KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK
ippreżentati fis-16 ta’ Settembru 2020 ( 1 )
Kawża C‑218/19
Adina Onofrei
vs
Conseil de l’ordre des avocats au barreau de Paris,
Bâtonnier de l’ordre des avocats au barreau de Paris,
Procureur général près la cour d’appel de Paris
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il‑Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Aċċess għall-professjoni ta’ avukat — Eżenzjoni minn taħriġ u minn ċertifikat professjonali — Prattika nazzjonali li tillimita l-eżenzjoni għall-uffiċjali pubbliċi li jkunu pprattikaw id-dritt nazzjonali, fit-territorju nazzjonali u fis-servizz pubbliku nazzjonali)
I. Introduzzjoni
|
1. |
Adina Onofrei (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) hija ta’ nazzjonalità kemm Portugiża kif ukoll Rumena. Hija għandha żewġ lawrji ta’ Master u dottorat fil-liġi mill-Universités Paris 1 u Paris II. Hija ħadmet mal-Kummissjoni Ewropea bħala amministratriċi għal iktar minn tmien snin. Hija ppruvat tinkiteb mal-Ordre des avocats au barreau de Paris (iktar ’il quddiem il-“Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi”), billi qagħdet fuq waħda mill-eżenzjonijiet li d-dritt Franċiż jipprovdi mill-obbligu li wieħed ikollu ċ-ċertifikat professjonali (u, għalhekk, mit-taħriġ professjonali obbligatorju) għal “uffiċjali pubbliċi tal-kategorija A, jew persuni meqjusa bħala uffiċjali pubbliċi f’dik il-kategorija, li jkunu wettqu xogħol fil-qasam legali għal mill-inqas tmien snin, f’amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku jew f’organizzazzjoni internazzjonali”. |
|
2. |
L-applikazzjoni tal-appellanti ma ntlaqgħetx mill-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi minħabba li l-appellanti la kienet membru tas-servizz pubbliku Franċiż, la kienet issekondata mis-servizz pubbliku Franċiż ma’ organizzazzjoni internazzjonali, u lanqas ma kienet ipprattikat fit-territorju Franċiż. Id-deċiżjoni tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi ġiet ikkonfermata fl-appell, bil-motivazzjoni ddikjarata li l-appellanti ma kinitx uriet li qabel hija kienet ipprattikat id-dritt Franċiż. Meta l-kawża ġiet quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) din il-qorti issa qiegħda teżamina l-kompatibbiltà ta’ tali regoli nazzjonali, jew pjuttost il-prattika ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni tagħhom, mal-Artikoli 45 u 49 TFUE. |
II. Il-kuntest ġuridiku
|
3. |
L-Artikolu 11 tal-Loi no 71‑1130 du 31 décembre 1971 portant réforme de certaines professions judiciaires et juridiques (il-Liġi Nru 71–1130 tal-31 ta’ Diċembru 1971 dwar ir-Riforma ta’ Ċerti Professjonijiet Ġudizzjarji u Legali, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 71–1130”) jipprovdi: “Ebda persuna ma tista’ tkun tal-professjoni ta’ avukat jekk ma tħarisx il-kundizzjonijiet li ġejjin: 1. Tkun Franċiża, ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew li jkun parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea […]; 2. Ikollha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet regolatorji adottati biex isseħħ id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005, kif emendata, u għad-dispożizzjonijiet regolatorji dwar persuni li jkunu wettqu ċerti funzjonijiet jew attivitajiet fi Franza, mill-inqas lawrja ta’ Master fil-liġi jew kwalifiki meqjusa bħala ekwivalenti għal dħul fil-professjoni ta’ avukat […]; 3. Ikollha ċ-ċertifikat ta’ kompetenza għall-professjoni ta’ avukat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet regolatorji msemmija fil-paragrafu 2, jew, fil-kuntest ta’ rikonoxximent reċiproku, l-eżami stabbilit fl-aħħar subparagrafu ta’ dan l-artikolu; 4. Ma tkunx wettqet atti li jkunu taw lok għal kundanna kriminali għal atti kuntrarji għal standards ta’ ġieħ, integrità jew moralità; […] 6. Ma tkunx ġiet iddikjarata falluta personalment jew suġġetta għal xi penali oħra […]”. |
|
4. |
L-Artikolu 98 tad-Décret no 91‑1197 du 27 novembre 1991 organisant la profession d’avocat (Digriet Nru 91–1197 tas-27 ta’ Novembru 1991 dwar l-organizzazzjoni tal-professjoni ta’ avukat, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 91–1197”) jipprovdi li “Dawn il-persuni li ġejjin huma eżentati mit-taħriġ teoretiku u prattiku u miċ-ċertifikat ta’ kompetenza għall-professjoni ta’ avukat: 1. Nutara, marixxalli, skrivana ta’ qrati kummerċjali, amministraturi ta’ qrati u aġenti legali għall-irkupru u l-istralċ ta’ impriżi, dawk li qabel kienu fiduċjarji u amministraturi ta’ qrati, avukati tal-proprjetà industrijali u dawk li qabel kienu avukati ta’ privattivi (invenzjonijiet) li kienu wettqu l-funzjonijiet tagħhom għal mill-inqas ħames snin; 2. Lecturers universitarji u assistant lecturers u persunal tat-tagħlim, jekk ikollhom dottorat fil-liġi, fl-ekonomija jew fil-management, b’ħames snin ta’ tagħlim legali f’din il-kariga f’oqsma ta’ taħriġ u riċerka; 3. Avukati in-house li jkunu temmew mill-inqas tmien snin ta’ prattika professjonali fid-dipartiment legali ta’ impriża waħda jew iktar; 4. Uffiċjali pubbliċi tal-kategorija A u dawk li qabel kienu uffiċjali pubbliċi tal-kategorija A, jew persuni meqjusa bħala uffiċjali pubbliċi f’dik il-kategorija, li wettqu xogħol legali f’dik il-pożizzjoni għal mill-inqas tmien snin, f’amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku jew f’organizzazzjoni internazzjonali; 5. Avukati li kellhom x’jaqsmu għal mill-inqas tmien snin fix-xogħol legali ta’ trade union; 6. Avukati impjegati minn avukat, assoċjazzjoni jew soċjetà tal-liġi, f’uffiċċju ta’ avukat jew avukat fil-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) u fil-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li jkunu temmew mill-inqas tmien snin ta’ prattika professjonali f’din il-kariga wara li jkunu kisbu t-titolu jew il-lawrja imsemmija fl-Artikolu 11(2) tal-Liġi tal-31 ta’ Diċembru 1971 imsemmija iktar ’il fuq; 7. Impjegati ta’ membru tal-parlament jew assistenti ta’ senatur li jkunu wettqu attività legali l-iktar f’kariga anzjana għal mill-inqas tmien snin; Il-persuni msemmija fil-paragrafi 3, 4, 5, 6 u 7 jistgħu jkunu wettqu l-attivitajiet tagħhom f’diversi funzjonijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm dawn l-attivitajiet ikunu damu mill-inqas tmien snin.” |
|
5. |
L-Artikolu 98‑1(1) tal-istess digriet jipprovdi li: “Persuni li jibbenefikaw minn eżenzjoni prevista fl-Artikolu 98 għandhom ikunu temmew b’suċċess, quddiem il-bord ta’ għażla msemmi fl-Artikolu 69, eżami li jistħarreġ kemm huma jkunu jafu dwar etika professjonali u regolamenti […]” |
III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari
|
6. |
L-appellanti, li hija ta’ nazzjonalità Portugiża u Rumena, għandha żewġ lawrji ta’ Master u dottorat fil-liġi mill-Universités Paris 1 u Paris II. Hija ħadmet għal iktar minn tmien snin mal-Kummissjoni Ewropea bħala amministratriċi, b’mod partikolari fid-Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern, u fid-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni. Matul dak iż-żmien hija kellha x’taqsam l-iktar mal-għajnuna mill-Istat u każijiet ta’ akkordji. |
|
7. |
L-appellanti ppruvat tinkiteb mal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi. Billi hija mid-dehra kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra kollha tal-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 71–1130, inkluża l-ħtieġa li jkunu nkisbu d-diplomi kollha fil-liġi meħtieġa fi Franza, hija ppruvat toqgħod fuq l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 biex titlob l-eżenzjoni miċ-ċertifikat professjonali obbligatorju, li kien is-certificat d’aptitude à la profession d’avocat (iċ-ċertifikat ta’ kompetenza għall-professjoni ta’ avukat”, iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat ta’ kompetenza”). |
|
8. |
Bl-istess mod, hija ppruvat ukoll tkun eżentata mit-taħriġ preparatorju obbligatorju li jwassal, meta jintemm b’suċċess, għal dak iċ-ċertifikat ta’ kompetenza. Il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi u l-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi jispjegaw li dak it-taħriġ kien tmintax-il xahar, jinvolvi perijodu ta’ prattika f’uffiċċju ta’ avukati u jintemm malli jitlesta b’suċċess eżami finali. |
|
9. |
L-appellanti tqis li x-xogħol li hija wettqet fil-Kummissjoni Ewropea jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni previsti fl-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197. |
|
10. |
Madankollu, il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi ċaħad l-applikazzjoni tagħha minħabba li l-appellanti la kienet membru tas-servizz pubbliku Franċiż u lanqas ma kienet issekondata mis-servizz pubbliku Franċiż ma’ organizzazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi qal ukoll li l-esperjenza professjonali tagħha ma kinitx inkisbet fit-territorju Franċiż. |
|
11. |
L-appellanti kkontestat dik id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi, Franza). B’sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, dik il-qorti kkonfermat id-deċiżjoni. Dik il-qorti rriteniet li l-esperjenza professjonali tal-appellanti għandha tkun eżaminata in concreto biex jiġi stabbilit jekk l-esperjenza tal-appellanti tikkorrispondix għat-taħriġ, għall-ħiliet u għar-responsabbiltajiet inerenti għal uffiċjali pubbliċi tal-kategorija A. Hija rriteniet ukoll li jeħtieġ ikun żgurat li l-avukat jaf b’mod soddisfaċenti d-dritt nazzjonali biex jiġi ggarantit l-eżerċizzju sħiħ, rilevanti u effettiv tad-drittijiet tal-litiganti. |
|
12. |
Il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi) imbagħad elenkat il-karigi rilevanti li l-appellanti kellha fis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea. Hija mbagħad ġabret fil-qosor il-kompiti speċifiċi li l-appellanti wettqet f’dawk il-karigi. Fuq dik il-bażi dik il-qorti kkonkludiet li dawk il-kompiti ma kinux juru applikazzjoni tad-dritt Franċiż u, għalhekk, ma kinux jiġġustifikaw li l-appellanti titqies li fil-fatt kienet ipprattikat id-dritt nazzjonali. B’hekk, il-prattika legali miksuba mill-appellanti ma kinitx taqbel mal-kriterji tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197. |
|
13. |
L-appellanti appellat fuq punt ta’ liġi quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni). Fil-fehma tagħha, is-sentenza tal-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi) interpretat l-eżenzjoni inkwistjoni b’mod restrittiv wisq. L-interpretazzjoni li titlob il-prattika tad-dritt Franċiż, kif ukoll li l-esperjenza professjonali, tkun inkisbet fi Franza tinjora, fil-fehma tagħha, il-fatt li d-dritt tal-Unjoni jagħmel parti mid-dritt nazzjonali. Dan iwassal għal diskriminazzjoni indiretta favur uffiċjali tas-servizz pubbliku Franċiż, bi ħsara għal uffiċjali tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, u jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment. Filwaqt li huwa rrikonoxxut li l-għan li tkun żgurata difiża effettiva tad-drittijiet ta’ litiganti huwa leġittimu, il-mezzi użati għal dan l-għan ma humiex adattati u jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-għan. Dwar dan, l-appellanti kkontestat il-mod li bih kienet evalwata l-esperjenza professjonali tagħha. Hija sostniet illi li kieku hija ntalbet tagħti prova tal-ħiliet tagħha, dan kien jikkostitwixxi mezz inqas restrittiv biex jintlaħaq dak l-għan. |
|
14. |
Il-qorti tar-rinviju tinnota l-fatt li jistgħu tabilħaqq iqumu dubji dwar jekk is-sistema inkwistjoni tistax titqies bħala restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fehma tagħha l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 jissuġġetta l-eżenzjoni msemmija għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi li jitolbu li l-applikanti (i) ikunu jagħmlu part mis-servizz pubbliku Franċiż, (ii) ikunu kisbu esperjenza professjonali fi Franza, u (iii) ikunu pprattikaw id-dritt Franċiż. Barra minn hekk, din il-qorti tinnota li l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 ma jitlobx li applikant iġib prova li jkun jaf dwar qrati u tribunali jew dwar proċeduri quddiemhom. |
|
15. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
16. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-appellanti, mill-Kunsill u mill-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi, mill-Gvern Grieg u mill-Gvern Franċiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, ħlief għall-Gvern Grieg, għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fis-17 ta’ Ġunju 2020. |
IV. Analiżi
|
17. |
Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. L-ewwel ser nikkonċentra fuq il-kundizzjonijiet eżatti li jirriżultaw mill-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 u, b’rabta ma’ dan niċċara wkoll l-għan preċiż tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju (A). Imbagħad ngħaddi biex neżamina l-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet inkwistjoni, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, mal-Artikoli 45 u 49 TFUE (B). |
A. Osservazzjonijiet preliminari
|
18. |
Qabel ma jkun eżaminat jekk is-sistema nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, għandu, ovvjament, jiġi stabbilit il-kontenut attwali ta’ dik is-sistema. Sfortunatament, dan ma huwiex eżerċizzju ħafif f’dan il-każ, kif ser jiġi spjegat fit-taqsima li jmiss. |
1. Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91‑1197
|
19. |
L-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 71–1130 jgħid li l-possibbiltà li tkun eżerċitata l-professjoni ta’ avukat fi Franza, bla ħsara għal derogi, tiddependi minn jekk ikunx hemm ċertifikat ta’ kompetenza. L-Artikolu 98 tad-Digriet Nru 91–1197 jistabbilixxi dawk id-derogi fir-rigward ta’ dak iċ-ċertifikat ta’ kompetenza. |
|
20. |
L-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija prevista fl-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197. Permezz tal-formulazzjoni tiegħu huwa jistabbilixxi tliet rekwiżiti: (i) “uffiċjali pubbliċi tal-kategorija A jew persuni meqjusa bħala uffiċjali pubbliċi f’dik il-kategorija”, (ii) li jkunu wettqu “xogħol fil-qasam legali għal mhux inqas minn tmien snin”, u (iii) li jkunu wettqu dak ix-xogħol fil-qasam legali “f’amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku jew f’organizzazzjoni internazzjonali”. |
|
21. |
Il-qorti tar-rinviju rrilevat li din l-eżenzjoni, bħala materja ta’ ġurisprudenza, wieħed jifhimha li titlob li l-applikanti jissodisfaw tliet kundizzjonijiet kumulattivi: (i) li jkunu membri tas-servizz pubbliku Franċiż, (ii) li jkunu wettqu xogħol fil-qasam legali fit-territorju Franċiż u (iii) li jkunu pprattikaw id-dritt Franċiż. |
|
22. |
Għandi nammetti li ma ndunajtx mill-ewwel minn liema mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 joħorġu tali ġurisprudenza u tali kundizzjonijiet. Barra minn hekk, la l-każ konkret fil-kawża prinċipali u lanqas dik li tidher li hija l-prattika ta’ applikazzjoni usa’ fil-livell nazzjonali ma tassew jgħinu lil min jinterpreta jifhem liema kundizzjonijiet japplikaw fil-fatt fil-livell nazzjonali skont l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197. |
|
23. |
Fil-livell tal-każ konkret tal-kawża prinċipali, nosserva li, l-ewwel nett, l-applikazzjoni tal-appellanti ġiet miċħuda mill-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi minħabba li hija la kienet membru tas-servizz pubbliku Franċiż u lanqas ma kienet issekondata bħala tali ma’ organizzazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi saħaq, meta straħ b’mod ġenerali fuq “il-ġurisprudenza tal-Cour de cassation [il-Qorti tal-Kassazzjoni]” f’dan ir-rigward, li l-esperjenza professjonali tal-appellanti wkoll ma nkisbitx fit-territorju Franċiż. |
|
24. |
It-tieni nett, filwaqt li l-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi) ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ ċaħda, hija madankollu bbażat il-konklużjoni tagħha fuq motiv differenti, jiġifieri li l-appellanti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni relatata mal-prattika tad-dritt Franċiż. Hija insistiet li l-evalwazzjoni tal-prattika rilevanti tad-dritt Franċiż kellha ssir in concreto. Wara li għamlet tali evalwazzjoni, din il-qorti kkonkludiet li l-appellanti ma kinitx uriet esperjenza fid-dritt Franċiż. |
|
25. |
It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tgħid li, biex l-eżenzjoni inkwistjoni tkun tista’ tapplika, l-applikanti għandhom jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija iktar ’il fuq fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
26. |
Fil-livell iktar ġenerali, il-mod preċiż kif taħdem l-imsemmija eżenzjoni ma jsirx iktar ċar meta jinġiebu xi eżempji mill-ġurisprudenza nazzjonali mogħtija mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet f’din il-proċedura. Dawk l-eżempji juru varjetà mdaqqsa ta’ kif wieħed jinterpreta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197. |
|
27. |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni ta’ appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż, l-eżistenza nnifisha ta’ din il-kundizzjoni kienet ikkontestata bil-qawwa mill-Gvern Franċiż. Dak il-gvern sostna li, fil-fehma tiegħu, tali rekwiżit ma jirriżulta la mill-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 71–1130, li jsemmi biss l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fi Franza ( 2 ), u lanqas mill-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197, li jirreferi, bħala prinċipju, għal persuni meqjusa bħala uffiċjali tal-“kategorija A” (“les personnes assimilées” fl-oriġinal bil-Franċiż). |
|
28. |
Xi eżempji mill-ġurisprudenza li ngħataw f’dawn il-proċeduri huma dwar applikazzjonijiet magħmula minn uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti jew tal-Unjoni Ewropea ( 3 ). Ir-raġunijiet li għalihom dawn l-applikazzjonijiet ma kinux approvati jidhru li huma bbażati, tabilħaqq, mhux fuq in-nuqqas ta’ appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż, iżda fuq nuqqas ta’ prattika tad-dritt Franċiż jew fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ territorjalità. Madankollu, ninnota wkoll li l-Cour d’Appel d’Aix-en-Provence (il-Qorti tal-Appell, Aix-en-Provence, Franza) aċċettat li l-kundizzjonijiet inkwistjoni kienu ġew issodisfatti minn uffiċjal tal-Prinċipat ta’ Monaco, li kien ta’ nazzjonalità Franċiża. B’deċiżjoni li dwarha kien hemm xi diskussjonijiet fis-seduta, dik il-qorti qalet li d-dritt ta’ Monaco jaqbel ħafna mad-dritt Franċiż, u li dak li kien jagħmel l-applikant seta’ jkun ikklassifikat bħala kategorija A għall-uffiċjali Franċiżi jew għal dawk meqjusa bħala tali ( 4 ). L-applikazzjoni għall-eżenzjoni, għalhekk, ingħatat lil persuna li manifestament ma kinitx membru tas-servizz pubbliku Franċiż. |
|
29. |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 tagħmel l-imsemmija eżenzjoni applikabbli wkoll għal uffiċjali li jkunu eżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’organizzazzjoni internazzjonali. Ma huwiex ċar jekk dan l-element japplikax għal kull uffiċjal ta’ organizzazzjoni internazzjonali (li tkun tinsab fi Franza) jew jekk japplikax biss għal persuni li jkunu membri tas-servizz pubbliku Franċiż u li jkunu ġew issekondati ma’ organizzazzjoni internazzjonali. Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi fil-kawża prinċipali tidher li hija bbażata fuq din it-tieni interpretazzjoni. |
|
30. |
It-tieni nett, dwar il-kundizzjoni ta’ territorjalità, il-qorti tar-rinviju spjegat li din tista’ tapplika wkoll meta l-prattika fil-qasam legali tkun saret f’organizzazzjoni internazzjonali. Din il-verżjoni kienet interpretata li tirriżulta mill-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 71–1130. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-eżenzjoni mill-obbligu li wieħed ikollu diploma fil-liġi u tispeċifika, għal dak li huwa rilevanti hawnhekk, li tapplika għal persuni li jkunu eżerċitaw ċerti funzjonijiet fi Franza. Jidher li l-ġurisprudenza nazzjonali għamlet riferiment reċiproku għal din id-dispożizzjoni wkoll meta qieset l-eżenzjoni fir-rigward taċ-ċertifikat ta’ kompetenza, għalkemm ma jingħad xejn dwar dan il-punt fl-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197. |
|
31. |
Nifhem li l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi rraġunaw bl-istess mod ( 5 ) dwar l-eżenzjonijiet intiżi għall-avukati in-house (kif previst fl-Artikolu 98(3) tad-Digriet Nru 91–1197 ( 6 )) u għal persuni li jkunu eżerċitaw xogħol fil-qasam legali fi trade unions (kif previst fl-Artikolu 98(5) tal-istess digriet ( 7 )). Għaldaqstant, bħalma huwa l-każ għall-Artikolu 98(4), il-paragrafi 3 u 5 tal-Artikolu 98 kienu interpretati wkoll bħala li kienu jistabbilixxu rekwiżit territorjali, minkejja li dawk id-dispożizzjonijiet ma jinkludux dan ir-rekwiżit, għall-kuntrarju tal-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 71–1130 ( 8 ). |
|
32. |
It-tielet nett, dwar il-kundizzjoni tal-prattika tad-dritt Franċiż, jidher li kien deċiż li għalkemm il-kunċett ta’ “id-dritt Franċiż” jista’ jiġi interpretat bħala li jinkludi d-dritt tal-Unjoni, huwa ma jistax jiġi limitat għal din tal-aħħar. Nifhem li din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “id-dritt Franċiż”, flimkien mal-ħtieġa li l-eżenzjoni msemmija tkun interpretata b’mod strett, wasslet biex applikazzjonijiet ta’ uffiċjali tal-Unjoni jkunu repetutament miċħuda. |
|
33. |
Din il-qorti hija marbuta mid-dritt nazzjonali kif qalet il-qorti tar-rinviju. Għalhekk, f’dak li ġej, jiena ser neżamina l-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tat-tliet kundizzjonijiet (kumulattivi) kif ippreżentati fid-digriet tar-rinviju u kkonfermati (mill-ġdid) fi kjarifiki bil-miktub mogħtija mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) u mill-procureur général (il-Prosekutur Ġenerali) tagħha wara talba minn din il-qorti. |
|
34. |
Madankollu, f’dan il-kuntest, ninnota wkoll żewġ elementi, li nerġa’ ngħaddi għalihom fl-aħħar ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-ewwel nett, jidher li hemm xi ħaġa ma taqbilx bejn il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 u dawk li jidher li huma applikati fil-prattika. It-tieni nett, hemm varjetà kunsiderevoli fl-applikazzjoni fil-prattika ta’ dawk il-kundizzjonijiet, li biċ-ċar tmur lil hinn milli jintlaħqu konklużjonijiet differenti f’każijiet fattwalment differenti: id-differenza hija dwar l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet legali nnifishom. |
2. Formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi preliminari
|
35. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-obbligu, skont l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197, li jkun inkiseb għarfien tad-dritt Franċiż. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dan ir-rekwiżit iqisx kif imiss il-fatt li, fil-qosor, id-dritt tal-Unjoni huwa parti integrali mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. |
|
36. |
L-ewwel nett, jidher mid-digriet tar-rinviju u minn osservazzjonijiet ippreżentati lil din il-qorti li l-kunċett ta’ “għarfien tad-dritt Franċiż”, li huwa karatteristika tal-formulazzjoni ta’ dik id-domanda, għandu pjuttost jinftiehem bħala “prattika tad-dritt Franċiż”. |
|
37. |
Tabilħaqq, isegwi mill-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża, kif ukoll mis-seduta, li l-applikanti għall-eżenzjoni inkwistjoni ma jiġux eżaminati dwar kemm ikunu midħla tad-dritt Franċiż. L-uniku eżami li huma aktarx ikollhom joqogħdu għalih jidher li għandu x’jaqsam mar-regoli ta’ deontoloġija skont l-Artikolu 98–1 tad-Digriet Nru 91–1197 ( 9 ). |
|
38. |
It-tieni nett, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma naħsibx li jeħtieġ li l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi indirizzata separatament. Il-kwistjoni dwar in-natura tar-relazzjoni bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u kemm dawn huma integrati reċiprokament u dipendenti fuq xulxin hija tabilħaqq waħda ta’ ħsieb. Madankollu, fil-limiti ta’ din il-kawża, ma jeħtieġx li wieħed jidħol fil-fond fi kwistjoni li tabilħaqq jistħoqqilha djalogu Galilean. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, din il-kwistjoni fil-fatt tinqala’ biss fil-kuntest wisq magħluq ta’ x’jista’ jkun raġonevolment meħtieġ bħala esperjenza legali rilevanti biex wieħed jidħol jipprattika fil-qrati ta’ Stat Membru. Għalhekk, għall-finijiet prattiċi kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ser tkun neċessarjament indirizzata, iżda minn aspett ħafna idjaq u prammatiku, fil-kuntest tat-tieni domanda magħmula. |
|
39. |
Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis li jkun xieraq li nindirizza ż-żewġ domandi preliminari flimkien bħala li jistaqsu jekk it-tliet kundizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju li japplikaw skont l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 humiex konformi mal-Artikoli 45 u 49 TFUE. |
B. Kompatibbiltà mal-Artikoli 45 u 49 TFUE
|
40. |
Mill-bidu nett għandu jitfakkar li din il-kawża ma taqax taħt id-Direttiva 98/5/KE ( 10 ). Dik is-sistema hija biss dwar avukati kwalifikati bħala tali fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom ( 11 ). Din il-kawża hija dwar il-kundizzjonijiet għall-ewwel aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru. |
|
41. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, “fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal professjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jiddefinixxu l-konoxxenza u l-kwalifiki neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni” ( 12 ). |
|
42. |
Madankollu, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi limiti għall-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat. Dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma għandhomx ifixklu l-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali garantiti, għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, mill-Artikoli 45 u 49 TFUE ( 13 ). |
|
43. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-professjoni ta’ avukat tista’ tiġi eżerċitata fi Franza kemm minn persuna li taħdem għal rasha kif ukoll bħala impjegata. Għalhekk, is-sistema nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl taż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat. Madankollu, l-eżami ewlieni, l-iktar dak marbut ma’ limitazzjonijiet u l-ġustifikazzjoni tagħhom, huwa ġeneralment l-istess għaż-żewġ dispożizzjonijiet. |
1. Diskriminazzjoni jew ostakolu għal aċċess?
|
44. |
Din il-kawża hija dwar persuna li ma tixtieqx titlaq minn ambjent professjonali għal ieħor li jkun ta’ żewġ Stati Membri differenti. L-appellanti tixtieq tikseb il-possibbiltà li tħalli s-servizz pubbliku tal-Kummissjoni Ewropea u tmur għall-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru. |
|
45. |
Isegwi minn ġurisprudenza stabbilita li uffiċjal tal-Unjoni għandu l-istatus ta’ ħaddiem migrant. Tabilħaqq, “ċittadin [tal-Unjoni] li jaħdem fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ oriġini tiegħu ma jitlifx il-kwalità ta’ ħaddiem […] minħabba l-fatt li jkun impjegat ma’ organizzazzjoni internazzjonali […]” ( 14 ). L-istess għandu japplika għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lil ċittadini tal-Unjoni mill-Artikolu 49 TFUE. |
|
46. |
Għall-finijiet ta’ din il-kawża nqis li diskussjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxux diskriminazzjoni indiretta u/jew ostakolu għall-moviment liberu tista’ tinżamm għal-livell minimu possibbli. Dan huwa għaliex il-kundizzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxu, fil-fehma tiegħi, it-tnejn. |
|
47. |
L-ewwel nett, dwar il-pretensjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta, ninnota li l-appellanti hija ta’ nazzjonalità Rumena u Portugiża. |
|
48. |
L-Artikolu 45 TFUE (u wkoll l-Artikolu 49 TFUE) “[j]ipprekludi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ovvji, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda anki kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, effettivament twassal għall-istess riżultat” ( 15 ). Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta r-regola nazzjonali inkwistjoni tkun “tista’, intrinsikament, tolqot ħaddiema migranti iktar minn ħaddiema f’pajjiżhom u jekk ikun hemm riskju li dawn tal-ewwel jitqiegħdu fi żvantaġġ partikolari” ( 16 ). |
|
49. |
Jiena naqbel mal-appellanti u mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet inkwistjoni għandhom, naturalment, jolqtu intrinsikament l-iktar lil ċittadini mhux Franċiżi, bħall-appellanti. Wieħed jista’ jassumi li l-ikbar għadd ta’ uffiċjali Franċiżi jinzertaw li jkunu ta’ nazzjonalità Franċiża. Għalhekk, anki jekk ir-regola applikabbli hija bbażata fuq kriterju differenti minn ta’ nazzjonalità (appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż, mingħajr in-nazzjonalità Franċiża), tali regola ċertament tikkostitwixxi każ ta’ diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità. |
|
50. |
Fis-seduta l-Kunsill u l-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi saħqu li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-appellanti ma kinitx ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-appellanti, u li d-deċiżjoni kienet tkun eżattament l-istess kieku l-appellanti kienet ta’ nazzjonalità Franċiża. |
|
51. |
Ma narax ir-rilevanza ta’ dan l-argument. Biex tinbeda l-evalwazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta potenzjali, ikun biżżejjed li l-appellanti aktarx tkun f’sitwazzjoni agħar minħabba raġuni li tkun raġuni protetta (f’dan il-każ, in-nazzjonalità). Il-fatt li xi ħadd ieħor jista’ wkoll ikun fl-istess qagħda, minkejja li ma jkunx tal-istess grupp protett, ma huwiex verament rilevanti biex wieħed jasal għall-konklużjoni li hemm regola li indirettament tiffavorixxi liċ-ċittadini tiegħu stess. |
|
52. |
Il-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Kunsill u l-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi jeskludu wkoll il-possibbiltà li l-kundizzjonijiet ibbażati fuq il-prattika jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta minħabba li persuni li jipprattikaw fi Franza u, għalhekk, ikunu midħla tad-dritt Franċiż, u dawk li jipprattikaw fi Stat Membru ieħor (jew fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea) u, għalhekk, ma jkunux midħla tad-dritt Franċiż, ma jkunux jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli dwar aċċess għall-professjoni ta’ avukat minħabba li l-ħiliet legali rispettivi tagħhom ikollhom x’jaqsmu ma’ ordinamenti ġuridiċi differenti. |
|
53. |
Jiena ma naqbilx. |
|
54. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-komparabbiltà ta’ sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata skont is-suġġett u l-għan tad-dritt nazzjonali li tagħmel id-distinzjoni inkwistjoni, kif ukoll, jekk ikun il-każ, skont il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li miegħu dak id-dritt nazzjonali jkun relatat ( 17 ). |
|
55. |
F’dan il-każ, skont kemm ikun astratt il-livell magħżul, dan ifisser jew li d-diskussjoni jekk uffiċjali Franċiżi u uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħux jitqabblu biex jidħlu jipprattikaw fil-qrati Franċiżi (l-għan ġenerali) jew, alternattivament, jekk iż-żewġ gruppi ta’ persuni jistgħux jitqabblu fir-rigward tal-eżenzjoni speċifika li l-appellanti qiegħda tinvoka (l-għan speċifiku). |
|
56. |
Dwar l-għan ġenerali, ma nistax nifhem għaliex avukat ma jistax jitqies, b’mod ġenerali, bħala komparabbli biex jidħol jipprattika fil-qrati u l-professjoni ta’ avukat. |
|
57. |
Wara dan, dwar l-għan speċifiku tal-eżenzjoni, il-qorti tar-rinviju tispjega li, meta tissuġġetta l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat għall-kundizzjonijiet diskussi f’din il-kawża, din l-eżenzjoni għandha l-għan li tiggarantixxi d-difiża effettiva tal-litiganti u, bl-istess mod, l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
|
58. |
Jekk dan l-għan jiġi, tabilħaqq, eżaminat in concreto ( 18 ), kif f’xi okkażjonijiet ġie ssuġġerit f’dawn il-konklużjonijiet, imbagħad nerġa’ ma nkunx nista’ nara n-nuqqas ta’ komparabbiltà strutturali bejn uffiċjali Franċiżi u uffiċjali tal-Unjoni. Dak li jingħad li jimporta hija l-prova tal-prattika tad-dritt Franċiż u mhux il-preżunzjoni tagħha. Jekk, madankollu, il-preżunzjoni hija sempliċement li uffiċjal Franċiż biss jaf id-dritt Franċiż, mingħajr ma dan bl-ebda mod ma jkun eżaminat, tali preżunzjoni, filwaqt li toħloq kwistjonijiet tagħha nnifisha, xorta ma tkunx tiċħad il-komparabbiltà inerenti, meqjus l-għan iddikjarat tad-deroga speċifika: li jkun żgurat li persuna li tibbenefika mid-deroga jkollha fil-fatt ħiliet meħtieġa biex teżerċita l-professjoni ta’ avukat. |
|
59. |
Madankollu, f’kull każ, din id-diskussjoni turi żewġ kwistjonijiet. L-ewwel, tali kunsiderazzjonijiet fil-fatt diġà huma relatati mal-ġustifikazzjoni ta’ kundizzjoni speċifika, u mhux mal-komparabbiltà ġenerali. Dik il-komparabbiltà normalment titqies b’mod pjuttost wiesa’, preċiżament biex id-diskussjoni ma’ titneħħiex mil-livell ta’ ġustifikazzjoni għal-livell tal-komparabbiltà, bl-argumenti skont iż-żewġ punti jkunu kważi kollha tal-istess natura ( 19 ). It-tieni, l-għażliet leġiżlattivi magħmula mill-Istat Membru f’kuntest bħal dan ma jistgħux jitqiesu determinanti. Kieku kienu, il-kategoriji maħluqa fid-dritt nazzjonali jkunu jwasslu mbagħad biex tkun eskluża l-komparabbiltà fil-livell Ewropew, u b’hekk ikun eskluż kull stħarriġ ( 20 ). |
|
60. |
Meqjusa dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma nistax ma naffermax li t-tliet kundizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju li taw lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 tabilħaqq joħolqu diskriminazzjoni indiretta li tiffavorixxi ċittadini Franċiżi dwar l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Franza. |
|
61. |
It-tieni nett, naqbel ukoll mal-appellanti u mal-Kummissjoni li dawk il-kundizzjonijiet jammontaw ukoll għal ostakolu għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Franza. |
|
62. |
Ma hemmx limiti għall-portata tal-Artikoli 45 u 49 TFUE għal każijiet ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba n-nazzjonalità. Dawn id-dispożizzjonijiet ukoll ma jħallux ikun hemm miżuri li, għalkemm ikunu applikabbli mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità, ikunu jistgħu “[jfixklu jew jagħmlu] inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat” ( 21 ). |
|
63. |
L-applikazzjoni tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 jista’ ma tħallix jew inkella tfixkel lil min ikun jixtieq jeżerċita l-libertà ta’ moviment jew ta’ stabbiliment milli jħalli l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu (jew, għal dak li huwa rilevanti hawnhekk, is-servizz pubbliku tal-Unjoni) biex jibda impjieg jew jistabbilixxi ruħu bħala avukat fi Franza. |
|
64. |
Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 dwar l-appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż, dwar it-territorjalità tal-esperjenza professjonali, u dwar il-prattika tad-dritt Franċiż, ukoll, għalhekk, jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema u għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikoli 45 u 49 TFUE. |
2. Ġustifikazzjoni
|
65. |
Indipendentement minn jekk il-kundizzjonijiet inkwistjoni jkunux eżaminati bħala diskriminazzjoni indiretta jew bħala ostakolu għall-moviment liberu, għandu, f’kull każ, jiġi vverifikat jekk dawn jistgħux jiġu ġġustifikati minn wieħed mill-għanijiet leġittimi msemmija fit-Trattat jew minn raġunijiet superjuri fl-interess pubbliku. Barra minn hekk, is-sistema inkwistjoni għandha tkun adatta biex tiżgura li jintlaħaq dak l-għan u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak meħtieġ biex dak l-għan jintlaħaq ( 22 ). |
|
66. |
Ġie ssuġġerit li l-għan tal-eżenzjoni inkwistjoni huwa d-difiża effettiva tad-drittijiet ta’ litiganti u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. F’dan ir-rigward, u kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi dawk li jirċievu servizzi legali, u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huma għanijiet li jidhru bi prominenza fost dawk li jistgħu jitqiesu bħala rekwiżiti superjuri fl-interess pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni fuq libertajiet fundamentali ( 23 ). |
|
67. |
Jiena naqbel kompletament. Ninnota wkoll li ebda waħda mill-partijiet ma tikkontesta l-leġittimità ta’ tali għanijiet li ċertament jistgħu jiġġustifikaw miżuri u kundizzjonijiet li jirrestrinġu l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru. |
|
68. |
Wara li ntqal dan, jifdal li jkun eżaminat jekk il-kundizzjonijiet inkwistjoni jissodisfawx il-kriterju ta’ proporzjonalità li jitlob li tkun ivverifikata r-rabta bejn l-għanijiet iddikjarati u l-mezzi magħżula biex l-għanijiet jintlaħqu. F’dan il-kuntest, huwa pjuttost importanti li jiġi ċċarat li (i) il-protezzjoni tal-konsumaturi qua dawk li jirċievu servizzi legali, kif ukoll (ii) l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja f’każ bħal dan inkwistjoni, essenzjalment għandhom x’jaqsmu mal-kwistjoni ta’ esperjenza rilevanti li għandha, imbagħad, tippermetti lil min ikun jixtieq jipprattika d-dritt fi Stat Membru jiffunzjona b’mod raġonevoli u indipendenti f’dik is-sistema. Wara kollox, l-eżenzjoni, meta tibda taħdem, teħles lill-applikanti mit-taħriġ legali inizjali meħtieġ u mill-eżami finali fi tmiemu. |
|
69. |
Għalhekk, f’dak li ġej, ser nipprova nivverifika kull waħda mit-tliet kundizzjonijiet inkwistjoni li semmiet il-qorti tar-rinviju: jista’ jingħad li tali kundizzjoni tista’ tkun kemm adatta, kif ukoll meħtieġa fir-rigward tal-għan iddikjarat li jkun żgurat li l-persuni li jkunu jixtiequ jibbenefikaw mill-eżenzjoni inkwistjoni jkollhom dak il-grad xieraq ta’ esperjenza rilevanti għall-professjoni ta’ avukat? |
a) Li tkun membru tas-Servizz Pubbliku Franċiż
|
70. |
Kif diġà ġie nnotat fil-punti 27 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-iskop preċiż tal-kundizzjoni dwar l-appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż hija suġġetta għal interpretazzjoni differenti. |
|
71. |
Il-qorti tar-rinviju tgħid li dik il-kundizzjoni tabilħaqq titlob li l-appartenenza fis-servizz pubbliku Franċiż tinftiehem bħala differenti minn kull appartenenza oħra għal servizz pubbliku ieħor, Ewropew jew nazzjonali. |
|
72. |
Il-Gvern Franċiż, min-naħa l-oħra, jikkontesta dik l-interpretazzjoni. Fil-fehma tiegħu, dik il-kundizzjoni għandha tinftiehem b’mod wiesa’ biex tinkludi wkoll servizzi pubbliċi Ewropej jew nazzjonali, minbarra dak Franċiż. Il-kategorija AD tal-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea tista’ tkun koperta wkoll, fil-fehma ta’ dak il-gvern, mill-kunċett ta’ persuni meqjusa bħala uffiċjali tal-kategorija A (personnes assimilées), li hemm imsemmija fl-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197. Il-Gvern Franċiż spjega waqt is-seduta li ma hemmx definizzjoni ċara ta’ din l-aħħar kategorija. Jidher biss li hija teskludi uffiċjali tal-kategoriji B u C, filwaqt li tista’ tinkludi uffiċjali li ma jistgħux jiġu kklassifikati f’waħda mill-kategoriji A, B u C, bħal uffiċjali ta’ amministrazzjoni ta’ ħabs jew uffiċjali militari. |
|
73. |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, aktarx jidher li l-interpretazzjoni adottata bid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi kienet dik issuġġerita mill-qorti tar-rinviju. B’kuntrast ma’ dan, id-deċiżjoni tal-Cour d’Appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi) kienet taqbel ma’ dak li qiegħed jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż: il-fatt li l-appellanti b’mod ċar ma kinitx membru tas-servizz pubbliku Franċiż ma kienx iżomm lil dik il-qorti milli tagħmel evalwazzjoni in concreto tal-esperjenza preċedenti tagħha. |
|
74. |
Ma huwiex għal din il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali. Madankollu, nirrileva biss tliet punti. |
|
75. |
L-ewwel nett, jekk l-interpretazzjoni li wara kienet adottata tkun dik restrittiva, li de facto tissuġġerixxi li l-appartenenza fis-servizz pubbliku Franċiż twassal biex l-eżenzjoni tingħata awtomatikament mingħajr eżami in concreto ġenwin tal-kundizzjoni tal-prattika ta’ xi dritt Franċiż rilevanti għall-professjoni ta’ avukat, tali kundizzjoni, fil-fehma tiegħi, ma tkunx adatta biex jintlaħaq l-għan iddikjarat. Minħabba l-għadd ta’ uffiċjali pubbliċi li huma tal-kategorija A u minħabba n-natura varja tad-deskrizzjoni tax-xogħol u xi drabi ristretta li x’aktarx tkun marbuta ma’ xogħol li jsir f’ċerti uffiċċji, ikun, tabilħaqq, diffiċli ħafna li wieħed jassumi li dawk il-persuni kollha jkunu jistgħu jiksbu awtomatikament il-prattika u l-ħiliet meħtieġa għall-professjoni ta’ avukat, b’mod partikolari għal prattika ġenerali u indipendenti fil-qrati bħala persuni impjegati għal rashom. L-għoti awtomatiku tal-eżenzjoni abbażi biss ta’ appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż ikun, għalhekk, inklużiv iżżejjed, biex ma ngħidx iktar, meqjusa l-għanijiet iddikjarati. |
|
76. |
It-tieni nett, il-Kunsill u l-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi jgħidu li, tabilħaqq, ma hemm xejn awtomatiku fil-mod kif tingħata l-eżenzjoni, u li l-applikazzjonijiet kollha għall-eżenzjoni jkunu suġġetti għal analiżi in concreto. Ninnota li l-partijiet kollha qablu fis-seduta li, fil-fatt, evalwazzjoni in concreto għandha, tabilħaqq, issir. Madankollu, kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar x’kellu eżattament ikun eżaminat in concreto, ħaġa li ser niddiskuti iktar ’il quddiem fir-rigward tat-tielet kundizzjoni. |
|
77. |
Madankollu u f’kull każ, inqis li, anki jekk tkun eskluża eżenzjoni awtomatika, il-kundizzjoni ta’ appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, meqjus l-għan imsemmi iktar ’il fuq. Dak l-għan huwa li jkun żgurat li l-persuni li jkunu jixtiequ jiksbu l-eżenzjoni jkunu jafu, b’mod rilevanti u prattiku, id-dritt Franċiż, biex ikunu jistgħu jipprattikaw id-dritt. Iżda li dan l-għan jitqies daqs l-appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż huwa, kif diġà ssuġġerejt, inklużiv iżżejjed għall-uffiċjali pubbliċi Franċiżi u, kunsiderevolment inqas inklużiv għal min ma jkunx uffiċjal pubbliku Franċiż. Huwa pjuttost ċar għalija li l-prattika u l-għarfien tad-dritt Franċiża jistgħu jinkisbu banda oħra milli fis-servizz pubbliku Franċiż. Ċertament ma jistax ikun eskluż li hemm xi uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea li setgħu ħadmu dwar materji tad-dritt Franċiż, jew kellhom x’jaqsmu f’litigazzjoni quddiem il-qrati Franċiżi f’isem il-persuna li kienet timpjegahom. |
|
78. |
Dwar dan l-aħħar aspett, il-kundizzjoni relatata mal-appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż tirrestrinġi l-libertajiet inkwistjoni lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, tant li teskludi lill-applikanti li ma jkunux membri tas-servizz pubbliku Franċiż iżda li setgħu effettivament kisbu l-prattika rilevanti ( 24 ). |
|
79. |
It-tielet nett, il-problema dwar l-ewwel kundizzjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju, madankollu, tgħib għalkollox jekk, kif jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż, il-kundizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata b’mod wiesa’ bħala li tinkludi wkoll uffiċjali tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, b’mod li huma jkunu jistgħu jitqiesu bħala “persuni oħra meqjusa bħala uffiċjali tal-kategorija A”. Dan ifisser li tali persuni ma jkunux esklużi awtomatikament milli jitqiesu għall-fini tal-eżenzjoni inkwistjoni, u li wkoll fir-rigward tal-kwalifiki tagħhom, tkun tista’ ssir evalwazzjoni in concreto tal-prattika preċedenti tagħhom. |
|
80. |
Għalhekk, nasal għall-konklużjoni interim (u, tabilħaqq, pjuttost kundizzjonali) li l-Artikoli 45 u 49 TFUE jipprekludu l-kundizzjoni ta’ appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż, li għaliha hija suġġetta l-eżenzjoni mit-taħriġ professjonali u miċ-ċertifikat ta’ kompetenza fil-professjoni ta’ avukat skont l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197, sa fejn l-applikazzjoni prattika ta’ din il-kundizzjoni ma tippermettix li jkun hemm verifika tal-prattika mitluba tad-dritt (nazzjonali) minn persuni li ma jkunux membri tas-servizz pubbliku Franċiż. |
b) Il-kundizzjoni ta’ territorjalità
|
81. |
Dwar il-kundizzjoni ta’ territorjalità nifhem li din il-kundizzjoni tkun applikata b’mod indipendenti u għandha titħares kumulattivament flimkien maż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra. Nifhem ukoll li din il-kundizzjoni hija interpretata bħala li titlob il-prattika meħtieġa tad-dritt Franċiż li tkun inkisbet mill-applikant waqt li jkun residenti professjonalment fi Franza. Fi kliem ieħor, l-esperjenza meħtieġa qatt ma tkun tista’ tinkiseb jekk il-persuna pubblika li timpjega lill-applikant tkun jkollha s-sede tagħha barra mit-territorju Franċiż, anki jekk, bħala stat ta’ fatt, l-applikant ikun jista’ attwalment jipprattika d-dritt Franċiż, kemm jekk quddiem il-qrati Franċiżi u, għalhekk, fit-territorju Franċiż, jew inkella jkun qiegħed jaħdem fuq materji tad-dritt Franċiż. |
|
82. |
Jekk dan huwa tabilħaqq il-każ, inqis li tali kundizzjoni tippreżenta l-istess kwistjonijiet bħal dawk potenzjalment identifikati fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż, kif spjegajt iktar ’il fuq ( 25 ). Il-problema hija l-element awtomatiku inerenti li sempliċement jitlef l-għan iddikjarat. |
|
83. |
Din l-osservazzjoni hija wkoll kkorroborata mill-aħħar parti tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 li minnha jsegwi li l-eżenzjoni inkwistjoni tista’ tingħata, tal-inqas litteralment mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, lil applikanti li jibbażaw ruħhom fuq esperjenza f’organizzazzjoni internazzjonali. Ma huwiex eskluż li, waqt xogħol għal organizzazzjoni bħall-UNESCO jew l-OECD, li s-sede tagħhom tinsab fi Franza, wieħed jista’ jkun qiegħed jittratta materji ta’ dritt Franċiż u jkollu x’jaqsam f’litigazzjoni quddiem qrati Franċiżi. Madankollu, jekk il-garanzija tal-eżenzjoni f’dawk il-kawżi tkun awtomatika (u, barra minn hekk, possibbilment limitata għall-membri tas-servizz pubbliku Franċiż issekondati ma’ tali organizzazzjonijiet), l-għanijiet segwiti mill-kundizzjonijiet inkwistjoni bilkemm ikunu jistgħu jintlaħqu. |
|
84. |
Għalhekk, nasal għall-konklużjoni interim (u għal darba oħra kemxejn kundizzjonali) li l-Artikoli 45 u 49 TFUE jipprekludu l-kundizzjoni ta’ territorjalità li għaliha hija suġġetta l-eżenzjoni minn taħriġ professjonali u miċ-ċertifikat ta’ kompetenza tal-professjoni ta’ avukat skont l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197. |
c) Il-prattika tad-dritt Franċiż
|
85. |
Nifhem li l-kundizzjoni relatata mal-prattika tad-dritt Franċiż torbot mar-rekwiżit ta’ “xogħol imwettaq fil-qasam legali” li huwa karatteristika tal-kliem tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–9711 (“activités juridiques” fl-oriġinal bil-Franċiż). |
|
86. |
Dwar dan wieħed ma jistax ħlief jisħaq li l-importanza tal-prattika u l-għarfien tad-dritt nazzjonali għall-iskop tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat kienet, bħala prinċipju, irrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 26 ). Għalhekk, bħala prinċipju, ikun restrizzjoni tajba u meħtieġa rekwiżit li jinkiseb livell xieraq ta’ esperjenza legali rilevanti biex tapplika l-eżenzjoni mir-rekwiżit normali ta’ prattika qabel ir-reġistrazzjoni għal prattika fil-qrati. |
|
87. |
Madankollu, il-pożizzjoni ma hijiex daqshekk ċara f’dawn il-proċeduri. Fil-fatt, li jibqa’ kemxejn oskur huwa s-suġġett eżatt tal-prattika legali preċedenti li hija meħtieġa skont id-dritt nazzjonali rilevanti, kemm mill-aspett tal-mertu, kif ukoll tal-proċedura tiegħu. |
|
88. |
L-ewwel nett, filwaqt li titħalla marġni għall-flessibbiltà inerenti meħtieġa għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet minn persuni ta’ kull xeħta, jibqa’ mhux ċar dak li eżattament huwa meħtieġ skont l-imsemmi “xogħol imwettaq fil-qasam legali”. |
|
89. |
L-interpretazzjoni intuittiva tal-kunċett ta’ “xogħol fil-qasam legali” tista’ tkun kuntrarja għal “xogħol amministrattiv”. Iżda kif jirriżulta mill-ispjegazzjoni mogħtija, b’mod partikolari mill-Kunsill u mill-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi, “xogħol amministrattiv” huwa fil-fatt xogħol fil-qasam legali ta’ ċerta kwalità li jkun meħtieġ u li għandu jgħin lil dak li jkun jaċċerta li l-esperjenza professjonali tkun effettivament ħejjiet lill-applikant għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat. |
|
90. |
Madankollu, il-kliem tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 ma jirreferix għall-prattika tad-dritt nazzjonali. Dan huwa loġikament il-każ fir-rigward ta’ applikanti li jkunu uffiċjali tal-kategorija A u li jkunu pprattikaw id-dritt f’organizzazzjonijiet internazzjonali jew li jkunu prinċipalment jew ukoll ipprattikaw oqsma oħra tad-dritt, bħad-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali, waqt li kienu jaħdmu fi Franza. Tabilħaqq, isegwi minn diskussjoni li żviluppat fis-seduta, li l-prattika tad-dritt tal-Unjoni tista’ (jew saħansitra għandha) titqies għal dak l-għan, anki jekk jibqa’ mhux ċar kemm dik il-prattika tkun tista’ tikkumpensa għal nuqqas ta’ prattika fid-dritt nazzjonali. |
|
91. |
Ma iniex ċar lanqas dwar jekk l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali fi kwalunkwe qasam tad-dritt huwiex biżżejjed biex jissodisfa l-istandard meħtieġ. Għal darba oħra, kienet żviluppat xi diskussjoni pjuttost inkonklużiva dwar dan waqt is-seduta, inklużi eżempji ta’ persuni li setgħu ħadmu biss f’qasam limitat ħafna tad-dritt għall-perijodu sħiħ ta’ tmien snin ( 27 ), u kummenti dwar jekk fil-fatt hijiex meħtieġa firxa usa’ ta’ prattika. |
|
92. |
Huwa wkoll mhux ċar jekk għandhiex tintwera xi esperjenza fil-litigazzjoni quddiem qrati Franċiżi u kemm, jew jekk tkunx biżżejjed esperjenza oħra (mhux ta’ litigazzjoni). Ninnota li l-Kunsill u l-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi jidhru li jaqblu mal-ewwel għażla, iżda l-eżempji mill-ġurisprudenza mogħtija f’dawn il-proċeduri la huma espliċiti u lanqas xorta oħra konklużivi dwar dan ( 28 ). |
|
93. |
Ikun, imbagħad, biss f’dan il-kuntest li tkun tista’ tingħata risposta utli għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju ( 29 ). Jekk, fir-rigward tal-mertu tal-prattika meħtieġa, awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 kellhom b’mod konsistenti jitolbu lill-applikanti esperjenza fid-dritt Franċiż, jiġifieri esperjenza ta’ litigazzjoni ppruvata quddiem qrati Franċiżi jew esperjenza li tkun limitata għal oqsma tad-dritt b’rabta mill-qrib ma’ tali oqsma, allura li tkun eskluża biss esperjenza prattika tad-dritt tal-Unjoni jkun għalkollox loġiku. Madankollu, jekk, min-naħa l-oħra, kwalunkwe prattika tad-dritt nazzjonali tkun aċċettata, prattikament f’kull qasam tad-dritt nazzjonali, inklużi dawk l-oqsma li jkunu pjuttost imbiegħda minn kull prattika ta’ litigazzjoni rilevanti, imbagħad ma jkunx hemm raġuni biex tkun eskluża prattika tad-dritt tal-Unjoni biss minn oqsma ta’ esperjenza rilevanti ( 30 ). |
|
94. |
It-tieni nett, dwar il-proċess ta’ verifika tal-kundizzjoni marbuta mal-prattika tad-dritt Franċiż, il-Kunsill u l-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi u l-Gvern Franċiż jispjegaw li din issir in concreto, każ każ. Kull applikazzjoni l-ewwel jirċeviha avukat impjegat mal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi, li d-dmir tiegħu jkun li jivverifika jekk il-fajl ikunx komplut, jistieden lill-applikant jikkompletah, jekk ikun meħtieġ, u jħejji nota għal sessjoni ta’ informazzjoni. L-applikazzjoni mbagħad tintbagħat lil kumitat magħmul minn membri u minn ex membri tal-Kamra tal-Avukati, u l-applikazzjoni tingħata lil wieħed minnhom li jintervista lill-applikant u jissottometti l-opinjoni tiegħu dwarha lill-kumitat. Dan tal-aħħar jew jaċċetta l-applikazzjoni jew, jekk dan ma jkunx possibbli, jibgħat il-fajl lil korp amministrattiv li quddiemu jkun jista’ jinstema’ l-applikant. Dak il-korp amministrattiv, imbagħad, jieħu deċiżjoni formali dwar il-materja li tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Skont il-Kunsill u l-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi, tali evalwazzjoni individwali u ddettaljata teskludi kulma huwa awtomatiku. Biex issostni din id-dikjarazzjoni, dik il-parti rreferiet waqt is-seduta għal diversi eżempji ta’ deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi dwar applikanti li ma setgħux jipprovdu prova tal-attivitajiet fil-qasam legali li kienu twettqu b’mod kostanti, suffiċjenti, dirett jew personali ( 31 ). |
|
95. |
Nifhem mill-ispjegazzjoni mogħtija, l-iktar fis-seduta, li l-għan tal-evalwazzjoni in concreto huwa li jkun ivverifikat jekk l-applikant ikunx wettaq xi “xogħol fil-qasam legali” li ma jkunx xogħol ieħor. Dwar dan, ebda parti ma tidher li qiegħda tikkontesta li tali evalwazzjoni in concreto tabilħaqq issir, għalkemm, kif diġà ntqal u minkejja l-proċedura ta’ eżami deskritta iktar ’il fuq, tali evalwazzjoni tibqa’ kemxejn vaga dwar il-portata eżatta tagħha ( 32 ). |
|
96. |
Kollox ma’ kollox, il-kundizzjoni ta’ prattika rilevanti tad-dritt Franċiż hija, b’mod ġenerali, kundizzjoni li ċertament tista’ tkun kemm xierqa, kif ukoll meħtieġa, għall-għanijiet iddikjarati. Nisħaq deliberatament fuq id-dritt Franċiż: jekk wieħed ikun jixtieq jipprattika f’sistema legali u jkun jixtieq jiġi eżentat mir-rekwiżit ġeneralment applikabbli biex jidħol jipprattika fil-qrati f’dik is-sistema relatat mat-taħriġ meħtieġ u jirnexxilu jgħaddi minn eżami finali, allura jkun għalkollox xieraq u meħtieġ li jintalab livell raġonevoli ta’ esperjenza prattika f’dik is-sistema tad-dritt. |
|
97. |
Madankollu, ikun xi jkun it-tip ta’ rekwiżit stabbilit minn sistema f’dan ir-rigward, iż-żewġ kundizzjonijiet u l-applikazzjoni tagħhom għandhom ikunu stabbiliti b’mod prevedibbli u konsistenti għall-kandidati kollha li jitolbu jidħlu. Dan it-tieni element iwassalni għall-aħħar punt kumplessiv ta’ dawn il-konklużjonijiet, li għandu jiġi kkunsidrat separatament. |
3. Kundizzjonijiet konsistenti u prevedibbli
|
98. |
Il-kuntest ta’ din il-kawża huwa kemxejn partikolari. Kif diġà intqal fil-punti preliminari introduttivi ( 33 ), u iktar ’il quddiem kif deskritti fil-qosor fid-diskussjoni li ġiet wara, il-kundizzjonijiet li jidhru li huma applikabbli skont l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 ma humiex biss kemxejn varji, iżda wkoll għandhom bażi testwali pjuttost limitata f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni qalet b’mod rilevanti waqt is-seduta, il-kundizzjonijiet kollha inkwistjoni jidhru li jiġu applikati bi grad ġust ta’ flessibbiltà. |
|
99. |
It-tliet kundizzjonijiet eżaminati f’dan il-każ jirriżultaw mill-ġurisprudenza. Dawn iqajmu kwistjonijiet ta’ konsistenza u prevedibbiltà fl-applikazzjoni tagħhom, b’mod partikolari meta jkunu eżaminati mill-aspett tal-limitazzjonijiet għal-libertajiet iggarantiti mit-Trattat li huma jikkostitwixxu. Dwar ir-rekwiżit ta’ konsistenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġustifikazzjoni tar-restrizzjonijiet għal libertajiet iggarantiti mit-Trattati għandha, tabilħaqq, issegwi l-għan iddikjarat b’mod konsistenti u sistematiku ( 34 ). Dwar ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, dan naturalment jissaħħaħ meta r-restrizzjonijiet rispettivi jkunu ddefiniti b’mod ċar minn normi ġeneralment applikabbli. |
|
100. |
Ċertament ma iniex nissuġġerixxi li ma jistax jintlaħaq livell xieraq ta’ konsistenza u prevedibbiltà mill-ġurisprudenza, u li dan għandu jsir biss bil-leġiżlazzjoni. Tabilħaqq, pereżempju fil-kuntest iktar ristrett ta’ limitazzjonijiet ta’ drittijiet li għandhom ikunu biss “stabbiliti mil-liġi”, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) aċċettat li tali restrizzjoni ma għandhiex neċessarjament tkun iddefinita mil-liġi. Hija tista’ wkoll tkun imposta bis-saħħa tal-ġurisprudenza. Iżda, skont il-QEDB, l-espressjoni “stabbiliti mil-liġi”, madankollu titlob li l-liġi għandha tkun “aċċessibbli biżżejjed” u li “norma ma tistax titqies li tkun ‘liġi’ sakemm ma tkunx ifformulata bi preċiżjoni biżżejjed biex iċ-ċittadin ikun jista’ jirregola mġibtu” ( 35 ). Tabilħaqq, “in-normi legali li fuqhom l-interferenza hija bbażata għandhom ikunu aċċessibbli, preċiżi u prevedibbli biżżejjed fl-applikazzjoni tagħhom”. F’dan il-kuntest, “regola tkun ‘prevedibbli’ meta hija tagħti miżura ta’ protezzjoni kontra ndħil arbitrarju mill-awtoritajiet pubbliċi” ( 36 ). |
|
101. |
Wara li għidt dan, hemm każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq rekwiżiti iktar stretti dwar il-prevedibbiltà tar-regoli applikabbli ( 37 ). Madankollu, apparti dawk il-każijiet fejn il-libertà tkun miċħuda f’diversi kuntesti, fejn naturalment għandhom japplikaw standards ogħla ( 38 ), dan mhux bilfors huwa minnu fir-rigward tad-definizzjoni ta’ aċċess għal professjoni. Għalhekk, għalkemm ċertament jista’ jkun aċċettat li tali standards jistgħu jkunu kkwalifikati iktar fil-ġurisprudenza, xorta waħda għandu jkun hemm osservanza tal-element bażi ta’ prevedibbiltà (u b’hekk ta’ aċċessibbiltà u preċiżjoni) ( 39 ). |
|
102. |
Evalwati skont dawn il-kriterji, għandi nammetti li nsibha pjuttost diffiċli nifhem kif il-kundizzjonijiet diskussi f’din il-kawża jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Insibha impossibbli ma nqisx li, minn naħa, ir-regoli miktuba fl-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197 u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli permezz tal-kundizzjonijiet diskussi f’din il-kawża, ma jaqblux sewwa bejniethom, flimkien ma’ diversi aspetti mhux ċari dwar xi jfissru eżattament dawk il-kundizzjonijiet u kif jiġu applikati. |
|
103. |
Naturalment, nirrikonoxxi l-livell kunsiderevoli ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri meta jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tal-aċċess għal professjoni regolata, bħall-professjoni ta’ avukat, inklużi l-eżenzjonijiet minn dawk il-kundizzjonijiet, biex ikun żgurat li persuni biss li joffru l-garanzija tal-ħiliet meħtieġa jkunu jistgħu jkollhom aċċess għaliha. |
|
104. |
Bl-istess mod, ma għandix f’moħħi niċħad is-setgħa tal-Istati Membri li jistabbilixxu, jekk ikun il-każ, kriterji pjuttost stretti dwar esperjenza u għarfien tad-dritt nazzjonali, kif enfasizza l-Gvern Franċiż waqt is-seduta, u li jinfurzawhom biex b’mod effettiv jissaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ litiganti u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
|
105. |
Għalhekk, l-osservazzjonijiet li għamilt f’din it-taqsima u fil-konklużjonijiet kollha kemm huma bl-ebda mod ma kienu mnebbħa għax konvint li għandu jingħata l-usa’ aċċess possibbli għall-prattika fil-qrati, inkluż lil persuni li ma jissodisfawx l-istandards meħtieġa u li ma jkunux jistgħu, għalhekk, jagħtu l-garanziji meħtieġa relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ litiganti u mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Pjuttost il-kuntrarju, fil-fatt. Konvint li Stat Membru għandu kull dritt jitlob standard pjuttost strett ta’ esperjenza professjonali biex wieħed jidħol jipprattika fil-qrati, inkluż, jekk dak l-Istat Membru jkun għażel hekk, li jinsisti mhux biss dwar prattika effettiva tad-dritt nazzjonali, iżda wkoll dwar esperjenza prattika fil-litigazzjoni u meta l-persuna tidher quddiem qrati nazzjonali. |
|
106. |
Il-qofol ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa wieħed differenti: ikun kemm ikun strett Stat Membru fl-għażla tiegħu, huwa għandu jagħmel dan b’mod konsistenti u trasparenti, billi jissuġġetta lill-kandidati kollha, ċittadini u mhumiex, għall-istess tip ta’ kundizzjonijiet prevedibbli li jiġu applikati bl-istess mod. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jkun ħanin jew strett, iżda għandu jagħmel dan mingħajr diskriminazzjoni. Madankollu, Stat Membru ma jistax, permezz ta’ sistema ta’ preżunzjonijiet li bilkemm ikunu ġġustifikati u li jkollhom biss rabta limitata mal-għan iddikjarat ta’ esperjenza rilevanti (li fiha nnifisha ma tħarisx lejn in-nazzjonalità), iħaddem sistema b’mod effettiv li, dwar il-fatti kollha li nġabu lil din il-Qorti tal-Ġustizzja, tkun tidher li tkun pjuttost ħanina maċ-ċittadini tiegħu stess, iżda ħafna iktar stretta ma’ ċittadini barranin jew saħansitra teskludihom. |
|
107. |
Għalhekk, filwaqt li għal darba oħra nisħaq dwar il-portata tad-diskrezzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam, din id-diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata b’mod li dawk il-kundizzjonijiet tagħmilhom jaqblu mar-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq, sabiex jiġu pprovduti kriterji ddikjarati u ċari li jippermettu lill-applikanti jkunu jafu xi jkun mistenni minnhom u fuq liema bażi u skont liema kundizzjonijiet l-applikazzjoni tagħhom ser tkun eżaminata u deċiża. |
V. Konklużjoni
|
108. |
Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta lill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) kif ġej: L-Artikoli 45 u 49 TFUE jipprekludu l-kundizzjonijiet ta’ appartenenza għas-servizz pubbliku Franċiż u ta’ territorjalità li għalihom hija suġġetta l-eżenzjoni mit-taħriġ professjonali u miċ-ċertifikat ta’ kompetenza għall-professjoni ta’ avukat, skont l-Artikolu 98(4) tad-Digriet Nru 91–1197, sa fejn l-applikazzjoni prattika ta’ dawk il-kundizzjonijiet fil-fatt tipprekludi l-verifika tal-prattika rilevanti tad-dritt nazzjonali mill-membri tas-servizz pubbliku tal-Kummissjoni Ewropea. F’kull każ, l-Artikoli 45 u 49 TFUE jipprekludu li l-aċċess għal professjoni regolata fi Stat Membru jsir b’mod li jkun suġġett għal kundizzjonijiet li ma jkunux ibbażati fuq kriterji konsistenti u prevedibbli, li ma jkunux jistgħu jiġu aċċertati raġonevolment ex ante mill-applikanti kollha interessati. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Nifhem dan bħala referenza għall-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 71–1130 li tjipprovdi għall-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-diploma fil-liġi li tingħata lil min ikun eżerċita ċerti attivitajiet fi Franza.
( 3 ) Ara, pereżempju, Cour d’appel de Paris, id-deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2016, Nru 15/1546; Cass. 1ère Civ, id-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2016, Nru 15‑26.635, FR:CCASS:2016:C101411; Cass. 1ère Civ, id-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2017, Nru 16‑17.295, FR:CCASS:2017:C100576; Cass. 1ère Civ, id-deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2017, Nru 16‑20.441, FR:CCASS:2017:C100576.
( 4 ) Cour d’Appel d’Aix-en Provence, deċiżjoni tat-2 ta’ April 2015, Nru 14/15403.
( 5 ) Il-konformità tagħhom mal-kostituzzjoni nazzjonali kienet ikkonfermata mill-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) b’deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2016, Nru 2016‑551 QPC, FR:CC:2016:2016.551.QPC.
( 6 ) Cass. 1ère Civ, deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2008, Nru 06‑21.051, Bulletin 2008 I No 90; Cass. 1ère Civ, deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2016, Nru 15‑11.305, FR:CCASS:2016:C100036.
( 7 ) Cass. 1ère Civ, deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2016, Nru 14‑25.800, FR:CCASS:2016:C101410.
( 8 ) L-istess kundizzjoni ta’ territorjalità kienet ukoll applikata għall-eżenzjoni għal xi kategoriji ta’ għalliema universitarji skont l-Artikolu 98(2) tad-Digriet Nru 91‑1197. Cass, 1ère Civ, deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 1999, Nru 97‑13.079, Bulletin 1999 I No 235 p. 152.
( 9 ) Ara iktar ’il fuq, punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83).
( 11 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser (C‑313/01, EU:C:2003:612, punt 45).
( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla (C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 34 u l-ġurisprudenża ċċitata); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas-17 ta’ Diċembru 2015, X‑Steuerberatungsgesellschaft (C‑342/14, EU:C:2015:827, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara, dwar l-Artikolu 45 TFUE (qabel l-Artikolu 39 KE), is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla (C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas-16 ta’ Diċembru 2004, My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, dwar id-dikjarazzjoni ta’ prinċipju); tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg (C‑185/04, EU:C:2006:107, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummisssjoni vs Ċipru (C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 45). Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il-Parlament (T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 82 et seq.).
( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C‑172/11, EU:C:2012:399, punt 39); tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 25) jew tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 30).
( 16 ) Sentenza tat-23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn (C‑237/94, EU:C:1996:206, punt 20).
( 17 ) Ara dwar dan is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas-26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u l-pensjoni tal-irtirar) (C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 42) u tat-22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 42).
( 18 ) Iktar ’il fuq, punti 11 sa 12 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 19 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hornbach-Baumarkt (C‑382/16, EU:C:2017:974, punt 131), li juru kif fl-analiżi tradizzjonali mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-erba’ libertajiet, qegħdin essenzjalment ikunu diskussi l-istess argumenti fl-evalwazzjoni tal-komparabbiltà (jekk tkun diskussa separatament) u tal-ġustifikazzjoni (proporzjonalità).
( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża MB (C‑451/16, EU:C:2017:937, punt 47), li jisħqu dwar iċ-ċirkularità li tirriżula f’impossibbiltà effettiva ta’ kull stħarriġ jekk il-kategoriji kif stabbiliti mid-dritt nazzjonali kellhom jitqiesu bħala konklużivi għall-evalwazzjoni tal-komparabbiltà fil-livell tal-Unjoni.
( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 15); tal-5 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑317/14, EU:C:2015:63, punt 22) jew tal-20 ta’ Diċembru 2017, Simma Federspiel (C‑419/16, EU:C:2017:997, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal ġabra fil-qosor tal-ġurisprudenza rilevanti ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Krah (C‑703/17, EU:C:2019:450, punti 53 sa 85).
( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides (C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 50) jew tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 29).
( 23 ) Dwar il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ara s-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Lahorgue (C‑99/16, EU:C:2017:391, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede (C‑3/95, EU:C:1996:487, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C‑76/90, EU:C:1991:331, punt 16).
( 24 ) Ara dwar dan, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, EU:C:1991:193, punt 15); tat-13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser (C‑313/01, EU:C:2003:612, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla (C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas-17 ta’ Diċembru 2009, Rubino (C‑586/08, EU:C:2009:801, punt 34). Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑278/03, EU:C:2005:281, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqajjem dubji dwar jekk il-kundizzjoni ta’ territorjalità hijiex tassew meħtieġa mill-membri tas-servizz pubbliku Franċiż li jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom barra mit-territorju Franċiż. Hija tirreferi, f’dan il-kuntest, għas-sentenza tal-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell, Pariġi) tat-12 ta’ Mejju 2016, Nru 15/15468, li tistabbilixxi li diskriminazzjoni ma tistax tirriżulta minn distinzjoni magħmula bejn il-membri tas-servizz pubbliku Franċiż u uffiċjali internazzjonali, u dan peress li ż-żewġ karigi jirriflettu ħiliet differenti.
( 26 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla (C‑345/08, EU:C:2009:771, punt 46), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Koller (C‑118/09, EU:C:2010:805, punt 39).
( 27 ) Dwar dan l-appellanti rriferiet għas-sentenzi tal-qorti tar-rinviju fejn qalet, fil-kuntest tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 98(3) tad-Digriet Nru 91–9711 għal avukati in-house, li ma tkunx meħtieġa varjetà ta’ attivitajiet f’oqsma differenti tad-dritt. Ara Cass. 1ère Civ, deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 1996, pourvoi Nru 94–13.856, Bulletin 1996 I Nru 131, p. 93; Cass. 1ère Civ, deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 1999, pourvoi Nru 96–14.188, non publié au bulletin; Cass. 1ère Civ, deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2010, pourvoi Nru 09‑11.324, non publié au bulletin.
( 28 ) Barra minn hekk, l-appellanti rriferiet għal opinjoni tat-18 ta’ Jannar 2018 tal-Conseil national des barreaux (il-Kunsill Nazzjonali tal-Avukati) u tal-Commission Règles et usages (il-Kummissjoni għal Regoli u Prattika), li ma tidhirx li hija daqshekk universali dwar dan. Dak id-dokument jgħid li “Meta l-Kamra tal-Avukati tirċievi l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tinvestiga liema kienu l-attivitajiet effettivament eżerċitati, abbażi ta’ prova tax-xogħol fil-qasam legali fl-għamla ta’ konsultazzjonijiet, abbozzar jew b’rabta ma proċessi ta’ litigazzjoni. Il-prova li għandha tingħata mill-applikant tkun, bħala prinċipju, iċ-ċertifikat maħruġ mill-persuna li timpjega jew minn min qabel kien impjegat”. Enfasi tiegħi dwar id-diżġuntiv “jew”.
( 29 ) Iktar ’il fuq, punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ngħidha kif inħossha bl-għajnuna ta’ eżempju ipotetiku: jekk ikun possibbli, pereżempju għal uffiċjal tat-taxxa minn Saint-Claude f’Jura, li jkollu tmien snin esperjenza jaħdem fajls tal-VAT biss, mingħajr ma jkun qatt mar quddiem qorti Franċiża biex jipperora f’isem l-Istat, biex jibbenefika mill-eċċezzjoni tal-Artikolu 98(4) tad-Digriet 91–1197, minħabba li jkun jidher li jkun qiegħed jagħmel “xogħol fil-qasam legali”, allura, l-istess għandu jkun ċertament possibbli għal uffiċjal tal-Kummissjoni li jkun jaħdem esklużivament fuq affarijiet tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkun qatt rifes l-għatba ta’ qorti Franċiża. Dan huwa tant sempliċement minħabba li, meqjus l-għan iddikjarat għal tali limitazzjoni (iktar ’il fuq, punti 68 u 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet), dawn iż-żewġ każijiet huma daqstant qrib (jew pjuttost daqstant imbiegħda) biex ikollhom xi esperjenza rilevanti f’litigazzjoni fid-dritt Franċiż.
( 31 ) Dwar dan, Il-Kunsill u l-President tal-Kamra tal-Avukati ta’ Pariġi rriferew għal Cass. 1ère Civ, deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2014, pourvoi Nru 12‑26.622, FR:CCASS:2014:C100056 u Cass. 1ère Civ, deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2009, pourvoi Nru 08‑70.088, non publié au bulletin.
( 32 ) Ara iktar ’il fuq, punti 10 u 23, li għandhom juru li fir-rigward tal-appellanti fil-kawża prinċipali, dik l-evalwazzjoni dehret li kienet limitata għad-dikjarazzjoni li hija kienet in concreto mhux membru tas-servizz pubbliku Franċiż.
( 33 ) B’mod partikolari, ara iktar ’il fuq fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597, punt 67); tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-18 ta’ Mejju 2017, Lahorgue (C‑99/16, EU:C:2017:391, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad-29 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Inġiniera ċivili, aġenti tal-privattivi u veterinarji) (C‑209/18, EU:C:2019:632, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza tal-assoċjazzjoni) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) QEDB, 26 ta’ April 1979, The Sunday Times vs. Ir-Renju Unit (Nru 1), App. Nru 6538/74, (CE:ECHR:1980:1106JUD000653874, §§ 47 sa 49 (fil-kuntest tal-Artikolu 10(2) KEDB u l-limitazzjoni għal-libertà tal-espressjoni)). Ara wkoll, fil-kuntest tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-kummenti tiegħu dwar il-ġurisprudenza rilevanti tal-QEDB, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:255, punti 94 sa 100).
( 36 ) QEDB, 11 ta’ Ġunju 2020, Markus vs Il-Latvja, App. Nru 17483/10, (CE:ECHR:2020:0611JUD001748310, § 66 u l-ġurisprudenza ċċitata (fil-kuntest ta’ sanzjoni kriminali u restrizzjoni għad-dritt tal-proprjetà)).
( 37 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213). Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 46).
( 38 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213 punti 42 u 43) li tgħid li “hija biss dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ previdibbiltà, ta’ aċċessibbiltà u, b’mod partikolari, ta’ protezzjoni kontra l-arbitrarjetà”.
( 39 ) Ara b’analoġija, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 88); tal-11 ta’ April 2019, Cobra Servicios Auxiliares (C‑29/18, C‑30/18 u C‑44/18, EU:C:2019:315, punti 45 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas-7 ta’ Ottubru 2019, Safeway (C‑171/18, EU:C:2019:839, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tad-19 ta’ Diċembru 2019, GRDF (C‑236/18, EU:C:2019:1120, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).