KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis-17 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑410/19

The Software Incubator Ltd

vs

Computer Associates UK Ltd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom — Direttiva 86/653/KEE — Artikolu 1(2) — Definizzjoni tal-kunċett ta’ aġent kummerċjali — Kunċetti ta’ ‘bejgħ’ u ta’ ‘merkanzija’ — Provvista ta’ softwer tal-kompjuter lil klijenti tal-prinċipal b’mod elettroniku, flimkien mal‑għoti ta’ liċenzja permanenti”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom ( 2 ).

2.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jiddefinixxi aġent kummerċjali bħala intermedjarju li jaħdem għal rasu u li l-attivitajiet tiegħu jkunu jikkonsistu b’mod partikolari fil-bejgħ jew fix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra magħrufa bħala l-prinċipal. Il-kwistjoni ewlenija li tqum f’dan il-każ hija dik dwar jekk il-provvista ta’ softwer tal-kompjuter lil klijenti tal-prinċipal b’mezz elettroniku, flimkien mal-għoti ta’ liċenzja permanenti, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “bejgħ” ta’ “merkanzija” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

3.

Għaldaqstant, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel okkażjoni biex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “bejgħ” u ta’ “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653. Fil-kawża prinċipali, tali interpretazzjoni hija neċessarja sabiex jiġi stabbilit jekk id-Direttiva 86/653 tapplikax għal aġent li jkun tqabbad sabiex jippromwovi s-softwer tal-kompjuter inkwistjoni, b’tali mod li t-talba tiegħu għal kumpens skont din id-direttiva tkun tista’ tintlaqa’.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jgħid:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.”

B.   Id-dritt tar-Renju Unit

5.

Id-Direttiva 86/653 ġiet implimentata fid-dritt tar-Renju Unit permezz tal-Commercial Agents (Council Directive) Regulations 1993 (Statutory Instruments 1993/3053) (ir-Regolament dwar l-Aġenti Kummerċjali (Direttiva tal-Kunsill) 1993 (Regolament 1993/3053)), kif emendati (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) ( 3 ). L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jgħid:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament,

‘aġent kummerċjali’ jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra (‘il‑prinċipal’), jew li jinnegozja u jikkonkludi l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għal u f’isem dak il-prinċipal; […]”.

III. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi magħmula

6.

Skont id-digriet tar-rinviju, Computer Associates UK Ltd (iktar ’il quddiem “Computer Associates”) hija kumpannija li tqiegħed fis-suq tip ta’ softwer tal-kompjuter magħruf bħala softwer ta’ awtomatizzazzjoni għar-rilaxx ta’ applikazzjonijiet (iktar ’il quddiem is-“softwer”). Is-softwer huwa kumpless, jiswa l-flus u mhux magħmul fuq ordni, li jfisser li ma jinħadimx skont l-eżiġenzi ta’ klijent partikolari. Is-softwer jintuża għall-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni awtomatika tat-tqegħid fl-użu ta’, u l-upgrades għal, applikazzjonijiet oħra ta’ softwer f’ambjenti differenti ta’ operazzjonijiet f’organizzazzjonijiet kbar, bħal banek u kumpanniji ta’ assigurazzjoni, sabiex l-applikazzjonijiet sottostanti jiġu integrati b’mod sħiħ mal-ambjent operattiv tas-softwer.

7.

The Software Incubator Ltd (iktar ’il quddiem “The Software Incubator”) hija kumpannija proprjetà ta’ Scott Dainty.

8.

Fil-25 ta’ Marzu 2013, Computer Associates u The Software Incubator għamlu ftehim bil-miktub (iktar ’il quddiem il-“ftehim”).

9.

Skont il-klawżola 2.1 tal-ftehim, The Software Incubator, permezz ta’ S. Dainty, qablet li taġixxi f’isem Computer Associates biex tilħaq klijenti potenzjali fl-Irlanda u fir-Renju Unit “għall-finijiet ta’ promozzjoni, tqegħid fis-suq u bejgħ tal-prodott”. Il-“prodott” kien jindika s-softwer, kif deskritt fl-ewwel premessa tal-ftehim. B’dan il-mod, għall-finijiet tal-ftehim, Computer Associates kienet il-prinċipal u The Software Incubator kienet l-aġent.

10.

Kif juri d-digriet tar-rinviju, il-karatteristiċi ewlenin tal-provvista tas-softwer fil-kawża prinċipali kienu kif ser jingħad. L-ewwel, Computer Associates kienet tipprovdi s-softwer lill-klijenti tagħha b’mod elettroniku permezz ta’ posta elettronika li kien fiha link lejn portal online li minnu l-klijenti kienu jniżżluh. Minkejja li s-softwer seta’ jintbagħat b’mezz tanġibbli, fil-prattika dan il-mezz ma kienx jintuża.

11.

Barra minn dan, skont il-klawżola 4.1 tal-ftehim, Computer Associates kellha d-dritt esklużiv sabiex tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzji tas-softwer lill-klijenti u, skont il-klawżola 6.1 tal-istess ftehim, Computer Associates kienet tiffattura u kienet tiġbor it-tariffi kollha dovuti mingħand il-klijenti assoċjati mal-użu tas-softwer. The-Software Incubator kienet għalhekk inkarigata, fil-kwalità tagħha bħala aġent, li tiżgura l-promozzjoni tal-għoti, minn Computer Associates lill-klijenti tagħha, ta’ liċenzji għall-użu tas-softwer. The Software Incubator ma kellha ebda setgħa sabiex tittrasferixxi t-titolu jew il-proprjetà tas-softwer.

12.

F’dan ir-rigward, skont il-ftehimiet bejn Computer Associates u l-klijenti tagħha ( 4 ), il-klijent kien jingħata liċenzja biex juża s-softwer, liċenzja li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, kienet permanenti, li jfisser li l-użu kien għal żmien illimitat. Il-liċenzja kienet tippermetti lill-klijent, inter alia, jinstalla u jqiegħed għall-użu s-softwer fit-territorju speċifikat san-numru awtorizzat ta’ utenti finali, u hija kienet tippermetti lill-utenti finali awtorizzati aċċess għas-softwer. Il-liċenzja kienet ukoll suġġetta għall-osservanza mill-klijent tal-obbligi, b’mod partikolari, li ma jidħolx u ma jużax parti mhux awtorizzata tas-softwer, u lanqas li jiddekompilah, jimmodifikah jew ireġġgħu lura mill-inġinerija tiegħu, u lanqas jikrih, jgħaddih, jittrasferih jew jilliċenzjah mill-ġdid. Computer Associates u l-entitajiet relatati kienu jżommu d-drittijiet, titoli, drittijiet tal-awtur, privattivi, trade marks, sigrieti kummerċjali u l-interessi patrimonjali l-oħra kollha marbuta mas-softwer. Kull parti setgħet ixxolji l-ftehim inkwistjoni fil-każ ta’ ksur sostanzjali jew fil-każ ta’ insolvenza tal-parti l-oħra, f’liema każ il-liċenzja tiġi rrevokata u l-klijent ikollu jrodd lura l-kopji kollha tas-softwer jew jeqridhom.

13.

B’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2013 Computer Associates xoljiet il-ftehim li hija kellha ma’ Software Incubator.

14.

The Software Incubator ippreżentat rikors kontra Computer Associates quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (United Kingdom) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales) Sezzjoni tal-Queen’s Bench, ir-Renju Unit), fejn talbet b’mod partikolari kumpens skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jimplimenta l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653. Computer Associates ċaħdet kull responsabbiltà minħabba li, inter alia, ir-Regolament ma kienx japplika għaliex il-provvista tas-softwer promoss minn The Software Incubator ma kinitx tikkostitwixxi “bejgħ ta’ merkanzija” fis-sens tad-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali li tinsab fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament li jimplimenta l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.

15.

Permezz tas-sentenza tagħha tal-1 ta’ Lulju 2016 ( 5 ), il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (United Kingdom) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales) Sezzjoni tal-Queen’s Bench) iddeċidiet li l-provvista tas-softwer b’mod elettroniku, flimkien ma’ liċenzja permanenti, kienet tikkostitwixxi “bejgħ ta’ merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament, u tat lil The Software Incubator, inter alia, 475000 lira sterlina (GBP) (madwar EUR 531100) bħala kumpens skont l-imsemmi regolament. Skont dik il-qorti, il-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” għandu jkollu definizzjoni awtonoma għall-finijiet tar-Regolament, u ma għandux jeskludi li l-provvista tas-softwer tiġi kklassifikata bħala “merkanzija”, minħabba li ma hijiex tanġibbli, jew bħala “bejgħ”, minħabba li l-proprjetà tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali marbuta mas-softwer normalment ma tiġix ittrasferita b’mod assolut.

16.

Computer Associates ippreżentat appell kontra dik is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (United Kingdom) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit).

17.

Bis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Marzu 2018 ( 6 ), il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) iddeċidiet li l-provvista tas-softwer b’mod elettroniku, u mhux fuq kwalunkwe mezz fiżiku, ma kinitx tikkostitwixxi “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament. Dik il-qorti qieset li, minkejja t-tħassib li tali approċċ jista’ jidher barra minn żmienu fid-dawl tal-avvanzi teknoloġiċi, din il-konstatazzjoni kienet neċessarja fid-dawl tal-ġurisprudenza, u għaldaqstant hija ma eżaminatx jekk l-għoti ta’ liċenzji għas-softwer lil klijenti ta’ Computer Associates setax jiġi kklassifikat bħala “bejgħ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. B’riżultat ta’ dan, hija kkonkludiet li The Software Incubator ma kinitx aġent kummerċjali fis-sens tar-Regolament u ċaħdet it-talba tagħha għal kumpens ibbażata fuq dan.

18.

B’digriet tat-28 ta’ Marzu 2019, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) awtorizzat lil The Software Incubator tappella mid-deċiżjoni tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)).

19.

Il-qorti tar-rinviju indikat li ma huwiex ċar jekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ aġent kummerċjali li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, li hija limitata għall-“bejgħ ta’ merkanzija”, tapplikax għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

20.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

Fejn kopja ta’ softwer tal-kompjuter hija fornita lill-klijenti ta’ prinċipal b’mod elettroniku, u mhux permezz ta’ kwalunkwe mezz tanġibbli, din tikkostitwixxi ‘merkanzija’ skont it-tifsira ta’ dik il-kelma kif tidher fid-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom […]?

(2)

Fejn softwer tal-kompjuter huwa fornit lill-klijenti ta’ prinċipal permezz ta’ għotja lill-klijent ta’ liċenzja permanenti għall-użu ta’ kopja ta’ softwer tal-kompjuter, dan jikkostitwixxi ‘bejgħ ta’ merkanzija’ skont it-tifsira ta’ dak it-terminu kif jidher fid-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali fl-Artikolu 1(2) tad-[Direttiva 86/653]?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja minn The Software Incubator, Computer Associates, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea. The Software Incubator, Computer Associates u l-Kummissjoni rrispondew ukoll għal domandi bil-miktub magħmula lilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

22.

Waqt li din il-kawża kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020. Skont l-Artikolu 86(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 7 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għad għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq it-talbiet minn qrati tar-Renju Unit magħmula qabel ma jintemm il-perijodu ta’ transizzjoni, li, skont l-Artikolu 126 tal-istess ftehim, jintemm fil-prinċipju fil-31 ta’ Diċembru 2020. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 89(1) ta’ dan il-ftehim, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm jekk ikunu ngħataw qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll dawk mogħtija wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, għandhom saħħa vinkolanti fl-intier tagħhom kemm għar-Renju Unit, kif ukoll fir-Renju Unit.

23.

Għaldaqstant, minħabba li din it-talba għal deċiżjoni preliminari saret fit-28 ta’ Mejju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja għad għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq din it-talba, u s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) hija marbuta bis-sentenza li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

V. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

24.

The Software Incubator tissottometti li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Fil-fehma tagħha, il-kunċett ta’ “merkanzija” li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jinkludi s-softwer, irrispettivament minn jekk jiġix ipprovdut b’mezzi tanġibbli jew intanġibbli. Hija ssostni li ma hemmx distinzjoni bejn merkanzija tanġibbli u merkanzija intanġibbli fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u li, fid-dawl tal-oriġini tagħha, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss is-“servizzi”, u mhux il-merkanzija intanġibbli.

25.

The Software Incubator issostni li l-kunċett ta’ “merkanzija” f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni jgħin biss sa ċertu punt, minħabba li huwa jiddependi mill-kuntest u mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, hija tinnota li softwer tal-kompjuter jitqies bħala “merkanzija” fi strumenti tal-Unjoni dwar, pereżempju, it-trade marks ( 8 ) u mezzi mediċi ( 9 ) u li s-softwer jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “merkanzija” fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ( 10 ), bħal fil-każ tal-elettriku. Huwa irrilevanti, fil-fehma tagħha, li ċerti strumenti reċenti tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni għall-konsumatur, inklużi d-Direttiva 2011/83 ( 11 ) u d-Direttiva 2019/770 ( 12 ), jagħmlu distinzjoni bejn kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija u kuntratti ta’ provvista ta’ kontenut diġitali, bħal softwer tal-kompjuter, minħabba li din id-distinzjoni tirrifletti l-għanijiet speċifiċi ta’ dawn id-direttivi u, f’kull każ, id-Direttiva 2019/770 tipprovdi l-istess protezzjoni għall-konsumaturi, irrispettivament minn jekk il-kontenut diġitali jiġi pprovdut b’mezz tanġibbli jew intanġibbli.

26.

The Software Incubator tissottometti li l-pożizzjoni tagħha hija konformi mal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 86/653, minħabba li aġent kummerċjali li jbigħ softwer tal-kompjuter ipprovdut b’mod elettroniku jeħtieġlu l-istess protezzjoni bħal dak li jbigħu b’mezz tanġibbli, u li dawn huma essenzjalment l-istess “attivitajiet ta’ intermedjarji fil-kummerċ”, bħal dawk imsemmija fl-ewwel premessa tad-Direttiva 86/653. The Software Incubator issostni li, minħabba li softwer tal-kompjuter jista’ jopera f’ambjent tanġibbli biss billi jitqiegħed f’hardware tal-kompjuter, ikun artifiċjali, fil-fehma tagħha, li jiġi kklassifikat bħala “merkanzija” jekk jiġi pprovdut fuq diska, iżda mhux meta jiġi pprovdut b’download. Distinzjoni bħal din twassal ukoll għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, minħabba li prinċipal ikun jista’ jevadi l-obbligi imposti fuqu taħt id-Direttiva 86/653 billi jipprovdi l-prodotti tiegħu f’forma elettronika. Hija ssostni wkoll li, peress li r-rwol ta’ aġent kummerċjali huwa li jinnegozja t-tranżazzjonijiet, u l-mod ta’ provvista ta’ softwer tal-kompjuter jista’ ma jkunx iddeterminat fl-istadju tan-negozjar, l-applikabbiltà tad-Direttiva 86/653 ma għandhiex tiddependi minn dak li l-prinċipal jiddeċiedi jagħmel wara li l-aġent kummerċjali jkun wettaq ir-rwol tiegħu.

27.

The Software Incubator tissottometti li t-tieni domanda għandha wkoll tingħata risposta fl-affermattiv, minħabba li l-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jinkludi l-provvista tas-softwer skont liċenzja permanenti. Hija ssostni li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fid-digriet tal-10 ta’ Frar 2004, fil-kawża Mavrona ( 13 ), fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-attenzjoni għandha tkun fuq in-natura tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-aġent kummerċjali u l-prinċipal, fuq dik tal-attività mwettqa mill-aġent u fuq l-interessi u l-ħtieġa għall-protezzjoni ta’ dan l-aġent, li lkoll huma l-istess irrispettivament minn jekk is-softwer jiġix ipprovdut b’mezzi tanġibbli jew intanġibbli skont kuntratt ta’ bejgħ jew liċenzja permanenti. Hija tisħaq li r-restrizzjonijiet fuq l-użu tas-softwer relatati ma’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma irrilevanti, minħabba li ma humiex differenti, sostanzjalment, minn dawk imposti mid-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali f’dak li jirrigwarda prodotti mibjugħa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ bejgħ. Hija tikkontendi wkoll li l-pożizzjoni tagħha hija sostnuta bis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, fil-kawża UsedSoft ( 14 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-provvista ta’ programm tal-kompjuter, akkumpanjata bl-għoti ta’ liċenzja permanenti, bħala “bejgħ” f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ din il-kawża, li fiha l-klijent kien ħallas lil Computer Associates tariffa u rċieva s-softwer li huwa seta’ juża indefinittivament mingħajr il-ħlas ta’ tariffa supplimentari, iżda li għalih kien hemm restrizzjonijiet fuq l-użu tiegħu minħabba d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq is-softwer.

28.

Computer Associates tissottometti li l-ewwel domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv minħabba li l-provvista ta’ softwer tal-kompjuter b’mod elettroniku ma tikkostitwixxix “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653. Fil-fehma tagħha, t-tifsira ordinarja tal-kunċett ta’ “merkanzija” li jinsab f’din id-dispożizzjoni tirreferi biss għal oġġetti tanġibbli u mobbli, kif jirriżulta minn verżjonijiet f’lingwi oħra ( 15 ) u, għalhekk, ma tapplikax għal oġġetti intanġibbli, bħalma huwa s-softwer ipprovdut b’mezzi intanġibbli. Hija ssostni li, meta ġiet adottata d-Direttiva 86/653, l-internet, is-softwer tal-kompjuter u d-downloads ma kinux jeżistu fl-għamla tagħhom tal-lum u, għalhekk, il-kunċett ta’ “merkanzija”’ ma setax jinftiehem bħala li kien japplika għal oġġetti intanġibbli u baqa’ ma nbidilx minn dak iż-żmien ’l hawn. Hija ssostni wkoll li, fir-rigward tal-oriġini tad-Direttiva 86/653, il-leġiżlatur tal-Unjoni llimita b’mod deliberat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal “merkanzija”, u ma ġietx adottata l-applikazzjoni potenzjali għal kategorija usa’ ta’ aġenti, inklużi dawk li għandhom bħala attività l-bejgħ ta’ “prodotti”.

29.

Computer Associates tgħid li l-effett u l-pożizzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jagħtu sostenn kuntestwali lill-pożizzjoni tagħha, minħabba li hija d-dispożizzjoni ċentrali li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Hija tinnota li, skont id-digriet tal-10 ta’ Frar 2004 fil-kawża Mavrona ( 16 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kliem użat fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 u li, minkejja li hija mixtieqa iktar armonizzazzjoni, din ma tistax tiddaħħal b’deċiżjoni ġudizzjarja. Hija ssostni li l-kunċett ta’ “merkanzija” f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-moviment liberu ta’ merkanzija ( 17 ), dazji tad-dwana ( 18 ) u taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) ( 19 ) jikkonċerna biss oġġetti tanġibbli u li ma hemmx rabta neċessarja bejn it-tifsira ta’ “merkanzija” fis-sens tad-Direttiva 86/653 u fis-sistema ta’ klassifikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks. Hija tisħaq ukoll li l-istrumenti reċenti tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni għall-konsumatur, inklużi d-Direttivi 2011/83 u 2019/770, kif ukoll id-Direttiva 2019/771 ( 20 ), huma rilevanti, b’mod partikolari minħabba li juru li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi li strument tal-Unjoni jkun japplika għal softwer tal-kompjuter mingħajr ebda mezz tanġibbli, bħal dak inkwistjoni, huwa jagħmel hekk espressament, u mhux bl-użu tal-kelma “merkanzija”.

30.

Skont Computer Associates, il-pożizzjoni tagħha hija konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 86/653, minħabba li din id-direttiva, kif jidher mit-tieni premessa tagħha, għandha l-għan li jinkisbu kundizzjonijiet għas-suq uniku għall-“kummerċ fil-merkanzija” u, skont l-Artikoli 1 u 2 tagħha, l-għan tagħha ta’ armonizzazzjoni huwa neċessarjament limitat għal dan il-“kummerċ fil-merkanzija”. Computer Associates tenfasizza li l-fatt li softwer tal-kompjuter ipprovdut b’mezz tanġibbli huwa “merkanzija” fis-sens tad-Direttiva 86/653, iżda mhux meta jiġi pprovdut b’mezzi intanġibbli, ma huwiex wieħed arbitrarju, b’mod partikolari għaliex dan jirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, kif juru d-Direttivi 2011/83, 2019/770 u 2019/771, jirrifletti differenzi bejn merkanzija u kontenut diġitali.

31.

Computer Associates tissottometti li jekk tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, ma jkunx hemm lok li tiġi indirizzata t-tieni domanda u, sussidjarjament, li l-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” ma jinkludix l-għoti ta’ liċenzja biex tintuża kopja tas-softwer. Hija ssostni li t-tifsira ordinarja tal-kliem “[i]l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija”, li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jindika trasferiment tal-proprjetà tal-merkanzija jew tat-titolu ta’ proprjetà fuq din il-merkanzija mingħand il-bejjiegħ lix-xerrej, kif jidher minn verżjonijiet f’lingwi oħra ( 21 ). Madankollu, fil-fehma tagħha, l-għoti ta’ liċenzja permanenti fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jimplikax trasferiment tal-proprjetà tas-softwer jew tat-titolu ta’ proprjetà fuqu. Tabilħaqq, il-ftehimiet li Computer Associates għamlet mal-klijenti tagħha kienu jeskludu tali trasferiment, minħabba li t-titolu għas-softwer jibqa’ għand Computer Associates u l-entitajiet relatati, u ebda dritt ieħor ta’ proprjetà fir-rigward tas-softwer ma kien ittrasferit lil klijenti. Tali liċenzja, għalhekk, ma tikkostitwixxix “bejgħ ta’ merkanzija” skont it-tifsira ordinarja, iżda awtorizzazzjoni temporanja għall-użu tas-softwer, li jista’ jintemm fil-każ ta’ ksur jew ta’ insolvenza. Hija tissottometti wkoll li s-sentenza fil-kawża UsedSoft ( 22 ) ma hijiex rilevanti minħabba l-formulazzjoni u l-kuntest speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-sentenza inkwistjoni, kif imsaħħa b’ġurisprudenza reċenti ( 23 ). F’kull każ, il-konstatazzjoni f’dik is-sentenza li l-kunċett ta’ “bejgħ” jindika trasferiment ta’ proprjetà jimmilita kontra l-interpretazzjoni li tgħid li l-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” fis-sens tad-Direttiva 86/653 japplika għall-għoti ta’ liċenzja għall-użu tas-softwer.

32.

Il-Gvern Ġermaniż jissottometti li ż-żewġ domandi għandhom jingħataw risposta flimkien, jiġifieri li hemm “bejgħ ta’ merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 meta liċenzja permanenti għall-użu ta’ kopja ta’ softwer tal-kompjuter tingħata lil klijent ta’ prinċipal b’mod elettroniku biss u mhux b’mezz tanġibbli għall-ħżin. Huwa jinnota li l-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jimmilita kontra restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal oġġetti tanġibbli, minħabba li t-tifsira naturali tan-nom “Ware” (merkanzija) tinkludi wkoll oġġetti intanġibbli.

33.

Il-Gvern Ġermaniż jikkontendi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tibbaża ruħu fuq id-distinzjoni li teżisti fid-dritt primarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu ta’ merkanzija u ta’ servizzi, minħabba li s-suġġett tad-Direttiva 86/653 huwa l-armonizzazzjoni tal-attività ta’ aġenti kummerċjali, b’tali mod li l-portata tagħha għandha tiġi stabbilita b’mod funzjonali f’dan il-kuntest, u b’tali mod li, kemm jista’ jkun, tiġi adottata l-interpretazzjoni l-iktar favorevoli għall-aġent kummerċjali. Huwa jisħaq li interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 fis-sens li jkopri merkanzija tanġibbli biss tmur kontra l-għan ta’ protezzjoni għal aġenti kummerċjali segwit permezz ta’ din id-direttiva, minħabba li parti sinjifikattiva tal-qasam tradizzjonali ta’ attività ta’ aġenti kummerċjali fil-Ġermanja ma tkunx tibqa’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

34.

Skont il-Gvern Ġermaniż, tali interpretazzjoni stretta twassal għal riżultati mhux ġusti, minħabba li aġent kummerċjali li jqiegħed fis-suq prodott f’forma tanġibbli jkun protett bid-Direttiva 86/653, iżda mhux jekk iqiegħed fis-suq l-istess prodott f’forma diġitali. Din l-interpretazzjoni tippermetti wkoll li prinċipal jevita d-dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ din id-direttiva billi jagħżel arranġament li fih is-suġġett tat-tranżazzjoni ma jkunx oġġett tanġibbli. Il-Gvern Ġermaniż iqis li, filwaqt li t-tqegħid fis-suq ta’ softwer tal-kompjuter ma kienx prevedibbli meta ġiet imfassla d-Direttiva 86/653, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx li l-protezzjoni ta’ aġenti kummerċjali tkun tiddependi minn żviluppi teknoloġiċi aleatorji.

35.

Il-Kummissjoni tissottometti li għandha tingħata risposta b’mod konġunt għaż-żewġ domandi, jiġifieri li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jinkludi l-provvista ta’ kopja ta’ softwer tal-kompjuter mogħtija lil klijenti ta’ prinċipal b’mod elettroniku, u mhux fuq mezz tanġibbli. Hija ssostni li l-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” li jinsab fid-Direttiva 86/653 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jkun interpretat b’mod dinamiku, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi. Hija tipproponi wkoll li d-domandi jiġu ttrattati b’ordni bil-kontra.

36.

Il-Kummissjoni tikkontendi li s-sentenza fil-kawża UsedSoft ( 24 ) tikkorrobora l-konstatazzjoni li l-għoti ta’ liċenzja permanenti għall-użu tas-softwer għandu jiġi kklassifikat bħala “bejgħ” fis-sens tad-Direttiva 86/653. F’dan il-każ, bħal fis-sentenza UsedSoft imsemmija iktar ’il fuq, il-klijent jikseb dritt permanenti li juża s-softwer billi jħallas tariffa, u ma jagħmel ebda differenza għan-natura tat-tranżazzjoni jekk is-softwer jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijent b’download jew b’mezz tanġibbli, kif imtenni f’ġurisprudenza sussegwenti ( 25 ).

37.

Il-Kummissjoni tqis li, fir-rigward tal-kunċett ta’ “merkanzija”, il-ġurisprudenza f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex konklużiva, minħabba li tiddependi mil-leġiżlazzjoni applikabbli u miċ-ċirkustanzi partikolari. Fil-fehma tagħha, softwer tal-kompjuter imqiegħed fis-suq bħala oġġett intanġibbli jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “merkanzija”sensu lato, skont id-Direttiva 86/653, u ma kienx intiż li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta din ġiet emendata biex ikunu esklużi “servizzi” fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tisħaq li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tbiegħdet mill-approċċ li tradizzjonalment kien jagħmel enfasi fuq proprjetà tanġibbli u d-dikotomija bejn merkanzija u servizzi b’rabta ma’ softwer tal-kompjuter, kif juru d-Direttivi 2011/83 u 2019/770. Skont il-Kummissjoni, interpretazzjoni wiesa’ tkun konformi mal-għan tad-Direttiva 86/653 li tingħata protezzjoni lil aġenti kummerċjali. Tabilħaqq, imur kontra dan l-għan jekk l-istess aġent kummerċjali li jkun qiegħed jaħdem għall-istess prinċipal fl-istess kundizzjonijiet kellu jiġi mċaħħad minn protezzjoni biss minħabba żviluppi teknoloġiċi jew minħabba preferenza ta’ klijent dwar kif huwa jkun jixtieq il-provvista tas-softwer tal-kompjuter. Hija tissottometti wkoll li, b’analoġija mas-sentenza fil-kawża UsedSoft ( 26 ), l-effettività tad-Direttiva 86/653 tkun kompromessa jekk prinċipal ikun jista’ jevadi l-obbligi tiegħu skont din id-direttiva billi jipprovdi l-prodotti tiegħu b’mod elettroniku, iktar u iktar minħabba li din il-forma ta’ tqegħid fis-suq tintuża ħafna għal softwer tal-kompjuter.

VI. Analiżi

38.

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel, jekk softwer tal-kompjuter, bħal dak inkwistjoni, li jiġi pprovdut lil klijenti tal-prinċipal b’mod elettroniku, u mhux fuq mezz tanġibbli, jikkostitwixxix “merkanzija” u, it-tieni, jekk il-provvista ta’ tali softwer skont liċenzja permanenti, li tagħti lil klijenti dritt jużaw kopja ta’ dan is-softwer għal perijodu illimitat bi ħlas ta’ tariffa, tikkostitwixxix “bejgħ”, għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali stabbilita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.

39.

Dawn iż-żewġ domandi jqumu mil-fatt li, bħalma jidher mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn The Software Incubator, Computer Associates u mill-Kummissjoni, tradizzjonalment, skont id-dritt tar-Renju Unit u ta’ pajjiżi oħra, il-kunċett ta’ “merkanzija” kien limitat għal oġġetti tanġibbli u mobbli, jiġifieri, oġġetti li ġeneralment jistgħu jintmessu fiżikament u jistgħu jiġu mċaqalqa, u l-kunċett ta’ “bejgħ” ġie assoċjat ma’ trasferiment ta’ proprjetà, li jimplika l-akkwist tal-oġġett mibjugħ u d-dritt li wieħed jiddisponi minnu, li jorbot ma’ kunċetti relatati ta’ proprjetà u ta’ pussess. Madankollu, dawk il-kunċetti ġew ikkontestati f’dak li jirrigwarda softwer tal-kompjuter ( 27 ), li jindika b’mod ġeneriku sett ta’ programmi tal-kompjuter li bih kompjuter ikun jista’ jiffunzjona u jwettaq kompiti ( 28 ). Dan huwa l-każ, partikolarment fil-ġurnata tal-lum, fejn softwer tal-kompjuter normalment jiġi pprovdut b’download, pjuttost milli fuq mezz tanġibbli, bħal CD jew DVD, u dan iseħħ flimkien mal-għoti ta’ liċenzja, is-soltu permanenti, biex ikun ikkontrollat l-użu tiegħu, kif juri dan il-każ. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni legali ta’ softwer tal-kompjuter qajmet dibattitu ġmielu fl-Unjoni u f’ġurisdizzjonijiet oħra f’diversi kuntesti ( 29 ), bħalma kien il-każ fil-kuntest tal-istrumenti tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni għall-konsumatur diskussi iktar ’l isfel ( 30 ).

40.

Wieħed ma jistax jiċħad li l-kunċetti ta’ “bejgħ” u ta’ “merkanzija” jistgħu jiġu interpretati b’mod differenti fid-dritt nazzjonali u fid-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, dawn huma kunċetti bażiċi fid-dritt privat nazzjonali u f’ħafna oqsma tad-dritt primarju u tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Madankollu, din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dawn il-kunċetti fil-kuntest speċifiku tad-Direttiva 86/653 u b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi essenzjali ta’ aġent kummerċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

41.

Dwar dan nosserva li d-domandi mqajma permezz ta’ din il-kawża għadhom ma ġewx eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ). Sabiex nagħti risposta għal dawn id-domandi, l-ewwel nett, jeħtieġ li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminari dwar id-Direttiva 86/653 u dwar id-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali, kif ukoll dwar is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, fil-kawża UsedSoft ( 32 ) (taqsima A). Imbagħad ser inqis l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, kif hemm riferiment għalih fl-ewwel domanda (taqsima B). Fl-aħħar nett, ser nindirizza l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ” li jinsab f’din id-dispożizzjoni, kif imqajma fit-tieni domanda (taqsima C) ( 33 ).

42.

Abbażi ta’ din l-analiżi, wasalt għall-konklużjoni li softwer tal-kompjuter ipprovdut b’mod elettroniku flimkien ma’ liċenzja permanenti, bħal dak inkwistjoni, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “bejgħ” ta’ “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 u li din id-direttiva hija, għalhekk, applikabbli għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

A.   Osservazzjonijiet preliminari

1. Id-Direttiva 86/653 u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ aġent kummerċjali

43.

Wieħed għandu jiftakar li d-Direttiva 86/653 hija strument legali fundamentali li jirregola r-rappreżentanza kummerċjali fl-Unjoni ( 34 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, l-għanijiet ta’ din id-direttiva, kif jidher ċar mit-tieni u mit-tielet premessa tagħha, huma li l-aġenti kummerċjali jiġu protetti fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom, li tiġi promossa s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u li jiġi ffaċilitat il-kummerċ fil-merkanzija bejn l-Istati Membri billi jiġu approssimati s-sistemi legali ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali ( 35 ). Għal dan il-għan, id-Direttiva 86/653 tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ aġenti kummerċjali u tal-prinċipali tagħhom, ir-remunerazzjoni ta’ aġenti kummerċjali kif ukoll il-konklużjoni u t-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali, inklużi, b’mod partikolari, l-indennizz jew il-kumpens dovut lil aġenti kummerċjali fil-każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt, li huwa ta’ natura obbligatorja, u s-sistema stabbilita b’dan il-mod hija mandatorja ( 36 ).

44.

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 huwa d-dispożizzjoni li tippermetti l-protezzjoni offruta minn din id-direttiva lil aġenti kummerċjali, sa fejn persuna għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet fid-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali stabbilita f’dan l-artikolu sabiex tkun tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet neċessarji u suffiċjenti biex persuna tiġi kklassifikata bħala aġent kummerċjali fis-sens ta’ din id-direttiva: l-ewwel, din il-persuna għandha tkun intermedjarja li taħdem għal rasha; it-tieni, ir-relazzjoni kuntrattwali għandha tkun ta’ natura permanenti u, it-tielet, il-persuna għandha teżerċita attività li tkun tikkonsisti jew f’li tinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għal prinċipal, jew li tinnegozja u tikkonkludi tali tranżazzjonijiet f’isem u għall-prinċipal ( 37 ), li huwa l-każ hawnhekk.

45.

Dwar it-tielet kundizzjoni msemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 b’mod partikolari fis-sens li huwa jeskludi aġenti kummerċjali inkarigati mill-bejgħ jew mix-xiri ta’ servizzi, pjuttost milli ta’ merkanzija ( 38 ). Madankollu, s’issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ntalbet tixħet dawl fuq il-kunċetti ta’ “bejgħ” u ta’ “merkanzija” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Sa ċertu punt, dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li diversi kawżi kienu dwar leġiżlazzjoni nazzjonali li kellha definizzjoni wiesgħa ta’ aġenti kummerċjali ( 39 ), u għalhekk ma kienx meħtieġ li jsir eżami iktar fid-dettall dwar din il-materja ( 40 ).

2. Is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft

46.

Għandu jiġi osservat ukoll li s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft ( 41 ) hija rilevanti għal din il-kawża, minkejja li tinsab f’kuntest differenti. Din hija sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti Ġermaniża dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 5(1) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter ( 42 ). Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li tqajmet f’dik il-kawża kienet dwar jekk il-provvista ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter permezz ta’ download skont liċenzja permanenti setgħetx tiġi kklassifikata bħala “l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ proprjetà” li kien jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ din il-kopja skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 ( 43 ).

47.

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kelma “bejgħ” li tinsab f’din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u li, skont definizzjoni ġeneralment aċċettata, hija tindika ftehim li bih persuna, permezz tal-ħlas ta’ prezz, tittrasferixxi lil persuna oħra d-drittijiet tagħha ta’ proprjetà fuq oġġett ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli li jkun ta’ dik il-persuna ( 44 ). Abbażi ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provvista ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter flimkien mal-għoti ta’ liċenzja permanenti timplika t-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà ta’ dik il-kopja u, għalhekk, ikun hemm “bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 ( 45 ). Biex waslet għal din il-konklużjoni, hija kkonstatat li ma kinitx tagħmel differenza jekk il-kopja tal-programm tal-kompjuter tqegħditx għad-dispożizzjoni tal-klijent permezz ta’ download jew b’mezz tanġibbli ( 46 ) Hija rraġunat ukoll li jekk il-kunċett ta’“bejgħ” ma jingħatax interpretazzjoni wiesgħa, bħala li jinkludi l-forom kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li huma kkaratterizzati bl-għoti ta’ dritt ta’ użu ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter għal żmien illimitat permezz tal-ħlas ta’ tariffa bil-ħsieb li l-persuna li jkollha d-drittijiet tal-awtur tikseb rimunerazzjoni li tkun taqbel mal-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li tiegħu hija tkun il-proprjetarja, tiġi kompromessa l-effettività tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, minħabba li fornituri setgħu sempliċement isejħu l-kuntratt “liċenzja”, minflok “bejgħ”, biex jevadu r-regola ta’ eżawriment ( 47 ).

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24 jirreferi kemm għal kopji tanġibbli, kif ukoll intanġibbli, ta’ programmi tal-kompjuter ( 48 ). B’mod partikolari, hija nnotat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda distinzjoni f’dan ir-rigward ( 49 ). Hija qieset ukoll li, mill-aspett ekonomiku, il-bejgħ ta’ programm tal-kompjuter fuq mezz tanġibbli u permezz ta’ download kienu simili, minħabba li l-metodu ta’ trażmissjoni online kien l-ekwivalenti funzjonali tal-provvista ta’ mezz tanġibbli. B’hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kienet tiġġustifika li dawk il-metodi jiġu ttrattati bl-istess mod ( 50 ).

49.

L-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza UsedSoft ittenna fil-ġurisprudenza sussegwenti ( 51 ). Kif intwera fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers ( 52 ), il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet il-konstatazzjonijiet tagħha fis-sentenza UsedSoft minn ċirkustanzi li jqumu f’sitwazzjonijiet oħra jenfasizza n-natura speċjali ta’ programmi tal-kompjuter, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-assimilazzjoni ta’ forom tanġibbli u intanġibbli ta’ provvista, meta mqabbla ma’ prodotti diġitali oħra.

50.

Għalhekk, mis-sentenza UsedSoft jirriżulta li, minn perspettiva funzjonali u ekonomika, il-provvista ta’ softwer tal-kompjuter b’mod elettroniku flimkien ma’ liċenzja permanenti tista’ tkun is-suġġett ta’ “bejgħ” u li l-metodi ta’ trażmissjoni b’mezz tanġibbli u intanġibbli joħolqu effetti simili. Dik is-sentenza, għalhekk, tikkorrobora l-opinjoni li l-provvista tas-softwer fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ tikkostitwixxi “bejgħ” ta’ “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653. Nerġa’ niġi għal din is-sentenza iktar ’il quddiem fl-analiżi tiegħi (ara l-punti 74, 85 u 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

51.

Kif issemma fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk softwer tal-kompjuter li jiġi pprovdut b’mod elettroniku, bħal dak inkwistjoni, jaqax taħt il-kunċett ta’ “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.

52.

Skont l-argumenti mressqa minn Computer Associates, il-kunċett ta’ “merkanzija” li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 japplika biss għal oġġetti tanġibbli, u b’hekk ikun eskluż softwer tal-kompjuter ipprovdut b’mezzi intanġibbli, bħal dak inkwistjoni. The Software Incubator, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ma jaqblux.

53.

Kif jirriżulta mill-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 ma jagħmel ebda riferiment għad-dritt nazzjonali. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita ( 53 ), il-kunċetti li hemm f’din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari l-kunċett ta’ “merkanzija”, għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li hija indipendenti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ( 54 ). Din l-interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha ( 55 ). L-oriġini ta’ tali dispożizzjoni tista’ wkoll tipprovdi tagħrif li jkun rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha ( 56 ).

54.

Huwa minħabba f’hekk li jiena wasalt għall-konklużjoni li softwer tal-kompjuter mgħoddi elettronikament, bħal dak inkwistjoni, japplika għalih il-kunċett ta’ “merkanzija” għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653. Ir-raġunijiet li għalihom wasalt għal din il-konklużjoni huma dawn li ġejjin.

55.

Dwar il-formulazzjoni tad-Direttiva 86/653, il-kelma “merkanzija” tintuża mhux biss fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, iżda wkoll fl-Artikoli 4(2)(a), 6(1) u 20(2)(b) tagħha. Madankollu, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tispeċifika t-tifsira jew il-portata ta’ din il-kelma. Fir-rigward tal-argumenti ppreżentati minn Computer Associates, il-kliem użat f’verżjonijiet ta’ lingwi oħra tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 ma jidhirx li jikkonferma interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens li hija limitata għal oġġetti tanġibbli ( 57 ). Pereżempju, skont il-Gvern Ġermaniż, il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża timmilita favur interpretazzjoni ta’ “merkanzija” li tinkludi oġġetti intanġibbli (ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Barra minn dan, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi ma jidhirx li jindikaw li “merkanzija” hija neċessarjament limitata għal oġġetti tanġibbli.

56.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ huma differenti minn dawk li taw lok għad-digriet tal-10 ta’ Frar 2004, fil-kawża Mavrona ( 58 ). F’dak id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 86/653 jiġi estiż għal aġenti li jaħdmu fuq bażi ta’ kummissjoni, li jaġixxu għall-prinċipal iżda f’isimhom proprju, minħabba, inter alia, li dan imur kontra l-formulazzjoni espliċita tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653. Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, ma hijiex kwistjoni li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-armonizzazzjoni stabbilit mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kliem, bħal “merkanzija”, li hemm f’din id-dispożizzjoni, sa fejn it-test innifsu ma jagħti l-ebda tifsira ċara.

57.

Għaldaqstant, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 ma tagħtix risposta inekwivoka għad-domanda jekk softwer tal-kompjuter ipprovdut b’mod elettroniku, bħal dak inkwistjoni, jaqax taħt il-kunċett ta’ “merkanzija” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tiddistingwix skont jekk in-natura tal-merkanzija inkwistjoni tkunx tanġibbli jew intanġibbli. Għalhekk, hija tippermetti interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “merkanzija”, b’tali mod li huwa jkopri l-oġġetti kollha tanġibbli u intanġibbli bħal dawn li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali.

58.

L-oriġini tad-Direttiva 86/653 timmilita favur tali interpretazzjoni. Fil-proposta tal-Kummissjoni ( 59 ), id-dispożizzjoni li kienet tinkludi d-definizzjoni ta’ aġenti kummerċjali kienet tirreferi għal “għadd indeterminat ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali”, u b’hekk kienet tkopri kemm merkanzija, kif ukoll servizzi ( 60 ). Ma ngħatat l-ebda indikazzjoni preċiża rigward il-kelma “merkanzija”, bħalma huwa l-każ f’dispożizzjoni oħra ta’ din il-proposta li kienet tirreferi għal “mobbli u proprjetà oħra” li kienu jappartjenu lill-prinċipal u li fuqhom l-aġent kummerċjali kellu dritt ta’ rahan wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija ( 61 ). Dawk id-dispożizzjonijiet inżammu, biż-żieda ta’ xi kliem, fil-proposta emendata tal-Kummissjoni ( 62 ), wara l-ewwel qari tal-Parlament Ewropew ( 63 ), flimkien mal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 64 ).

59.

Madankollu, fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill dwar il-proposta emendata ( 65 ), id-delegazzjoni Daniża qieset li din il-proposta “għandha tkun limitata għal tranżazzjonijiet kummerċjali li jkopru l-bejgħ ta’ merkanzija”, u ġiet sostnuta f’dan ir-rigward mid-delegazzjonijiet tal-Irlanda u tar-Renju Unit. Dan kien rifless f’kummenti magħmula minn dawn id-delegazzjonijiet dwar id-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali, li skonthom huma kienu qegħdin jitolbu li t-“tranżazzjonijiet kummerċjali” jiġu ddefiniti bħala “kuntratti għall-bejgħ ta’ prodotti” ( 66 ).

60.

B’riżultat ta’ dan il-Kummissjoni ħarġet dokument ta’ ħidma dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta għal direttiva ( 67 ), li fih hija ħadet pożizzjoni dwar ċerti modi li bihom hija setgħet tkun ristretta. B’mod partikolari, hija nnotat li servizzi setgħu jiġu esklużi minħabba li t-tipi ta’ servizzi li għalihom kienet ser tapplika kienu ftit. Madankollu, kien essenzjali, fil-fehma tagħha, li jkunu koperti aġenti kummerċjali li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’setturi ta’ importanza partikolari mill-aspett ekonomiku, jiġifieri x-xiri u l-bejgħ ta’ merkanzija. Hija indikat li peress li ċerti tipi ta’ merkanzija, bħal materja prima u prodotti agrikoli, rari kienu jinbiegħu jew jinxtraw minn aġenti kummerċjali, id-direttiva proposta setgħet, għalhekk, tapplika biss għal dawk l-aġenti li jixtru jew ibigħu prodotti industrijali u mhux servizzi jew materja prima.

61.

Fil-laqgħa tiegħu li kien imiss ( 68 ), il-Kunsill, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni dan id-dokument ta’ ħidma, indika li huwa kien jippreferi s-soluzzjoni li biha d-direttiva proposta “tkun mill-inqas tkopri attivitajiet marbuta mal-bejgħ u x-xiri ta’ merkanzija”. F’dan ir-rigward, filwaqt li diversi delegazzjonijiet approvaw approċċ li jeskludi servizzi, id-delegazzjoni tad-Danimarka, dik tal-Irlanda u dik tar-Renju Unit esprimew riżervi dwar soluzzjoni mmirata sabiex tirregola iktar mis-sempliċi bejgħ ta’ merkanzija. Għalhekk, skont il-minuti ta’ dik il-laqgħa: “Minħabba li ma kienx possibbli li tiġi solvuta din il-kwistjoni, u lanqas il-kwistjoni dwar jekk id-direttiva kellhiex tkopri jew le merkanzija, prodotti jew proprjetà tanġibbli, il-preżunzjoni preliminari adottata mill-Grupp ta’ Ħidma għad-diskussjonijiet tiegħu kienet li d-direttiva kienet ser tapplika għal aġenti kummerċjali li kienu jagħmlu xogħol ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ merkanzija” ( 69 ). Dan ġie inkorporat fid-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali, li kienet tirreferi għall-bejgħ jew xiri ta’ merkanzija ( 70 ).

62.

Dan l-approċċ inżamm fit-test tad-Direttiva 86/653 kif adottata ( 71 ). L-abbozz tad-dispożizzjoni dwar ir-rahan ta’ aġent kummerċjali fuq “mobbli u proprjetà oħra” tal-prinċipal ġie emendat u mbagħad tħassar matul il-proċess deċiżjonali ( 72 ).

63.

Għaldaqstant, wieħed jista’ jiddeduċi mill-qbil li tintuża l-kelma “merkanzija”, pjuttost milli “prodotti”, “proprjetà tanġibbli” jew “mobbli”, li din il-kelma kienet intiża sabiex tkopri f’sens wiesa’ s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet li kienu jirrappreżentaw l-attivitajiet ewlenin ta’ aġenti kummerċjali ( 73 ), u ma kinitx neċessarjament limitata għal oġġetti tanġibbli u mobbli. Din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-kuntest storiku li fih kienet tinsab id-Direttiva 86/653, li fih konvenzjoni internazzjonali dwar ir-rappreżentanza fil-bejgħ internazzjonali ta’ merkanzija ( 74 ) kienet tfasslet u ġiet limitata għall-bejgħ ta’ merkanzija, li kien jirrifletti l-attivitajiet ewlenin ta’ aġenti kummerċjali fil-kummerċ internazzjonali dak iż-żmien ( 75 ). Kuntrarjament għal dak li ssostni Computer Associates, mid-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, jidher li l-eventwali applikazzjoni ta’ din id-direttiva għal “prodotti” setgħet ma kinitx intiża li tkun usa’ minn “merkanzija”, iżda pjuttost, partikolarment fid-dawl tar-riferiment għal “prodotti industrijali”, biex tindika tipi speċifiċi ta’ merkanzija fil-kummerċ li kienu parti importanti tax-xogħol ta’ aġenti kummerċjali.

64.

Il-kuntest tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 ikompli jikkorrobora l-ħsieb li l-kunċett ta’ “merkanzija” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jista’ jiġi interpretat fis-sens li jkopri oġġetti tanġibbli u intanġibbli. B’mod partikolari, tali interpretazzjoni ma tipprekludix lil aġent kummerċjali milli jwettaq il-kompiti essenzjali tiegħu skont id-Direttiva 86/653, li, kif jidher mill-Artikoli 3, 4 u 17 tagħha, huma li l-aġent kummerċjali jsib klijenti ġodda għall-prinċipal u li jiżviluppa tranżazzjonijiet ma’ klijenti eżistenti ( 76 ).

65.

Tali interpretazzjoni lanqas ma tipprekludi l-effettività tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 86/653 li fihom tissemma l-kelma “merkanzija”. F’dan ir-rigward, id-deskrizzjoni tal-merkanzija li l-prinċipal għandu jipprovdi skont l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 86/653, ir-remunerazzjoni xierqa li huwa intitolat għaliha aġent kummerċjali bbażata fuq dak li jingħata lil aġenti li jkollhom x’jaqsmu mal-merkanzija inkwistjoni taħt l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, u r-rekwiżit li, biex tkun valida, klawżola ta’ restrizzjoni tal-kummerċ imposta fuq aġent kummerċjali għandha tkun relatata mat-tip ta’ merkanzija koperta mill-kuntratt ta’ aġenzija skont l-Artikolu 20(2)(b) tagħha, japplikaw irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-merkanzija tkunx tanġibbli jew intanġibbli.

66.

Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jagħtu eżempju ta’ din il-konstatazzjoni. Kif innotajt fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-softwer ġie ttrattat fil-ftehim bħala “prodott” ta’ merkanzija li The Software Incubator kienet inkarigata li tippromwovi, tikkummerċjalizza u tbigħ. Barra minn dan, skont dan il-ftehim, (i) The Software Incubator kienet obbligata tiddedika ammont kunsiderevoli ta’ ħin u ta’ sforz biex tiżviluppa l-bejgħ tas-softwer u r-relazzjonijiet mal-klijenti ta’ Computer Associate rigward is-softwer; (ii) il-kalkolu tal-kummissjoni ta’ Software Incubator kien ibbażat fuq il-bejgħ tas-softwer; u (iii) kien hemm klawżola ta’ restrizzjoni tal-kummerċ li kienet tipprojbixxi lil The Software Incubator milli tidħol f’attivitajiet li kienu jikkompetu mas-softwer. Abbażi ta’ dan, għandu jiġi nnotat li l-fatt li s-softwer ġie pprovdut b’mezzi intanġibbli ma deherx li pprekluda lil The Software Incubator jew lil Computer Associates milli jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom skont il-ftehim.

67.

Kuntrarjament għall-argumenti li ressqet Computer Associates, għalkemm l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jikkostitwixxi dispożizzjoni ċentrali li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma jsegwix minn dan, madankollu, li l-kelma “merkanzija” għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi biss għal oġġetti tanġibbli. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet), id-definizzjoni tal-kunċett ta’ aġent kummerċjali li jinsab f’din id-dispożizzjoni hija waħda inklużiva, fis-sens li l-persuni kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fiha jitqiesu li jkunu aġenti kummerċjali, sakemm ma jaqgħux taħt l-esklużjonijiet previsti fl-Artikoli 1(3) u 2(1) ta’ din id-direttiva. Dawn l-esklużjonijiet ġeneralment jirreferu għall-kariga u għall-attivitajiet ta’ ċerti tipi ta’ persuni, u mhux għat-tip ta’ merkanzija kkummerċjalizzata ( 77 ).

68.

Barra minn dan, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija” f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni ma tinvalidax l-analiżi tiegħi. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ strumenti tal-Unjoni fil-qasam doganali ( 78 ) u tal-VAT ( 79 ), fejn il-kelma “merkanzija” ġiet limitata għal proprjetà tanġibbli, softwer tal-kompjuter ipprovdut b’mezzi intanġibbli ma ġiex ikkunsidrat li kien “merkanzija”, filwaqt li, fil-kuntest ta’ strumenti tal-Unjoni fil-qasam ta’ trade marks ( 80 ) u ta’ mezzi mediċi ( 81 ), softwer tal-kompjuter ġie kklassifikat bħala “merkanzija”. Dawn l-eżempji huma differenti mill-kuntest ta’ din il-kawża li fiha l-kunċett ta’ “merkanzija”, fis-sens tad-Direttiva 86/653, ma kienx iddelimitat b’mod espliċitu għal oġġetti tanġibbli, u lanqas ma ġiet indirizzata l-kwistjoni tas-softwer tal-kompjuter.

69.

Bl-istess mod, fil-kuntest tal-moviment liberu ta’ merkanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konsistenti, iddefinixxiet “merkanzija” f’sens wiesa’ bħala “prodotti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali” ( 82 ). Għalhekk, pereżempju, logħob elettroniku, inkluż logħob tal-kompjuter ( 83 ) u l-elettriku ( 84 ) jaqgħu taħt din id-definizzjoni, minkejja n-natura intanġibbli tagħhom. Peress li, kif huwa ċar miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, is-softwer huwa prodott li ġie vvalutat fi flus u kien is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali, jidher li huwa effettivament jaqa’ taħt din id-definizzjoni. Fil-fehma tiegħi, bil-kontra ta’ dak li ssostni Computer Associates, il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fis-sentenza Sacchi ( 85 ), li t-trażmissjoni ta’ sinjali televiżivi jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi, filwaqt li l-prodotti użati għat-tixrid ta’ sinjali televiżivi jikkostitwixxu merkanzija, u fis-sentenza Jägerskiöld ( 86 ), li drittijiet ta’ sajd u permessi ta’ sajd jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi, pjuttost milli ta’ merkanzija, hija relatata maċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dawk il-kawżi u ma tindikax li l-“merkanzija” f’dak il-kuntest hija limitata, b’mod ġenerali, għal oġġetti tanġibbli.

70.

Id-Direttivi 2011/83, 2019/770 u 2019/771 lanqas ma jippermettu, fil-fehma tiegħi, li tiġi sostnuta interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 li hija limitata għal oġġetti tanġibbli. Fil-qosor, dawn id-direttivi huma strumenti legali ċentrali fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti tal-konsumatur ( 87 ). Id-Direttiva 2011/83 tkopri kuntratti tal-konsumatur għall-provvista ta’ kontenut diġitali irrispettivament mill-mod ta’ trażmissjoni, u filwaqt li kontenut diġitali pprovdut fuq mezz tanġibbli huwa kklassifikat bħala “merkanzija”, kontenut diġitali pprovdut fuq mezz intanġibbli jitqies li la huwa kuntratt ta’ bejgħ u lanqas kuntratt ta’ servizzi, u regoli speċifiċi huma applikabbli ( 88 ). Għalhekk, din id-direttiva ma ssolvix il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ tali kontenut diġitali ( 89 ) u tistabbilixxi, fir-rigward ta’ dan, kategorija sui generis differenti minn dik ta’ “merkanzija”, iddefinita bħala “oġġetti mobbli tanġibbli” ( 90 ).

71.

Id-Direttivi 2019/770 u 2019/771 isegwu linji simili. Id-Direttiva 2019/770 tapplika għal kuntratti tal-konsumatur għall-provvista ta’ kontenut diġitali jew ta’ servizzi diġitali irrispettivament mill-mezz, tanġibbli jew intanġibbli, użat għat-trażmissjoni, li jkopri wkoll il-mezz tanġibbli nnifsu meta jservi esklużivament biex jinġarr il-kontenut diġitali ( 91 ). Madankollu, hija tħalli l-kwistjoni tan-natura legali ta’ dawn il-kuntratti għad-dritt nazzjonali ( 92 ). B’mod komplementari, id-Direttiva 2019/770 tistabbilixxi regoli armonizzati għal kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija konklużi mill-konsumaturi, fost liema hemm il-“merkanzija b’elementi diġitali”, jiġifieri “oġġetti mobbli tanġibbli” li jinkorporaw jew li huma interkonnessi ma’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali għall-funzjonament tagħha ( 93 ). Għalhekk, dik id-direttiva tillimita “merkanzija” għal “oġġetti mobbli ‘tanġibbli”, filwaqt li żżid regoli speċifiċi għal merkanzija diġitali.

72.

Abbażi ta’ dan, għandu jiġi nnotat b’mod partikolari li dawn it-tliet direttivi jirrappreżentaw l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiġu żviluppati regoli speċjali sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni kontenut diġitali, inkluż softwer tal-kompjuter, fil-kuntratti tal-konsumatur, mingħajr ma jiġi ddisturbat il-kunċett tradizzjonali ta’ “merkanzija” li, b’mod differenti mid-Direttiva 86/653, huwa marbut b’mod espliċitu ma’ oġġetti tanġibbli. Barra minn dan, id-Direttiva 2019/770 tassimila metodi tanġibbli u intanġibbli għall-provvista ta’ kontenut diġitali, li jimmilita favur l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija” li jinsab fid-Direttiva 86/653 fis-sens li huwa jkopri dawn iż-żewġ metodi.

73.

Fl-aħħar nett, jiena tal-istess fehma bħal The Software Incubator, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija” li tapplika għal oġġetti tanġibbli u intanġibbli tissodisfa l-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva 86/653. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li r-restrizzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija” għal oġġetti tanġibbli jkollha l-effett li tonqos milli tipproteġi l-aġenti kummerċjali li jinnegozjaw il-bejgħ tal-istess oġġett ipprovdut b’mezz intanġibbli. Dan jirrestrinġi l-kamp ta’ protezzjoni mogħtija lil aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom skont id-Direttiva 86/653, li huwa wieħed mill-għanijiet ta’ din id-direttiva (ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

74.

F’dan ir-rigward, kif imsemmi fil-punti 46 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza UsedSoft, li l-provvista ta’ programm tal-kompjuter b’mezz tanġibbli hija l-ekwivalenti funzjonali tat-trażmissjoni b’download. Għalhekk minn dik is-sentenza jirriżulta li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija” li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 li tkopri oġġetti tanġibbli u intanġibbli tiggarantixxi li aġenti kummerċjali li jinnegozjaw il-bejgħ ta’ softwer tal-kompjuter jirċievu l-istess protezzjoni indipendentement mill-mezz ta’ provvista.

75.

Mill-banda l-oħra, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija” li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 bħala limitata għal oġġetti tanġibbli tippermetti lill-prinċipal jevadi d-dispożizzjonijiet obbligatorji tad-Direttiva 86/653, inklużi dawk dwar l-indennizz jew il-kumpens dovut lil aġenti kummerċjali mat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija (ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet), sempliċement b’arranġament għall-provvista ta’ merkanzija b’mezzi intanġibbli. Dan ikun jippreġudika l-għanijiet segwiti minn din id-direttiva, li huma li tingħata protezzjoni lil aġenti kummerċjali u li tiġi promossa s-sigurtà ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali. Tabilħaqq, kif enfasizzaw The Software Incubator u l-Kummissjoni, aġent kummerċjali ma għandux jiġi mċaħħad mill-protezzjoni mogħtija lilu taħt din id-direttiva minħabba deċiżjoni ta’ prinċipal, jew klijent, skont il-każ, rigward il-mezzi ta’ provvista, deċiżjoni li tista’ ssir wara li dak l-aġent ikun wettaq ix-xogħol tiegħu li jinnegozja l-bejgħ ta’ merkanzija.

76.

Barra minn hekk, ma hemm xejn li jissuġġerixxi, kuntrarjament għal dak li ssostni Computer Associates, li r-riferiment għal “kummerċ fil-merkanzija” fit-tielet premessa tad-Direttiva 86/653, moqrija flimkien mal-Artikoli 1 u 2 tagħha, jimmilita favur interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “merkanzija” li tkun limitata għal oġġetti tanġibbli. Dak ir-riferiment jorbot mal-għan tad-Direttiva 86/653, li huwa li jiġu armonizzati r-regoli tal-Istati Membri rigward ir-rappreżentanza kummerċjali għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ suq uniku, u ma għandux x’jaqsam mat-tifsira ta’ “merkanzija” li tinsab fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. Dan jixhdu l-fatt li tali riferiment deher b’mod identiku fil-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva 86/653 li kienet tinkludi definizzjoni usa’ ta’ aġent kummerċjali, u li kienet tkopri merkanzija u servizzi (ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ( 94 ).

77.

Barra minn dan, għandha titqies in-neċessità ta’ interpretazzjoni li tkun dinamika u tevolvi tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 u li tieħu inkunsiderazzjoni żviluppi teknoloġiċi, b’mod konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva ( 95 ). F’dan ir-rigward, filwaqt li t-tqegħid fis-suq ta’ softwer tal-kompjuter permezz ta’ download ma kienx prevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 86/653, dan, issa, huwa komuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk nonqsu milli nirrikonoxxu tali żviluppi teknoloġiċi dan iwassal, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi ppreġudikata l-effettività tar-regoli għal aġenti kummerċjali stabbiliti fid-Direttiva 86/653.

78.

Għalhekk nikkonkludi li softwer tal-kompjuter ipprovdut lil klijenti tal-prinċipal b’mod elettroniku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “merkanzija” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.

C.   Fuq it-tieni domanda preliminari

79.

Kif imsemmi fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tieni domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija dwar jekk kopja ta’ softwer tal-kompjuter li tiġi pprovduta lil klijenti tal-prinċipal skont liċenzja permanenti, bħal dik inkwistjoni, tikkostitwixxix “bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.

80.

Kif jidher mid-digriet tar-rinviju, u mill-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-liċenzja mogħtija minn Computer Associates lill-klijenti tagħha tagħti lil dawn tal-aħħar id-dritt li jużaw kopja tas-softwer għal żmien illimitat permezz tal-ħlas ta’ tariffa li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku ta’ dik il-kopja (ara l-punti 11 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

81.

Skont l-argumenti magħmula minn Computer Associates, tali liċenzja ma tistax tiġi kklassifikata bħala “bejgħ” minħabba li hija ma timplikax trasferiment ta’ proprjetà tas-softwer. The Software Incubator, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jaħsbuha mod ieħor.

82.

Kif ġie osservat fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kliem ta-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, inkluża l-kelma “bejgħ”, ma jagħmel l-ebda riferiment għad-dritt nazzjonali. Għalhekk, dan il-kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Unjoni kollha indipendentement mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’riferiment prinċipalment għall-formulazzjoni, il-kuntest u l-għanijiet tad-Direttiva 86/653.

83.

Huwa abbażi ta’ dan li jiena wasalt għall-konklużjoni li softwer tal-kompjuter ipprovdut lil klijenti ta’ prinċipal skont liċenzja permanenti, bħal dik inkwistjoni, li tagħti lill-klijent id-dritt li juża kopja tas-softwer għal żmien illimitat permezz tal-ħlas ta’ tariffa li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku ta’ dik il-kopja, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “bejgħ” għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653. Ir-raġunijiet li wassluni għal din il-konklużjoni huma dawn li ġejjin.

84.

Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, din id-dispożizzjoni ma tagħti ebda indikazzjoni dwar kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “bejgħ”. Fir-rigward tal-argumenti sottomessi minn Computer Associates, il-kliem użat fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 ma jidhirx li jindika li l-kunċett ta’ “bejgħ” għandu neċessarjament jinftiehem b’mod partikolari ( 96 ).

85.

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-użu, mingħajr ebda riżerva, tal-kelma “bejgħ” f’din id-dispożizzjoni jippermetti interpretazzjoni li tkopri t-tranżazzjonijiet kollha li jagħtu lok għal trasferiment ta’ proprjetà ta’ merkanzija. F’dan ir-rigward, kif issemma fil-punti 46 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sentenza UsedSoft, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “bejgħ” li tiġbor fiha kull forma ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti kkaratterizzat mill-għoti ta’ dritt li tintuża kopja ta’ programm tal-kompjuter għal żmien illimitat permezz tal-ħlas ta’ tariffa li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku ta’ din il-kopja. Ma narax raġuni għalfejn l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza tagħha f’dik il-kawża ma għandux jiġi applikat għal din il-kawża. Tabilħaqq, jidhirli li l-kuntest tad-Direttiva 86/653 u l-għanijiet segwiti minnha jitolbu interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “bejgħ” f’dan is-sens.

86.

Fir-rigward tal-kuntest tad-Direttiva 86/653, għandu jiġi nnotat li din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-kompiti essenzjali li jwettaq aġent kummerċjali, li, kif indikat fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet u kif jidher mill-Artikoli 3, 4 u 17 ta’ din id-direttiva, huma li jsib klijenti ġodda għall-prinċipal u jiżviluppa tranżazzjonijiet ma’ klijenti eżistenti. Dan jidher mill-ftehim f’dan il-każ, li jirreferi għall-“bejgħ” tas-softwer b’rabta mal-kompiti li għandhom jitwettqu minn The Software Incubator, kif imsemmija iktar ’il fuq (ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

87.

Din l-interpretazzjoni hija konsistenti wkoll mal-għanijiet tad-Direttiva 86/653. B’mod partikolari, fid-dawl tas-sentenza UsedSoft, għandu jitqies li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “bejgħ” li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 hija konformi mal-għan segwit minn din id-direttiva, li huwa li jiġu protetti aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom (ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Kull soluzzjoni oħra tkun tippreġudika dan l-għan, għaliex tkun tippermetti lil prinċipal jevadi d-dispożizzjonijiet obbligatorji tad-Direttiva 86/653 sempliċement billi jsejjaħ il-ftehim mal-klijent tiegħu “liċenzja” pjuttost milli “bejgħ”. Minbarra dan, ikun hemm f’tali każ ir-riskju li għadd kbir ta’ aġenti kummerċjali jiġu mċaħħda mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 86/653, peress li s-softwer tal-kompjuter ġeneralment jitqiegħed fis-suq permezz ta’ liċenzji.

88.

Għandi nżid li, filwaqt li wieħed jista’ jislet gwida minima dwar it-tifsira ta’ “bejgħ” mill-oriġini tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, fid-dawl tal-kuntest kummerċjali ta’ dak iż-żmien (ara l-punti 58 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-kunċett ta’ “bejgħ” li jinsab f’din id-dispożizzjoni kien intiż ikopri l-attivitajiet ewlenin ta’ aġenti kummerċjali u mhux li jeskludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 86/653 għal żviluppi teknoloġiċi fil-ġejjieni li jkollhom effett fuq dawn l-attivitajiet.

89.

Għalhekk nikkonkludi li kopja ta’ softwer tal-kompjuter ipprovduta lil klijenti tal-prinċipal skont liċenzja permanenti, bħal dik inkwistjoni, li tagħti lill-klijent id-dritt li juża kopja tas-softwer għal żmien illimitat permezz tal-ħlas ta’ tariffa li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku ta’ din il-kopja, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.

VII. Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit):

“1

Kopja ta’ softwer tal-kompjuter, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi pprovduta lil klijenti tal-prinċipal b’mod elettroniku, u mhux fuq mezz tanġibbli, tikkostitwixxi ‘merkanzija’ fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom.

2

Meta softwer tal-kompjuter jiġi pprovdut lil klijenti tal-prinċipal permezz tal-għoti, lill-klijent, ta’ liċenzja permanenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, biex juża kopja tas-softwer tal-kompjuter għal żmien illimitat permezz tal-ħlas ta’ tariffa li tikkorrispondi mal-valur ekonomiku ta’ dik il-kopja, dan jikkostitwixxi ‘bejgħ’ fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177.

( 3 ) Teżisti leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni separata għall-Irlanda ta’ Fuq (Commercial Agents (Council Directive) Regulations (Northern Ireland) 1993 (Northern Ireland Statutory Rules 1993/483)) (ir-Regolament dwar l-Aġenti Kummerċjali (Direttiva tal-Kunsill) 1993 (Regolament tal-Irlanda ta’ Fuq 1993/483)), li ma hijiex rilevanti għal din il-proċedura.

( 4 ) Kif indikat fid-digriet tar-rinviju, il-liċenzja għall-użu tas-softwer kienet ingħatat minn entità relatata, CA Europe SARL, skont il-ftehim rilevanti bejn Computer Associates u l-klijent. It-termini tal-liċenzja kienu stabbiliti fis-Software Module (modulu ta’ softwer), skont il-Framework Agreement (il-Ftehim Qafas) fil-każ ta’ klijenti ġodda, u fil-Master Agreement (il-Ftehim Prinċipali) fil-każ ta’ klijenti eżistenti, u dawn it-termini kienu sostanzjalment simili. Skont dawn il-ftehimiet, annessi mal-osservazzjonijiet ta’ Computer Associates, il-klijent kien ġeneralment mitlub iħallas it-tariffa għas-softwer fi żmien 30 jum minn meta jirċievi l-fattura ta’ Computer Associates. Barra minn hekk, il-klijenti kienu jimlew formola ta’ ordni għax-xiri tas-softwer.

( 5 ) The Software Incubator Ltd vs Computer Associates UK Ltd [2016] EWHC 1587 (QB), punti 35 sa 69.

( 6 ) Computer Associates Ltd vs The Software Incubator Ltd [2018] EWCA Civ 518, punti 13 u 17 sa 69.

( 7 ) ĠU 2020, L 29, p. 7. Skont l-Artikolu 86(3) ta’ dan il-ftehim, talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jitqiesu li saru fil-mument li fih id-dokument li beda l-proċeduri ġie rreġistrat mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’din il-kawża, it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-UK Supreme Court (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Mejju 2019.

( 8 ) The Software Incubator tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut l-aħħar f’Genève fit-13 ta’ Mejju 1977 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1154, Nru I 18200, p. 89).

( 9 ) The Software Incubator tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Brain Products (C‑219/11, EU:C:2012:742).

( 10 ) The Software Incubator tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjoni vs L-Italja (7/68, EU:C:1968:51); tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld (C‑97/98, EU:C:1999:515); u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑65/05, EU:C:2006:673).

( 11 ) Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

( 12 ) Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU 2019, L 136, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 305, p. 60). Skont l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri huma mitluba jadottaw miżuri li jittrasponu din id-direttiva sal-1 ta’ Lulju 2021 u japplikaw dawn il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2022.

( 13 ) C‑85/03, EU:C:2004:83.

( 14 ) C‑128/11, EU:C:2012:407 (is-sentenza fil-kawża UsedSoft).

( 15 ) Computer Associates tagħmel riferiment f’dan ir-rigward għall-verżjonijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 fil-lingwa Daniża (“salg eller køb af varer”), Olandiża (“de verkoop of de aankoop van goederen”), Franċiża (“la vente ou l’achat de marchandises”), Ġermaniża (“den Verkauf oder den Ankauf von Waren”), Griega (“εμπορευμάτων”), Taljana (“la vendita o l’acquisto di merci”), Portugiża (“a venda ou a compra de mercadorias”) u Spanjola (“la venta o la compra de mercancías”).

( 16 ) C‑85/03, EU:C:2004:83.

( 17 ) Computer Associates tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Sacchi (155/73, EU:C:1974:40), u tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld (C‑97/98, EU:C:1999:515).

( 18 ) Computer Associates tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tat-18 ta’ April 1991, Brown Boveri (C‑79/89, EU:C:1991:153).

( 19 ) Computer Services tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, EU:C:2005:649), u tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑502/13, EU:C:2015:143).

( 20 ) Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU 2019 L 136, p. 28, rettifiki fil-ĠU 2019, L 305, p. 61, u fil-ĠU 2020, L 86, p. 18). Skont l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri huma mitluba jadottaw miżuri li jittrasponu din id-direttiva sal-1 ta’ Lulju 2021 u japplikaw dawn il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2022.

( 21 ) Computer Services tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għal verżjonijiet f’lingwi oħra tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 riprodotti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).

( 23 ) Computer Services tagħmel riferiment dwar dan għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, fil-kawża Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111).

( 24 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).

( 25 ) Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111).

( 26 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012 (C‑128/11, EU:C:2012:407).

( 27 ) Għal ħarsa ġenerali tad-diversi approċċi rigward il-klassifikazzjoni legali ta’ softwer tal-kompjuter fl-Istati Membri, fir-Renju Unit u f’ġurisdizzjonijiet oħra, ara, pereżempju, Clark, R., “The Legal Status of Software: Part 1”, Commercial Law Practitioner, Vol. 23, 2016, pp. 48‑56; Clark, R. “The Legal Status of Software: Part 2”, Commercial Law Practitioner, Vol. 23, 2016, pp. 78 86; von Bar, C. u Clive, E. (edituri), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law. Draft Common Frame of Reference (DCFR), Edizzjoni Sħiħa, Vol. 2, Sellier, 2009, pp. 1217‑1218.

( 28 ) Ara, pereżempju, Moon, K., “The nature of computer programs: tangible? goods? personal property? intellectual property?”, European Intellectual Property Review, Vol. 31, 2009, pp. 396‑407; Saidov, D. u Green, S., “Software as goods”, Journal of Business Law, 2007, pp. 161‑181.

( 29 ) Ta’ min jinnota, pereżempju, li kien hemm diskussjoni dwar l-eventwali reviżjoni, fid-dawl tat-teknoloġiji ġodda, tal-kunċett ta’ “prodott” li jinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257): ara, f’dan ir-rigward, ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u tar-responsabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-Internet tal-Oġġetti u tar-robotika, COM(2020) 64 final, 19 ta’ Frar 2020, pp. 13‑14.

( 30 ) Ara l-punti 70 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) C‑128/11, EU:C:2012:407.

( 33 ) F’dan ir-rigward, jidhirli li, filwaqt li ma jistax jiġi evitat li waħda tidħol xi ftit fl-oħra, iż-żewġ domandi għandhom jiġu ttrattati separatament, b’mod partikolari minħabba d-diversi argumenti mqajma dwar kull domanda, u li ma hemmx raġuni li wieħed jitbiegħed mis-sekwenza ta’ dawn id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

( 34 ) Ara, pereżempju, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tad-Direttiva 86/653 (Evalwazzjoni REFIT), SWD(2015) 146 final, tas-16 ta’ Lulju 2015. Għal diskussjoni dettaljata, ara, pereżempju, Saintier, S, “Commercial agency in European Union private law”, fi Twigg-Flesner, C. (editur), The Cambridge Companion to European Union Private Law, Cambridge University Press, 2010, pp. 273‑285; b’attenzjoni partikolari fuq il-kuntest tar-Renju Unit, ara wkoll, pereżempju, Randoph, F. u Davey, J., The European Law of Commercial Agency, it-Tielet Edizzjoni, Hart, 2010; Singleton, S., Commercial Agency Agreements: Law and Practice, il-Ħames Edizzjoni, Bloomsbury Professional, 2020.

( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Trendsetteuse (C‑828/18, EU:C:2020:438, punt 36).

( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ April 2018, fil-kawża CMR (C‑645/16, EU:C:2018:262, punt 34).

( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Zako (C‑452/17, EU:C:2018:935, punt 23). Għalhekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 24 ta’ dik is-sentenza, ikun biżżejjed li persuna tissodisfa dawn it-tliet kundizzjonijiet biex tkun ikklassifikata bħala aġent kummerċjali taħt l-Artikolu 1(2) id-Direttiva 86/653, indipendentement mill-modalitajiet li skonthom hija teżerċita l-attivitajiet tagħha, u sakemm hija ma taqax taħt waħda mill-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 1(3) u 2(1) ta’ din id-direttiva.

( 38 ) Ara, pereżempju, id-digriet tas-6 ta’ Marzu 2003, Abbey Life Assurance (C‑449/01, mhux ippubblikat, EU:C:2003:133) (dwar aġent involut fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja, annwalitajiet u tfaddil); ara wkoll il-kwotazzjonijiet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna li jmiss.

( 39 ) F’dan ir-rigward, minkejja li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar aġenti kummerċjali li jeżerċitaw attivitajiet oħra għajr il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 86/653, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, madankollu, li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni f’tali ċirkustanzi: ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C‑3/04, EU:C:2006:176, punti 7, 11 sa 19) (kuntratt ta’ noleġġ ta’ bastiment); tat-28 ta’ Ottubru 2010, Volvo Car Germany (C‑203/09, EU:C:2010:647, punti 23 sa 28) (kuntratt ta’ konċessjoni); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:663, punti 3031) (kuntratt għall-operat ta’ servizz ta’ trasport marittimu); tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K. (C‑338/14, EU:C:2015:795, punti 16 sa 19) (kuntratt ta’ bejgħ ta’ servizzi bankarji u ta’ assigurazzjoni); u tas-17 ta’ Mejju 2017, ERGO Poist’ovňa (C‑48/16, EU:C:2017:377, punti 26 sa 32) (kuntratt ta’ bejgħ ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Unamar (C‑184/12, EU:C:2013:301, punt 48, nota ta’ qiegħ il-paġna 26).

( 40 ) Pereżempju, ta’ min jinnota li ma kienx hemm diskussjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (jew mill-Avukat Ġenerali) dwar id-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali fis-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C‑465/04, EU:C:2006:199) (dwar aġent li jippromwovi servizzi ta’ tagħrif kummerċjali), u tad-19 ta’ April 2018, CMR (C‑645/16, EU:C:2018:262) (dwar aġent li jippromwovi l-bejgħ ta’ djar individwali).

( 41 ) (C‑128/11, EU:C:2012:407). Għal diskussjoni iktar fid-dettall, ara, pereżempju, Charleton, P. u Kelly, S., “The Oracle Speaks. C‑128/11”, The Bar Review, Vol. 18, 2013, pp. 33‑44; għal perspettiva kritika, ara wkoll, pereżempju, Moon, K., “Revisiting UsedSoft vs Oracle. Is Software Property and Can It Be Sold?”, Computer Law Review International, 2017, pp. 113‑119.

( 42 ) ĠU 2009, L 111, p. 16.

( 43 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 20 sa 35).

( 44 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 4042).

( 45 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 44 sa 4648).

( 46 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 47).

( 47 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 49).

( 48 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 59).

( 49 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 55).

( 50 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 61).

( 51 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 2014, Nintendo et (C‑355/12, EU:C:2014:25, punt 23), u tat-12 ta’ Ottubru 2016, Ranks u Vasiļevičs (C‑166/15, EU:C:2016:762, punti 28, 30, 35, 36, 49, 5053 sa 55); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Ranks u Vasiļevičs (C‑166/15, EU:C:2016:384, punti 69 sa 80).

( 52 ) C‑263/18, EU:C:2019:1111, punti 53 sa 58. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:697, punti 52 sa 67).

( 53 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Trendsetteuse (C‑828/18, EU:C:2020:438, punt 25).

( 54 ) Ta’ min jinnota li dan kien irrikonoxxut f’ġurisprudenza preċedenti tar-Renju Unit (ara, pereżempju, is-sentenza Fern Computer Consultancy Ltd vs Intergraph Cadworx & Analysis Solutions Inc [2014] EWHC 2908 (Ch), b’mod partikolari l-punti 74, 86 u 93) u f’dokumenti governattivi (ara Department of Trade and Industry, Guidance Notes on the Commercial Agents (Council Directive) Regulations 1993, 1994, Regulation 2 Interpretation, ir-raba’ paragrafu). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Tosato, A., “An exploration of the European dimension of the Commercial Agents Regulations”, Lloyd’s Maritime and Commercial Law Quarterly, 2013, pp. 544 sa 565.

( 55 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers (C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 46).

( 56 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Planet49 (C‑673/17, EU:C:2019:801, punt 48).

( 57 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) C‑85/03, EU:C:2004:83, punti 15 sa 21.

( 59 ) Ara: il-Kummissjoni, Drittijiet Ugwali għal aġenti kummerċjali. Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-aġenti kummerċjali (li jaħdmu għal rashom), COM(76) 670 final, tat-13 ta’ Diċembru 1976, (iktar ’il quddiem il-“Proposta”), abbozz tal-Artikolu 2.

( 60 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Proposta, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, abbozz tal-Artikoli 7(1) u (2), 8(1), 9(2), 10(2)(a), 11(2), 21(1) u 32(2).

( 61 ) Ara l-Proposta, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, abbozz tal-Artikolu 29(2).

( 62 ) Ara: il-Kummissjoni, Emenda fil-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-aġenti kummerċjali (li jaħdmu għal rashom), COM(78) 773 final, 22 ta’ Jannar 1979 (iktar ’il quddiem, il-“Proposta emendata”), abbozz tal-Artikoli 2 u 29.

( 63 ) Ara r-Riżoluzzjoni li tinkorpora l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Proposta, tat-12 ta’ Settembru 1978 (ĠU 1978, C 239, p. 18), b’mod partikolari l-abbozz tal-Artikoli 2 u 29.

( 64 ) Ara l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta, tal-24 ta’ Novembru 1977 (ĠU 1978, C 59, p. 31), b’mod partikolari l-punti 2.3.1, 2.8.7 u 2.8.8.

( 65 ) Ara d-Dokument 8278/79, tat-18 ta’ Lulju 1979, pp. 2‑3.

( 66 ) Ara d-Dokument 8278/79, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, pp. 6‑7.

( 67 ) Ara d-Dokument 8664/79, tat-22 ta’ Awwissu 1979.

( 68 ) Ara d-Dokument 11507/79, tal-11 ta’ Diċembru 1979, p. 2.

( 69 ) Ara d-Dokument 11507/79, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 2.

( 70 ) Ara d-Dokument 11507/79, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet, pp. 3 u 9.

( 71 ) Ara, pereżempju, id-Dokument 7379/86, tal-4 ta’ Ġunju 1986, p. 3; id-Dokument 8543/86, tat-18 ta’ Lulju 1986, p. 3. F’dan ir-rigward, il-proposta tad-delegazzjoni tar-Renju Unit biex jitħassar “jew ix-xiri” mid-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali (ara, pereżempju, id-Dokument 6877/80, tas-6 ta’ Mejju 1980, p. 22) ġiet miċħuda.

( 72 ) Ara, pereżempju, id-Dokument 4737/81, tal-10 ta’ Frar 1981, pp. 8 sa 9; id-Dokument 10292/81, tat-28 ta’ Ottubru 1981, pp. 8 sa 10; id-Dokument 4347/82, tal-21 ta’ Jannar 1982, p. 23; id-Dokument 7381/83, tad-9 ta’ Ġunju 1983, p. 19.

( 73 ) Ta’ min jinnota li dan joħroġ minn ċerti pubblikazzjonijiet, mehmuża mal-osservazzjonijiet ta’ Computer Associates, li nħarġu f’dak iż-żmien: ara Lando, O., “The EEC Draft Directive Relating to Self-Employed Commercial Agents”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internazzjonalis Privatrecht, Vol. 44, 1980, pp. 1 sa 16, b’mod partikolari pp. 2 u 5; United Kingdom Law Commission, Law of Contract. Report on the Proposed E.E.C. Directive on the Law relating to Commercial Agents, Nru 84, 1977, b’mod partikolari l-Artikolu 2(a) sa (c), p. 15.

( 74 ) Il-Konvenzjoni ta’ Genève dwar ir-Rappreżentazzjoni fil-Bejgħ Internazzjonali tal-Merkanzija, iffirmata f’Genève fis-17 ta’ Frar 1983, disponibbli fuq http://www.unidroit.org/; din il-konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ minħabba numru insuffiċjenti ta’ ratifikazzjonijiet. Ara wkoll, pereżempju, Jansen, N. u Zimmermann, R., Commentaries on European Contract Laws, Oxford University Press, 2018, pp. 592 u 593.

( 75 ) Ara, f’dan ir-rigward, Maskow, D., “Internal Relations Between Principals and Agents in the International Sale of Goods”, Revue de droit uniforme/Uniform Law Review, Vol. I, 1989, pp. 60‑187, u b’mod iktar preċiż pp. 99 sa 101.

( 76 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, Kontogeorgas (C‑104/95, EU:C:1996:492, punt 26), u tal-4 ta’ Ġunju 2020, Trendsetteuse (C‑828/18, EU:C:2020:438, punt 33).

( 77 ) B’mod ġenerali, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 86/653 jeskludi persuni li jaħdmu ma’ kumpannija, assoċjazzjoni u soċjetà jew involuti f’falliment; filwaqt li l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jeskludi aġenti kummerċjali li l-attivitajiet tagħhom isiru bla ħlas jew li joperaw fis-swieq tal-materja prima, kif ukoll korp speċifiku fir-Renju Unit.

( 78 ) Fil-kuntest ta’ strumenti tal-Unjoni dwar is-sistema doganali komuni, il-kelma “merkanzija” ġiet interpretata bħala li tirreferi biss għal “proprjetà tanġibbli”, fid-dawl tan-natura ta’ din is-sistema u, għalhekk, qajmet kwistjonijiet dwar softwer tal-kompjuter bħala proprjetà intanġibbli inkorporata f’merkanzija tanġibbli għal finijiet ta’ valutazzjoni għad-dwana. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1977, Bosch (1/77, EU:C:1977:130, punt 4); tat-18 ta’ April 1991, Brown Boveri (C‑79/89, EU:C:1991:153, punt 21); tas-16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation (C‑306/04, EU:C:2006:716, punti 30, 3137); u tal-10 ta’ Settembru 2020, BMW (C‑509/19, EU:C:2020:694, punti 12 sa 23); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix‑Hackl fil-kawża Compaq Computer International Corporation (C‑306/04, EU:C:2006:68, punti 50 sa 58).

( 79 ) Fil-kuntest ta’ strumenti tal-Unjoni dwar is-sistema tal-VAT, il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija” huwa limitat b’mod espliċitu għal “proprjetà tanġibbli”, b’tali mod li prodotti diġitali, inkluż softwer tal-kompjuter, ipprovdut fuq mezz intanġibbli jiġu kklassifikati bħala provvista ta’ servizzi, filwaqt li tali prodotti pprovduti fuq mezz tanġibbli jiġu kklassifikati bħala “merkanzija”. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑479/13, EU:C:2015:141, punt 35); tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑502/13, EU:C:2015:143, punt 42); u tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punti 43 sa 72, b’mod partikolari l-punt 50). Ara wkoll, fil-kuntest ta’ softwer tal-kompjuter ippersonalizzat, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, fil-kawża Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, EU:C:2005:649, punti 17 sa 30), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Levob Verzekeringen u OV Bank (C‑41/04, EU:C:2005:292, punti 28 sa 60).

( 80 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2020, Sky et (C‑371/18, EU:C:2020:45, b’mod partikolari l-punti 30, 47 u 54).

( 81 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Brain Products (C‑219/11, EU:C:2012:742, b’mod partikolari l-punti 16 sa 19).

( 82 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1968, Il-Kummissjoni vs L-Italja (7/68, EU:C:1968:51, p. 428), u tat-23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et (C‑267/16, EU:C:2018:26, punt 67).

( 83 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑65/05, EU:C:2006:673, punti 2324).

( 84 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, FENS (C‑305/17, EU:C:2018:986, punt 34), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża FENS (C‑305/17, EU:C:2018:536, punti 19 sa 21).

( 85 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 1974 (155/73, EU:C:1974:40, punti 67).

( 86 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999 (C‑97/98, EU:C:1999:515, punti 30 sa 39).

( 87 ) Għal diskussjoni dwar dawn id-direttivi u l-kuntest usa’ tagħhom, ara, pereżempju, Helberger, N. et al., “Digital Content Contracts for Consumers”, Journal of Consumer Policy, Vol. 36, 2013, pp. 37‑57; Jansen u Zimmermann, Commentaries on European Contract Laws, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, pp. 1 sa 18; Staudenmayer, D., “The Directives on Digital Contracts: First Steps Towards the Private Law of the Digital Economy”, European Review of Private Law, Vol. 28, 2020, pp. 219 sa 250.

( 88 ) Ara d-Direttiva 2011/83, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 5(2), 6(2), 9(2)(c), 14(4)(b), 16(m) u 17(1); il-premessa 19. Ara wkoll, pereżempju, il-Kummissjoni, Rapport dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83, COM(2017) 259 final, tat-23 ta’ Mejju 2017, punt 5.

( 89 ) Ara, f’dan ir-rigward, Helberger et al., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 44.

( 90 ) Ara d-Direttiva 2011/83, Artikolu 2(3).

( 91 ) Ara d-Direttiva 2019/770, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 3(1) u (3), u l-premessi 19 u 20.

( 92 ) Ara d-Direttiva 2019/770, b’mod partikolari l‑premessa 12.

( 93 ) Ara d-Direttiva 2019/771, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2(5), u 3(3) u (4), u l-premessi 12 sa 16. Ara wkoll id-Direttiva 2019/770, l-Artikoli 2(3) u 3(4); il-premessi 21 u 22.

( 94 ) Ara l-Proposta, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, abbozz tat-tielet premessa. Ara wkoll Proposta emendata, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, abbozz tat-tielet premessa.

( 95 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Vereniging Openbare Bibliotheken (C‑174/15, EU:C:2016:459, punti 24 sa 40), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Entoma (C‑526/19, EU:C:2020:552, punti 69 sa 84).

( 96 ) Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.