KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑420/19

Maksu- ja Tolliamet

vs

Heavyinstall OÜ

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assistenza reċiproka fl-irkupru ta’ krediti li jirriżultaw minn dazji, taxxi u miżuri oħra – Talba għal miżuri kawtelatorji – Deċiżjoni ġudizzjarja tal-Istat Membru rikjedent għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru rikjest sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji skont id-dritt nazzjonali tiegħu u skont il-prattiki amministrattivi tiegħu”

I. Introduzzjoni

1.

Fil-kuntest tal-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri għall-irkupru ta’ krediti li jirriżultaw minn dazji, taxxi u miżuri oħra, previst mid-Direttiva 2010/24/UE ( 2 ), il-qorti tal-Istat Membru destinatarju ta’ talba għal miżuri kawtelatorji hija marbuta mal-pożizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru rikjedent rigward in-neċessità u l-possibbiltà li jiġu adottati tali miżuri, meta dokument li jesponi l-imsemmija pożizzjoni jiġi trażmess flimkien mat-talba?

2.

Din hija fil-qosor il-kwistjoni mqajma fit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja).

3.

Din id-domanda preliminari saret fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna rikors ippreżentat mill-Maksu- ja Tolliamet (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali, l-Estonja; iktar ’il quddiem, l-“Amministrazzjoni Fiskali Estonjana”) kontra deċiżjoni tat-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet it-talba tagħha li tawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji kontra l-kumpannija Heavyinstall OÜ (iktar ’il quddiem, “Heavyinstall”). Din ir-rikjesta saret wara talba għal miżuri kawtelatorji indirizzata mill-awtoritajiet Finlandiżi lill-awtoritajiet Estonjani skont id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna reċiproka previsti mid-Direttiva 2010/24.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24, intitolat “Tilwim”, jipprovdi:

“1.   Tilwim dwar it-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest u tilwim dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru applikanti għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-korpi kompetenti tal-Istat Membru applikanti. Jekk, waqt il-proċess tal-proċedura tal-irkupru, it-talba [il-kreditu], l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti jew l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest jiġi kkonstestat minn parti interessata, l-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lil dik il-parti li din tal-aħħar għandha tressaq it-tali azzjoni quddiem il-korp kompetenti tal-Istat Membru applikanti f’konformità mal-liġijiet fis-seħħ hemmhekk.

2.   Tilwim dwar il-miżuri ta’ infurzar li jittieħdu fl-Istat Membru rikjest jew dwar il-validità ta’ notifika li tkun saret minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjest għandhom jitressqu quddiem il-korp kompetenti ta’ dak l-Istat Membru skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

[…]”.

5.

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24, intitolat “Talba għal miżuri ta’ prekawzjoni”, jipprovdi:

“1.   Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tieħu miżuri ta’ prekawzjoni, jekk permessa bil-liġi nazzjonali tagħha u f’konformità mal-prassi amministrattivi tagħha, biex tiżgura l-irkupru meta talba [kreditu] jew l-istrument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti huwa kkontestat fiż-żmien meta ssir it-talba, jew meta t-talba li għadha mhix is-suġġett ta’ strument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru applikanti, safejn miżuri ta’ prekawzjoni huma wkoll possibbli, f’sitwazzjoni simili, skont il-liġi nazzjonali u l-prattiki amministrattivi tal-Istat Membru applikanti.

Id-dokument imfassal biex jippermetti miżuri ta’ prekawzjoni fl-Istat Membru applikanti u li huwa relatat mat-talba li għaliha qed tintalab l-assistenza reċiproka, fejn meħtieġ, għandu jiġi mehmuż mat-talba għal miżuri ta’ prekawzjoni fl-Istat Membu rikjest. Dan id-dokument m’għandu jkun soġġett għall-ebda att ta’ rikonoxximent, ta’ suppliment jew ta’ sostituzzjoni fl-Istat Membru rikjest.

[…]”.

6.

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2010/24, intitolat “Regoli li jirregolaw it-talba għal miżuri ta’ prekawzjoni”, jipprovdi:

“Sabiex jingħata effett lill-Artikolu 16, l-Artikoli 10(2), 13(1) u (2), 14, u 15 għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

7.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/24, intitolat “Limiti għall-obbligi tal-awtorità rikjesta”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità rikjesta m’għandhiex tkun obbligata li tagħti l-assistenza prevista fl-Artikoli 10 sa 16 jekk l-irkupru tat-talba [tal-kreditu], minħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, jikkawża diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji fl-Istat Membru rikjest, safejn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki amministrattivi fis-seħħ f’dak l-Istat Membru jippermettu tali eċċezzjoni fil-każ ta’ talbiet nazzjonali.

2.   L-awtorità rikjesta m’għandhiex tkun obbligata tagħti l-assistenza prevista fl-Artikoli 5 u 7 sa 16,jekk it-talba inizjali għal assistenza skont l-Artikoli 5, 7, 8, 10 jew 16 issir fir-rigward ta’ talbiet li jkunu ilhom aktar minn ħames snin, mid-data dovuta tat-talba fl-Istat Membru applikanti sad-data tat-talba inizjali għal assistenza.

[…]

3.   Stat Membru m’għandux ikun obbligat li jagħti assistenza jekk l-ammont totali tat-talbiet koperti b’din id-Direttiva, li għalih hija mitlub l-assistenza, ikun inqas minn EUR 1500.

4.   L-awtorità rikjesta għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għaliex tkun ċaħdet xi talba għal assistenza.”

B.   Id-dritt Estonjan

8.

L-Artikolu 130 tal-Maksukorralduse seadus (il-Kodiċi Fiskali) (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Fiskali Estonjan”), intitolat “Miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-amministrazzjoni fiskali”, jipprovdi:

“(1)   Jekk il-persuna taxxabbli tkun naqset milli twettaq l-obbligi finanzjarji tagħha fit-terminu stabbilit fid-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa jew f’deċiżjoni skont il-punti 2 jew 3 tal-Artikolu 128(4), l-amministrazzjoni fiskali għandha tipproċedi bl-irkupru tal-kreditu permezz ta’ eżekuzzjoni forzata. L-amministrazzjoni fiskali tista’:

1.

titlob, mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, ir-reġistrazzjoni ta’ projbizzjoni tal-atti ta’ dispożizzjoni fir-reġistru tal-artijiet jew f’reġistru ieħor tal-proprjetà;

2.

titlob il-kostituzzjoni ta’ ipoteka fuq proprjetà immobbli, fuq bastiment irreġistrat fir-reġistru tal-bastimenti jew fuq inġenju tal-ajru rreġistrat fir-reġistru tal-avjazzjoni ċivili skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet dwar id-dritt ta’ proprjetà relatati mas-sistema ta’ ipoteka ġudizzjarja;

3.

teżegwixxi d-drittijiet ta’ talba skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u skont l-atti legali li jirregolaw il-proċedura ta’ eżekuzzjoni;

4.

taqbad id-drittijiet patrimonjali ta’ natura oħra li fir-rigward tagħhom ebda eżekuzzjoni ma hija awtorizzata skont il-punt 3 ta’ dan il-paragrafu u titlob ir-reġistrazzjoni ta’ projbizzjoni ta’ atti ta’ dispożizzjoni li jirrigwardaw dawn id-drittijiet fir-reġistru kkonċernat;

5.

tordna ż-żamma ta’ titoli ta’ kreditu jew ta’ kont ta’ titoli skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar ir-Reġistru tat-Titoli […].”

9.

L-Artikolu 1361 tal-Kodiċi Fiskali Estonjan, intitolat “Miżuri kawtelatorji qabel l-aċċertament tat-talba pekunjarja jew tal-obbligu”, jipprovdi:

“(1)   Jekk, mal-verifika tal-pagament korrett tat-taxxi, jitnissel suspett fondat li, minħabba l-aġir tal-persuna taxxabbli, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu jew ta’ talba pekunjarja li tirriżulta minn leġiżlazzjoni fiskali tista’ tirriżulta ħafna iktar diffiċli jew impossibbli wara li tiġi kkonstatata, id-Direttur tal-amministrazzjoni fiskali jew uffiċjal delegat minnu jistgħu jressqu quddiem il-Qorti Amministrattiva talba għall-awtorizzazzjoni ta’ miżura kawtelatorja prevista fl-Artikolu 130(1) ta’ din il-liġi.

[…]”.

III. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10.

Fit-13 ta’ Marzu 2018, l-Awtorità Fiskali Finlandiża ressqet quddiem l-Amministrazzjoni Fiskali Estonjana talba għal miżuri kawtelatorji kontra Heavyinstall fuq il-bażi tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24 (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”), sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ obbligu fiskali gravanti fuq din il-kumpannija. Ma’ din it-talba ġiet annessa deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza tal-Keski-Pohjanmaan käräjäoikeus (il-Qorti Distrettwali ta’ Keski-Pohjanmaa, il-Finlandja) tat-8 ta’ Frar 2018 li, wara talba f’dan is-sens mill-Amministrazzjoni Fiskali Finlandiża, awtorizzat is-sekwestru ta’ beni li jappartjenu lil din il-kumpannija bħala garanzija ta’ kreditu ta’ EUR 320022.

11.

Skont dik il-qorti, peress li l-istabbiliment permanenti u ċ-ċentru ta’ interess ta’ Heavyinstall jinsabu fil-Finlandja, din il-kumpannija hija obbligata teżegwixxi l-obbligi fiskali tagħha f’dan l-Istat Membru. Madankollu, minn naħa, Heavyinstall, minkejja li għandha stabbiliment permanenti fil-Finlandja, la ddikjarat u lanqas ma ħallset ebda taxxa hemmhekk; min-naħa l-oħra, is-soċju uniku tagħha kien ipprovda informazzjoni falza kemm dwar l-attività ekonomika tal-kumpannija kif ukoll dwar id-domiċilju tagħha. Għaldaqstant, jeżisti riskju li l-kumpannija tadotta tali aġir anki fir-rigward tal-obbligi fiskali li ser jiġu ddefiniti fi tmiem il-proċedura fiskali pendenti, b’mod partikolari l-fatt li taħbi, tiddevja jew, fi kwalunkwe każ, tittrasferixxi, tittrażmetti jew tgħaddi lil terzi l-patrimonju tagħha jew twettaq atti ta’ natura oħra li jaffettwaw l-irkupru tal-kreditu tal-Awtorità Fiskali Finlandiża.

12.

Wara t-talba għal assistenza, l-Amministrazzjoni Fiskali Estonjana, fid-29 ta’ Marzu 2018, ressqet quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) talba għall-awtorizzazzjoni ta’ miżuri kawtelatorji u, b’mod partikolari, ir-reġistrazzjoni fl-Estonja tal-projbizzjoni ta’ atti ta’ dispożizzjoni mwettqa fir-rigward ta’ vetturi li jappartjenu lil Heavyinstall (żewġ karrijiet ta’ madwar EUR 7500 kull wieħed u trakk ta’ valur ta’ madwar EUR 9500), kif ukoll is-sekwestru kawtelatorju tal-kontijiet kurrenti bankarji tal-impriża mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu Estonjani kollha, fl-ammont ta’ EUR 297304 (iktar ’il quddiem, it-“talba għal awtorizzazzjoni ta’ miżuri kawtelatorji”).

13.

Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ April 2018, dik il-qorti ċaħdet it-talba għal awtorizzazzjoni ta’ miżuri kawtelatorji.

14.

Wara dak id-digriet, l-Amministrazzjoni Fiskali Estonjana ppreżentat appell quddiem it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja), li ċaħdet l-appell tal-Amministrazzjoni Fiskali, peress li qieset li ma kinitx konvinta li l-eżekuzzjoni tal-obbligi fiskali imposti fuq Heavyinstall setgħet tirriżulta iktar diffiċli jew impossibbli minħabba l-aġir ta’ din il-kumpannija stess u, għaldaqstant, li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1361(1) tal-Kodiċi Fiskali Estonjan kienet issodisfatta.

15.

L-Amministrazzjoni Fiskali Estonjana appellat mid-digriet tal-qorti tal-appell quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”), billi talbet ir-revoka ta’ dan id-digriet u l-emissjoni ta’ digriet ġdid li jilqa’ t-talba għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji kontra Heavyinstall. Huwa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2010/24, b’mod partikolari tal-Artikolu 16 tagħha dwar it-talba għal miżuri kawtelatorji.

16.

Skont il-qorti tar-rinviju, huwa determinanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali jekk qorti ta’ Stat Membru tistax, meta tiddeċiedi fuq talba għal miżuri kawtelatorji mressqa mill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24, teżamina hija stess il-provi invokati insostenn ta’ din it-talba u tiddetermina fuq il-bażi tal-konvinzjoni tagħha stess jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji humiex issodisfatti, jew jekk din il-qorti hijiex obbligata tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti tal-Istat rikjedent.

17.

Il-qorti tar-rinviju għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ digriet ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2019, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet [krediti] relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li rċeviet it-talba għal miżuri ta’ prekawzjoni tkun, meta tagħti deċiżjoni dwar din it-talba konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha (li l-qorti rikjesta tista’ tagħmel konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 16), marbuta bil-perspettiva tal-qorti tal-Istat tal-istabbiliment tal-applikant fir-rigward tan-neċessità u tal-possibbiltà ta’ miżuri ta’ prekawzjoni meta dokument li jinkludi din il-perspettiva jkun tressaq quddiem il-qorti (l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16[(1)], li tindika li dan id-dokument ma għandu jkun suġġett għal ebda att ta’ rikonoxximent, ta’ suppliment jew ta’ sostituzzjoni fl-Istat Membru rikjest)?”

IV. Analiżi ġuridika

18.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru destinatarju ta’ talba għal miżuri kawtelatorji, li tiddeċiedi fuq din it-talba abbażi tad-dritt nazzjonali, hijiex marbuta bil-pożizzjoni adottata mill-qorti tal-Istat Membru rikjedent fir-rigward tan-neċessità u tal-possibbiltà li jiġu adottati miżuri kawtelatorji meta dokument li jinkludi din il-pożizzjoni jkun ġie sottomess lil din il-qorti stess.

19.

Din id-domanda preliminari timplika li għandha tiġi ddeterminata l-portata tas-setgħat tal-qorti tal-Istat Membru rikjedent li quddiemha titressaq talba għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji fil-kuntest tas-sistema ta’ għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri stabbilita bid-Direttiva 2010/24, b’mod partikolari fid-dawl ta’ żewġ elementi distinti: in-neċessità tal-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji mitluba u l-possibbiltà tal-adozzjoni tagħhom.

20.

Preliminarjament, nirrileva li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2010/24 jirriżulta li talba għal assistenza dwar l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji tista’ tkun akkumpanjata jew le minn dokument imfassal għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji fl-Istat Membru rikjedent u li jirrigwarda l-kreditu li għalih tintalab l-assistenza reċiproka ( 3 ). Dan id-dokument jista’ jkun ikkostitwit minn deċiżjoni amministrattiva jew minn deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn qorti tal-Istat Membru rikjedent ( 4 ).

21.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, it-talba għal assistenza dwar l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji indirizzata mill-awtoritajiet Finlandiżi lill-awtoritajiet Estonjani kienet akkumpanjata minn deċiżjoni ġudizzjarja li kienet tinkludi analiżi tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet, fid-dritt Finlandiż, għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji fir-rigward ta’ Heavyinstall. Kemm il-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll il-qorti tal-appell reġgħu evalwaw abbażi ta’ kriterji speċifiċi għad-dritt Estonjan li dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti.

22.

Huwa għalhekk f’tali kuntest li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24 sabiex tivverifika, fil-kuntest tas-sistema ta’ għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri stabbilita minn din id-direttiva, jekk din id-dispożizzjoni tippermettix u sa fejn lill-qorti tal-Istat Membru rikjest tevalwa d-dokument anness ikkostitwit minn deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minn qorti tal-Istat Membru rikjedent u tevalwa, abbażi tal-konvinzjoni tagħha stess, jekk il-kundizzjonijiet dwar in-neċessità u l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri kawtelatorji humiex issodisfatti kif teħtieġ l-awtorità rikjedenti.

23.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, dik il-qorti tafferma li hija tiffavorixxi interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24 fis-sens li d-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru rikjedent annessa mat-talba għal assistenza tikkostitwixxi, fir-rigward tal-proċedura ta’ validazzjoni tal-miżuri kawtelatorji quddiem il-qorti tal-Istat Membru rikjest, biss prova li għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Istat Membru rikjest sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji humiex issodisfatti fuq il-bażi tad-dritt ta’ dan l-Istat.

24.

Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni. Il-Gvern Svediż jaqbel mal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju u jqis ukoll li s-sentenza ta’ qorti tal-Istat Membru rikjedent li tawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji tikkostitwixxi biss prova quddiem il-qorti tal-Istat Membru rikjest. Il-Gvern Estonjan u l-Gvern Ungeriż iqisu, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Istat Membru rikjest hija marbuta bl-opinjoni tal-qorti tal-Istat rikjedent dwar in-neċessità u l-possibbiltà li jittieħdu miżuri provviżorji, sa fejn dokument li jinkludi din l-opinjoni jiġi ppreżentat quddiem dik il-qorti.

25.

Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li hija l-awtorità rikjedenti, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li għandha tivverifika n-neċessità tal-miżuri kawtelatorji. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-possibbiltà li jingħataw tali miżuri, id-dokument anness mat-talba għal assistenza jipprovdi biss indikazzjoni tal-possibbiltà li dawn jiġu adottati fl-Istat Membru rikjedent.

26.

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24.

27.

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 5 ).

28.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24, din id-dispożizzjoni tipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tagħha, li, fuq talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità tal-Istat rikjest għandha tadotta miżuri kawtelatorji għall-irkupru ta’ kreditu f’żewġ sitwazzjonijiet: minn naħa, meta kreditu jew titolu li jippermettu l-infurzar fl-Istat Membru rikjedent jiġu kkontestati fil-mument tat-tressiq tat-talba; min-naħa l-oħra, meta l-kreditu ma jkunx għadu s-suġġett ta’ titolu li jippermetti l-eżekuzzjoni fl-Istat Membru rikjedent.

29.

L-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji mill-awtorità rikjesta hija sussegwentement suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, waħda li tikkonċerna l-Istat Membru rikjest u l-oħra li tikkonċerna l-Istat Membru rikjedent.

30.

B’hekk, il-miżuri kawtelatorji jistgħu jittieħdu, minn naħa, “jekk permessa bil-liġi nazzjonali tagħha u f’konformità mal-prassi amministrattivi tagħha”, u, min-naħa l-oħra, “safejn miżuri ta’ prekawzjoni huma wkoll possibbli, f’sitwazzjoni simili, skont il-liġi nazzjonali u l-prattiki amministrattivi tal-Istat Membru applikanti”.

31.

Sussegwentement, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) jirriżulta li d-dokument stabbilit sabiex jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji fl-Istat Membru rikjedent fir-rigward tal-kreditu li huwa s-suġġett tat-talba għal assistenza reċiproka għandu, fil-każ li jeżisti dan id-dokument, jiġi mehmuż mat-talba għal miżuri kawtelatorji fl-Istat Membru rikjedent ( 6 ).

32.

Barra minn hekk, l-aħħar sentenza tal-imsemmi tieni subparagrafu tipprovdi li dan id-dokument ma huwa suġġett għal ebda att ta’ rikonoxximent, ta’ suppliment jew ta’ sostituzzjoni fl-Istat Membru rikjest.

33.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 16(2) tad-direttiva inkwistjoni, it-talba għal miżuri kawtelatorji tista’ tkun akkumpanjata minn dokumenti oħra li joriġinaw mill-Istat Membru rikjedent, differenti mid-dokument imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1).

34.

Mill-analiżi tal-kliem tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24 jirriżulta li, għalkemm din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax b’mod espliċitu l-portata tas-setgħat tal-qorti tal-Istat Membru rikjest meta titressaq talba għal miżuri kawtelatorji fil-kuntest tas-sistema ta’ għajnuna reċiproka, hija madankollu tipprovdi ċerti indikazzjonijiet f’dan ir-rigward.

35.

Minn naħa, fir-rigward tal-analiżi li għandha ssir, fil-każ ta’ tressiq ta’ tali talba, mill-qorti tal-Istat Membru rikjest abbażi tad-dritt nazzjonali tiegħu, l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li din hija limitata għall-verifika li l-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji mitluba hija “permessa” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u konformi mal-prattiki amministrattivi tagħha stess. Minn dan jirriżulta li l-analiżi li għandha twettaq din il-qorti fuq il-bażi tad-dritt tagħha tidher li hija limitata għall-possibbiltà li jiġu adottati fl-ordinament ġuridiku tagħha miżuri kawtelatorji bħal dawk meħtieġa fit-talba għal assistenza reċiproka ( 7 ).

36.

Min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li d-dokument tal-awtorità rikjedenti, li jakkumpanja (jekk ikun il-każ) it-talba u li jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji fl-Istat Membru rikjedent, ma jeħtieġ ebda rikonoxximent fl-Istat Membru rikjest u ma jistax jiġi ssupplimentat jew issostitwit hemmhekk. Minn dan isegwi li l-analiżi inkluża f’dan l-eventwali dokument ta’ akkumpanjament, li ġeneralment tikkonċerna l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji fid-dawl tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedent, ma għandhiex u ma tistax tiġi ssupplimentata, u lanqas ma tista’ tiġi ssostitwita fl-Istat Membru rikjest, u dan jidher li jindika li, kif isostnu l-Gvern Estonjan u l-Gvern Ungeriż, il-kunsiderazzjonijiet inklużi fih fir-rigward tan-neċessità tal-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji mitluba u dwar il-possibbiltà tal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri fl-Istat Membru rikjedent jorbtu lill-qorti tal-Istat Membru rikjest ( 8 ).

37.

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24 li toħroġ mill-analiżi letterali ta’ din id-dispożizzjoni hija barra minn hekk sostnuta kemm mill-analiżi sistematika kif ukoll mill-analiżi tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

38.

Fil-fatt, fir-rigward, fit-tieni lok, tal-analiżi tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tinsab fil-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva li jirregola l-“miżuri ta’ irkupru jew ta’ prekawzjoni”.

39.

Fil-kuntest ta’ dan il-Kapitolu IV, l-Artikoli 10 sa 15 jirregolaw aspetti differenti tat-talbiet għal irkupru mressqa skont id-Direttiva 2010/24, l-Artikoli 16 u 17 jikkonċernaw it-talbiet għal assistenza reċiproka fil-qasam ta’ miżuri kawtelatorji u l-Artikoli 18 sa 20 jirrigwardaw kwistjonijiet komuni għaż-żewġ tipi ta’ talbiet. Skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, uħud mid-dispożizzjonijiet dwar it-talbiet għal irkupru, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 14, intitolat “Tilwim”, japplikaw mutatis mutandis għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 16 tagħha.

40.

Għal dak li jirrigwarda b’mod speċifiku l-imsemmi Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiċċara l-portata u r-raġuni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Istati Membri, rispettivament, rikjedent u rikjest.

41.

Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24 jipprevedi tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjedent u dawk tal-Istat Membru rikjest sabiex jinstema’ tilwim dwar, minn naħa, il-kreditu, it-titolu inizjali li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru rikjest jew il-validità ta’ notifika magħmula minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru rikjedent, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-infurzar mill-Istat Membru rikjest jew il-validità ta’ notifika minn awtorità kompetenti ta’ dan tal-aħħar ( 9 ).

42.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li dan it-tqassim tal-kompetenzi huwa l-korollarju tal-fatt li l-kreditu u t-titoli li jippermettu l-eżekuzzjoni tal-irkupru tiegħu huma stabbiliti abbażi tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru rikjedent, filwaqt li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni huma adottati fl-Istat Membru rikjest, skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli f’dan l-Istat tal-aħħar ( 10 ).

43.

Ir-raġuni stabbilita mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24 fil-qasam tal-assistenza reċiproka għall-irkupru, applikabbli mutatis mutandis fil-kuntest ta’ talba għal assistenza reċiproka dwar l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji mressqa skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, tidher li tista’ tiġi trasposta, b’analoġija, għad-definizzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti tal-Istat Membru rikjedent u l-qorti tal-Istat Membru rikjest, meta mat-talba għal assistenza reċiproka dwar l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji tkun annessa, bħalma huwa l-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, deċiżjoni ġudizzjarja mill-Istat rikjedent li tiddetermina l-eżistenza tal-kundizzjonijiet, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, sabiex jiġu adottati miżuri kawtelatorji.

44.

Skont din ir-raġuni, minn dan jirriżulta tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti tal-Istat Membru rikjedent u l-qorti tal-Istat Membru rikjest li jipprovdi li l-ewwel waħda għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim dwar it-talba u l-kundizzjonijiet li jippermettu li jittieħdu l-miżuri kawtelatorji stabbiliti fuq il-bażi tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru rikjedent, filwaqt li t-tieni waħda għandha ġurisdizzjoni sabiex tadotta miżuri kawtelatorji fl-Istat Membru rikjest, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi u l-prattiki amministrattivi ta’ dan l-Istat.

45.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li analiżi kuntestwali tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24 twassal sabiex jitqies li l-qorti tal-Istat Membru rikjest, bħalma hija l-qorti Estonjana fil-kawża prinċipali, ikollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-konformità tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u l-prattiki amministrattivi ta’ dan l-Istat, iżda mhux li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sostantivi tal-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji, meta tkun teżisti f’dan ir-rigward deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minn qorti tal-Istat Membru rikjedent.

46.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-Direttiva 2010/24, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, ma tagħtix lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjest setgħa ta’ stħarriġ tal-atti tal-Istat Membru rikjedent ( 11 ). Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rikjedent jew rikjest jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom u jiddeċiedu dwar il-legalità ta’ att ta’ konsegwenza ( 12 ).

47.

Minbarra dan, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali, li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 13 ), li d-Direttiva 2010/24 tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest jirrifjutaw l-għajnuna reċiproka.

48.

B’hekk, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/24, intitolat “Limiti għall-obbligi tal-awtorità rikjesta”, jipprevedi tliet każijiet speċifiċi li fihom l-Istat Membru rikjest jista’ jirrifjuta l-assistenza reċiproka – kemm fir-rigward tat-talbiet għall-irkupru ta’ krediti, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji – jiġifieri, fl-ewwel lok, meta l-eżekuzzjoni jew l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji jkunu ta’ natura li jikkawżaw, minħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, diffikultajiet kbar ta’ natura ekonomika jew soċjali fl-Istat Membru rikjest; fit-tieni lok, meta jkunu għaddew iktar minn ħames snin mill-adozzjoni tal-att li jippermetti l-eżekuzzjoni tat-talba jew tal-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji; u, fit-tielet lok, meta l-kreditu li tintalab l-eżekuzzjoni tiegħu jew li fir-rigward tiegħu jintalbu miżuri kawtelatorji jkun ta’ inqas minn EUR 1500.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li talba għal assistenza reċiproka tista’ tiġi rrifjutata, b’mod eċċezzjonali, anki jekk jirriżulta li tista’ ssir ħsara lill-ordni pubbliku tal-Istat Membru tal-awtorità rikjesta ( 14 ).

50.

Sussegwentement inqis, fit-tielet lok, li l-analiżi tal-għanijiet tad-Direttiva 2010/24 tikkonferma l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

51.

Qabelxejn, kif diġà osservat, id-Direttiva 2010/24 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. L-implimentazzjoni tas-sistema ta’ assistenza reċiproka stabbilita minn din id-direttiva tiddependi fuq l-eżistenza ta’ din il-fiduċja fost l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati ( 15 ).

52.

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 4 tal-imsemmija direttiva, l-adozzjoni tagħha kellha l-għan, minn naħa, li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza reċiproka fil-qasam tal-irkupru ta’ krediti relatati ma’ taxxi u dazji u, min-naħa l-oħra, fil-preżenza ta’ talbiet għall-assistenza dejjem tiżdied, li l-assistenza ssir iktar effikaċi u effiċjenti. Ir-rekwiżit tal-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ għajnuna reċiproka prevista mid-Direttiva 2010/24 huwa msemmi wkoll fil-premessa 6 tagħha.

53.

Fir-rigward b’mod partikolari tal-miżuri kawtelatorji, il-premessa 10 tenfasizza sussegwentement li, fid-dawl tal-mobbiltà dejjem tikber fis-suq intern u tar-restrizzjonijiet imposti mit-Trattat jew minn regoli oħra fil-qasam tal-garanziji li jistgħu jkunu meħtieġa mill-persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju nazzjonali, kien neċessarju li jiġu estiżi l-possibbiltajiet li jintalbu miżuri ta’ rkupru jew miżuri kawtelatorji fi Stat Membru ieħor.

54.

Eżami mill-ġdid mill-qorti tal-Istat Membru rikjest tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, meta dawn ikunu diġà ġew ikkonstatati minn qorti tal-Istat Membru rikjedent u li d-deċiżjoni tagħha tkun mehmuża mat-talba, imur kontra l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq u b’mod partikolari kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2010/24. Peress li hemm ir-riskju li l-eżekuzzjoni ta’ talba għal assistenza ssir impossibbli jew eċċessivament diffiċli, dan imur ukoll kontra l-funzjonament tajjeb u l-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistema ta’ għajnuna reċiproka prevista minnha.

55.

Barra minn hekk, tali eżami mill-ġdid imur kontra kemm ir-rekwiżiti partikolari ta’ ħeffa li jikkaratterizzaw il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni, kif ukoll kontra n-neċessità li jiġu evitati, fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ assistenza, evalwazzjonijiet kontradittorji min-naħa tal-qrati taż-żewġ Stati Membri fir-rigward tal-istess ċirkustanzi fattwali.

56.

L-għanijiet tad-Direttiva 2010/24 jipprekludu għalhekk interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tagħha fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru rikjest tista’, minbarra ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fil-punti 47 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tiċħad talba għal miżuri kawtelatorji fuq il-bażi ta’ eżami mill-ġdid tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħhom meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ġew aċċertati, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, minn qorti u li d-deċiżjoni tagħha tkun mehmuża mat-talba għal miżuri kawtelatorji.

57.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn titressaq talba għal assistenza reċiproka dwar l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji flimkien ma’ dokument imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, ikkostitwit minn deċiżjoni ta’ qorti tal-Istat Membru rikjedent, il-qorti tal-Istat Membru rikjest hija marbuta bil-pożizzjoni adottata minn dik il-qorti fir-rigward tan-neċessità, jiġifieri l-eżistenza tal-kundizzjonijiet, tal-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji li tintalab l-adozzjoni tagħhom kif ukoll tal-possibbiltà li jiġu adottati l-miżuri kawtelatorji fl-Istat Membru rikjedent.

V. Konklużjoni

58.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja):

L-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet [krediti] relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn titressaq talba għal assistenza reċiproka dwar l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji flimkien ma’ dokument imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni, ikkostitwit minn deċiżjoni ta’ qorti tal-Istat Membru rikjedent, il-qorti tal-Istat Membru rikjest hija marbuta bil-pożizzjoni adottata minn din il-qorti fir-rigward tan-neċessità, jiġifieri l-eżistenza tal-kundizzjonijiet, tal-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji li tintalab l-adozzjoni tagħhom kif ukoll tal-possibbiltà li jiġu adottati l-miżuri kawtelatorji fl-Istat Membru rikjedent.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet [krediti] relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU 2010, L 84, p. 1).

( 3 ) Madankollu, talba bħal din ma tistax tkun akkumpanjata mit-titolu uniformi msemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2010/24 peress li, abbażi ta’ qari flimkien ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 11 tad-Direttiva, dan it-titolu huwa rriżervat, bħala prinċipju, għat-talbiet ta’ rkupru. Min-naħa l-oħra, titolu uniformi jista’ jikkostitwixxi l-bażi għal talba għal miżuri kawtelatorji sottomessa fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(4) tad-direttiva, jiġifieri meta tqum tilwima msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu (ara l-punt 41 iktar ’il quddiem) wara t-tressiq tat-talba ta’ rkupru u sabiex tkun iggarantita din tal-aħħar. Dan l-aħħar każ huwa distint b’mod ċar minn dawk previsti fl-Artikolu 16 (ara iktar ’il quddiem il-punt 28).

( 4 ) Dan jirriżulta mill-mudell tad-dikjarazzjoni li tispeċifika r-raġunijiet u ċ-ċirkustanzi għal talba għal miżuri kawtelatorji, imsemmija fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1189/2011 tat-18 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati f’relazzjoni ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU 2011, L 302, p. 16). Fil-fatt, dan il-mudell jipprevedi li talba għal miżuri kawtelatorji bbażata fuq l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2010/24 tista’ tkun ibbażata fuq deċiżjoni amministrattiva li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji fl-Istat rikjedent, jew fuq il-validazzjoni ġudizzjarja tal-fatt li l-miżuri kawtelatorji huma ġġustifikati, u teżiġi wkoll li d-deċiżjoni rilevanti tkun mehmuża mad-dikjarazzjoni (ara s-sezzjonijiet 2.2 u 2.3 tal-mudell imsemmi iktar ’il fuq).

( 5 ) Ara, inter alia, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, GRDF (C‑236/18, EU:C:2019:1120, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto (C‑578/18, EU:C:2020:3519, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) F’dan ir-rigward, nosserva li l-verżjoni Ingliża u dik Ġermaniża tad-dispożizzjoni inkwistjoni huma iktar espliċiti mill-verżjoni Taljana u Franċiża billi jindikaw li jeżisti obbligu li dan id-dokument jiġi anness jekk jeżisti. L-eżistenza ta’ obbligu ta’ dan it-tip tiġi dedotta wkoll f’dawn il-verżjonijiet mill-użu tal-preżent “għandu jkun mehmuż”.

( 7 ) Korsiv tiegħi.

( 8 ) Korsiv tiegħi.

( 9 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Metirato (C‑695/17, EU:C:2019:209, punt 33).

( 10 ) Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Metirato (C‑695/17, EU:C:2019:209, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/24, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282, punti 4144).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2019, Metirato (C‑695/17, EU:C:2019:209, punt 36).

( 13 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Donnellan (C 34/17, EU:C:2018:282, punt 47).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 47).

( 15 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Donnellan (C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 41).