KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl‑4 ta’ Ġunju 2020 ( 1 )

Kawża C‑360/19

Crown Van Gelder BV

vs

Autoriteit Consument en Markt,

fil-preżenza ta’:

TenneT TSO BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 37 – Dmirijiet u setgħat tal-awtorità regolatorja – Kunċett ta’ ‘parti li jkollha lment’ – Ilment imressaq quddiem l-awtorità regolatorja fil-konfront ta’ operatur tas-sistema nazzjonali ta’ trażmissjoni – Ammissibbiltà – Neċessità ta’ relazzjoni diretta jew kuntrattwali ma’ dan l-operatur – Assenza”

1.

Sabiex ikun jista’ jitressaq ilment quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali fil-qasam tal-elettriku fil-konfront tal-operatur nazzjonali tas-sistema ta’ trażmissjoni, huwa neċessarju li wieħed ikun konness ma’ din is-sistema, abbażi ta’ relazzjoni kuntrattwali diretta ma’ dan l-operatur?

2.

Essenzjalment, din hija d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, li tirrigwarda talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE ( 2 ).

3.

Id-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju rriżultat fil-kuntest ta’ tilwima rigward rikors ippreżentat mill-kumpannija Crown Van Gelder BV (iktar ’il quddiem “Crown”) kontra deċiżjoni tal-Autoriteit Consument en Markt (l-Awtorità tal-Konsumaturi u tas-Swieq, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l-“ACM”), li permezz tagħha din tal-aħħar iddikjarat inammissibbli l-ilment imressaq minn Crown, riżultat ta’ blackout ta’ proporzjonijiet kbar, sabiex jiġi kkonstatat il-ksur min-naħa tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2009/72. L-ACM iddikjarat dan ir-rikors inammissibbli abbażi tal-assenza ta’ relazzjoni diretta bejn Crown, li hija konnessa ma’ sistema ta’ distribuzzjoni reġjonali, u l-imsemmi operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni.

4.

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-portata suġġettiva tad-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-qasam tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 ( 3 ).

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

Il-premessi 34, 37, 42, 51 u 54 tad-Direttiva 2009/72 jistabbilixxu s-segwenti:

“(34)

Sabiex is-suq intern tal-elettriku jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li r-regolaturi tal-enerġija jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet regolatorji relevanti kollha, u li jkunu indipendenti għal kollox minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat. Dan ma jipprekludix [ir-]reviżjoni ġudizzjarja […]

(37)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikollhom is-setgħa li jaddottaw deċiżjonijiet obbligatorji fir-rigward tal-impriżi tal-elettriku u li jimponu, penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq l-impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali fuq dawk l-impriżi. Ir-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw ukoll is-setgħat biex jiddeċiedu […] dwar miżuri adatti li jiżguraw li l-klijent jibbenefika. […] Ir-regolaturi tal-enerġija għandhom jingħataw ukoll is-setgħat li jikkontribwixxu għall-iżgurar ta’ standards għoljin ta’ servizz universali u pubbliku konformement mal-ftuħ tas-suq, il-protezzjoni ta’ klijenti vulnerabbli, u li l-miżuri ta’ protezzjoni tal-konsumatur ikunu kompletament effettivi. […]

(42)

L-industrija u l-kummerċ kollu tal-Komunità, inklużi l-impriżi żgħar u medji, u ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkunu qed igawdu mill-benefiċċji ekonomiċi tas-suq intern għandhom igawdu wkoll minn livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur u b’mod partikolari, il-klijenti domestiċi […]. Dawn il-klijenti għandu jkollhom ukoll aċċess għall-għażla, il-ġustizzja, ir-rappreżentanza u għal mekkaniniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim.

[…]

(51)

L-interessi tal-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ din id-Direttiva […]. Id-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu garantiti, u għandhom jinkludu aktar trasparenza. Il-ħarsien tal-konsumaturi għandu jiżgura li, fl-ambitu usa’ tal-[Unjoni], il-konsumaturi kollha jibbenefikaw minn suq kompetittiv. Id-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, jewmill-awtoritajiet regolatorji meta l-Istat Membru jkun għamel provvediment għal dan.

[…]

(54)

Id-disponibilità ta’ mezzi effettivi għar-riżoluzzjoni ta’ tiwim għall-konsumaturi kollha tiggarantixxi ħarsien akbar tal-konsumaturi. L-Istati Membri għandhom jintroduċu proċeduri rapidi u effettivi għat-trattar tal-ilmenti”.

6.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72, “[d]in id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija [fl-Unjoni]. Id-Direttiva tiddefinixxi wkoll l-obbligi ta’ servizz universali u d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku u tiċċara l-obbligi tal-kompetizzjoni.”

7.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(4)

‘operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operazzjoni, li tiżgura l-manutenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tiżviluppa s-sistema ta’ trasmissjoni f’żona partikolari u, fejn ikun japplika, tal-interkonnessjonijiet tagħha ma’ sistemi oħra, kif ukoll li tiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema biex tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku;

[…]

(9)

‘klijent finali’ tfisser klijent li jixtri l-elettriku għall-użu tiegħu;

[…]”.

8.

L-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli. […] Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna […] mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. […]”.

9.

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Kompiti tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni”:

“Kull operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni għandu jkun responsabbli biex:

(a)

jiżgura l-kapaċità fit-tul tas-sistema li tlaħħaq ma’ domandi raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku, l-operazzjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp taħt kondizzjonijiet ekonomiċi sistemi ta’ trasmissjoni siguri, affidabbli u effiċjenti b’kont dovut għall-ambjent;

(b)

jiżgura l-mezzi adegwati biex jissodisfa l-obbligi tas-servizz;

(c)

jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista permezz ta’ kapaċità ta’ trasmissjoni adegwata u affidabbiltà tas-sistema;

(d)

jamministra l-flussi ta’ enerġija fuq is-sistema, b’kont meħud ta’ skambji ma’ sistemi interkonnessi oħra. Għal dak il-għan, l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jkun responsabbli biex jiżgura sistema tal-elettriku sigura, affidabbli u effiċjenti u, f’dak il-kuntest, biex jiżgura d-disponibbiltà tas-servizzi anċillari kollha neċessarji, inklużi dawk provduti minn reazzjoni għad-domanda, kemm-il darba din id-disponibbiltà tkun waħda indipendenti minn kwalunkwe sistema ta’ trasmissjoni oħra li magħha s-sistema tiegħu tkun interkonnessa;

(e)

jipprovdi lill-operatur ta’ kwalunkwe sistema oħra li magħha s-sistema tiegħu tkun interkonnessa, informazzjoni biżżejjed biex jiżgura l-operazzjoni sigura u effiċjenti, l-iżvilupp koordinat u l-interoperabbiltà tas-sistema interkonnessa;

[…]”

10.

L-Artikolu 32(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess fil-każ li ma jkollux il-kapaċità neċessarja. […]. L-awtoritajiet regolatorji fejn l-Istati Membri jkunu għamlu dispożizzjonijiet għal dan, jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-kriterji jkunu konsistentement applikati u li l-utent tas-sistema li jkun ġie rifjutat l-aċċess tiegħu jkun jista’ jagħmel użu minn proċedura ta’ soluzzjoni ta’ disputa. […]”.

11.

L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

[…]

(b)

li jiżguraw il-konformità tal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni, u, meta dan ikun relevanti, il-proprjetarji tas-sistema, kif ukoll kwalunkwe impriża tal-elettriku, mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva u taħt leġiżlazzjoni relevanti oħra tal-Komunità, inkluż f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet transkonfinali;

[…]

(h)

sorveljanza tal-konformità u reviżjoni tal-prestazzjoni passata tas-sigurtà tan-netwerk u r-regoli ta’ affidabilità [tar-regoli tas-sigurtà u tal-affidabbiltà tan-netwerk] […].

[…]

(m)

jissorveljaw iż-żmien li jittieħed minn operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni biex isiru konnessjonijiet u tiswijiet;

(n)

l-iżgurar, flimkien ma’ awtoritajiet relevanti oħra, li l-miżuri ta’ ħarsien tal-konsumaturi, inklużi dawk imniżżla fl-Anness I, jkunu effettivi u infurzati;

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji jingħatawlhom is-setgħat li jippermettulhom iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 6 b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandu jkollhom għall-anqas dawn is-setgħat:

[…]

(a)

li jimponu deċiżjonijiet obbligatorji fuq l-impriżi tal-elettriku;

[…]

(d)

li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq impriżi tal-elettriku li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva jew kwalunkwe deċiżjoni relevanti legalment obbligatorja tal-awtoritajiet regolatorji jew tal-Aġenzija, jew li jipproponu li qorti kompetenti timponi dawn il-penali. Dan għandu jinkludi s-setgħa li jimponu, jew li jipproponu l-impożizzjoni ta’ penali […] għal non-konformità mal-obbligi rispettivi tagħhom taħt din id-Direttiva; u

[…]

11.   Kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur tas-sistema tat-trasmissjoni jew distribuzzjoni b’rabta mal-obbligi ta’ dak l-operatur skont din id-Direttiva, tista’ tirreferi l-ilment lill-awtorità regolatorja li, waqt li tkun qed taġixxi bħala awtorità li ssolvi t-tilwim, għandha tagħti deċiżjoni fi żmien perjodu ta’ xahrejn minn wara li din tkun irċeviet l-ilment. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn oħra fejn tkun qed tintalab informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet regolatorji. Dan il-perijodu [estiż] jista’ jiġi estiż [jerġa’ jiġi estiż] bil-qbil tal-persuna li tkun għamlet l-ilment. Id-deċiżjoni tal-awtorita’ regolatorja għandha jkollha effett obbligatorju kemm-il darba u sakemm tiġi rrevokata [ma tiġix irrevokata] b’appell.

12.   Kwalunkwe parti li tkun affettwata u li jkollha d-dritt li tressaq ilment dwar deċiżjoni fuq metodoloġiji meħuda skont dan l-Artikolu jew, fejn l-awtorità regolatorja jkollha l-obbligu li tikkonsulta ruħha dwar it-tariffi jew il-metodoloġiji proposti, din tista’, minn talanqas fi żmien xahrejn, jew f’perjodu iqsar kif deċiż mill-Istati Membri, wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni jew il-proposta għad-deċiżjoni, tissottometti l-ilment għall-istħarriġ. Tali lment ma għandux ikollu effett sospensiv.

[…]

17.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adatti fuq il-livell nazzjonali li taħthom, entità affettwata minn deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt tal-appell lil korp li huwa indipendenti mill-partijiet involuti u minn kull gvern.”

B.   Id-dritt Olandiż

12.

L-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 ġie traspost, fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, permezz tal-Artikolu 51(1) tal-Wet houdende regels met betrekking tot de productie, het transport en de levering van elektriciteit (Elektriciteitswet 1998) (il-Liġi dwar il-Ġenerazzjoni, il-Provvista u t-Trażmissjoni tal-Elettriku (il-Liġi tal‑1998 dwar l-Elettriku)), tat‑2 ta’ Lulju 1998 ( 4 ).

II. Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari

13.

Fis‑27 ta’ Marzu 2015, seħħ blackout ta’ proporzjonijiet kbar minħabba ħsara fl-impjant b’vultaġġ għoli ta’ Diemen (380 kV) (il-Pajjiżi l-Baxxi). Dan l-impjant jifforma parti mis-sistema ta’ trażmissjoni b’vultaġġ għoli fil-Pajjiżi l-Baxxi, li l-kumpannija TenneT TSO B.V. (iktar ’il quddiem “TenneT”) hija l-operatur tiegħu. Din il-ħsara rriżultat f’kollass totali tal-impjant, li bħala konsegwenza parti kbira mir-reġjun ta’ Noord-Holland (l-Olanda tat-Tramuntana) u parti żgħira mir-reġjun ta’ Flevoland baqgħu bla dawl għal xi sigħat.

14.

Crown hija kumpannija li topera fabbrika tal-karti li tinsab fit-Tramuntana tal-Pajjiżi l-Baxxi. Din il-fabbrika hija konnessa mas-sistema ta’ distribuzzjoni operata minn Liander N. V., fejn din l-aħħar sistema hija sostnuta mis-sistema ta’ trażmissjoni nazzjonali b’vultaġġ għoli operata minn TenneT. Minħabba l-imsemmi blackout, il-provvista ta’ elettriku fil-fabbrika ta’ Crown ġiet interrotta għal diversi sigħat fis‑27 ta’ Marzu 2015.

15.

Crown ressqet ilment quddiem l-ACM, fejn talbitha tikkonstata, minn naħa, li TenneT ma għamlitx dak kollu li kien raġonevolment possibbli għaliha sabiex tipprevjeni l-interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, li l-iżvilupp tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-impjant b’vultaġġ għoli ta’ Diemen ma kienx konformi mar-rekwiżiti legali. Crown sostniet, essenzjalment, li l-interruzzjoni tat-trażmissjoni tal-elettriku kienet imputabbli għan-nuqqas ta’ twettiq tal-imsemmija obbligi min-naħa ta’ TenneT bħala operatur tas-sistema nazzjonali ta’ trażmissjoni li fiha seħħet il-ħsara.

16.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2018, l-ACM iddikjarat bħala inammissibbli l-ilment ta’ Crown kontra TenneT minħabba l-assenza ta’ relazzjoni diretta bejn Crown u TenneT, peress li l-fabbrika ta’ Crown kienet esklużivament konnessa mas-sistema ta’ distribuzzjoni operata minn Liander u mhux ma’ dik ta’ trażmissjoni operata minn TenneT. Fuq din il-bażi, l-ACM għalhekk eskludiet li Crown setgħet tiġi kklassifikata bħala “parti” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Elektriciteitswet 1998 u tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72.

17.

Fid-dawl ta’ dan, Crown Van Gelder ippreżentat rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-ACM quddiem il-qorti tar-rinviju.

18.

Din il-qorti qiegħda tirrileva l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti li jkollha lment” imsemmi fl-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 u, b’mod iktar preċiż, dwar id-delimitazzjoni tal-persuni li għandhom dritt iressqu lment. Din il-qorti għandha dubji dwar it-tifsira li għandha tingħata lill-imsemmi kunċett u tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża pendenti quddiemha, persuna bħal Crown tistax tressaq ilment quddiem l-ACM jew le.

19.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tagħti wkoll id-dritt ta’ tressiq ta’ lment kontra l-operatur tas-sistema nazzjonali (operatur tas-sistema tat-trażmissjoni) lil parti meta din il-parti ma tkunx konnessa mas-sistema ta’ dan l-operatur tas-sistema nazzjonali kkonċernata (operatur tas-sistema tat-trażmissjoni) iżda biss ma’ sistema reġjonali (sistema tad-distribuzzjoni) li fiha t-trażmissjoni tal-elettriku tiġi interrotta minn nuqqas fis-sistema nazzjonali (sistema tat-trażmissjoni) li ssostni s-sistema reġjonali (sistema tad-distribuzzjoni)?”.

III. Analiżi legali

20.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ “parti li jkollha lment”, imsemmi fl-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, għandux jiġi interpretat fis-sens li klijent finali jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali fil-konfront tal-operatur tas-sistema nazzjonali ta’ trażmissjoni, meta dan il-klijent finali ma jkunx konness direttament mal-imsemmija sistema ta’ trażmissjoni, iżda jkun konness esklużivament ma’ sistema ta’ distribuzzjoni sostnuta mill-imsemmija sistema ta’ trażmissjoni u meta titwettaq interruzzjoni fit-trażmissjoni tal-elettriku fis-sistema ta’ trażmissjoni li ssostni s-sistema ta’ distribuzzjoni li magħha huwa konness il-klijent finali.

21.

Skont l-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, kwalunkwe parti li jkollha lment kontra operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni b’rabta mal-obbligi ta’ dak l-operatur fis-sens ta’ din id-direttiva, tista’ tirreferi l-ilment lill-awtorità regolatorja li, filwaqt li tkun qiegħda taġixxi bħala awtorità għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, għandha tagħti deċiżjoni f’terminu ta’ xahrejn mir-riċezzjoni tal-ilment.

22.

Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni suġġettiva ta’ din id-dispożizzjoni u b’mod iktar speċifiku l-portata tal-kunċett ta’ “parti li jkollha lment” li jinsab fih.

23.

Il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dan il-kunċett. Minn naħa, Crown u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu interpretazzjoni wiesgħa u jqisu li klijent finali għandu d-dritt li jressaq ilment fil-konfront ta’ operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni anki fl-assenza ta’ konnessjoni diretta jew ta’ rabta kuntrattwali bejn it-tnejn. Min-naħa l-oħra, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern Finlandiż u TenneT jipproponu minflok interpretazzjoni iktar restrittiva ta’ dan il-kunċett u jikkunsidraw li d-dritt li jitressaq ilment, previst fl-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, jippreżupponi relazzjoni diretta bejn il-persuna li tressaq l-ilment u l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li fil-konfront tiegħu jkun tressaq l-ilment.

24.

Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha għaldaqstant tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti li jkollha lment” fis-sens tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72.

25.

L-ewwel nett, nindika li din id-direttiva ma tinkludi l-ebda definizzjoni la ta’ dan il-kunċett ikkunsidrat fl-intier tiegħu, u lanqas tal-kliem li jikkomponuh, jiġifieri “parti” u “lment”, ikkunsidrati individwalment ( 5 ).

26.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fiha ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 6 ).

27.

Fir-rigward, qabelxejn, tal-kliem tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tuża formulazzjoni wiesgħa ħafna li tipprevedi li kwalunkwe parti li jkollha lment fil-konfront ta’ operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni fir-rigward tal-obbligi ta’ dan tal-aħħar fis-sens tal-imsemmija direttiva tista’ tadixxi lill-awtorità regolatorja.

28.

Jirriżulta b’mod ċar mis-sens letterali ta’ din id-dispożizzjoni li hija tissuġġetta l-eżistenza tal-kompetenza tal-awtorità regolatorja li tittratta lment, għal żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, l-ilment għandu jkun magħmul fil-konfront ta’ operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, dan l-ilment għandu jikkonċerna l-obbligi tal-imsemmi operatur li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/72. Din id-dispożizzjoni, minflok, ma tipprevedix li d-dritt sabiex jitressaq ilment mogħti mid-Direttiva 2009/72 ( 7 ) huwa suġġett għall-eżistenza ta’ relazzjoni diretta bejn il-persuna li beħsiebha tressaq l-ilment u l-operatur li fil-konfront tiegħu jitressaq l-ilment. Għall-kuntrarju, l-użu espliċitu tat-terminu “kwalunkwe” jindika portata suġġettiva wiesgħa tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

29.

Ċertament, l-użu fid-dispożizzjoni inkwistjoni tat-terminu “parti” jista’ jagħti lok għal xi ambigwità, sa fejn dan it-terminu jista’ jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ lment jappartjeni esklużivament lill-persuni li huma partijiet f’kuntratt.

30.

Madankollu, inqis li tali interpretazzjoni ma hijiex korretta.

31.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, minn perspettiva letterali, it-terminu “parti” ma jindikax neċessarjament biss il-parti f’kuntratt, iżda jista’ wkoll jinftiehem f’sens “proċedurali”, bħala li jirreferi għal persuni li għandhom interess li jadixxu lill-awtorità regolatorja.

32.

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-dispożizzjoni inkwistjoni jużaw terminu li jista’ joħloq l-imsemmija ambigwità. Fil-fatt, jekk, pereżempju, il-verżjoni Ingliża, Franċiża, Spanjola u Olandiża, jużaw terminu li jikkorrispondi għat-terminu Taljan “parte” ( 8 ), verżjonijiet oħra, bħal, pereżempju, il-verżjoni Ġermaniża u dik Portugiża jużaw termini li ma għandhom l-ebda konnotazzjoni possibbli ta’ natura kuntrattwali, iżda minflok jirreferu, mingħajr ambigwità, għall-interessi tal-persuna li tadixxi lill-awtorità regolatorja ( 9 ). Din iċ-ċirkustanza tiffavorixxi interpretazzjoni tat-terminu “parti” f’sens differenti minn dak ta’ “parti kuntrattwali” u għaldaqstant issostni interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fis-sens li ma tissubordinax il-possibbiltà li jitressaq ilment għall-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-persuna li tressaq ilment u l-operatur tan-netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni li fil-konfront tiegħu jitressaq l-ilment.

33.

Tali interpretazzjoni tidher li hija kkonfermata mill-analiżi kuntestwali.

34.

F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jiġi osservat li t-terminu “parti” jintuża wkoll, minbarra fil-paragrafu 11 tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, f’żewġ paragrafi oħra tal-istess artikolu, jiġifieri l-paragrafi 12 u 17 ( 10 ).

35.

Fir-rigward tal-Artikolu 37(12) tad-Direttiva 2009/72, dan jipprevedi proċedura li tippermetti lil kull parti leża u li għandha d-dritt li tressaq ilment dwar deċiżjoni dwar il-metodi adottati fis-sens tal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, jew, meta l-awtorità regolatorja jkollha obbligu ta’ konsultazzjoni, dwar it-tariffi jew il-metodi proposti, li tressaq ilment għal reviżjoni tad-deċiżjoni ( 11 ).

36.

L-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi, minflok, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adatti fuq il-livell nazzjonali li taħthom, parti li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja jkollha d-dritt tal-appell quddiem organu li huwa indipendenti mill-partijiet ikkonċernati u minn kull gvern.

37.

L-analiżi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet turi li mill-ebda waħda minnhom ma jirriżulta li l-kunċett ta’ “parti” użat fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, li, kif ġie indikat fil-punt 26 preċedenti, għandu jiġi interpretat b’mod uniformi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-portata tiegħu hija limitata esklużivament għal persuni li għandhom relazzjoni diretta jew kuntrattwali ma’ operatur ta’ netwerk ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni.

38.

Għall-kuntrarju, għandu jiġi indikat li d-Direttiva 2009/72 tipprevedi speċifikament mill-inqas każ wieħed li fih persuna li ma għandhiex relazzjoni kuntrattwali eżistenti mal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni għandha tkun tista’ tadixxi lill-awtorità regolatorja billi tressaq ilment kontra dan l-operatur fis-sens tal-Artikolu 37(11) tal-istess direttiva. Fil-fatt, l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi li meta operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jirrifjuta l-aċċess għas-sistema li huwa jopera, l-utent ikkonċernat għandu jkun jista’ jirrikorri għal proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim fil-konfront ta’ dan l-operatur.

39.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fis-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑474/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:681), li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprevedu li l-każijiet ta’ rifjut ta’ aċċess għan-netwerk ta’ distribuzzjoni jew ta’ trażmissjoni jkunu jistgħu jiġu suġġetti għall-awtorità regolatorja permezz ta’ lment imressaq konformement mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 ( 12 ).

40.

L-analiżi kuntestwali għalhekk timmilita wkoll favur interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fis-sens li d-dritt li tiġi adita l-awtorità regolatorja b’ilment fil-konfront tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni ma għandux ikun suġġett għall-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali ma’ dan l-operatur.

41.

Minn perspettiva teleoloġika, inqis, sussegwentement, li l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “parti li jkollha lment” fis-sens tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, proposta mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Gvern Finlandiż u minn TenneT tmur kontra l-iskop tad-dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, kontra l-funzjoni u kontra l-inkarigi attribwiti minn din id-direttiva lill-awtoritajiet regolatorji u li din tista’ wkoll tirriżulta mhux konformi mal-għan ġenerali li għandu jintlaħaq mill-imsemmija direttiva li jiġu żgurati livelli għolja ta’ protezzjoni lill-konsumaturi.

42.

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-iskop tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tippermetti lill-partijiet leżi minn azzjoni jew minn ommissjoni ta’ operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni li jadixxu awtorità li ma hijiex qorti, indipendenti u speċjalizzata sabiex jiksbu mingħandha deċiżjoni vinkolanti fil-konfront tal-operatur li tikkonstata u, eventwalment, twaqqaf u tissanzjona ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72.

43.

Kif ġie ddikjarat ġustament mill-Kummissjoni, interpretazzjoni restrittiva tal-“kunċett ta’ parti li jkollha lment” bħala dik proposta mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Gvern Finlandiż u minn TenneT tirriskja li tippreġudika l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim previst mill-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72. Fil-fatt, billi tissuġġetta l-possibbiltà ta’ tressiq ta’ lment għall-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-lanjant u l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni inkwistjoni, din l-interpretazzjoni tista’ twassal sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ tessiq ta’ lment quddiem l-awtorità regolatorja parti rilevanti mill-utenti, jiġifieri dawk kollha li minkejja li ma jkollhomx rabta kuntrattwali mal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, sofrew madankollu l-konsegwenzi ta’ ksur eventwali min-naħa ta’ dan l-operatur tal-obbligi imposti fuqu mid-Direttiva 2009/72.

44.

Fl-istess perspettiva, inqis, fit-tieni lok, li l-imsemmija interpretazzjoni restrittiva lanqas ma hija kompatibbli mal-missjoni u mal-funzjonijiet attribwiti mid-Direttiva 2009/72 lill-awtoritajiet regolatorji, awtoritajiet li, kif jirriżulta mill-premessi 34 u 37 u mill-Artikolu 37 tagħha, għandhom rwol fundamentali fl-istruttura ta’ din id-direttiva.

45.

B’mod iktar partikolari, din l-interpretazzjoni tippreġudika, fil-fehma tiegħi, il-funzjoni fundamentali attribwita lill-awtoritajiet regolatorji mill-Artikolu 37(1)(b) tad-Direttiva 2009/72 li jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni josservaw l-obbligi tagħhom skont din id-direttiva u dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

46.

Fil-fatt, limitazzjoni tal-possibbiltà għall-utenti li jadixxu lill-awtorità regolatorja permezz ta’ lment għal dawk il-każijiet biss fejn teżisti konnessjoni diretta mas-sistema inkwistjoni jew relazzjoni kuntrattwali bejn il-persuni kkonċernati tnaqqas neċessarjament il-kapaċità ta’ dawn l-awtoritajiet regolatorji li jiggarantixxu l-osservanza min-naħa tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-obbligi imposti fuqhom mid-Direttiva 2009/72. Approċċ bħal dan jillimita, fil-fatt, il-possibbiltà għal dawn l-awtoritajiet li jagħrfu u li jikkonstataw ksur eventwali min-naħa ta’ dawn l-operaturi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti u, konsegwentement, il-possibbiltà li jadottaw deċiżjonijiet vinkolanti u li jissanzjonaw skont l-Artikolu 37(4)(a) u (d) tad-Direttiva 2009/72 fil-konfront tal-operaturi li jwettqu ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni.

47.

F’dan ir-rigward, inqis importanti li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak sostnut minn TenneT fl-osservazzjonijiet tagħha, id-Direttiva 2009/72 ma tillimitax ruħha li timponi fuq l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni funzjonijiet u obbligi esklużivament fil-konfront tal-utenti konnessi mas-sistema tagħhom. Fil-fatt, mill-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, li jelenka speċifikament il-funzjonijiet tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni, jirriżulta b’mod evidenti li dawn iwettqu funzjonijiet ta’ natura sistemika billi jiġu suġġetti għal obbligi relatati, pereżempju, mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku jew mas-sigurtà u mal-effiċjenza tal-funzjonament tas-sistemi interkonnessi, li jmorru lil hinn sew mill-obbligi li jirriżultaw minn relazzjonijiet kuntrattwali mal-klijenti tagħhom konnessi mas-sistema ta’ trażmissjoni. Il-portata tal-obbligi imposti fuq l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni ma tistax għalhekk tiġi invokata insostenn ta’ din l-interpretazzjoni restrittiva tal-portata tad-dritt sabiex jitressaq ilment fis-sens tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72.

48.

Sussegwentement, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju qiegħed nosserva wkoll li l-Artikolu 37(1)(h) u (m) tad-Direttiva 2009/72 jattribwixxi b’mod speċifiku lill-awtoritajiet regolatorji l-funzjonijiet, rispettivament, ta’ “sorveljanzatal-konformità u reviżjoni tal-prestazzjoni passata tas-sigurtà tan-netwerk u r-regoli ta’ affidabilità” u li “jissorveljaw iż-żmien li jittieħed minn operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni […] biex isiru konnessjonijiet u tiswijiet”.

49.

It-tielet nett, inqis li l-interpretazzjoni restrittiva tal-“kunċett ta’ parti li jkollha lment” proposta mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Gvern Finlandiż u minn TenneT tista’ tirriżulta mhux konformi mal-għan tad-Direttiva 2009/72 li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsab fil-qalba ta’ din id-direttiva ( 13 ).

50.

Kif jirriżulta mill-premessi 37, 42, 51 u 54 kif ukoll mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/72, wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ din id-direttiva huwa dak li tistabbilixxi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li tiddefinixxi d-drittijiet tal-konsumaturi tal-elettriku billi tiggarantixxilhom livelli għolja ta’ protezzjoni. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-Artikolu 3(7) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim ( 14 ).

51.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, meta l-Istat Membru jagħżel li jafda lill-awtorità regolatorja l-kompetenza fil-qasam ta’ soluzzjoni ta’ tilwim barra l-qrati dwar it-tilwim relatat mal-konsumaturi, jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 37(11), (16) u (17) tal-imsemmija direttiva li l-kwalità ta’ parti kif ukoll id-dritt li jiġi ppreżentat appell ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja għandhom jiġu rrikonoxxuti lil klijent bħalal persuna ċivili ( 15 ).

52.

Fil-każ imsemmi fil-punt preċedenti li fih tingħata lill-awtorità regolatorja l-kompetenza fil-qasam tas-soluzzjoni ta’ tilwim barra l-qrati tat-tilwim relatat mal-konsumaturi, l-interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 b’mod simili għal dak li ġie indikat fil-punt 43 preċedenti, twassal għal limitazzjoni tal-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem l-awtorità regolatorja għal dawk il-konsumaturi li jkollhom biss relazzjoni kuntrattwali mal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni li jkun allegatament wettaq ksur tal-obbligi imposti fuqu minn din id-direttiva filwaqt li jiġu esklużi minn dan ir-rimedju dawk il-konsumaturi kollha li, minkejja li ma jkollhomx tali relazzjoni kuntrattwali, ikunu madankollu sofrew il-konsegwenzi ta’ dan il-ksur. Interpretazzjoni li twassal għal tali restrizzjoni tal-aċċess tal-konsumaturi għall-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim previsti mid-Direttiva 2009/72 ma tkunx konformi mal-imsemmi għan, affermat mill-ġdid mill-ġurisprudenza ċċitata tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfittex minnha sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim.

53.

Fl-istess perspettiva, tali interpretazzjoni ma hijiex konformi mal-funzjoni espliċitament attribwita minn diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 ( 16 ) lill-awtoritajiet regolatorji li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-effett sħiħ tal-miżuri previsti minn din id-direttiva għal dan l-għan ( 17 ).

54.

Bħala konklużjoni, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li, fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ “parti li jkollha lment” previst fl-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt li jitressaq ilment fil-konfront ta’ operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni previst minn din id-dispożizzjoni ma huwiex suġġett għall-eżistenza ta’ relazzjoni diretta jew kuntrattwali bejn il-klijent finali li jkollu l-intenzjoni li jressaq ilment u l-operatur li huwa s-suġġett tal-ilment.

55.

F’dan ir-rigward qiegħed nosserva wkoll li, kif ġie kkonfermat mid-dibattitu li seħħ waqt is-seduta, meta ż-żewġ rekwiżiti stabbiliti fil-punt 28 preċedenti jiġu ssodisfatti – jiġifieri, minn naħa, li l-ilment ikun dirett fil-konfront ta’ operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, li dan l-ilment jikkonċerna l-obbligi tal-imsemmi operatur li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/72 – ir-raġuni suġġettiva li wasslet lill-klijent finali jressaq ilment hija irrilevanti għall-finijiet tal-ammissibbiltà tal-ilment. B’mod partikolari, xejn ma jipprekludi klijent finali li jqis li jkun sofra dannu li jirriżulta minn ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72 mill-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni, milli jressaq ilment fil-konfront ta’ dan l-operatur quddiem l-awtorità regolatorja kompetenti sabiex jikseb provi sabiex eventwalment jintużaw fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens għad-danni ppreżentat quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti.

56.

Fuq dan il-punt, ser nindika, b’mod inċidentali, li l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/72 ma tirregola l-valur probatorju f’rikors għal kumpens tad-danni ppreżentat quddiem il-qrati ċivili ta’ deċiżjoni eventwali tal-awtorità regolatorja adottata b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Ir-regolazzjoni ta’ dan il-valur probatorju tibqa’ għaldaqstant irregolata mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru. Madankollu, kif indikat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, dawn l-awtoritajiet għandhom għarfien settorjali u tekniku speċifiku li jqegħedhom f’pożizzjoni privileġġata sabiex ikunu jistgħu jaċċertaw ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/72. Il-possibbiltà li jiġu aditi dawn l-awtoritajiet permezz ta’ lment jiffaċilita għalhekk l-aċċess għall-qorti nazzjonali għat-talbiet għal kumpens tad-danni, li, finalment, jagħmel iktar effettiv il-protezzjoni ġudizzjarja kontra l-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

IV. Konklużjoni

57.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari mqajma mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) bil-mod segwenti:

L-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] d-Direttiva 2003/54/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li klijent finali jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali fil-konfront tal-operatur tas-sistema nazzjonali ta’ trażmissjoni, meta dan il-klijent finali ma jkunx konness direttament mal-imsemmija sistema ta’ trażmissjoni, iżda jkun konness esklużivament ma’ sistema ta’ distribuzzjoni sostnuta mill-imsemmija sistema ta’ trażmissjoni u meta titwettaq interruzzjoni fit-trażmissjoni tal-elettriku fis-sistema ta’ trażmissjoni li ssostni s-sistema ta’ distribuzzjoni li magħha huwa konness il-klijent finali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU 2009, L 211, p. 55. Id-Direttiva 2009/72 tiġi mħassra b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021 bid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (riformulazzjoni) (ĠU 2019, L 158, p. 125). F’dan ir-rigward, ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2019/944.

( 3 ) Il-formulazzjoni tal-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72 tikkorrispondi eżattament għal dik tal-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2019/944.

( 4 ) Stb. 1998, n. 427.

( 5 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto (C‑578/18, EU:C:2020:35, punt 29).

( 6 ) Ara, inter alia, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, GRDF (C‑236/18, EU:C:2019:1120, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto (C‑578/18, EU:C:2020:35, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-possibbiltà li jitressaq ilment bħala dritt suġġettiv ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑474/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:681, punt 20), fir-rigward tal-Artikolu 23(5) tad-Direttiva 2003/54 sussegwentement imħassra bid-Direttiva 2009/72.

( 8 ) It-termini rispettivament: “party”, “partie”, “parte” u “partijen”.

( 9 ) B’hekk, il-verżjoni Ġermaniża tuża t-terminu “Betroffene” u l-verżjoni Portugiża tuża t-terminu “interessado” li t-tnejn li huma jistgħu jiġu tradotti għat-Taljan bit-terminu “interessato”.

( 10 ) Il-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tikkorrispondi eżattament għal dik tal-Artikolu 60(3) u (8) tad-Direttiva 2019/944.

( 11 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto (C‑578/18, EU:C:2020:35, punt 26).

( 12 ) Ara punt 23. Din is-sentenza rreferiet għall-Artikolu 23(5) tad-Direttiva 2003/54, imħassra bid-Direttiva 2009/72. Dan l-artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72.

( 13 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto (C‑578/18, EU:C:2020:35, punt 33).

( 14 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto (C‑578/18, EU:C:2020:35, punt 34).

( 15 ) Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto (C‑578/18, EU:C:2020:35, punt 40).

( 16 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 36, b’mod speċifiku l-Artikolu 36(g), l-Artikolu 37(1)(n), kif ukoll il-premessi 37, 51 in fine u 54, tad-Direttiva 2009/72.

( 17 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2020, Energiavirasto (C‑578/18, EU:C:2020:35, punt 35).