p. 2).

( 69 ) Enfasi miżjuda minni.