KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit‑23 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑397/19

AX

vs

Statul Român – Ministerul Finanţelor Publice

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea — Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE dwar it-twaqqif ta’ Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MCV) — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE — Stat tad-dritt — Indipendenza ġudizzjarja — Responsabbiltà tal-Istat — Responsabbiltà ċivili tal-membri tal-ġudikatura għal żball ġudizzjarju”

I. Introduzzjoni

1.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie kkundannat fl-ewwel istanza għal reat kriminali, iżda, sussegwentement, ġie lliberat mill-qorti tal-appell. Huwa issa qiegħed jitlob quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija ġurisdizzjoni ċivili, kumpens għad-danni allegatament subiti minħabba l-kundanna kriminali tiegħu, inkluża d-detenzjoni provviżorja tiegħu, fil-konfront tal-Istat Rumen.

2.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ diversi aspetti tad-definizzjoni u tal-proċedura ta’ responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju fir-Rumanija, kif emendati reċentement, mar-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt. Din il-kawża tikkonċerna azzjoni għal responsabbiltà tal-Istat kontra l-Istat Rumen. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi wkoll dubji fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw kwalunkwe stadju sussegwenti: jekk l-Istat ikun tabilħaqq obbligat iħallas id-danni, għalhekk huwa possibbli li titressaq azzjoni ta’ rkupru mill-Istat kontra l-maġistrat (imħallef jew prosekutur). F’każ bħal dan, il-Ministerul Finanţelor Publice (il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, ir-Rumanija) imur quddiem qorti ċivili u jressaq azzjoni sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili tal-imħallef jew tal-prosekutur li ta lok għall-iżball, sakemm l-iżball ġudizzjarju u d-danni li kkawża jkunu twettqu in mala fide jew permezz ta’ negliġenza gravi.

3.

Din il-kawża tifforma parti minn sensiela ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw l-emendar ta’ aspetti differenti tal-ordinament ġuridiku Rumen permezz tar-riforma tal-hekk imsejħa “Liġijiet tal-Ġustizzja”. F’dawn il-każijiet kollha, il-qrati tar-rinviju għandhom dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, li jitolbu kjarifika dwar it-tifsira u l-valur legali tal-“Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika” (iktar ’il quddiem, “l-MCV”) stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE ( 2 ). Jien trattajt din il-kwistjoni trasversali f’konklużjoni oħra mogħtija llum, fil-Kawżi Magħquda Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România’et, Asociaţia ‘Forumul Judecătorilor din România’ u Asociaţia Mişcarea Pentru Apărarea Statutului Procurorilor, u PJ u fil-Kawżi SO u Asociaţia ‘Forumul Judecătorilor din România et ( 3 ).

4.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nikkonċentra għalhekk fuq l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TFUE, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat u dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin minħabba żball ġudizzjarju, u l-kompatibbiltà tagħhom mal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja sanċit f’dawn id-dispożizzjonijiet.

II. Il-Qafas Legali

A. Id-dritt tal-Unjoni

5.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni huma riprodotti fil-punti 5 sa 12 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et

B. Id-dritt Rumen

6.

L-Artikolu 1381 tal-Codul civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi li kull dannu għandu jagħti dritt għal kumpens.

7.

L-Artikolu 539(1) tal-Codul de procedură penală (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tar-Rumanija) jipprovdi li persuna li ġiet imċaħħda illegalment mil-libertà tagħha għandha dritt għal kumpens. Skont l-Artikolu 539(2) ta’ dan il-kodiċi, iċ-ċaħda tal-libertà illegali għanda tiġi stabbilita, skont il-każ, permezz ta’ digriet ta’ prosekutur, permezz ta’ digriet finali ta’ mħallef responsabbli għal kwistjonijiet ta’ drittijiet u ta’ libertajiet jew ta’ mħallef li jmexxi s-smiegħ preliminari, jew permezz ta’ digriet jew deċiżjoni finali tal-qorti adita bil-kawża.

8.

L-Artikolu 541 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jgħid:

“1.   Ir-rikors għal danni jista’ jiġi ppreżentat mill-persuna intitolata li tagħmel dan skont l-Artikoli 538 u 539, u, wara l-mewt ta’ din il-persuna, dan ir-rikors jista’ jitkompla jew jiġi ppreżentat minn persuni li kienu dipendenti tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu jew tagħha.

2.   Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 6 xhur mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-qorti, id-digriet tal-prosekutur jew id-digriet tal-awtoritajiet ġudizzjarji li kkonstataw l-iżball ġudizzjarju jew iċ-ċaħda tal-libertà illegali jkunu saru definittivi.

3.   Sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu subit, il-persuna intitolata għal dan il-kumpens tista’ tressaq azzjoni ċivili kontra l-Istat quddiem it-Tribunalul (il-Qorti tal-Kontea) tad-distrett ġudizzjarju fejn din il-persuna hija residenti; it-talba hija nnotifikata lill-Istat permezz tal-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi.

[…]”

9.

Is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili tal-imħallfin prevista inizjalment fil-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi) ġiet emendata permezz tal-Legea nr. 242/2018 pentru modificarea și completarea Legii nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 242/2018 dwar l-Emendi u l-Ikkompletar tal-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi) ( 4 ).

10.

L-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004, kif emendat bil-Liġi Nru 242/2018, jipprovdi kif ġej:

“1.   L-Istat għandu jagħmel tajjeb permezz tar-riżorsi tiegħu stess għal kull danni li jirriżultaw minn żbalji ġudizzjarji.

2.   Ir-responsabbiltà tal-Istat għandha tkun stabbilita skont il-liġi u ma għandhiex teskludi r-responsabbiltà tal-imħallfin u tal-prosekuturi li, anki jekk ma għadhomx fil-kariga, ikunu eżerċitaw id-dmirijiet tagħhom in mala fide jew b’negliġenza gravi għall-finijiet tal-Artikolu 991.

3.   Ikun hemm żball ġudizzjarju meta:

(a)

waqt proċeduri legali, att proċedurali twettaq bi ksur ċar ta’ regoli tad-dritt sostantiv u proċedurali, li wassal għal ksur gravi tad-drittijiet, tal-libertajiet jew tal-interessi leġittimi ta’ individwu u jikkawża dannu li ma kienx possibbli li jiġi rrimedjat permezz ta’ appell ordinarju jew straordinarju;

(b)

tkun ingħatat sentenza definittiva li tmur manifestament kontra l-liġi jew hija inkonsistenti mal-fatti stabbiliti fir-rigward tal-provi amministrati fil-kuntest tal-proċedura, li twassal għal ksur gravi tad-drittijiet, tal-libertajiet jew tal-interessi leġittimi ta’ individwu, li ma kienx possibbli li jiġi rrimedjat permezz ta’ appell ordinarju jew straordinarju.

4.   Il-każijiet speċifiċi li fihom jitwettaq żball ġudizzjarju jistgħu jkunu koperti mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, jew minn liġijiet speċjali oħra.

5.   Sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati, il-persuna leża tista’ taġixxi esklużivament kontra l-Istat, irrappreżentat mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi. Il-ġurisdizzjoni sabiex tinstema’ l-azzjoni ċivili taqa’ fuq il-qorti li fiż-żona tagħha r-rikorrent ikun domiċiljat.

6.   L-Istat għandu jħallas kull somma dovuta bħala kumpens fi żmien sena, l-iktar tard, mid-data tan-notifika tas-sentenza definittiva.

7.   Fi żmien xahrejn min-notifika tas-sentenza definittiva mogħtija fl-azzjoni imsemmija fil-paragrafu 6, il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi għandu jadixxi lill-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju, ir-Rumanija) bil-kwistjoni, sabiex ikun jista’ jivverifika jekk l-iżball ġudizzjarju ġiex ikkawżat minn imħallef jew prosekutur minħabba l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu in mala fide jew b’negliġenza gravi, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 741 tal-Liġi Nru 317/2004, ippubblikata mill-ġdid, kif emendata.

8.   L-Istat, irrappreżentat mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, għandu jressaq azzjoni għal rimedju kontra l-imħallef jew il-prosekutur rilevanti meta, wara r-rapport konsultattiv tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) imsemmi fil-paragrafu 7 u wara l-evalwazzjoni rispettiva tiegħu, huwa jqis li l-iżball ġudizzjarju ġie kkawżat mill-qadi, mill-imħallef jew mill-prosekutur, ta’ dmirijiethom in mala fide jew b’negliġenza gravi. L-azzjoni għal rimedju għandha titressaq fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika tar-rapport tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju).

9.   Is-Sezzjoni Ċivili tal-Curtea de Apel (il-Qorti tal-Appell) tad-distrett ġudizzjarju ta’ fejn il-konvenut huwa residenti għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ u tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tal-azzjoni għal rimedju. Jekk l-imħallef jew il-prosekutur li kontrih titressaq l-azzjoni jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan dik il-Qorti tal-Appell jew fl-uffiċċju tal-prosekutur fi ħdan dik il-Qorti tal-Appell, l-azzjoni għal rimedju għandha titressaq quddiem Qorti tal-Appell fil-viċinanzi magħżula mir-rikorrent.

10.   Id-deċiżjoni mogħtija fil-proċeduri deskritta fil-paragrafu 9 tista’ tkun is-suġġett ta’ appell quddiem id-diviżjoni kompetenti tal-Înalta Curte de Casație i Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija).

11.   Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura għandu jistabbilixxi, fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri relatati mal-assigurazzjoni professjonali obbligatorja tal-imħallfin u tal-prosekuturi. L-assigurazzjoni għandha titħallas fl-intier tagħha mill-imħallef jew mill-prosekutur u l-assenza tagħha ma għandhiex iddewwem, tnaqqas jew teskludi r-responsabbiltà ċivili ta’ mħallef jew ta’ prosekutur għal kull żball ġudizzjarju kkawżat fil-qadi ta’ dmirijietu b’mala fide jew b’negliġenza gravi”.

11.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 991 tal-Liġi Nru 303/2004, kif emendata, jiddefinixxi l-mala fide u n-negliġenza gravi fit-termini li ġejjin:

“(1)   Imħallef jew prosekutur jiġi meqjus li aġixxa in mala fide jekk huwa jew hija jiksru intenzjonalment regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali u li jew ikollu l-intenzjoni li jikkawża dannu lil persuna oħra, jew jaċċetta li l-ksur se jikkawża dannu lil persuna oħra”.

(2)   Imħallef jew prosekutur iwettqu negliġenza gravi jekk huwa jew hija b’negliġenza jinjoraw ir-regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali b’mod li huwa serju, inkonfutabbli u mhux skużabbli.”

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

12.

Matul il-perijodu bejn il‑21 ta’ Jannar 2015 u l‑21 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrent ġie arrestat, imqiegħed taħt detenzjoni provviżorja, u sussegwentement inżamm taħt detenzjoni domiċiljari. Dawn il-miżuri ġew ordnati u sussegwentement estiżi mill-Ewwel Awla Kriminali tat-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), u sussegwentement ikkonfermati mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija).

13.

Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) ikkundannat lir-rikorrent għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin sospiża minħabba reat ta’ evażjoni fiskali kontinwa. Ir-rikorrent ġie wkoll ikkundannat iħallas id-danni lill-parti ċivili.

14.

Fl-appell, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) illiberat lir-rikorrent, billi kkonstatat li huwa ma kienx wettaq ir-reat li kien ġie kkundannat għalih fl-ewwel istanza. Il-qorti tar-rinviju tispjega li dik is-sentenza ma kienet tinkludi ebda indikazzjoni dwar il-legalità tal-miżuri preventivi meħuda kontra r-rikorrent.

15.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑3 ta’ Jannar 2019 quddiem it-Tielet Awla Ċivili tat-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest), ir-rikorrent ressaq azzjoni kontra l-Istat Rumen, irrappreżentat mill-Ministerul Finanţelor Publice (il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“konvenut”), fejn talab li l-konvenut jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ EUR 50000 bħala danni materjali u EUR 1000000 bħala danni morali. Ir-rikorrent isostni li huwa kien vittma ta’ żball min-naħa tal-Ewwel Awla Kriminali tat-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest), li jikkonsisti f’kundanna inġusta, iċ-ċaħda tal-libertà u r-restrizzjoni illegali tal-libertà tiegħu matul il-proċeduri kriminali.

16.

Il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, li jaġixxi f’isem l-Istat, sostna, inter alia, li r-rikors huwa inammissibbli, u, fi kwalunkwe każ, infondat, peress li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ċivili tal-Istat ma humiex issodisfatti. Ir-rikorrent naqas milli juri li l-miżuri preventivi u tal-miżuri li jirrestrinġu l-libertà tiegħu kienu illegali.

17.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

(2)

Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika stabbilit bid-Deċiżjoni [2006/928] huwa parti integrali tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea iffirmat mir-Rumanija fil-Lussemburgu fil‑25 ta’ April 2005, u għandu jiġi interpretat u applikat fid-dawl ta’ dan it-trattat? Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-rapporti taħt l-imsemmi mekkaniżmu huma vinkolanti għall-Istat Rumen u, jekk huma, il-qorti nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija obbligata li tiżgura l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, jekk meħtieġ billi tirrifjuta ex officio li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jmorru kontra l-imesemmija rekwiżiti?

(3)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu impost fuq ir-Rumanija li tosserva r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ stabbiliti fil-kuntest tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928, jaqa’ taħt l-obbligu impost fuq l-Istat Membru li josserva l-prinċipji tal-Istat tad-dritt?

(4)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 96(3)(a) tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi), li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “żball ġudizzjarju” b’mod lapidali u astratt, bħalma huma l-eżekuzzjoni tal-atti bi ksur ċar ta’ regoli tad-dritt sostantiv u proċedurali, mingħajr ma jispeċifikaw in-natura tar-regoli miksura, l-ambitu ratione materiae u ratione temporis ta’ dawk ir-regoli fil-kuntest tal-proċedura, il-modalitajiet, it-terminu u l-proċedura sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tal-imsemmija regoli tad-dritt, u lanqas l-entità kompetenti sabiex tikkonstata dan il-ksur, fatt li b’hekk jippermetti li ssir pressjoni fuq il-maġistrati?

(5)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 96(3)(a) tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi), li tiddefinixxi l-kunċett ta’ żball ġudizzjarju bħala l-għoti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva manifestament kontra l-liġi jew inkonsistenti mal-fatti stabbiliti fir-rigward tal-provi amministrati fil-kuntest tal-proċedura, mingħajr ma tispeċifika l-proċedura ta’ konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità u lanqas tiddefinixxi in concreto dan in-nuqqas ta’ konformità tad-deċiżjoni ġudizzjarja mal-leġiżlazzjoni applikabbli u mal-fatti, u b’hekk ikun possibbli li tipprekludi l-interpretazzjoni tal-liġi u l-provi mill-maġistrat (imħallef u prosekutur)?

(6)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 96(3) tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi), skont liema r-responsabbiltà ċivili patrimonjali tal-maġistrat (imħallef jew prosekutur) fir-rigward tal-Istat, hija biss stabbilita abbażi tal-evalwazzjoni tiegħu stess u, possibbilment, abbażi tar-rapport konsultattiv tal-[Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju)], li tirrigwarda l-intenzjoni tal-maġistrat li jwettaq l-iżball materjali jew in-negliġenza kbira tiegħu f’dan ir-rigward, mingħajr ma l-maġistrat ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu b’mod sħiħ, u dan b’hekk jippermetti li tinbeda u li tiġi implimentata b’mod arbitrarju r-responsabbiltà materjali tal-maġistrat fir-rigward tal-Istat?

(7)

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġu rrispettati l-valuri tal-Istat tad-dritt, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-dispożizzjonijiet magħquda tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 539(2) u tal-Artikolu 541(2) u (3) tal-Codul de procedură penală (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), li taħtu l-persuna mixlija, impliċitament u sine die, għandha għad-dispożizzjoni tagħha rimedju straordinarju, sui generis, biex tappella mid-deċiżjoni finali tal-qorti li tirrigwarda l-legalità tad-detenzjoni provviżorja, f’każ li l-persuna tkun illiberata fuq il-mertu, peress li dan ir-rimedju jaqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti ċivili, filwaqt li l-illegalità tad-detenzjoni provviżorja ma tkunx ġiet stabbilita b’deċiżjoni ta’ qorti kriminali, fatt li jikser il-prinċipji ta’ prevedibbiltà u aċċessibilità tal-liġi, il-prinċipju ta’ ispeċjalizzazzjoni tal-qrati u s-sigurtà tar-relazzjonijiet ġuridiċi?”

18.

L-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa ntalbet mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju. Din ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Ġunju 2019. Ingħata trattament prijoritarju permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Settembru 2019.

19.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern Pollakk, mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni Ewropea. Seduta konġunta mal-Każijiet C‑83/19, C‑127/19 u C‑195/19, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din Româniau”et; C‑291/19 SO u C‑355/19 Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” inżammet fl‑20 u fil‑21 ta’ Jannar 2020, li fihom il-partijiet interessati li ġejjin ippreżentaw argument orali: L-Asociația ‘Forumul Judecătorilor din România’ (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni tal-Forum tal-Imħallfin”), l-Asociația ‘Mișcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor’ (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni ‘Moviment għad-Difiża tal-Istatus tal-Prosekuturi”), il-Consiliul Superior al Magistraturii (il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, iktar ’il quddiem il-“KSM”), OL, il-Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Procurorul General al României (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”), il-Gvern Belġjan, Daniż, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Rumen u Svediż, u l-Kummissjoni. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Rumen, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali speċifikament fir-rigward ta’ din il-kawża.

IV. Analiżi

20.

Jiena ssuġġerejt risposta għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domandi tal-qorti tar-rinviju fil-punti 120 sa 172 tal-konklużjonijiet paralleli tiegħi ppreżentati llum f’Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et, li ma nistax ma nirreferix għalihom. Għal din ir-raġuni, la ser nindirizza l-ammissibbiltà u lanqas il-fondatezza tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet domanda magħmula f’dawn il-konklużjonijiet. F’dan li ġej, ser niffoka fuq ir-raba’ sas-seba’ domanda, jiġifieri l-kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-Istat u r-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin.

21.

Dak li jista’ jiżdied preċiżament f’dak li jirrigwarda din il-kawża huwa li l-istess bħalma kien il-każ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni f’Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et ( 5 ), anki dan il-każ huwa relatat ma’ dispożizzjonijiet interni koperti mill-Anness tad-Deċiżjoni MCV. Sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat u l-eventwali responsabbiltà ċivili sussegwenti tal-imħallfin għal żball ġudizzjarju tinsab f’salib it-toroq bejn l-indipendenza tal-imħallfin u r-responsabbiltà tagħhom. B’dan il-mod, hija tista’ ċertament tinftiehem, b’mod simili għall-elementi indirizzati fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi msemmija iktar ’il fuq, taħt l-obbligu li “[jiġi żgurat] proċess ġudizzjarju aktar trasparenti u effiċjenti”, li jinsab fl-Anness tad-deċiżjoni MCV.

22.

Dawn il-konklużjonijiet għandhom l-istruttura li ġejja. Ser nibda billi neżamina l-ammissibbiltà u billi nipproponi riformulazzjoni tad-domandi preliminari magħmula (A). Fir-rigward tal-mertu tal-kawża (B), ser nesponi qabel kollox il-kuntest globali (1), qabel ma ndur għal dawk li jidher li huma l-elementi kkontestati tas-sistema, sabiex tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tagħhom prinċipalment mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (2).

23.

Fl-aħħar nett, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għar-responsabbiltà tal-Istat u għar-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin. Għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, jirrigwardaw ir-responsabbiltà ċivili kemm tal-imħallfin kif ukoll tal-prosekuturi, din il-kawża tirrigwarda, skont il-fatti tagħha, esklużivament żball ġudizzjarju li jista’ jkun imputabbli għal deċiżjoni ġudizzjarja.

A. Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula u l-formulazzjoni mill-ġdid tagħhom

1.   L-ammissibbiltà

24.

Il-Gvern Rumen indika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li d-domandi preliminari kollha f’din il-kawża huma inammissibbli. Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-raba’ sas-sitt domanda, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni invokati mill-qorti tar-rinviju – l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(3) TUE – huma irrilevanti fil-kawża prinċipali. Dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll il-Karta, huma rilevanti biss sa fejn l-Istati Membri jaġixxu fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, is-sitt domanda, li fil-verità tirreferi għall-Artikolu 96(8) tal-Liġi Nru 303/2004, tmur lil hinn mis-suġġett tal-kawża prinċipali. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-azzjoni intiża sabiex tixkatta r-responsabbiltà personali tal-imħallfin, li ma hijiex inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Fl-aħħar nett, is-seba’ domanda tinkludi kunsiderazzjonijiet infondati u tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni ipotetika, li ma għandha ebda effett fuq l-għoti ta’ deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

25.

Il-Kummissjoni sostniet ukoll li d-domandi magħmula kollha huma inammissibbli. Hija tindika li l-proċedura prevista fl-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004 tikkonsisti f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi tikkonċerna r-responsabbiltà tal-Istat. Jekk l-Istat jinżamm responsabbli fl-ewwel fażi, il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi jista’ jagħti bidu, fit-tieni fażi, għal azzjoni sabiex tixkatta r-responsabbiltà personali tal-imħallef ikkonċernat għal żball ġudizzjarju tal-imħallef ikkonċernat. Madankollu, azzjoni b’suċċess kontra l-Istat ma twassalx awtomatikament għal proċedura kontra imħallef. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel sas-sitt domanda huma inammissibbli, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li tagħhom qiegħda tintalab l-interpretazzjoni, jikkonċernaw it-tieni stadju ta’ din il-proċedura, filwaqt li din il-kawża tikkonċerna l-ewwel stadju dwar ir-responsabbiltà tal-Istat. Konsegwentement, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti attwali u lanqas mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni sostniet li s-seba’ domanda hija wkoll inammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx lill-qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji sabiex hija tkun tista’ tagħti risposta utli.

26.

Il-Gvern Pollakk ippreżenta osservazzjonijiet biss fir-rigward tar-raba’ sas-seba’ domanda. Skont dan il-gvern, dawn id-domandi huma inammissibbli għaliex id-dritt tal-Unjoni ma huwiex applikabbli għall-problemi legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja għall-finijiet tal-għoti tad-deċiżjoni tal-kawża. Dawn id-domandi saru f’kawża li hija ta’ natura purament interna u li tikkonċerna dispożizzjonijiet nazzjonali adottati minn Stat Membru fil-qasam tal-kompetenza esklużiva tiegħu. Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent ma jitlobx li jikseb danni b’rabta ma ksur tad-dritt tal-Unjoni. Id-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu fir-rigward ta’ proċedura intiża sabiex jinkiseb kumpens għal danni kkawżati minn ksur tad-dritt nazzjonali.

27.

Nifhem u nikkondividi parzjalment id-dubji espressi, b’mod partikolari, mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tas-sitt domanda. Madankollu, ikkunsidrati ġeneralment, xorta ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-raba’, l-ħames u s-sitt domanda bħala ammissibbli. Min-naħa l-oħra, is-seba’ domanda hija fil-fatt inammissibbli.

28.

L-ewwel nett, kif irrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi f’Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et ( 6 ), l-argumenti dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju ma humiex tant relatati mal-ammissibbiltà tad-domandi iżda mal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-istess raġunijiet esposti fl-imsemmija konklużjonijiet, nissuġġerixxi li dawn id-domandi jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE ( 7 ).

29.

It-tieni nett, jiena naqbel li l-qorti tar-rinviju, billi invokat l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(3) TUE, sabiex tevalwa jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ma invokatx id-dispożizzjonijiet xierqa. Madankollu, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jiġu ssostitwiti bid-deċiżjoni MCV, applikati flimkien mal-Karta u/jew l-Artikolu 19(1) TUE, ikun, f’dan il-każ, diffiċli li jiġi sostnut li, b’mod partikolari, ir-raba’ u l-ħames domanda ma humiex rilevanti għall-kawża pendenti attwali quddiem il-qorti tar-rinviju.

30.

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, ir-raba’ u l-ħames domanda jindirizzaw b’mod speċifiku d-definizzjoni tal-iżball ġudizzjarju li tinsab fl-Artikolu 96(3)(a) u (b) tal-Liġi Nru 303/2004 għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha fl-istadju tal-proċedura intiża sabiex tixkatta r-responsabbiltà tal-Istat, li jikkostitwixxi preċiżament il-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li d-domandi dwar l-implikazzjonijiet tal-prinċipju tal-Unjoni ta’ indipendenza ġudizzjarja għall-evalwazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba żbalji ġudizzjarji tabilħaqq jikkonċernaw il-mertu tal-kawża.

31.

Ċertament, is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward tas-sitt domanda. Din id-domanda, għalkemm tiċċita l-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004, tikkonċerna, fir-realtà, ir-responsabbiltà ċivili (sussegwenti) tal-membri tal-ġudikatura, irregolata mill-Artikolu 96(7) sa (10) ta’ din il-liġi. B’dan il-mod, fil-fatt, is-suġġeriment li l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi jista’ forsi xi darba jressaq, fil-każ fejn l-azzjoni għal responsabbiltà tal-Istat attwalment pendenti tkun ta’ suċċess fl-ewwel lok, azzjoni ta’ rkupru kontra l-imħallef li allegatament ikun wettaq l-iżball ġudizzjarju tibqa’, fil-proċedura attwalment pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, fil-livell ta’ sempliċi ipoteżi.

32.

Barra minn hekk, fid-dawl ta’ sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Miasto Łowicz, jista’ wkoll jiġi ssuġġerit li r-risposta għas-sitt domanda, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma hijiex neċessarja sabiex tippermetti li l-qorti tar-rinviju tagħti s-sentenza tagħha ( 8 ). Tabilħaqq, jekk isir raġunament a fortiori, jekk il-fatt li numru ta’ mħallfin ikunu suġġetti għal proċeduri dixxiplinari, u li l-imħallfin attwali li ressqu t-talbiet speċifiċi għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi inkwistjoni jkunu s-suġġett ta’ dak li jidher li huma investigazzjonijiet dixxiplinari preliminari ( 9 ), ma jkunx suffiċjenti sabiex tali każ jaqsam il-linja finali tal-ammissibbiltà, ikun fil-fatt diffiċli li wieħed jara kif is-sitt domanda tista’ qatt taqsam din il-linja.

33.

Madankollu, nifhem li d-dikjarazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet fil-kawża Miasto Łowicz, hija espressjoni tal-problema tan-nuqqas ta’ konnessjoni bejn id-domandi estremament wiesgħa magħmula u l-każijiet speċifiċi li fihom tqajmu dawn il-kwistjonijiet. Fil-fatt, huwa impossibbli għal kwalunkwe qorti, inkluża din il-Qorti tal-Ġustizzja, li twettaq analiżi in abstracto ta’ allegat abbuż politiku ta’ proċeduri dixxiplinari bi ftit li xejn informazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex korp konsultattiv internazzjonali li huwa liberu li jikkummenta dwar sitwazzjoni politika u jirrakkomanda l-aħjar prattiki. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi dwar ksur ta’ regoli jew ta’ prinċipji speċifiċi. Madankollu, sabiex iseħħ dan, għandhom jiġu ppreżentati argumenti speċifiċi, biex ma ngħidux provi. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni fejn dak li huwa essenzjalment issuġġeriet huwa li ċerti regoli jew prattiċi jiffunzjonaw b’mod differenti minn dak li huwa ddikjarat fuq il-karta ( 10 ).

34.

Għalhekk, ma ninterpretax li s-sentenza fil-kawża Miasto Łowicz bħala li tipprojbixxi dak li jista’ jkun forsi msejjaħ l-aħjar “awtodifiża ġudizzjarja”, jiġifieri sitwazzjoni li fiha mħallef, adit minn ċertu każ fuq merti li strettament jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’sens tradizzjonali, iqajjem kwistjonijiet strutturali usa’ relatati mal-proċeduri jew istituzzjonijiet nazzjonali, peress li jqis li dawn jistgħu jqajmu kwistjonijiet f’termini tal-indipendenza ġudizzjarja tiegħu jew tagħha ( 11 ). Fil-fatt dan ikun tluq pjuttost radikali mill-prassi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dejjem kienet pjuttost inqas severa fl-aċċettazzjoni ta’ tali kwistjonijiet ġenerali li jmorru lil hinn mil-limiti tal-każ speċifiku bħala ammissibbli, li tradizzjonalment tinvoka l-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi magħmula mill-interlokuturi tal-Istati Membri tagħha ( 12 ).

35.

Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki, nissuġġerixxi li s-sitt domanda tal-qorti tar-rinviju tiġi ddikjarata ammissibbli, essenzjalment għal tliet raġunijiet.

36.

L-ewwel nett, hemm rabta intrinsika. L-ewwel stadju, dwar il-proċedura kontra l-Istat — inkluża d-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju — hija d-daħla ta’ aċċess u l-kundizzjoni sine qua non għat-tieni stadju, li tinvolvi r-responsabbiltà personali eventwali tal-imħallef. Barra minn hekk, jidher li d-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju li tinsab fl-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004 tibqa’ rilevanti għaż-żewġ stadji tal-proċedura. Dak li mbagħad sempliċement jiżdied fil-kuntest tat-tieni fażi potenzjali, hija n-neċessità li jiġu stabbiliti l-elementi suġġettivi min-naħa tal-imħallef inkwistjoni, li jikkostitwixxu jew in mala fide jew negliġenza gravi skont l-Artikolu 991 tal-Liġi Nru 303/2004.

37.

It-tieni nett, minbarra din is-sovrappożizzjoni sostantiva fir-rigward tal-kunċett prinċipali użat, il-preokkupazzjonijiet espressi mill-qorti tar-rinviju jidhru li huma motivati preċiżament mir-rabta bejn il-proċeduri għar-responsabbiltà tal-Istat u l-azzjoni ta’ rkupru sussegwenti mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi kontra l-imħallef responsabbli għall-iżball ġudizzjarju. L-“awtomatiċità” jew in-nuqqas ta’ tali, bejn l-azzjoni għar-responsabbiltà kontra l-Istat li tirnexxi u l-ixkattar ta’ azzjoni mressqa kontra l-imħallef hija, barra minn hekk, kwistjoni li ġiet diskussa bejn il-partijiet u li tidher li ma hijiex deċiża.

38.

It-tielet nett, hija preċiżament din ir-rabta sostantiva u proċedurali bejn iż-żewġ stadji li hija ċ-ċavetta għal kull evalwazzjoni globali tal-kawża. Wara kollox hija primarjament il-possibbiltà ta’ azzjoni ta’ rkupru finali tal-Istat kontra l-imħallef individwali li tista’ tiġi diskussa f’termini ta’ kwistjoni eventwali li tirrigwarda l-indipendenza ġudizzjarja. Kuntrarjament, ma jkunx immedjatament evidenti, anki fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà tal-Istat (għal ksur tad-dritt tal-Unjoni), kif il-problema strutturali ta’ jekk, fil-fatt, teżistix il-possibbiltà li individwu jinvoka r-responsabbiltà tal-Istat għal żbalji ġudizzjarji tissarraf immedjatament f’theddid eventwali għall-indipendenza tal-imħallef individwali ( 13 ).

39.

Fl-aħħar nett, jiena madankollu naqbel mal-Kummissjoni u mal-Gvern Rumen li s-seba’ domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

40.

Is-seba’ domanda tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjoni bħall-Artikolu 539(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, moqri flimkien mal-Artikolu 541(2) u (3) ta’ dan il-kodiċi, li, skont il-qorti tar-rinviju, jippermetti li persuna li ġiet illiberata fuq il-mertu jkollha mezz li tippreżenta rikors straordinarju u sine die fuq il-legalità tad-detenzjoni provviżorja quddiem il-qrati ċivili, peress li l-illegalità tad-detenzjoni provviżorja ma hijiex stabbilita permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti kriminali. Il-qorti tar-rinviju timplika li dan qiegħed jikser il-prinċipju li d-dispożizzjonijiet legali jridu jkunu prevedibbli u aċċessibbli, il-prinċipju ta’ speċjalizzazzjoni tal-imħallfin u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

41.

Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet speċifiċi li wasslu sabiex il-qorti tar-rinviju tqajjem din il-kwistjoni jew għaliex hija tqis li hija neċessarja għall-kawża prinċipali. Id-deċiżjoni tar-rinviju tillimita lilha nfisha li tiċċita l-Artikoli 539(2) u l-Artikolu 541(2) u (3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Mingħajr ma tipprovdi ebda spjegazzjoni jew kuntest fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-domanda magħmula tinkludi interpretazzjoni evalwattiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Din l-interpretazzjoni hija pjuttost mhux ċara u ma tirriżultax mit-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti. Għalhekk, din id-domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma ċerta interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ( 14 ) mingħajr ma tipprovdi l-informazzjoni neċessarja dwar ir-rilevanza tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-qafas tal-kawża prinċipali.

42.

Għaldaqstant, is-seba’ domanda ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   Formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi

43.

Ir-raba’ sas-sitt domandi jistaqsu, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u tal-Artikolu 4(3) TUE sabiex jiġi evalwat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Filwaqt li r-raba’ u l-ħames domanda jirrigwardaw l-elementi differenti tad-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju għall-finijiet tal-proċedura għal responsabbiltà tal-Istat, is-sitt domanda tirrigwarda l-azzjoni ta’ rkupru li permezz tagħha l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi jista’ jressaq kawża quddiem qorti ċivili sabiex tixkatta r-responsabbiltà ċivili tal-imħallef li kkawża dan l-iżball.

44.

L-ewwel nett, dawn id-domandi għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jiġu eżaminati flimkien. Huma jikkonċernaw aspetti u stadji differenti ta’ sistema li tista’, fl-aħħar mill-aħħar, tirriżulta fl-ixkattar tar-responsabbiltà ċivili minħabba żball ġudizzjarju mwettaq minn imħallef individwali. Fil-fatt, din l-aħħar kwistjoni hija dik li tista’, għal raġunijiet simili għal dawk diġà msemmija iktar ’il fuq fl-istadju tal-ammissibbiltà ( 15 ), titqies li hija potenzjalment problematika f’termini ta’ indipendenza ġudizzjarja.

45.

It-tieni nett, madankollu, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli għal dawn id-domandi, inqis li huwa neċessarju li jiġu fformulati mill-ġdid. F’termini tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, dawn id-domandi jirreferu esklużivament għall-Artikoli 2 u għall-Artikolu 4(3) TUE. Fl-opinjoni tiegħi, dawn għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, possibbilment flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

46.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, għalkemm ma tinkludihx fit-test tad-domandi, tirreferi b’mod wiesa’ għall-Artikolu 19(1) TUE fir-raġunament tagħha. Barra minn hekk, il-preokkupazzjonijiet li fuqhom huma bbażati d-domandi preliminari kollha huma mmotivati mir-riperkussjonijiet li l-proċedura għal responsabbiltà tal-Istat, jekk sussegwentement tiġi segwita minn azzjoni ta’ rkupru mressqa kontra l-imħallef individwali, jista’ jkollha fuq l-indipendenza tal-ġudikatura. Dan il-prinċipju huwa stabbilit kemm fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. B’hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkostitwixxu l-qafas ġuridiku ta’ riferiment iktar preċiż, li jagħti għalhekk espressjoni preċiża għall-valur tal-istat tad-dritt, affermat fl-Artikolu 2 TUE ( 16 ).

47.

F’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE f’każ bħal dak inkwistjoni, diġà spjegajt fid-dettall għaliex nikkunsidra li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li xkatta u sar applikabbli għal ċerti elementi ta’ organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja Rumena bid-Deċiżjoni MCV u bl-Att ta’ Adeżjoni, huwa prinċipalment il-kriterju ta’ evalwazzjoni xieraq ( 17 ). Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma wkoll applikabbli għal din il-kawża. Fil-fatt, fl-oqsma speċifiċi koperti mill-punti ta’ riferiment MCV, ir-Rumanija titqies li timplimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u għalhekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jsir applikabbli ( 18 ).

48.

Barra minn hekk, id-domandi magħmula jirrigwardaw l-indipendenza tal-ġudikatura “fl-intier tagħha”. Għalhekk, huma jqajmu b’mod ċar kwistjoni trasversali li ser tkun rilevanti għall-indipendenza tal-qrati li jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 19 ). Filwaqt li għal darb’oħra nikkontempla x’valur miżjud, f’termini ta’ bażi legali jew ta’ solidità analitika, jista’ jingħata mill-invokazzjoni simultanja, jew saħansitra esklużiva, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE f’każ bħal dan inkwistjoni ( 20 ), ma jistax jiġi miċħud li din il-kawża, ċertament sa fejn jirrigwarda r-raba’ u l-ħames domandi tagħha ( 21 ), hija koperta wkoll minn din id-dispożizzjoni.

49.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dmir li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmijin fid-domandi magħmula ( 22 ).

50.

Għalhekk nipproponi li d-domandi preliminari magħmula jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li jistaqsu dwar jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali marbuta mal-proċeduri sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju, bħall-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004, fid-dawl tat-termini tad-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju għall-finijiet tal-proċedura għal responsabbiltà tal-Istat u r-riperkussjonijiet eventwali tagħhom fil-proċedura ċivili sussegwenti fejn l-Istat jista’ jippreżenta azzjoni ta’ rkupru kontra l-imħallef li jkun responsabbli għall-iżball ġudizzjarju.

B. Il-merti

51.

Ser nibda billi nesponi l-kuntest ġuridiku, u l-kuntest operattiv li attwalment ma huwiex magħruf ħafna, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (1). Sussegwentement ser nindirizza dak li jidher li huwa l-elementi kontroversjali tal-qafas ġuridiku l-ġdid (2), jiġifieri n-natura vaga kkritikata fid-definizzjoni tal-elementi kostituttivi tal-iżball ġudizzjarju għall-finijiet tar-responsabbiltà tal-Istat (a), qabel ma ngħaddi għall-allegati nuqqasijiet fil-qafas proċedurali tal-proċedura sussegwenti sabiex tixkatta r-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin (b).

1.   Il-kuntest

52.

Tliet elementi huma ta’ nota: il-kuntest leġiżlattiv globali li fih ġew adottati l-emendi kkontestati (a), l-evalwazzjoni tagħhom u l-problemi enfasizzati minn diversi korpi internazzjonali u n-natura tar-rakkomandazzjonijiet ta’ dawn il-korpi (b), u l-assenza ta’ kwalunkwe applikazzjoni prattika tal-proċedura u tas-sistema l-ġdida fil-livell nazzjonali (ċ).

a)   Il-kuntest leġiżlattiv globali

53.

Fl‑2018, il-Liġi Nru 242/2018 emendat l-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004, li hija d-dispożizzjoni nazzjonali li fir-rigward tagħha l-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi tagħha.

54.

Madankollu, kif spjegaw il-Kummissjoni u l-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-formulazzjoni attwali tad-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju tirriżulta mill-emendi magħmula lill-abbozz tat-test inizjali, li ġie mibdula bħala riżultat ta’ żewġ deċiżjonijiet konsekuttivi tal-Curtea Constituțională România (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) li jiddikjaraw li l-abbozzi preċedenti tad-dispożizzjoni rilevanti huma antikostituzzjonali ( 23 ). Il-Gvern Rumen ippreċiża li, b’differenza miż-żewġ verżjonijiet preċedenti tiegħu, din it-tielet verżjoni tal-liġi għaddiet mill-istħarriġ tal-kostituzzjonalità quddiem il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) ( 24 ).

55.

Minbarra l-emendi msemmija iktar ’il fuq għal-Liġi Nru 303/2004, il-Liġi Nru 234/2018 ( 25 ) emendat il-Liġi Nru 317/2004 dwar il-KSM billi żdied artikolu ġdid – l-Artikolu 741 – li jirregola l-proċedura li permezz tagħha l-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) jevalwa, fuq talba tal-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, jekk l-imħallef jew il-prosekutur li kkawża l-iżball ġudizzjarju kienx qiegħed jaġixxi in mala fide jew b’negliġenza gravi ( 26 ).

56.

Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li, qabel l-emenda tal‑2018, ir-responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju setgħet tiġi stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 303/2004, biss jekk deċiżjoni finali kienet preċedentement stabbilixxiet ir-responsabbiltà kriminali jew dixxiplinari tal-imħallef ( 27 ). Kien sussegwentement previst li l-Istat seta’ jressaq azzjoni ta’ rkupru kontra l-imħallef f’każijiet ta’ negliġenza gravi jew mala fide, mingħajr ma ġew ipprovduti iktar speċifikazzjoni dwar l-awtorità kompetenti jew il-proċedura ( 28 ).

57.

Għalhekk, il-Liġi Nru 303/2004 introduċiet żewġ bidliet strutturali importanti fl-approċċ preċedenti tar-responsabbiltà tal-imħallfin. L-ewwel nett, hija emendat ir-rekwiżiti għall-preżentata ta’ azzjonijiet għar-responsabbiltà tal-Istat fil-każ ta’ żball ġudizzjarju. Ma huwiex iktar neċessarju li jkun hemm deċiżjoni kriminali jew dixxiplinari definittiva li tistabbilixxi l-iżball ġudizzjarju sabiex tkun tista’ titressaq azzjoni għar-responsabbiltà tal-Istat. L-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju tista’ tiġi kkonstatata direttament fil-proċedura kontra l-Istat, skont il-kriterji l-ġodda stabbiliti fl-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004.

58.

It-tieni nett, il-possibbiltajiet għall-Istat sabiex jibda azzjoni ta’ rkupru kontra l-imħallef li d-deċiżjoni tiegħu tat lok għar-responsabbiltà tal-Istat ma baqgħux fid-diskrezzjoni tal-Istat biss, mingħajr preċiżazzjoni oħra, kif apparentement kien il-każ qabel. Proċedura ġdida ġiet stabbilita bl-Artikolu 96(7) sa (10), li fiha l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi huwa nnominat bħala l-awtorità kompetenti. Dan il-Ministeru għandu jirreferi l-kwistjoni, f’terminu ta’ xahrejn, lill-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju), li, min-naħa tiegħu, għandu jevalwa jekk l-iżball ġudizzjarju kienx ikkawżat minn imħallef b’riżultat ta’ negliġenza jew ta’ mala fide min-naħa tal-imħallef fil-qadi ta’ dmirijietu. Wara dan ir-rapport konsultattiv u fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tiegħu stess, il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, jekk iqis li l-iżball ġudizzjarju ġie kkawżat minn mala fide jew minn negliġenza gravi, għandu jressaq l-azzjoni ta’ rkupru kontra l-imħallef quddiem l-awla ċivili tal-qorti tal-appell tal-distrett ġudizzjarju ta’ fejn jirresjedi l-imħallef (jew quddiem qorti tal-appell fil-viċinanzi, jekk il-konvenut jippresjedi l-qorti tal-appell tal-post fejn huwa jew hija tirrisjedi).

59.

Waqt is-seduta, il-Gvern Rumen sostna li l-emendi tal-Liġi Nru 303/2004 huma intiżi sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi. Meta wieħed iħares lejn il-format preċedenti tal-proċedurali, wieħed jista’ fil-fatt jistaqsi jekk individwu jarax tali sistema bħala ekwa u li tipproteġi b’mod effikaċi d-drittijiet tiegħu jew tagħha. Jekk nifhem korrettament is-sistema preċedenti, sabiex individwu sempliċement jitħalla biss jibda proċedura għar-responsabbiltà tal-Istat (dak li issa huwa l-ewwel stadju), hemm bżonn li, fl-ewwel lok, ikun hemm kundanna kriminali jew dixxiplinari definittiva tal-imħallef inkwistjoni. Madankollu, jekk din kienet tabilħaqq is-sistema, ikun għalhekk pjuttost sorprendenti jekk xi individwi qatt kinux kapaċi jirċievu danni mingħand l-Istat. Kundanna preċedenti ta’ mħallef, li naturalment titlob ukoll provi ta’ elementi suġġettivi ta’ frodi u/jew ta’ negliġenza gravi, hija livell massimu għoli ħafna għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat. Din tal-aħħar, għalkemm tifforma parti mis-sistema ġenerali ta’ responsabbiltà tal-Istat għal żbalji imputabili lill-eżerċizzju tal-poter pubbliku, hija ħafna eqreb għal responsabbiltà oġġettiva għal ċertu riżultat ( 29 ). Barra minn hekk, huwa pjuttost ċar ukoll li ma huwiex probabbli wisq li kwalunkwe azzjoni bħal din (kemm jekk kriminali kif ukoll jekk dixxiplinari), il-bidu tagħha u t-tkomplija tagħha, jkunu għall-portata ta’ kwalunkwe persuna allegatament leża, li l-aċċess tagħha għal rimedju jsir kompletament dipendenti fuq l-azzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat.

60.

Bl-istess mod, jidher ukoll li l-possibbiltà li l-Istat iressaq azzjoni ta’ rkupru kontra individwu kienet dejjem parti mid-dritt validu. Madankollu, nissoponi li, b’mod simili għal numru ta’ Stati Membri oħra, din il-possibbiltà kienet l-kmamar ta’ fuq il-bejt mimlija bl-għabra tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali; rarament esplorati u f’termini prattiċi qatt ma ntużaw. L-unika bidla tidher li hija li, b’differenza mis-sistema preċedenti fejn kien hemm il-possibbiltà li tali azzjoni titressaq, iżda l-ebda proċedura sabiex dan isir, issa ġiet stabbilita proċedura.

b)   L-evalwazzjoni tagħha minn korpi internazzjonali u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom

61.

Mingħajr ma kienu jinkludu ebda rakkomandazzjoni speċifika f’dan ir-rigward, ir-rapporti tal-Kummissjoni fil-qafas tal-MCV inkludew id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar ir-responsabbiltà materjali tal-imħallfin fost l-elementi problematiċi tar-riformi tal-Liġijiet tal-Ġustizzja ( 30 ), b’repetizzjoni tat-tħassib tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija Permezz tal-Liġi (iktar ’il quddiem, “il-Kummissjoni ta’ Venezja”) u l-Grupp ta’ Stati Kontra l-Korruzzjoni (iktar ’il quddiem, il-“GRECO”) ( 31 ). Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin u tal-prosekuturi introdotti bil-Liġi Nru 242/2018 intlaqgħu bi kritika mill-Kummissjoni ta’ Venezja, mill-GRECO u mill-Kunsill Konsultattiv ta’ Mħallfin Ewropej tal-Kunsill tal-Ewropa (iktar ’il quddiem, iċ-“CCJE”).

62.

Il-Kummissjoni ta’ Venezja kkonkludiet li r-rekwiżiti prinċipali għal definizzjoni sodisfaċenti ta’ żball ġudizzjarju kienu ssodisfatti permezz tal-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004 ( 32 ). Madankollu, hija kkunsidrat li huwa problematiku li l-assemblea plenarja tal-KSM huwa eskluż mill-proċedura ( 33 ), u li r-rwol prinċipali jingħata lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi. Dan minħabba li l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi huwa attur estern għall-ġudikatura u minħabba li ma hemmx kriterji ta’ “evalwazzjoni proprja” li fuqhom dan il-Ministeru għandu jibbaża id-deċiżjoni tiegħu, flimkien mar-rapport tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju), sabiex tinbeda l-azzjoni ta’ rkupru kontra l-imħallef. Għaldaqstant, minkejja li l-Kummissjoni ta’ Venezja ssostni li, “peress li huma l-fondi pubbliċi tal-Istat li jistgħu jintilfu, il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi jista’ fil-fatt ikun ir-rikorrent attiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija tenfasizza li madankollu huwa “ma għandu jkollu ebda rwol fl-evalwazzjoni tal-eżistenza jew tal-kawżi tal-iżball ġudizzjarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 34 ).

63.

Il-Kummissjoni ta’ Venezja rrilevat ukoll li l-esklużjoni tal-KSM kellha tinftiehem fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet oħra, bħall-ħolqien tas- Secția pentru investigarea infracțiunilor din justiție (it-Taqsima għall-Investigazzjoni ta’ Reati mwettqa fi ħdan il-Ġudikatura, iktar ’il quddiem is-“SIOJ”). Meta kkunsidrati flimkien, il-Kummissjoni ta’ Venezja qieset li dawn l-elementi differenti jistgħu jirriżultaw fi pressjoni mqiegħda fuq l-imħallfin u jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudikatura ( 35 ). Għalhekk, il-Kummissjoni ta’ Venezja ssuġġeriet li jkun preferibbli kieku l-azzjoni ta’ rkupru li tfittex l-ixkattar tar-responsabbiltà ċivili tal-imħallef titressaq biss wara li jiġu konklużi proċeduri dixxiplinari quddiem il-KSM ( 36 ).

64.

Fl-ewwel rapport, il-GRECO rrakkomanda li l-emendi li jaffettwaw ir-responsabbiltà tal-imħallfin għal żbalji ġudizzjarji “jiġu riveduti sabiex tkun żgurata ċarezza u prevedibbiltà suffiċjenti tar-regoli kkonċernati, u sabiex jiġi evitat li dawn isiru theddida għall-indipendenza tal-ġudikatura” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 37 ). Waqt l-evalwazzjoni, f’rapport ta’ segwitu, il-formulazzjoni finali tal-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004, il-GRECO qies li din ir-rakkomandazzjoni ma kinitx ġiet implimentata. Huwa rrileva li s-sistema ta’ responsabbiltà personali stabbilita minn din id-dispożizzjoni hija dubjuża, minħabba l-effett disważiv tagħha fuq l-indipendenza tal-imħallfin mill-eżekuttiv. Filwaqt li fakkar il-pożizzjoni tiegħu dwar l-“immunità funzjonali” li l-membri tal-ġudikatura għandhom jibbenefikaw minnha, il-GRECO indika li żbalji ġudizzjarji kellhom preferibbilment jiġu ttrattati f’appell quddiem istanza superjuri, jew bħala kwistjoni dixxiplinari li għandha tiġi ttrattata fi ħdan il-ġudikatura. Elementi problematiċi nnotati mill-GRECO kienu li l-azzjoni ta’ rkupru tal-Istat hija obbligatorja; li l-awtoritajiet ma stabbilixxewx garanziji addizzjonali kontra r-riskju ta’ pressjoni fuq l-imħallfin; l-esklużjoni tal-KSM minn din il-proċedura u r-rwol prominenti tal-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi fl-evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-kawżi tal-iżball ġudizzjarju ( 38 ).

65.

Fl-aħħar nett, flimkien mal-punti diġà rrilevati mill-Kummissjoni ta’ Venezja u mill-GRECO, iċ-CCJE enfasizza li huwa favur l-immunità funzjonali sħiħa tal-imħallfin. Fil-fehma ta’ dan il-korp, mala fide biss għandha twassal għar-responsabbiltà tal-imħallfin għal kull żball ġudizzjarju, filwaqt li jiċħad n-negliġenza gravi bħala raġuni għar-responsabbiltà materjali tal-imħallfin minħabba d-diffikultajiet prattiċi ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni ta’ dan il-kunċett ( 39 ). Iċ-CCJE rrakkomanda li d-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju tiġi ssupplimentata b’dikjarazzjoni mhux ambigwa li l-imħallfin ma humiex responsabbli sakemm ma tkunx stabbilita mala fide jew negliġenza gravi min-naħa tagħhom permezz ta’ proċedura xierqa.

c)   It-tħaddim (prattiku) tas-sistema?

66.

Jien esponejt il-kuntest nazzjonali u l-kuntest internazzjonali pjuttost fid-dettall sabiex nenfasizza żewġ elementi importanti u sabiex inżid ieħor.

67.

L-ewwel nett, il-kuntest nazzjonali: il-bidliet fil-Liġi Nru 303/2004 seħħew waqt dak li jidher li kien, ġeneralment, perjodu pjuttost diffiċli għall-ġudikatura Rumena ( 40 ). Madankollu, sakemm qorti ma tkunx tixtieq li taqta’ sentenza permezz ta’ assoċjazzjoni ratione temporis, huwa dejjem neċessarju li jiġi eżaminat fid-dettall eżattament x’inbidel u għaliex. Jekk wieħed jiffoka fuq id-dettall, dak li jidher li jitla’ fil-wiċċ huwa li, l-ewwel nett, kien hemm l-intenzjoni li r-responsabbiltà tal-Istat tiġi sseparata mill-ħtieġa ta’ kundanna preċedenti, kemm jekk kriminali jew dixxiplinari, ta’ mħallef. Jiġifieri, fid-dawl tad-diversi għanijiet u finijiet taż-żewġ proċeduri, pjuttost komprensibbli, speċjalment jekk wieħed jemmen li l-individwi jistgħu, forsi xi kultant, jirċievu xi kumpens għar-responsabbiltà tal-Istat. It-tieni nett, il-possibbiltà ta’ azzjoni ta’ rkupru li dejjem kienet hemm, iżda apparentement qabel mingħajr ebda proċedura u b’hekk kontroll, kienet ingħatat qafas li jista’ jitbassar u predikabbli.

68.

It-tieni nett, xi problemi jippreżentaw dawn l-emendi? Minn studju bir-reqqa tar-rakkomandazzjonijiet prezzjużi magħmula mid-diversi korpi internazzjonali ċċitati fis-sezzjoni preċedenti jirriżulta li r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fihom huma normattivi, prospettivi u, f’dan is-sens, politiċi. B’mod partikolari, iċ-CCJE jidher li għandu viżjoni leġiżlattiva rikonoxxuta b’mod ċar ta’ x’għandu jkun fihom il-liġijiet li għandhom jiġu adottati mill-Istati f’dan il-qasam. Għalhekk, f’dawn ir-rapporti, Stat huwa rimproverat essenzjalment għaliex il-mudell li huwa adotta ma jilħaqx it-tamiet u l-aspettattivi ta’ korp internazzjonali, flimkien mal-indikazzjoni ta’ possibbiltà ta’ użu ħażin.

69.

Ċertament ma huwiex sabiex tiġi mminimizzata l-assistenza utli li tali rapporti jistgħu jagħtu lill-Istat li jfittex mudelli xierqa. Huwa pjuttost sabiex jiġi indikat it-tip ta’ evalwazzjoni differenti li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba twettaq, li ma jistax ikun ibbażat fuq viżjonijiet leġiżlattivi sostnuti ex ante li għandu jadotta l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru. L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun ibbażata biss fuq fatti stabbiliti a posteriori jew, tal-inqas, fuq argumenti raġonevolment plawżibbli dwar ir-realtà tat-tħaddim u tal-funzjoni ta’ sistema, li mbagħad jistgħu jwasslu għal dikjarazzjoni, astratta iżda xorta waħda ssostnuti b’mod ċar, ta’ inkompatibbiltà legali bbażata fuq il-ksur ta’ obbligu legali.

70.

Madankollu, huwa preċiżament f’termini li jiġu pprovduti dettalji speċifiċi dwar x’inhu eżattament ħażin f’tali sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat, eventwalment segwiti minn azzjoni ta’ rkupru mressqa kontra mħallef individwali, li r-rapporti ċċitati mill-korpi internazzjonali huma partikularment skarsi. Dak li pjuttost joħroġ huwa forsi dak l-aħjar maqbud mir-rakkomandazzjoni taċ-CCJE, li tindika essenzjalment li kull mudell li ma jintegrax l-“immunità funzjonali” sħiħa tal-membri tal-ġudikatura huwa problematiku. Fil-fatt, din hija viżjoni leġiżlattiva indikata b’mod ċar dwar fejn għandu jeżisti l-bilanċ bejn l-indipendenza u r-responsabbiltà ( 41 ). Madankollu, fih innifsu bilkemm hija prova li turi eżattament kif mudell, bħal dak tal-Istat Membru inkwistjoni, sakemm il-prinċipju awtomatika tal-proċedura nazzjonali u tal-awtonomija istituzzjonali ma għandux tabilħaqq jittrasforma ruħu f’inkantazzjoni vojta, huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja.

71.

It-tielet u l-aħħar nett, huwa importanti li jiġi rrilevat ukoll li, kif ikkonfermat mill-Gvern Rumen waqt is-seduta, sa issa ma kien hemm ebda applikazzjoni fil-prattika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati. Nifhem li sa issa ma hemm l-ebda każ ta’ kawżi li avvanzaw għat-tieni stadju, fejn, wara li individwu kiseb b’suċċess kumpens mill-Istat għar-responsabbiltà tal-Istat, il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, wara rapport tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju), ressaq azzjoni ta’ rkupru kontra imħallef individwali.

72.

Għal sistema stabbilita fl‑2018, dan huwa komprensibbli. Madankollu, minn dan jirriżultaw żewġ konsegwenzi oħra. Minn naħa, għall-evalwazzjoni tal-mertu li ser issir fis-sezzjoni sussegwenti, diversi elementi tas-sistema jibqgħu f’livell ta’ konġettura, peress li ma hemm ebda applikazzjoni prattika.

73.

Min-naħa l-oħra, fuq il-livell strutturali, dan il-fatt jillimita t-tip ta’ stħarriġ tal-kompatibbiltà li jista’ jitwettaq f’dan il-każ. Dan iħalli lill-Qorti tal-Ġustizzja tħares lejn il-pjan ta’ azzjoni biss – mudell kif indikat fuq il-karta. Kif issuġġerejt fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi ( 42 ), meta twettaq dak li effettivament jammonta għal stħarriġ astratt ta’ kompatibbiltà, qorti tista’ twettaq tliet tipi ta’ evalwazzjonijiet: (i) il-pjan ta’ azzjoni jew ‘karta biss’, ii) il-karti kkombinati jew karta kif applikata, li tikkoreġi l-komprensjoni ta’ ċerti elementi tal-mudell astratt meta jkunu magħquda ma’ dispożizzjonijiet oħra problematiċi fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri jew meta jkunu sfumati mill-prattika ta’ applikazzjoni, jew, fl-aħħar nett, iii) prattika biss.

74.

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ (iii) u ta’ informazzjoni limitata ħafna dwar (ii), l-evalwazzjoni li se nindirizza issa tista’ tikkonsisti biss essenzjalment f’(i), b’ eskursjoni limitata f’(ii) jekk elementi eventwali tal-pjan ta’ azzjoni jingħaqqdu ma’ elementi oħra tal-leġiżlazzjoni jew tal-proċedura nazzjonali. Madankollu, il-fatt jibqa’ li, mingħajr prattika ta’ applikazzjoni jew argumenti relatati magħha, inkluż fid-deċiżjoni tar-rinviju tal-qorti nazzjonali f’din il-kawża, ma hemm essenzjalment ebda kuntest tanġibbli li jista’ jirribatti l-funzjonament tal-mudell kif iddikjarat “fuq il-karta”.

2.   L-evalwazzjoni

75.

Minbarra d-dikjarazzjoni tal-prinċipju li għandu jkun hemm ir-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minn ksur ġudizzjarju tad-dritt tal-Unjoni, u l-armonizzazzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet ta’ din ir-responsabbiltà ( 43 ), id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi ebda regola oħra la dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal żbalji ġudizzjarji inġenerali u lanqas għar-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin.

76.

Għalhekk, il-punt tat-tluq huwa l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u l-fatt li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tagħhom, inkluża s-sistema ta’ responsabbiltà għal żball ġudizzjarju, taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom. Madankollu, dan ma jeskludix li l-Istati Membri jkunu obbligati josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (meta jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha) u, fi kwalunkwe każ, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 44 ).

77.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ser nindirizza, fl-ewwel lok, il-problemi mqajma mid-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju fil-proċedura ta’ responsabbiltà tal-Istat (a). Imbagħad ser neżamina l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ tali żball ġudizzjarju fuq xi proċedura sussegwenti fejn l-Istat, irrappreżentat mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, jista’ jressaq azzjoni għal responsabbiltà ċivili kontra l-imħallef individwali f’każijiet ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi (b).

a)   Id-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju għall-finijiet tar-responsabbiltà tal-Istat

78.

L-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004, kif emendata, jistabbilixxi bħala l-punt tat-tluq, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju. Huwa jkompli billi jippreċiża, fil-paragrafu 2, li r-responsabbiltà tal-Istat ma teskludix ir-responsabbiltà (sussegwenti) tal-imħallfin li wettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mala fide jew b’negliġenza gravi, anki jekk ma għadhomx fil-kariga. Skont il-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuni leżi għandhom jieħdu azzjoni esklużivament kontra l-Istat, irrappreżentat mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi.

79.

Barra minn hekk, il-paragrafu 3 tal-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004 jiddefinixxi l-iżball ġudizzjarju li jista’ jiġi mwettaq f’żewġ sitwazzjonijiet differenti: (a) fir-rigward ta’ atti proċedurali adottati fil-mori tal-kawża u (b) meta tingħata sentenza definittiva. Fiż-żewġ każijiet, l-iżball ġudizzjarju huwa kkaratterizzat minn tliet elementi: (i) l-att proċedurali twettaq bi ksur ċar ta’ regoli tad-dritt sostantiv u proċedurali, jew li s-sentenza definittiva tmur manifestament kontra l-liġi jew hija inkonsistenti mal-fatti stabbiliti fir-rigward tal-provi amministrati fil-kuntest tal-proċedura (ii) li tali att proċedurali jew sentenza definittiva twassal għal ksur gravi tad-drittijiet, tal-libertajiet jew tal-interessi leġittimi ta’ individwu u (iii) li jikkawża dannu li ma kienx possibbli li jiġi rrimedjat permezz ta’ appell ordinarju jew straordinarju.

80.

Minn din id-definizzjoni jidher li r-responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju hija aċċettata mhux biss b’riżultat ta’ atti proċedurali, iżda wkoll minħabba l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali, li jinkludu l-interpretazzjoni tad-dritt u l-evalwazzjoni tal-provi. Barra minn hekk, kif spjega l-Gvern Rumen fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li jagħmlu riferiment għall-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) is-sistema tar-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi kklassifikata bħala “diretta u oġġettiva”, indipendenti mill-aġir (elementi suġġettivi) tal-imħallef (mala fide jew negliġenza gravi).

81.

Huwa f’dan il-kuntest, u fi ħdan l-ewwel stadju li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-Istat, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tad-definizzjoni ta’ “żball ġudizzjarju”, esposta iktar ’il fuq, mad-dritt tal-Unjoni. Anki jekk id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix motivi li jispjegaw id-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tar-raba’ domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-definizzjoni prevista fl-Artikolu 96(3)(a) tal-Liġi Nru 303/2004 hija lapidali u astratta wisq. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tindika, f’din id-domanda, li din id-dispożizzjoni la tippreċiża n-natura u lanqas il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet miksura li taw lok għal tali żball u li hija ma tistabbilixxix il-metodi, it-termini u l-proċeduri li jippermettu li jiġi kkonstatat il-ksur ta’ dispożizzjonijiet legali, u lanqas l-awtorità effettivament kompetenti sabiex tikkonstata tali ksur. Għall-qorti tar-rinviju, dan joħloq riskju ta’ pressjoni indiretta fuq il-ġudikatura.

82.

Fir-rigward tal-Artikolu 96(3)(b) tal-Liġi Nru 303/2004, il-preokkupazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, trażmessi fit-test tal-ħames domanda, jirriżultaw mill-fatt li din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix konkretament x’għandu jinftiehem b’riferiment għall-“inkonsistenza” meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tad-dritt applikabbli jew mas-sitwazzjoni fattwali. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dan joħloq riskju li l-interpretazzjoni tal-liġi u tal-provi mill-ġudikatura tiġi ostakolata.

83.

Jiena naqbel mal-fehma espressa mill-Kummissjoni waqt is-seduta li d-definizzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tidhirx li tqajjem problemi fiha nnifisha. Ikkunsidrata waħedha fiha nnifisha, ma narax kif tali definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju tista’ toħloq riskju ta’ pressjoni indiretta fuq il-ġudikatura. Jekk kwistjoni eventwali tkun tista’ tiġi identifikata mid-definizzjoni astratta ta’ żball ġudizzjarju inkwadrat b’dan il-mod (pjuttost strett) għall-finijiet tar-responsabbiltà tal-Istat, din tkun pjuttost kuntrarja għal dik li tagħti x’tifhem il-qorti tar-rinviju.

84.

L-ewwel nett, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, u minkejja d-diverġenzi nazzjonali f’dan il-qasam, ir-responsabbiltà tal-Istat għal kondotta ġudizzjarja hija rikonoxxuta b’mod wiesa’ fl-Istati Membri ( 45 ). Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Istat jista’ jinżamm responsabbli għad-danni kkawżati mill-ġudikatura fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ( 46 ). Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li jkun hemm responsabbiltà tal-Istat għal ksur ġudizzjarju (minn tal-inqas) tad-dritt tal-Unjoni. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Köbler, “għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju ta’ rimedju legali li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jiġu kkumpensati l-effetti dannużi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja żbaljata jista’ tabilħaqq jiġi kkunsidrat bħala li jsaħħaħ il-kwalità ta’ sistema legali u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, li jsaħħaħ ukoll l-awtorità tal-qrati” ( 47 ).

85.

It-tieni nett, id-definizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża fiha diversi elementi li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ żball ġudizzjarju li jista’ jwassal għar-responsabbiltà tal-Istat ( 48 ). Jidher li żbalji manifesti biss jikkwalifikaw bħala żbalji ġudizzjarji skont id-definizzjoni esposta hawn fuq (“ksur ċar ta’ regoli tad-dritt sostantiv u proċedurali” jew sentenza “li tmur manifestament kontra l-liġi jew hija inkonsistenti mal-fatti”). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret, f’kuntest differenti, li l-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat għall-każ eċċezzjonali fejn il-qorti kisret b’mod manifest id-dritt applikabbli hija element li jiżgura l-osservanza tan-natura speċifika tal-funzjoni ġudizzjarja u tar-rekwiżiti leġittimi taċ-ċertezza legali ( 49 ). Barra minn hekk, id-definizzjoni inkwistjoni tillimita wkoll l-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju skont il-gravità tad-dannu kkawżat (“li wassal għal ksur gravi tad-drittijiet, tal-libertajiet jew tal-interess leġittimu”). Rabta kawżali hija wkoll meħtieġa (“jikkawża dannu”). Barra minn hekk, hemm rekwiżit ta’ “ultima ratio”, fis-sens li jkun neċessarju li d-dannu ma kienx possibbli li jiġi rrimedjat “permezz ta’ appell ordinarju jew straordinarju”.

86.

Jekk il-kriterju jiġi interpretat prima facie, donnu jidher li l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà tal-Istat fil-prattika huma limitati għad-deċiżjonijiet finali biss, li fihom l-iżbalji manifesti mwettqa wasslu direttament għal dannu gravi lill-individwu. Jekk dan kien effettivament il-każ, għalhekk id-domanda li għandha ssir ma tkunx neċessarjament dik dwar jekk tali kriterji humiex wiesgħa wisq sabiex eventwalment jiġu użati b’mod ħażin sabiex tiġi eżerċitata pressjoni fuq l-imħallfin individwali għad-deċiżjonijiet individwali tagħhom, iżda, sa fejn jirrigwarda r-responsabbiltà tal-Istat, jekk tali kundizzjonijiet, fil-fatt pjuttost stretti, tar-responsabbiltà tal-Istat irendux eċċessivament diffiċli, jew impossibbli fil-prattika li individwi jiksbu kumpens min-naħa tal-Istat.

87.

L-eżistenza ta’ responsabbiltà għad-danni kkawżati fl-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja hija neċessarjament marbuta mal-aċċess għall-qrati u mad-dritt għal rimedju effettiv ( 50 ). Fid-dawl ta’ dan, il-kriterji għar-responsabbiltà tal-Istat li huma stretti wisq, fl-assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà ta’ azzjoni diretta kontra l-imħallfin infushom għar-responsabbiltà ċivili, jistgħu jsiru problematiċi fihom infushom.

88.

Fil-fatt, kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Traghetti del Mediterraneo “għalkemm ma jistax jiġi eskluż li d-dritt nazzjonali jiddefinixxi l-kriterji dwar it-tip u l-grad tal-ksur li għandhom jiġu sodisfatti sabiex Stat ikun jista’ jinsab responsabbli għal ksur tad-dritt [tal-Unjoni] li huwa attribwit lil qorti nazzjonali ta’ l-aħħar istanza, dawn il-kriterji ma jistgħux, f’ebda każ, jimponu rekwiżiti iktar stretti minn dawk li jirriżultaw mill-kundizzjoni ta’ ksur manifest tad-dritt applikabbli” ( 51 ).

89.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-prinċipju tal-Unjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq minn qrati tal-aħħar istanza jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jeskludu r-responsabbiltà tal-Istat minħabba l-fatt li dan il-ksur jirriżulta minn interpretazzjoni ġudizzjarja tar-regoli tad-dritt jew ta’ evalwazzjoni tal-fatti jew tal-provi, kif ukoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita tali responsabbiltà għall-każijiet biss ta’ aġir intenzjonat u ta’ nuqqas serju min-naħa tal-qorti nazzjonali, jekk tali limitazzjoni twassal għall-esklużjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat f’każijiet fejn twettaq ksur manifest tal-liġi applikabbli ( 52 ). Dan il-prinċipju jipprekludi wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, bħala kundizzjoni preliminari, l-annullament tad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija mill-qorti jew mit-tribunal li kkawża t-telf jew id-dannu, filwaqt li tali annullament huwa, fil-prattika, impossibbli ( 53 ).

90.

It-tielet nett, hemm in-natura lapidali u astratta tad-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju kkritikat mill-qorti nazzjonali. Madankollu għandi nammetti li ninsab ftit perpless f’dan ir-rigward. Fid-dawl tan-natura infinittivamment varjabbli tiegħu, b’liema mod ieħor jista’ jiġi ddefinit żball ġudizzjarju? Diffiċilment permezz ta’ lista eżawrjenti ta’ atti li għandhom jikkostitwixxu żball ġudizzjarju. Kull dispożizzjoni bħal din bilġri tinbidel fi ktieb tan-numri tat-telefon, minħabba l-iskoperta b’mod kontinwu ta’ numru ta’ atti ġodda li ma kinux preċedentement inklużi fil-lista. Għalhekk, b’mod analogu għad-definizzjoni ta’, pereżempju, reat dixxiplinari ġudizzjarju, l-istruttura tad-definizzjoni ta’ dak li jista’ jikkostitwixxi żball ġudizzjarju tista’ tkun biss definizzjoni ġenerali u kemxejn astratta li tagħmel riferiment għal kunċetti ġuridiċi indeterminati ( 54 ). Dan, min-naħa tiegħu, jenfasizza l-importanza u l-għarfien tal-interpretazzjoni tiegħu mill-qrati u mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Madankollu ma kienx hemm tali prattika sal-lum jew, minn tal-inqas, l-ebda tali prattika ma kienet is-suġġett ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

91.

Konsegwentement, ma nikkunsidrax li l-prinċipju tal-Unjoni ta’ indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi, bħala prinċipju, definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju li, għall-finijiet ta’ responsabbiltà tal-Istat, hija bbażata fuq elementi bħal dawk deskritti f’din il-proċedura.

b)   Ir-riperkussjonijiet fuq ir-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin

1) Kunsiderazzjonijiet ġenerali

92.

Is-separazzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat, minn naħa, u r-responsabbiltà personali tal-membri tal-ġudikatura, kemm jekk tkun ċivili jew dixxiplinari, min-naħa l-oħra, hija essenzjali fid-dawl tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja. L-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju jirrappreżenta kompromess bejn il-prinċipju ta’ rimedji ġudizzjarji effettivi għal żball ġudizzjarju u l-indipendenza tal-ġudikatura. Hija tippermetti kumpens għall-persuni leżi filwaqt li tipproteġi lill-imħallfin minn azzjonijiet diretti mmexxija mill-imsemmija persuni kontrihom.

93.

Fil-kawża Köbler, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha quddiemha argumenti mressqa mill-Istati Membri li jissuġġerixxu li l-fatt li l-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat għad-danni dovuti għal atti jew ommissjonijiet ġudizzjarji jista’ jikkomprometti l-indipendenza ġudizzjarja. Bi tweġiba għal dawn l-argumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “għandu jiġi speċifikat li l-prinċipju tar-responsabbiltà in kwistjoni ma jikkonċernax ir-responsabbiltà personali ta’ l-imħallef iżda dik ta’ l-Istat. Issa, ma jidhirx li l-possibbiltà li, taħt ċertu ċirkustanzi, l-Istat jinżamm responsabbli għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li jmorru kontra d-dritt [tal-Unjoni] tinvolvi riskji partikolari li tiġi kkonfutata l-indipendenza ta’ qorti ta’ l-aħħar istanza” ( 55 ). Kif innota l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu f’dak il-każ, il-kwistjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura ma għandhiex titqajjem fil-kuntest tar-regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Istat, iżda fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà personali tal-imħallfin ( 56 ).

94.

Hija fil-fatt it-tieni fażi, li tinvolvi l-eventwali responsabbiltà personali tal-imħallfin, li hija determinanti f’termini ta’ indipendenza ġudizzjarja. Dan ma jfissirx li l-ewwel stadju, dwar ir-responsabbiltà tal-Istat, huwa nieqes minn kull rilevanza. Madankollu, it-theddida hija iktar imbiegħda. Fl-evalwazzjoni tat-tieni stadju, l-aspett estern tal-prinċipju tal-Unjoni ta’ indipendenza ġudizzjarja jirrikjedi li r-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin permezz tal-possibbiltà li l-Istat jirkupra direttament id-danni mħallsa lill-persuni leżi, għandha tiżgura l-protezzjoni tal-imħallfin kontra l-pressjonijiet li jistgħu jippreġudikaw il-ġudizzju indipendenti tagħhom u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom ( 57 ). Meta wieħed iżomm f’moħħu r-rabta eżistenzjali bejn dawn iż-żewġ proċeduri, sa fejn din tal-aħħar ma tistax teżisti mingħajr tal-ewwel, għandu jitqies ukoll b’mod xieraq kemm il-grad ta’ konnessjoni bejniethom, kif ukoll il-modalitajiet speċifiċi li jirrigwardaw ir-rekwiżiti sostantivi u l-garanziji proċedurali għall-imħallfin fil-qafas tal-proċeduri għal responsabbiltà tal-Istat.

95.

Bħala prinċipju, l-indipendenza ġudizzjarja ċertament ma hijiex ekwivalenti għal immunità ġudizzjarja mir-responsabbiltà, kemm jekk tkun ċivili jew dixxiplinari. Fil-fehma tiegħi, il-possibbiltà li l-Istat ifittex l-irkupru, f’każijiet speċifiċi, ma huwiex eskluż mill-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja. Tali possibbiltà tintroduċi mill-ġdid element ta’ responsabbiltà min-naħa tal-ġudikatura, li huwa wkoll kruċjali sabiex tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema tal-ġustizzja.

96.

Din il-proposta ssib sostenn sod fid-dritt komparattiv. Bl-eċċezzjoni tal-Istati Membri li jappartjenu għat-tradizzjoni tad-dritt komuni, fejn teżisti tabilħaqq tradizzjoni stabbilita ta’ immunità ġudizzjarja bħala protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja ( 58 ), ir-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati mill-ġudikatura hija aċċettata b’mod mifrux, kif rajna iktar ’il fuq. B’mod partikolari, fejn tali responsabbiltà tal-Istat teżisti, diversi Stati Membri (anki jekk ma humiex kollha) jippermettu lill-Istat jirkupra s-somom imħallsa mingħand l-imħallef ikkonċernat, f’każijiet ta’ ċirkustanzi aggravanti, bħal mala fide jew in-negliġenza gravi.

97.

Is-soluzzjonijiet interni fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili u personali tal-imħallfin, ivarjaw ħafna f’dan ir-rigward. Ċerti sistemi ġuridiċi (tad-dritt ċivili) japplikaw is-sistema ġenerali ta’ irkupru mill-impjegati taċ-ċivil għall-imħallfin. Oħrajn jimponu rekwiżiti u garanziji addizzjonali, bħal sentenza kriminali jew dixxiplinari preċedenti, jew limitu tal-ammont tad-danni li għandu jitħallas mill-imħallef. F’sistemi ġuridiċi oħra, l-irkupru parzjali tad-danni sostnuti mill-Istat jista’ jseħħ fil-proċedura kriminali jew dixxiplinari stess ( 59 ). Dawn id-diverġenzi juru li l-bilanċ bejn ir-responsabbiltà u l-indipendenza ġudizzjarja huwa mifhum b’mod pjuttost differenti f’ġurisdizzjonijiet differenti, skont it-tradizzjonijiet ġudizzjarji u l-kunċetti kostituzzjonali relatati mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u l-arranġamenti differenti ta’ kontroll u ta’ ekwilibriju bejn dawn il-poteri. Forsi l-uniku denominatur komuni huwa li, fil-prattika, tali każijiet ma jseħħux ta’ spiss u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-responsabbiltà personali tal-imħallfin huma kmamar ta’ fuq il-bejt mimlija għabra tad-dritt kostituzzjonali.

98.

Fid-dawl ta’ din il-varjetà pjuttost wiesgħa, diversi korpi internazzjonali issuġġerixxew ċerti standards f’dan ir-rigward. Madankollu, skont in-natura u t-tip ta’ korp internazzjonali, tali rakkomandazzjonijiet jidhru, fil-fatt, li jvarjaw. Il-linja ta’ diviżjoni tidher li tinstab, b’ċerta simplifikazzjoni, bejn l-istandards abbozzati mill-imħallfin stess fil-livell internazzjonali u l-istandards proposti mill-korpi jew istituzzjonijiet komposti minn membri li l-isfond professjonali tagħhom huwa iktar diversifikati. Minn naħa, hemm, pereżempju, il-pożizzjoni ċara taċ-CCJE, li tiffavorixxi immunità funzjonali wiesgħa jew saħansitra sħiħa ( 60 ). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ta’ Venezja ġabret fil-qosor il-pożizzjoni tagħha fl-Opinjoni Nru 924/2018 fit-termini kif ġej: “b’mod ġenerali, l-imħallfin ma għandhomx isiru responsabbli għal azzjoni ta’ rikors meta jkunu qiegħdin jeżerċitaw il-funzjoni ġudizzjarja tagħhom skont l-istandards professjonali definiti mil-liġi (immunità funzjonali)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “r-responsabbiltà tal-imħallfin hija ammissibbli sakemm ikun hemm intenzjoni jew negliġenza gravi minn naħa tal-imħallef” ( 61 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

99.

Madankollu, fuq dan il-punt speċifiku, il-pożizzjonijiet ta’ xi korpi internazzjonali, speċjalment dawk mhux iċċekjati minn proċessi politiċi li fi ħdanhom poteri oħra tal-Istat ikunu rrappreżentati fuq il-livell internazzjonali u jkollhom indikazzjoni effettiva fl-approvazzjoni tagħhom, għandhom jittieħdu b’mod (pjuttost) leġġer. Bilanċ ġust bejn l-indipendenza ġudizzjarja u r-responsabbiltà ġudizzjarja huwa pjuttost possibbli li joħroġ fid-djalogu, spiss ta’ uġigħ u twil, jew multilogu, fil-qafas tas-separazzjoni tal-poteri, fejn l-ideat, kultant unilaterali ta’ poter wieħed huma fil-fatt ikkontrollati u bbilanċjati reċiprokament mill-oħrajn.

100.

Fil-qosor, fil-fehma tiegħi, il-prinċipju tal-Unjoni ta’ indipendenza ġudizzjarja ma jipprekludix, fih innifsu, il-possibbiltà li, f’każijiet fejn xkattat ir-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji, l-Istat ifittex, fil-każijiet ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi, li jirkupra s-somom imħallsa mingħand l-imħallef ikkonċernat. Barra minn hekk, fid-dawl tad-diversità tal-mudelli nazzjonali disponibbli fl-Istati Membri, sempliċement ma jistax jiġi sostnut li l-prinċipju tal-Unjoni ta’ indipendenza ġudizzjarja jimponi sistema speċifika ta’ responsabbiltà, marbuta, pereżempju, ma’ kundanna kriminali jew ma’ sanzjoni dixxiplinari li diġà ngħatat preċedentement, jew anki li jiġi previst li l-eventwali responsabbiltà ġudizzjarja tista’ tixkatta biss fil-forma sanzjoni f’dawn il-proċeduri.

101.

Dak li huwa importanti huwa l-kwalità ta’, u l-garanziji fi ħdan, il-qafas magħżul. Ikun xi jkun il-mudell, ir-regoli fi ħdan dan il-mudell, bħal dawk dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin permezz tal-possibbiltà li l-Istat jitlob l-irkupru tad-danni mħallsa lill-persuni leżi, għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-imħallfin kontra l-pressjonijiet li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tagħhom u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Għar-raġunijiet esposti hawn fuq, fl-assenza ta’ kwalunkwe applikazzjoni prattika fil-livell nazzjonali li tissuġġerixxi li kien hemm xi użu ħażin, f’dan li ġej ser niffoka biss fuq ir-reviżjoni astratta tal-pjan ta’ azzjoni, flimkien mal-eventwali interazzjoni li ġiet issuġġerita bejn ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ġudizzjarja u regoli oħra li ġew adottati reċentement fil-qasam tar-riforma tal-Liġijiet tal-Ġustizzja fl-2018 ( 62 ).

2) L-elementi kkontestati

102.

Kif ġie rrilevat fl-eżami tal-ammissibbiltà tad-domandi f’din il-kawża, id-deċiżjoni tar-rinviju hija nieqsa minn informazzjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel id-domandi tagħha. B’mod partikolari, għalkemm il-kawża prinċipali tirrigwarda r-responsabbiltà tal-Istat fir-rigward ta’ allegata ċaħda illegali ta’ libertà, il-qorti tar-rinviju ma tat ebda tip ta’ spjegazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn id-definizzjoni ġenerali ta’ żball ġudizzjarju prevista fl-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004 u d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-responsabbiltà tal-Istat fil-proċeduri kriminali previsti fl-Artikoli 539 u 541 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

103.

Dan il-fatt immotiva l-proposta tiegħi li s-seba’ domanda tiġi ddikjarata inammissibbli. Dan huwa rilevanti wkoll fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għar-raba’ sas-sitt domandi. Għalhekk, l-analiżi tiegħi iktar’ il quddiem hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004 huwa tabilħaqq rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

104.

Sabiex tingħata tweġiba utli lill-qorti tar-rinviju, hemm tliet gruppi differenti ta’ kwistjonijiet li jistħoqqilhom jiġu kkunsidrati u li ħarġu mis-sottomissjonijiet tal-partijiet kif ukoll matul is-seduta: jekk l-elementi suġġettivi li jagħtu lok għar-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin jistgħux leġittimament ikunu marbuta ma’ każijiet ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi (i); jekk il-proċedura relatata mad-deċiżjoni li titkompla l-azzjoni ta’ rkupru hijiex suġġetta għall-garanziji speċifiċi (ii); u jekk din il-proċedura, fid-dawl tar-rabta stretta mal-proċedura li tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju, tosservax id-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin ikkonċernati (iii).

i) Il-mala fide jew in-negliġenza gravi

105.

L-Artikolu 96(7) tal-Liġi Nru 303/2004 jipprovdi li l-azzjoni ta’ rkupru mill-Istat kontra l-imħallef responsabbli għall-iżball ġudizzjarju hija limitata għall-każijiet ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi. Dawn il-kunċetti huma ddefiniti fl-Artikolu 991 tal-Liġi Nru 303/2004, li hija dispożizzjoni li taqa’ taħt t-taqsima ta’ din il-liġi ddedikata għar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin u l-prosekuturi. Kif nifhima jien, sabiex ir-responsabbiltà tal-Istat tiġi mħallsa fl-ewwel stadju, għandu jkun hemm żball ġudizzjarju li jissodisfa l-kriterji kollha previsti jew fl-Artikolu 96(3)(a) jew fl-Artikolu 96(3)(b) tal-Liġi Nru 303/2004. Sussegwentement, sabiex azzjoni ta’ rkupru mressqa kontra mħallef tirnexxi fit-tieni stadju, jeħtieġ ukoll li jkun hemm, minbarra dawn il-kundizzjonijiet, element suġġettiv stabbilit fir-rigward tal-imħallef individwali kkonċernat, jew fil-forma ta’ mala fide jew inkella f’dik ta’ negliġenza gravi.

106.

Jekk dan huwa effettivament il-każ, għalhekk għandi naqbel mas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Gvern Rumen dwar dan il-punt. Lanqas il-fatt li azzjoni ta’ rkupru hija possibbli fil-każ ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi ma huwa problematiku fih innifsu. Dawn il-kunċetti huma ddefiniti mil-liġi b’mod li ma jidhirx li jiddevja mid-definizzjonijiet ġeneralment stabbiliti ta’ dawn il-kunċetti. Skont l-Artikolu 991(1) tal-Liġi Nru 303/2004, ikun hemm mala fide jekk l-imħallef “[jikser jew tikser] intenzjonalment regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali u li jew ikollu l-intenzjoni li jikkawża dannu lil persuna oħra, jew jaċċetta li l-ksur se jikkawża dannu lil persuna oħra”. Skont l-Artikolu 991(2), ikun hemm negliġenza gravi meta mħallef “b’negliġenza [jinjora jew tinjora] r-regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali b’mod li huwa serju, inkonfutabbli u mhux skużabbli.” Barra minn hekk, jidher li l-eżerċizzju in mala fide jew b’negliġenza gravi ta’ din il-funzjoni ġudizzjarja, irrispettivament mir-responsabbiltà kriminali eventwali, jista’ jammonta wkoll għal reat dixxiplinari skont l-Artikolu 99(t) ta’ din il-liġi, anki jekk l-att ma jissodisfax l-elementi kostituttivi ta’ reat.

107.

Ebda argument ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jispjega eżattament dak li huwa żbaljat fit-tali definizzjoni, u lanqas ma ntwera li l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dawn il-kunċetti tpoġġi f’dubju l-applikazzjoni prattika tagħhom jew tindika abbuż. Għal darba oħra, jekk l-argument li l-“indipendenza ġudizzjarja vera” teżiġi immunità funzjonali totali ma jiġix adottat, allura r-rikonoxximent ta’ responsabbiltà għal danni kkawżati in mala fide jew b’negliġenza gravi huwa konformi ma’ dak li jidher li huwa l-istandard ġenerali, kif ġie indikat ukoll mill-Kummissjoni ta’ Venezja ( 63 ).

108.

Lanqas ma nara għaliex ir-rekwiżiti imposti mill-prinċipju tal-Unjoni ta’ indipendenza ġudizzjarja għandhom jipprovaw jiddevjaw minn dan il-bilanċ. Ladarba l-imħallfin ikunu effettivament protetti minn kull azzjoni għal responsabbiltà diretta permezz tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat bħala l-uniku mezz possibbli sabiex l-individwi jfittxu għad-danni, l-eżistenza ta’ possibbiltà iktar stretta ta’ rkupru mill-Istat f’każijiet verament xokkanti fejn l-imħallef ikun effettiv wettaq użu ħażin ta’ poter ( 64 ) u negliġenza gravi, tagħmel mod li l-funzjoni ġudizzjarja tkun suġġetta għal standard ta’ diliġenza fejn ksur serju biss ikun jista’ jixkatta r-responsabbiltà ċivili tal-imħallef.

109.

Madankollu, b’mod ġenerali, il-punt tad-dibattitu f’din il-kawża ma jidhirx li huma tant il-kundizzjonijiet materjali li jixkattaw ir-responsabbiltà ċivili tal-membri tal-ġudikatura iżda, pjuttost, il-proċedura li tagħmilha possibbli li l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, li jaġixxi bħala rikorrent, li jibda l-azzjoni fit-tieni stadju. Huwa dan l-element li jiena issa ser ngħaddi għalih.

ii) Il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi bħala r-rikorrent?

110.

Il-qorti tar-rinviju rrilevat li, fit-tieni stadju, fejn għandu jiġi ddeterminat jekk l-iżball twettaqx minn membru tal-ġudikatura in mala fide jew b’negliġenza gravi, ir-regoli stabbiliti mill-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004 huma manifestament arbitrarji, peress li r-responsabbiltà tal-membru tal-ġudikatura titħalla esklużivament għad-determinazzjoni tal-Istat.

111.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna, waqt is-seduta, li s-sistema l-ġdida ta’ responsabbiltà ċivili tal-membri tal-ġudikatura hija problematika jekk il-poter eżekuttiv għandu rwol diskrezzjonali u deċiżiv fit-tnedija tal-azzjoni ta’ rkupru. Dan il-gvern jirrileva wkoll il-ħtieġa li din is-sistema tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-evalwazzjoni globali tar-riformi tas-sistema ġudizzjarja fir-Rumanija.

112.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk ir-responsabbiltà tal-imħallfin f’każijiet ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi ma hijiex problematika fiha nnifisha, huwa madankollu neċessarju li jiġu pprovduti ċerti garanziji proċedurali. Fil-fehma tagħha, il-fatt li l-azzjoni ta’ rkupru tiġi eżaminata minn ġurisdizzjoni indipendenti diġà jikkostitwixxi garanzija proċedurali. Huwa meħtieġ ukoll li l-kundizzjonijiet li fihom tiġi introdotta l-azzjoni ta’ rkupru jippreżentaw garanziji speċifiċi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiddikjara li hemm possibbiltajiet differenti. L-ixkattar tal-azzjoni ta’ rkupru jista’ jkun limitat għall-każijiet li fihom ir-responsabbiltà kriminali jew dixxiplinari tal-imħallef tkun diġà ġiet stabbilita permezz ta’ deċiżjoni definittiva. Garanzija oħra possibbli tista’ tkun li l-introduzzjoni tal-azzjoni ta’ rkupru tiġi fdata lil struttura ġudizzjarja indipendenti, bħal-KSM. Il-Kummissjoni ssostni li dawn il-garanziji ma humiex żgurati mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ peress li l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi jista’ jibda l-azzjoni ta’ rkupru fid-diskrezzjoni tiegħu stess u peress li l-opinjoni tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) hija purament konsultattiva. F’dan ir-rigward, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija konformi ma’ ċerti osservazzjonijiet tal-GRECO u tal-Kummissjoni ta’ Venezja ( 65 ).

113.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jidher li t-tħassib prinċipali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-imħallfin jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ żewġ korpi fil-proċess li jwassal għad-deċiżjoni tal-Istat li jibda l-azzjoni ta’ rkupru: il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi u l-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju).

114.

Skont l-Artikolu 96(7) tal-Liġi Nru 303/2004, il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, fi żmien xahrejn min-notifika tas-sentenza definittiva li tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju għandu jadixxi lill-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) bil-kwistjoni. Dan il-korp jista’, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 741 tal-Liġi Nru 317/2004, jiddetermina jekk l-iżball ġudizzjarju ġiex ikkawżat minn imħallef li aġixxa in mala fide jew b’negliġenza gravi. F’terminu ta’ sitt xhur min-notifika ta’ dan ir-rapport, skont l-Artikolu 96(8) tal-Liġi Nru 303/2004, l-Istat, irrappreżentat mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, għandu jressaq azzjoni għal rimedju meta, wara r-rapport konsultattiv tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) imsemmi iktar ’il fuq u “l-evalwazzjoni rispettiva tiegħu”, huwa jqis li l-iżball ġudizzjarju ġie kkawżat mill-imħallef li aġixxa in mala fide jew b’negliġenza gravi.

115.

Fil-fehma tiegħi, element wieħed ta’ min jiġi enfasizzat mill-bidu: jekk nifhem il-leġiżlazzjoni nazzjonali korrettament, ir-rwol tal-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi huwa limitat sabiex jiddeċiedi jekk jibdiex l-azzjoni ta’ rkupru u b’hekk jibda t-tieni stadju. Għalhekk, għall-finijiet prattiċi kollha, dan il-ministeru huwa sempliċement ir-rikorrent potenzjali fi proċedura li hija meqjusa li tiżvolġi quddiem qorti indipendenti. Barra minn hekk, l-imsemmi ministeru jista’ jaġixxi biss jekk, wara proċedura oħra quddiem qorti indipendenti oħra, tkun ittieħdet deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tikkonferma l-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju u li l-Istat huwa responsabbli.

116.

Għalhekk, għall-finijiet prattiċi kollha, id-diskrezzjoni fil-proċess deċiżjonali tal-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi jidher li fil-fatt tinstab “maqbuda bejn” żewġ istanzi ta’ qrati ċivili indipendenti. F’tali kuntest, nerġa’ nsiba diffiċli li nara x’hemm li huwa, fih innifsu, inkompatibbli ma soluzzjoni li tagħti lit-teżor pubbliku, li kellu jħallas flus lill-persuna leża wara l-evalwazzjoni awtonoma ta’ qorti ċivili, locus standi bħala rikorrent bil-possibbiltà li jfittex rimedju mingħand l-imħallef li seta’ kkawża dan id-dannu in mala fide jew b’negliġenza gravi ( 66 ). Barra minn hekk, il-Ministeru ma jistax jiddeċiedi huwa stess fuq il-kwistjoni tar-responsabbiltà ċivili – huwa sempliċement jiddeċiedi jekk jadixxix qorti oħra (indipendenti).

117.

Liema huma s-salvagwardji l-oħra kontra abbuż potenzjali minn poter pubbliku li jagħmel pressjoni fuq l-imħallfin li huma neċessarji f’tali sistema? Qabelxejn, is-suġġeriment li għandu jkun hemm salvagwardji addizzjonali jimplika li, f’dan l-Istat Membru, żewġ settijiet ta’ qrati indipendenti bir-rimedji kollha disponibbli ( 67 ) ma humiex biżżejjed sabiex jipprevjenu l-abbuż strutturali. Madankollu, jekk dan huwa fil-fatt il-preżunzjoni tat-tluq, liema hija l-indipendenza ġudizzjarja li għandha tiġi protetta fi ħdan tali sistema? Żewġ settijiet ta’ tilwim jistgħu jwasslu għal abbuż, iżda jekk tiżdied it-tielet waħda, din id-darba forsi f’forma ta’ proċedura dixxiplinari, kollox ikun sew? Barra minn hekk, f’termini strutturali, il-preżunzjoni li l-ewwel parti tal-proċedura dwar ir-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi influwenzata sabiex titqiegħed pressjoni fuq imħallef individwali, billi jiġi deċiż b’mod selettiv dwar jekk tinbediex l-azzjoni ta’ rkupru, issofri wkoll mill-preżunzjoni kemxejn singulari ta’ Stat Membru kamikaze li jkun lest li jinfluwenza l-qrati tiegħu stess għad-detriment tiegħu, u b’hekk effettivament iwassalhom sabiex jagħtu danni individwali kontrih, sabiex imbagħad ikun jista’ jeżerċita pressjoni fuq l-imħallfin individwali fit-tieni stadju.

118.

Fi kwalunkwe każ, għal darba oħra ma narax kif, f’ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, li josserva l-awtonomija proċedurali u d-diversità istituzzjonali fost l-Istati Membri tiegħu, sistema nazzjonali li fiha l-eventwali responsabbiltà ċivili tal-imħallfin tista’ tiġi vverifikata biss wara żewġ serje ta’ tilwim separati quddiem qrati ċivili (indipendenti), bla ħsara għall-istħarriġ u għar-rimedji disponibbli skont is-sistema nazzjonali, tkun fiha nnifisha inkompatibbli mal-prinċipju tal-Unjoni ta’ indipendenza ġudizzjarja.

119.

Ċertament, jista’ jkun hemm arranġamenti oħra istituzzjonali jew proċedurali konċepibbli. Kwalunkwe responsabbiltà ta’ mħallef, kemm jekk tkun ċivili jew dixxiplinari, tista’ tkun esklużivament suġġetta għal deċiżjoni definittiva tal-korp li jiddeċiedi dwar proċeduri dixxiplinari fil-ġudikatura. Fil-fatt, dan jista’ jkun, taħt ċerti ċirkustanzi, approċċ istituzzjonali iktar loġiku u rakkomandabbli, li jiggarantixxi l-koerenza bejn il-proċeduri ta’ responsabbiltà dixxiplinari u ċivili ( 68 ). Madankollu, dawk il-kunsiderazzjonijiet, li jimmilitaw favur disinn istituzzjonali preżumibbilment aħjar, ma jfissrux awtomatikament li hemm ksur tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja sempliċement minħabba li huma kkontemplati disinji istituzzjonali oħra ( 69 ). Fil-fatt, mill-perspettiva tar-rekwiżiti tal-prinċipju tal-Unjoni ta’ indipendenza ġudizzjarja, dak li huwa deċiżiv ma hijiex daqshekk in-natura dixxiplinari, ċivili jew kriminali, tal-ġurisdizzjoni li tieħu d-deċiżjoni finali, iżda l-indipendenza tagħha.

120.

Madankollu, meta wieħed jiffoka fuq l-element speċifiku tar-rwol tal-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi fid-deċiżjoni dwar jekk tinbediex l-azzjoni ta’ rkupru, jidher li hemm nuqqas ta’ ċarezza preċiżament dwar x’inhuma dawn ir-regoli. Nifhem li dan huwa parzjalment attribwibbli għall-fatt li ma hemmx applikazzjoni prattika dwar dan il-punt dan il-punt. Il-Gvern Rumen sostna, fl-ewwel lok, li r-rikors ma huwiex awtomatiku. Madankollu, matul is-seduta, dan il-gvern spjega li l-bidu ta’ azzjoni ta’ rkupru huwa suġġett għal rapport tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) li jistabbilixxi li l-iżball ġudizzjarju kien ikkawżat in mala fide jew b’negliġenza gravi.

121.

Minflok ma jimponi obbligu fuq il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi sabiex jibda l-azzjoni, jidher għalhekk li l-Artikolu 96(7) tal-Liġi Nru 303/2004 jipprevedi proċedura sistematika li l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi għandu jattiva billi jirreferi l-kawża lill-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) kull darba li tintrebaħ kawża kontra l-Istat minħabba żball ġudizzjarju. Dan ifisser li r-responsabbiltà tal-Istat tagħti awtomatikament lok għal investigazzjoni dwar l-eżistenza ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi min-naħa tal-imħallef, li sussegwentement tikkristallizza ruħha f’rapport.

122.

Fil-fehma tiegħi, sakemm deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-Istat jew l-eventwali responsabbiltà ċivili suċċessiva ta’ mħallef f’każijiet ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi tista’ tittieħed biss minn qorti indipendenti, din hija garanzija suffiċjenti fiha nnifisha. Madankollu, fid-dawl tal-intenzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali li jissuġġetta b’mod ċar id-diskrezzjoni tar-rikorrenti qabel it-tieni stadju għal iktar garanziji, il-parteċipazzjoni tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju), bħala l-korp indipendenti fi ħdan il-KSM inkarigat mill-investigazzjonijiet ta’ natura dixxiplinari fi ħdan il-ġudikatura, tikkostitwixxi element adatt sabiex isaħħaħ il-garanziji tas-sistema. Madankollu, dan huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, l-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) nnifisu jrid jkun indipendenti. It-tieni nett, ir-rapport maħruġ minnu għandu jorbot, jekk iwassal għal konklużjoni negattiva, lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi.

123.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, kif irrilevat fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et, minkejja l-fatt li l-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) ma jiddeċidix fuq kwistjonijiet dixxiplinari, jidher ċar li s-setgħat ta’ investigazzjoni tiegħu diġà jistgħu, indipendentement mill-garanziji offruti mill-korp li jiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-proċedura dixxiplinari, jeżerċitaw ċerta pressjoni fuq il-persuni li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu f’tilwima ( 70 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, f’sistema bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, huwa imperattiv li l-korp inkarigat li jipprovdi perizja dwar il-mala fide jew in-negliġenza gravi jkun huwa stess, sa grad raġonevoli, imparzjali. Madankollu, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas il-partijiet ma ppreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja argumenti li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-imparzjalità tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) f’dan ir-rigward ( 71 ).

124.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja espressament talbet xi preċiżazzjonijiet waqt is-seduta, jibqa’ inċert jekk il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi jistax iressaq l-azzjoni fil-każ li r-rapport tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) jikkonkludi li ma kienx hemm mala fide jew negliġenza gravi. Il-Gvern Rumen spjega waqt is-seduta li, għalkemm dan ma huwiex evidenti mit-test tad-dispożizzjoni, il-konstatazzjoni ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi fir-rapport tal-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) hija kundizzjoni sabiex il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi jibda l-azzjoni ta’ rkupru.

125.

Jekk dan huwa tabilħaqq il-każ, fatt li fl-aħħar mill-aħħar għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali, allura s-sistema mhux biss toffri l-garanziji neċessarji (li kull konstatazzjoni ta’ responsabbiltà ġudizzjarja personali hija suġġetta għal kundizzjonijiet pjuttost stretti u li tista’ tiġi stabbilita biss minn qorti indipendenti), iżda saħansitra tipprovdi garanziji li jmorru lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju normalment (pereżempju, li l-Ministeru, bħala r-rikorrent fit-tieni stadju, għandu josserva rekwiżiti speċifiċi sabiex jibda azzjoni ta’ rkupru quddiem tali qorti indipendenti).

iii) Id-drittijiet tad-difiża

126.

Il-qorti tar-rinviju indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju li l-imħallef ma għandux l-opportunità li jeżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tiegħu jew tagħha. Fl-ewwel lok, il-qorti nazzjonali tqis li l-ewwel stadju, li tikkonċerna esklużivament lill-parti leża bħala rikorrenti u l-Istat bħala l-konvenut, teskludi lill-membru tal-ġudikatura effettivament ikkonċernat mill-proċeduri. Dan jista’ jippreġudika l-prinċipju ta’ audi alteram partem u d-drittijiet tad-difiża tal-imħallef fil-proċeduri sussegwenti li fihom l-Istat jista’ jitlob kumpens direttament mingħand l-imħallef, sa fejn il-kwistjoni legali tal-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju hija solvuta matul fl-ewwel stadju.

127.

Il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li l-konstatazzjoni ta’ żball ġudizzjarju ma tistax twassal għar-responsabbiltà ta’ mħallef jekk dan l-imħallef ma jkunx jista’ jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu jew tagħha fil-proċeduri li jwasslu għall-istabbiliment ta’ dan l-iżball. L-imħallef għandu wkoll jinstema’ fil-proċedura intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju.

128.

Il-Gvern Rumen ippreċiża, waqt is-seduta, li l-imħallef konvenut jista’ jikkonfuta, fil-proċedura dwar ir-responsabbiltà tiegħu jew tagħha, id-dikjarazzjonijiet kollha dwar l-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju li jinsab fis-sentenza li tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-Istat. Barra minn hekk, dak l-imħallef jista’ wkoll jipparteċipa bħala intervenjent fil-proċedura kontra l-Istat.

129.

Nibża’ li, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni speċifika, il-Qorti tal-Ġustizzja ssib ruħha xi ftit nieqsa mill-informazzjoni. Ma huwiex ċar jekk il-qorti li tiddeċiedi dwar l-iżball ġudizzjarju matul l-ewwel stadju hijiex obbligata taċċetta kull talba għal intervent. L-istatus proċedurali tal-imħallef f’din il-proċedura ma huwiex ċar. Fl-aħħar nett, minħabba l-fatt li l-kawża quddiem il-qorti nazzjonali tinsab attwalment fl-ewwel stadju, u mhux fit-tieni wieħed, hemm nuqqas ta’ ċarezza evidenti dwar kif se titqies fit-tieni stadju kull dikjarazzjoni finali tal-qorti ċivili fl-ewwel stadju fil-konfront tal-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju. Wara kollox, id-definizzjoni sostantiva ta’ x’jikkostitwixxi eżattament żball ġudizzjarju tidher li hija l-istess għaż-żewġ stadji: dak li hu miżjud fit-tieni stadju huwa l-element suġġettiv ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi, iżda fir-rigward tal-istess żball ġudizzjarju.

130.

F’kull każ, fil-fehma tiegħi, imħallef li qiegħed jaffaċċja azzjoni għal responsabbiltà ċivili fit-tieni stadju għandu jkun jista’ jikkontesta kull element u l-elementi kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dak il-każ: l-elementi kollha ta’ definizzjoni li jistgħu jintużaw biex jiġi stabbilit l-allegat żball ġudizzjarju tiegħu jew tagħha skont l-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004, kif ukoll l-intenzjoni tiegħu jew tagħha (jew in-nuqqas tagħha) b’rabta ma’ dak l-iżball skont l-Artikolu 991 tal-Liġi Nru 303/2004. Il-mod kif tali dritt sħiħ tad-difiża għandu jiġi implimentat fl-istruttura taż-żewġ proċeduri huwa fil-fatt kwistjoni tad-dritt nazzjonali. Kull ma huwa ċar huwa dak li ma jistax jiġri, jiġifieri li mħallef isib ruħu jew ruħha fit-tieni stadju, filwaqt li ma jkunx jew ma kinitx ipparteċipat b’xi mod sinjifikattiv fl-ewwel wieħed, iffaċjat b’konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ żball ġudizzjarju li tkun diġà ġiet deċiża fl-ewwel stadju, u b’dan il-mod effettivament tippreġudika r-responsabbiltà personali tiegħu jew tagħha.

131.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali applikabbli fil-qafas ta’ azzjoni ta’ rkupru mressqa mill-Istat jippermettux li l-imħallef ikkonċernat ikollu tali drittijiet tad-difiża sħaħ. Jekk dan ma jkunx il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-drittijiet tad-difiża previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta, sabiex tagħti lill-imħallef, fil-qafas jew tal-proċedura bejn il-persuna leża u l-Istat, jew ċertament l-iktar tard fil-proċedura bejn l-Istat u l-imħallef ikkonċernat, il-possibbiltà li jippreżenta b’mod sħiħ il-pożizzjoni tiegħu jew tagħha fir-rigward tal-elementi kollha allegati.

c)   Konklużjoni u twissija

132.

Fil-fehma tiegħi, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE la jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju, bħall-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004, u lanqas l-eżistenza tal-possibbiltà li l-Istat sussegwentement iressaq azzjoni ta’ rkupru għar-responsabbiltà ċivili kontra l-imħallef ikkonċernat fil-każ ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi min-naħa ta’ dak l-imħallef, sakemm dawn il-proċeduri joffru garanziji suffiċjenti sabiex jiżguraw li l-membri tal-ġudikatura ma jkunux suġġetti għal pressjoni diretta jew indiretta li tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha quddiemha, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti mill-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004, minn leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti oħra, kif ukoll mill-prassi ta’ applikazzjoni.

133.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża u tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, fil-fehma tiegħi, kull konklużjoni oħra tiġi perikolożament viċin jew li tissuġġerixxi li, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jkun hemm immunità funzjonali totali għall-imħallfin nazzjonali, jew li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha effettivament timpenja ruħha bit-tfassil mill-ġdid tal-istituzzjonijiet u tal-proċeduri nazzjonali billi tassumi ċerti kompetenzi minn istituzzjoni waħda (il-qrati ċivili) u tittrażmettiha effettivament lil oħra (bordijiet dixxiplinari jew korpi oħra fi ħdan il-KSM), mingħajr ma jkun hemm ebda raġuni speċifika biex tagħmel dan ħlief għal viżjoni kkonċepita minn qabel ta’ ċerta struttura ta’ responsabbiltà ġudizzjarja. Huwa evidenti li dan mhux biss jikkontradixxi l-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali u proċedurali nazzjonali, iżda jrendi wkoll inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni diversi soluzzjonijiet nazzjonali oħra li jeżistu fl-Istati Membri.

134.

Kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociaţia Forumul Judecătorilor din România et ( 72 ), iżda wkoll fis-sentenzi reċenti ta’ tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka ( 73 ), l-evalwazzjoni tar-regoli dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja u s-separazzjoni tal-poteri hija marbuta mill-qrib ma’ kuntest ġuridiku u ċirkustanzjali usa’. Sakemm ma hijiex biss is-sempliċi kompatibbiltà astratta ta’ pjan ta’ azzjoni istituzzjonali li għandha tiġi eżaminata, l-evalwazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tistax tiġi sseparata miċ-ċirkustanzi fattwali u mill-eżempji tal-użu tagħhom fil-prattika. F’dan is-sens, il-leġiżlazzjoni nazzjonali intiżi sabiex tiġi promossa r-responsabbiltà tal-ġudikatura, għalkemm jistgħu jidhru perfetti “fuq il-karta”, ċertament ma humiex immuni minn pressjoni interna jew esterna fil-prattika.

135.

Madankollu, kif ġie ripetutament enfasizzat matul dawn il-konklużjonijiet, ebda element ma ġie żvelat f’dan il-każ li juri kif eżattament il-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża hija esposta għal użu ħażin flimkien ma’ regoli oħra, jew b’liema mod qiegħdin attwalment jiġu użati ħażin fil-prattika.

136.

Il-konklużjoni li wasalt għaliha iktar ’il fuq hija għalhekk valida fil-kuntest astratt ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-partijiet irrikonoxxew espressament li ma hemm ebda prattika jew indikazzjoni dwar l-użu (jew użu ħażin) prattiku tas-sistema l-ġdida bħala miżura ta’ pressjoni fuq l-imħallfin. Naturalment, din il-konklużjoni ma tipprekludix li tista’ tiġi adottata soluzzjoni differenti mill-qorti nazzjonali, jew anki mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-iżviluppi futuri fir-rigward tal-użu prattiku tas-sistema li għadha kif ġiet evalwata.

V. Konklużjoni

137.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari kif ġej: it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE la jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal żball ġudizzjarju, bħall-Artikolu 96(3) tal-Liġi Nru 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi), u lanqas il-possibbiltà li l-Istat sussegwentement jibda azzjoni ta’ rkupru għar-responsabbiltà ċivili kontra l-imħallef ikkonċernat fil-każ ta’ mala fide jew ta’ negliġenza gravi min-naħa ta’ dak l-imħallef, sakemm dawn il-proċeduri joffru garanziji suffiċjenti sabiex jiżguraw li l-membri tal-ġudikatura ma jkunux suġġetti għal pressjoni diretta jew indiretta li tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha quddiemha, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti mill-Artikolu 96 tal-Liġi Nru 303/2004, minn leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti oħra, kif ukoll mill-prassi ta’ applikazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).

( 3 ) Konklużjonijiet tat‑23 ta’ Settembru 2020 fil-Kawżi magħquda C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u fil-Kawża C‑355/19 (EU:C..), iktar ’il quddiem il-“Konklużjonijiet f’Asociaţia Forumul Judecătorilor Din România et” imqassra bħala l-“Konklużjonijiet AFJR” għall-finijiet ta’ referenza.

( 4 ) Monitorul Oficial al României, PartiI Nru 868, tal‑15 ta’ Ottubru 2018.

( 5 ) Ara l-punti 173 sa 182 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 6 ) Ara l-punt 78 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 7 ) Ara l-punt 79 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 8 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 45).

( 9 ) Ibidem, punti 20, 21 u 54.

( 10 ) Għal preżentazzjoni ta’ xenarji individwali, flimkien ma’ suġġeriment dwar l-elementi li għandhom jiġu argumentati u ddeterminati f’kull każ individwali, ara l-punti 240 sa 248 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 11 ) Li hija, b’xi mod, sempliċiment kwistjoni dwar kif issir domanda formalment: (i) sistema nazzjonali ta’ proċeduri dixxiplinari hija kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-indipendenza ġudizzjarja peress li l-imħallef X jibża’ li jiġi mhedded b’sanzjoni dixxiplinari?, tista’ faċilment tiġi fformulata mill-ġdid bħala (ii) id-dritt għal smigħ xieraq tar-rikorrent A f’każ li jinvolvi d-dritt tal-Unjoni ma huwiex ippreġudikat mill-fatt li din il-kawża qiegħda tiġi deċiża mill-imħallef X li qiegħed jiġi mhedded bi proċedura dixxiplinari jekk huwa jew hija ma tiddeċidix b’ċertu mod?

( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C-415/11, EU:C:2013:164, punti 32 et seq.) jew tad‑9 ta’ Novembru 2017, Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:843, punti 20 et seq.).

( 13 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ser jiġi espost iktar ’il quddiem fil-punt 93, dwar il-fondatezza tad-domandi preliminari, eskludiet li r-rekwiżit ta’ sistema ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba żbalji ġudizzjarji tammonta għal-kwistjoni tat-theddida għall-indipendenza ta’ mħallef individwali.

( 14 ) Ara, b’mod simili, il-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawża Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:340, punt 36).

( 15 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 35 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Ara l-punt 220 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 17 ) Punti 186 sa 225 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 18 ) Ara wkoll iktar ’il fuq, punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 51); tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 83); kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturság (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34).

( 20 ) Fid-dettall, il-punti 212 sa 225 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 21 ) Iktar ’il fuq, punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara, għal eżempju reċenti, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, I.N (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 43).

( 23 ) Deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) Nru 45/2018, tat‑30 ta’ Jannar 2018, Monitorul Oficial al României Parti I Nru 199 tal‑5 ta’ Marzu 2018 u Nru 252/2018 tad‑19 ta’ April 2018, Monitorul Oficial al României Parti I Nru 399 tad‑9 ta’ Mejju 2018.

( 24 ) Deċiżjoni Nru 417/2018, tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Monitorul Oficial al României Parti I Nru 534, tas‑27 ta’ Ġunju 2018.

( 25 ) Monitorul Oficial al României Parti I Nru 850 tat‑8 ta’ Ottubru 2018.

( 26 ) Miġbura fil-qosor, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-evalwazzjoni mill-Inspecția Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju) għandha titwettaq minn Kumitat ta’ tliet imħallfin jew tliet prosekuturi skont il-kariga tal-persuna li qiegħdha tiġi evalwata. L-evalwazzjoni għandha titwettaq fi żmien tletin jum minn meta jiġi adit il-Kumitat bil-possibbiltà li dan it-terminu jiġi estiż bi tletin jum fuq ordni tal-ispettur ewlieni. Tali evalwazzjoni tista’ titwettaq anki meta l-persuna kkonċernata ma għadhiex taqdi l-kariga ta’ imħallef jew ta’ prosekutur (paragrafi 1, 2, 3 u 6). Is-smiegħ tal-imħallef ikkonċernat huwa mandatorju, iżda l-fatt li l-imħallef li qiegħed jiġi evalwat jirrifjuta li jagħmel dikjarazzjonijiet jew li jipparteċipa għas-seduti għandu jiġi rreġistrat fil-minuti u ma għandux jostakola t-tlestija tal-evalwazzjoni. L-imħallef ikkonċernat għandu d-dritt li jkun jaf bl-atti kollha tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u li jitlob it-tressiq ta’ provi għad-difiża. L-evalwazzjoni għandha tkun iffinalizzata b’rapport li huwa suġġett għal konferma min-naħa tal-ispettur ewlieni (paragrafi 4, 5 u 8). Fl-aħħar net, ir-rapport għandu jiġi kkomunikat lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi u lill-imħallef ikkonċernat (paragrafu 7).

( 27 ) Skont il-formulazzjoni preċedenti tal-Artikolu 96(4) tal-Liġi Nru 303/2004, qabel ma ġiet emendata, kif riprodott fid-dokument CDL-REF(2018)023 li jakkumpanja l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja 924/2018, “id-dritt ta’ persuna leża għal kumpens għad-danni materjali kkawżati minn żbalji ġudizzjarji mwettqa fi proċessi li ma humiex proċessi kriminali jista’ jiġi eżerċitat biss jekk deċiżjoni definittiva tkun preċedentement stabbilixxiet ir-responsabbiltà kriminali jew dixxiplinari, skont il-każ, tal-imħallef jew tal-prosekutur għal att imwettaq matul il-proċess u jekk dan l-att jistax x’aktarx jiddetermina żball ġudizzjarju”.

( 28 ) Skont il-formulazzjoni preċedenti tal-Artikolu 96(7) tal-Liġi Nru 303/2004, qabel ma ġiet emendat, kif riprodott fid-dokument CDL-REF(2018)023 li jakkumpanja l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja 924/2018, “l-Istat jista’, wara li l-kumpens ikun ġie kopert mill-Istat minħabba deċiżjoni irrevokabbli mogħtija skont il-paragrafu (6), iressaq azzjoni għad-danni kontra l-imħallef jew il-prosekutur li wettaq, in mala fide jew b’negliġenza gravi, l-iżball ġudizzjarju li kkawża d-danni”.

( 29 ) Ara, pereżempju, dwar ir-responsabbiltà għal atti ġudizzjarji fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, P. Martín Rodríguez, “State Liability for Judicial Acts in European Community Law: the Conceptual Weaknesses of the Functional Approach”, Columbia Journal of European Law, Vol. 11, ħarġa 3, 2005, p. 605 sa 621, f’614 et seq. B’mod ġenerali, ara pereżempju, Fairgrieve, D., State Liability in Tort: a Comparative Law Study, Oxford University Press, 2003 jew Oliphant, K. (ed.), The Liability of Public Authorities in Comparative Perspective, Intersentia, 2016.

( 30 ) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, COM(2018)851 tat-13 ta’ Novembru 2018, (Rapport tal-Kummissjoni MCV 2018), paragrafu 3.1, p. 3. F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni rrakkomandat s-“sospensjoni immedjata tal-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-ġustizzja u sussegwentement tad-Digrieti ta’ Emerġenza” u “r-reviżjoni tal-liġijiet tal-ġustizzja li jieħdu kompletament kont tar-rakkomandazzjonijiet permezz tas-[CVM] u li jinħarġu mill-Kummissjoni ta’ Venezja u mill-[GRECO].

( 31 ) Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni. Ir-Rumanija: Rapport tekniku li jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni MCV 2018, SWD (2018)551, p. 6.

( 32 ) Il-Kummissjoni ta’ Venezja, Opinjoni Nru 924/2018 dwar l-abbozzi ta’ emendi tal-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi, tal-Liġi Nru 304/2004 dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja, u tal-Liġi Nru 317/2004 dwar il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, adottata mill-Kummissjoni fil-116-il Sessjoni Plenarja tagħha (Venezja, 19 sal‑20 ta’ Ottubru 2018), CDL-AD(2018)017, (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja Nru 924/2018), punt 115.

( 33 ) Ibid., punt 116.

( 34 ) Ibid., punt 117.

( 35 ) Ibid., punt 121.

( 36 ) Ibid., punti 118 u 122.

( 37 ) Rapport ad hoc tal-GRECO dwar ir-Rumanija (Regola 34) tat‑23 ta’ Marzu 2018, Greco-AdHocRep(2018)2, (iktar ’il quddiem ir-“Rapport GRECO tal‑2018”), punt 47.

( 38 ) Rapport ta’ Segwitu għar-Rapport Ad Hoc dwar ir-Rumanija (Regola 34), tal‑21 ta’ Ġunju 2019, Greco-AdHocRep(2019)1, (iktar ’il quddiem ir-“Rapport ta’ Segwitu GRECO tal‑2019”), punti 45 sa 52.

( 39 ) Opinjoni taċ-CCJE Bureau wara talba tal-Assoċjazzjoni Forum tal-Imħallfin Rumeni fir-rigward tas-sitwazzjoni dwar l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Rumanija, 25 ta’ April 2019, CCJE-BU(2019)4, (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni CCJE tal‑2019”), punti 34 sa 44.

( 40 ) Ara l-punti 250 sa 256 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 41 ) Jew forsi fejn ma għandux jeżisti: bir-rikkezza ta’ provi empiriċi miġbura b’mod partikolari fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant sa mis-snin 1990, qiegħed issa jiġi ssuġġerit li l-mudelli u disinni istituzzjonali li ġew irrakkomandati għal diversi snin minn atturi Ewropej differenti, ma humiex neċessarjament ideali fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq ir-responsabbiltà u l-effikaċja tal-proċess ġudizzjarju. Ara b’mod partikolari, pereżempju, Kosař, D., Perils of Judicial Self-Government in Transitional Societies, Cambridge University Press, 2016.

( 42 ) Ara l-punti 240 sa 243 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 43 ) Ara, pereżempju, fis-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513); tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391); tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52).

( 45 ) Għal kif kienet is-sitwazzjoni xi snin ilu, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:207, punti 77 sa 84). Minn din l-analiżi, huwa kkonkluda li “l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal atti jew omissjonijiet tal-qrati supremi jista’ jiġi rikonoxxut bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju” (punt 85 ta’ dawk il-konklużjonijiet). [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-kriterji ta’ tali responsabbiltà f’“sitwazzjonijiet interni” f’numru konsiderevoli ta’ Stati Membri jidhru madankollu li huma sostanzjalment iktar stretti. Ara, pereżempju, Scherr, K. M. “Comparative aspects of the application of the principle of State liability for judicial breaches’, ERA Forum (2012), p. 565 sa 588; jew Varga, Z. ‘Why is the Köbler Principle not Applied in Practice?’, Maastricht Journal of European and Comparative Law 2016, p. 984 sa 1008, f’989 sa 991.

( 46 ) Ara, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi mill-qrati tal-Istati Membri, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513); jew tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391); jew, iktar reċenti, tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630).

( 47 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 43).

( 48 ) Barra minn hekk, il-Gvern Rumen waqt is-seduta żied jgħid li, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju, il-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) u, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni Nru 417/2018, introduċew mill-inqas tmien kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tat-talbiet li jfittxu li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat.

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 53).

( 50 ) Ara, pereżempju, QEDB, sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2003, Ernst et vs Il-Belġju, CE:ECHR:2003:0715JUD003340096, punti 47 sa 57, u tat‑12 ta’ Ġunju 2012, Gryaznov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2012:0612JUD001967303, punti 76 et seq. Ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 36).

( 51 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2006 (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 44).

( 52 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 46) u tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs l-Italja (C‑379/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:775, punti 35 sa 37).

( 53 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 60).

( 54 ) Ara, fl-istess sens, il-konklużjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja fl-eżaminazzjoni tal-formulazzjoni attwali tad-definizzjoni ta’ żball ġudizzjarju, billi tirrileva li “ma huwiex possibbli li jiġi ddefinit l-iżball ġudizzjarju mingħajr ma wieħed jirrikorri għal kunċetti ġenerali, li għandhom jiġu interpretati mill-qrati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni ta’ Venezja, Opinjoni Nru 924/2018, punt 115.

( 55 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 42).

( 56 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:207, punt 90).

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) Ara, per eżempju, Frau, M., “The Doctrine of Judicial Immunity from Civil Liability in a Comparative Perspective” f’A. Cygan u L. Spadacini, (eds.) Constitutional Implications of the Traghetti Judgment, biblioFabbrica, Brescia, 2010, p. 163 sa 179; għal rendikont kritiku, H. Toner, “Thinking the Unthinkable? State Liability for Judicial Acts after Factortame (III)”Yearbook of European Law 1997, p. 165 sa 189.

( 59 ) Ara, pereżempju, Canivet, G. u Joly-Hurard, J. “La responsabilité des juges, ici et ailleurs”, Revue internationale de droit comparé, 2006, Vol. 58, Nru 4, p. 1049 sa 1093, fi p. 1074 et seq. Ara, għal kont iktar qadim, Opinjoni Nru 3 (2002) taċ-CCJE dwar il-prinċipji u r-regoli li jirregolaw l-imġieba professjonali tal-imħallfin, b’mod partikolari l-etika, l-imġieba inkompatibbli u l-imparzjalità.

( 60 ) Opinjoni Nru 3 (2002) CCJE għall-attenzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prinċipji u r-regoli li jirregolaw il-kondotta professjonali tal-imħallfin, b’mod partikolari l-etika, l-aġir inkompatibbli u l-imparzjalità. F’din l-Opinjoni, iċ-CCJE qies li “ma huwiex xieraq li mħallef jiġi espost, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, għal kwalunkwe responsabbiltà personali, anki permezz ta’ rimbors tal-istat, ħlief f’każ ta’ nuqqas intenzjonat”. Bl-istess mod, fil-punt 22 tal-Magna Carta tal-Imħallfin abbozzata miċ-CCJE, Strasburgu, fis‑17 ta’ Novembru 2010, huwa indikat li “ma huwiex xieraq li imħallef jiġi espost, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu, għal kwalunkwe responsabbiltà personali, anki permezz ta’ rimbors tal-istat, ħlief f’każ ta’ nuqqas intenzjonat”. Din il-pożizzjoni hija enfasizzata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ fl-Opinjoni taċ-CCJE tal‑2019, punt 39.

( 61 ) Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja Nru 924/2018, punt 113, li tagħmel riferiment għal CDL-AD (2016)015, l-Osservazzjoni Amicus Curiae għall-Qorti Kostituzzjonali fuq id-Dritt għal Azzjoni Legali tal-Istat kontra l-Imħallfin, punti 77 sa 80. Ara wkoll, pereżempju, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar l-imħallfin: l-indipendenza, l-effikaċja u r-responsabbiltajiet, adottata fis‑17 ta’ Novembru 2010 fil-1098-il laqgħa tad-Deputati tal-Ministri, punti 66 u 67, “l-interpretazzjoni tal-liġi, l-evalwazzjoni tal-fatti jew l-ippiżar tal-provi mill-Imħallfin biex jiddeċiedu kawżi ma għandhomx jagħtu lok għar-responsabbiltà ċivili jew dixxiplinari, ħlief fil-każ ta’ malizzja jew negliġenza gravi.[..] l-Istat biss jista’ jitlob, permezz ta’ rikors quddiem qorti, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili ta’ mħallef fil-każ li huwa kellu jħallas kumpens”.

( 62 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 53 sa 60 u 66 sa 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Ta’ min jinnota li l-Artikolu 991(1) tal-Liġi Nru 303/2004 jirrikjedi intenzjoni suġġettiva doppja (mens rea): mhux biss li l-imħallef jikser intenzjonalment il-leġiżlazzjoni applikabbli (intenzjoni fir-rigward tal-illegalità), iżda li billi jagħmel dan ifittex jew jaċċetta id-dannu ta’ persuna (intenzjoni fil-forma ta’ dolus directus jew indirectus) fir-rigward tal-konsegwenza illegali speċifika mfittxija. Dan jidher, a priori, li huwa l-kriterju tal-att kriminali ta’ abbuż tal-kariga.

( 65 ) Ara l-punti 62 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 66 ) Kif tirrileva wkoll il-Kummissjoni ta’ Venezja, peress li dan il-ministeru huwa responsabbli mit-Teżor Pubbliku, bl-ebda mod ma huwa eskluż li dan jista’ jkun ir-rappreżentant tal-Istat f’dawn it-tip ta’ proċeduri. Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Fit-tieni stadju, il-qorti tal-appell tad-domiċilju tal-konvenut, li kontriha jeżisti dritt ta’ appell quddiem l-Înalta Curte de Casație i Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) — ara, iktar ’il fuq, il-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 68 ) Koerenza u koordinazzjoni, iżda mhux neċessarjament iktar garanziji ta’ indipendenza strutturali. Jekk hemm il-biża’ ta’ eventwali użu ħażin ta’ ċerti proċeduri minn ċerti partijiet tal-ispettru politiku, jew anki ċerti partijiet fi ħdan il-ġudikatura, li l-poteri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jitpoġġew f’idejn awtorità ċentrali waħda biss huwa, f’termini ta’ disinn istituzzjonali, idea ħażina ħafna. Bl-istess mod kif diġà ssuġġerejt fil-punt 307 tal-konklużjonijiet AFJR, f’termini ta’ potenzjal ta’ indipendenza strutturali, għal xi ħadd li għandu intenzjonijiet malizzjużi, ikun iktar faċli li jkkontrolla bord jew bordijiet dixxiplinari fil-kapitali milli 15-il qorti tal-appell mifruxin madwar il-pajjiż kollu.

( 69 ) Ara wkoll iktar ’il fuq, il-punti 68 sa 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Ara l-punti 267 sa 269 tal-konklużjonijiet AFJR.

( 71 ) Ċertament, il-konklużjoni li jiena ssuġġerejt fil-punti 274 sa 278 tal-konklużjonijiet AFJR kienet tesponi dubji dwar il-ħatra ad interim tal-ispettur kap ġudizzjarju skont l-Ordinanza ta’ Emerġenza Nru 77/2018. Madankollu, dan ma jistax jiġi interpretat bħala li jindika li l-istituzzjoni stess ma hijiex imparzjali. Barra minn hekk, dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ dan jew dak l-element strutturali tas-sistema ġudizzjarja ftit li xejn jista’ jinftiehem fis-sens li kwalunkwe ħaġa u dak kollu marbut ma’ din l-istituzzjoni u dan element huwa għalhekk ukoll awtomatikament “infettat”. F’din il-loġika, f’ħin jew ieħor, is-sistema ġudizzjarja kollha tista’ tiġi ddikjarata inkompatibbli “b’assoċjazzjoni”.

( 72 ) Il-punti 242 sa 244 tal-konklużjonijiet AFJR, kif ukoll il-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 142).