KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fit‑2 ta’ Frar 2021 ( 1 )
Kawża C‑194/19
H. A.
vs
État belge
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Trasferiment ta’ responsabbiltà – Artikolu 27 – Rimedji ġudizzjarji – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju – Obbligu, għall-qorti nazzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment li jista’ jkollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Kundizzjonijiet”
I. Introduzzjoni
1. |
Applikant għal protezzjoni internazzjonali ressaq l-applikazzjoni tiegħu fi Stat Membru, iżda kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor. Xi jiem iktar tard, ħuh wasal fl-ewwel Stat Membru u ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru. |
2. |
Il-qorti tal-ewwel Stat Membru adita mill-applikant b’rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza, sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ikkostitwita mill-wasla ta’ ħuh u mit-tressiq minn dan tal-aħħar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) ( 2 ). |
3. |
Din il-kawża ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha teżamina f’liema kuntest għandu jseħħ l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali u jekk il-wasla ta’ membru tal-familja tiegħu, f’dan il-każ ħuh, li wkoll huwa applikant għal protezzjoni internazzjonali, tikkostitwixxix ċirkustanza li jista’ jkollha effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Dublin III
4. |
Skont il-premessi 4, 5 u 19 tar-Regolament Dublin III:
[…]
|
5. |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jistabbilixxi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida […]” |
6. |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punt (g) tiegħu: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
|
7. |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli. 2. Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha. Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli. […]” |
8. |
L-Artikolu 7 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Ġerarkija ta’ kriterji”, jaqra kif ġej, fil-paragrafu 2 tiegħu: “L-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabiliti f’dan il-Kapitlu għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru.” |
9. |
L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Membri tal-familja li huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali”, jistabbilixxi: “Jekk l-applikant għandu membru tal-familja fi Stat Membru li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu f’dak l-Istat Membru tkun għadha ma kenitx suġġetta għall-ewwel deċiżjoni fir-rigward tas-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.” |
10. |
L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza jew viża”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ viża valida, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-viża ma tkunx inħarġet f’isem Stat Membru ieħor taħt arranġament ta’ rappreżentanza kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi [ ( 4 )]. F’każ bħal dan, l-Istat Membru rappreżentat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.” |
11. |
L-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Klawsoli deskrezzjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz [jew persuna apolida], ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. L-Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. […] […]” |
12. |
L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rimedji”, jaqra kif ġej: “1. L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-applikant jew il-persuna kkonċernata jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. 3. Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, ‑deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:
4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni. […]” |
13. |
L-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament, intitolat “Modalitajiet u żmien limitu”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3). […] 2. Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.” |
2. Id-Direttiva 2013/32/UE
14. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32/UE ( 5 ) jistabbilixxi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal- protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE [ ( 6 )].” |
15. |
L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:
[…] 3. Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza. 4. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. Il-limiti ta’ żmien ma għandhomx jagħmlu tali eżerċizzju impossibbli jew eċċessivament diffiċli. […]” |
B. Id-dritt Belġjan
16. |
L-Artikolu 39/2(2) tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers, du 15 décembre 1980 (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin) ( 7 ), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”), jipprovdi: “Il-[Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju)] għandu jiddeċiedi, permezz ta’ sentenzi, dwar l-annullament tar-rikorsi l-oħra għal ksur ta’ rekwiżiti proċedurali sostanzjali, jew preskritti taħt piena ta’ invalidità, eċċess jew użu ħażin ta’ poter.” |
17. |
It-tieni u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 39/82(4) ta’ din il-liġi jipprovdu: “Meta barrani jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija jew ta’ refoulement li l-eżekuzzjoni tagħha tkun imminenti, b’mod partikolari meta jinżamm f’post iddeterminat previst fl-Artikoli 74/8 u 74/9 jew jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Gvern, huwa jista’, jekk ma jkunx għadu talab is-sospensjoni tagħha bil-mezz ordinarju, jitlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura b’urġenza estrema fit-terminu previst fis-subparagrafu 3 tal-Artikolu 39/57, § 1. […] Il-President tal-Awla jew l-Imħallef għall-Kwistjonijiet dwar Barranin għandu jwettaq eżami mill-qrib u rigoruż tal-provi kollha mressqa għall-konjizzjoni tiegħu, b’mod partikolari dawk li huma ta’ natura li jindikaw li jeżistu motivi li wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tesponi lir-rikorrent għar-riskju li jiġi suġġett għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li minnhom ebda deroga ma hija possibbli skont l-Artikolu 15(2) tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-‘KEDB’], li huwa s-suġġett ta’ eżami mill-qrib u rigoruż.” |
18. |
L-Artikolu 39/84 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi: “Meta l-Conseil [du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin)] jiġi adit b’talba għas-sospensjoni ta’ att skont l-Artikolu 39/82, huwa biss għandu l-kompetenza sabiex, b’mod provviżorju u taħt il-kundizzjonijiet previsti fis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 39/82, § 2, jordna l-miżuri kollha neċessarji għas-salvagwardja tal-interessi tal-partijiet jew tal-persuni li jkollhom interess fis-soluzzjoni tal-kawża, b’eċċezzjoni tal-miżuri relatati ma’ drittijiet ċivili. Dawn il-miżuri għandhom jiġu ordnati, wara li jinstemgħu jew jissejħu debitament il-partijiet, permezz ta’ sentenza motivata tal-President tal-Awla kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu jew mill-Imħallef għall-Kwistjonijiet dwar Barranin li huwa jaħtar għal dan il-għan. Fil-każ ta’ urġenza estrema, jistgħu jiġu ordnati miżuri provviżorji mingħajr ma jkunu nstemgħu l-partijiet jew uħud minnhom. Is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 39/82, § 2, għandu japplika għas-sentenzi mogħtija skont dan l-artikolu. Ir-Re għandu jistabbilixxi, permezz ta’ digriet iddeliberat fil-Kunsill tal-Ministri, il-proċedura dwar il-miżuri previsti minn dan l-artikolu.” |
19. |
L-Artikolu 39/85(1) u (3) tal-istess liġi jaqra kif ġej: “§ 1. Meta barrani jkun is-suġġett ta’ miżura ta’ tneħħija jew ta’ refoulement li l-eżekuzzjoni tagħha ssir imminenti, b’mod partikolari meta sussegwentement jinżamm f’post iddeterminat previst fl-Artikoli 74/8 u 74/9 jew jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Gvern, il-barrani jista’, permezz ta’ miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 39/84, jitlob li l-Conseil [du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin)] jeżamina kemm jista’ jkun malajr talba għal sospensjoni ordinarja mressqa qabel, bil-kundizzjoni li din tkun tniżżlet fil-lista tal-kawżi u li l-Conseil [(il-Kunsill)] ma jkunx għadu ddeċieda fir-rigward tagħha. Din it-talba għal miżuri provviżorji għandha titressaq fit-terminu previst fis-subparagrafu 3 tal-Artikolu 39/57, § 1. […] § 3. Bla ħsara għall-§ 1, mar-riċezzjoni tat-talba għal miżuri provviżorji, ma tistax titwettaq l-eżekuzzjoni forzata tal-miżura ta’ tneħħija jew ta’ refoulement sakemm il-Conseil [du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin)] jiddeċiedi fuq it-talba mressqa. Jekk is-sospensjoni ma tingħatax, l-eżekuzzjoni forzata għandha mill-ġdid tkun possibbli.” |
III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. |
Fit‑22 ta’ Mejju 2017, H. A. (iktar ’il quddiem l-“appellant”), ta’ oriġini Palestinjana, wasal fil-Belġju. L-għada, huwa ressaq applikazzjoni għall-ażil f’dan l-Istat Membru. |
21. |
Fil‑31 ta’ Mejju 2017, l-awtoritajiet Belġjani semgħu lill-appellant bil-għan li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. |
22. |
Fit‑22 ta’ Ġunju 2017, l-awtoritajiet Belġjani ressqu talba lill-awtoritajiet Spanjoli għall-finijiet ta’ teħid inkarigu tal-appellant, abbażi tal-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament. Fl‑4 ta’ Lulju 2017, l-awtoritajiet Spanjoli aċċettaw li jieħdu inkarigu tal-appellant. |
23. |
Fl‑1 ta’ Awwissu 2017, l-awtoritajiet Belġjani ħadu deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza fil-konfront tal-appellant u ordnaw lil dan tal-aħħar jitlaq mit-territorju Belġjan (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2017”). |
24. |
Fil‑25 ta’ Awwissu 2017, l-appellant ippreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), flimkien ma’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni. Huwa sostna li ħuh kien wasal fil-Belġju fit‑22 ta’ Awwissu 2017, li dan tal-aħħar kien ressaq applikazzjoni għall-ażil f’dan l-Istat Membru u li, minħabba l-aspetti komuni tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil u ta’ dik ta’ ħuh, kien indispensabbli li l-applikazzjonijiet inkwistjoni jiġu eżaminati flimkien mill-awtoritajiet Belġjani. |
25. |
Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2017, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ċaħad dan ir-rikors, billi qies li l-wasla ta’ ħu l-appellant fil-Belġju u l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, li dak iż-żmien kienet pendenti, kienu provi sussegwenti għad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2017, li ma setax ikollhom effett fuq il-legalità ta’ din tal-aħħar. |
26. |
Fit‑28 ta’ Diċembru 2017, l-appellant ippreżenta appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), billi sostna, b’mod partikolari, li l-imsemmija sentenza kienet tikser l-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
27. |
Insostenn ta’ dan l-appell, l-appellant espona li, fil-mument meta nstema’ mill-awtoritajiet Belġjani fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, jiġifieri fil‑31 ta’ Mejju 2017, huwa kien għadu ma kienx f’pożizzjoni li jsemmi l-fatt, minn naħa, li ħuh, li wasal fil-Belġju sussegwentement, kien ressaq applikazzjoni għall-ażil f’dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet Belġjani kienu rrikonoxxew ir-responsabbiltà tagħhom sabiex jeżaminaw din l-applikazzjoni tal-aħħar. Għalhekk huwa seta’ jinvoka din il-prova ġdida biss fir-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2017. L-appellant sostna li l-applikazzjonijiet għall-ażil imressqa minn ħuh u minnu, li kellhom rabtiet mill-qrib minħabba n-natura komuni tal-elementi ta’ persekuzzjoni li huma sofrew, messhom ġew eżaminati flimkien mill-awtoritajiet Belġjani. F’dan ir-rigward, l-appellant jikkontesta r-rifjut tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) li jieħu din iċ-ċirkustanza ġdida inkunsiderazzjoni minħabba n-natura sussegwenti tagħha għad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2017 u jikkontestalu li llimita ruħu għal stħarriġ tal-legalità, meta l-imsemmija ċirkustanza kienet potenzjalment deċiżiva sabiex issir analiżi ekwa tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, b’mod li tiġi ostakolata d-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu. |
28. |
Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jirrileva li, skont l-Artikolu 39/2(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-kuntest tar-Regolament Dublin III jirrigwarda l-legalità ta’ din id-deċiżjoni, abbażi tal-proċess u tal-elementi ta’ informazzjoni fil-pussess tiegħu. F’dan il-każ, ir-rifjut tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) li jieħu inkunsiderazzjoni provi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2017 għalhekk huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni. |
29. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, tas-sitwazzjoni li fiha l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-kuntest tar-Regolament Dublin III jitwettaq mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni, provi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din tal-aħħar. |
30. |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kwalità tagħha ta’ qorti ta’ kassazzjoni, ma huwiex il-kompitu tagħha li tevalwa, fil-prattika, l-effett li l-provi ġodda invokati mill-appellant jista’ jkollhom fuq id-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa minnu. |
31. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], meħud waħdu u flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat bħala li jobbliga, sabiex jiġi ggarantit dritt għal rikors effettiv, lill-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzojni, fejn xieraq, elementi suċċessivi għad-deċiżjoni ta’ ‘trasferiment Dublin’?” |
32. |
L-appellant, il-Gvern Belġjan u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-appellant, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għat-trattazzjoni li saret fid‑9 ta’ Novembru 2020. |
IV. Analiżi
A. Fuq l-ammissibbiltà
33. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan isostni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li, wara li skada t-terminu ta’ sitt xhur previst għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, ir-Renju tal-Belġju sar l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-appellant. |
34. |
Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) indika li ma huwiex possibbli għalih li jiddeċiedi attwalment, fuq inizjattiva tiegħu u mingħajr dibattitu, li l-appellant ma għadx għandu interess li jikseb il-kassazzjoni tas-sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) tat‑30 ta’ Novembru 2017 u li risposta għad-domanda magħmula ma għadhiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemu, fil-kwalità tiegħu ta’ qorti ta’ kassazzjoni. |
35. |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi ( 8 ). |
36. |
F’dan il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u tat-teħid ta’ pożizzjoni tagħha dwar ir-rilevanza tad-domanda preliminari, għandu jiġi konkluż, minkejja li personalment għandi dubji serji dwar il-motivazzjoni ta’ dan it-teħid ta’ pożizzjoni, inkluż fil-kuntest ta’ rikors għal annullament u ta’ stħarriġ tal-legalità, li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula tibqa’ utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
37. |
Għaldaqstant, din it-talba għal deċiżjoni preliminari ser tiġi eżaminata bħala ammissibbli. |
B. Fuq il-mertu
1. Fuq in-neċessità ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali
38. |
Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, ta’ din id-deċiżjoni, quddiem qorti. |
39. |
Il-portata tar-rikors disponibbli għall-applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu hija speċifikata fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, li tindika li, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit minn dan ir-regolament kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jkopri, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni fil-fatt u fid-dritt fl-Istat Membru li lejh l-applikant jiġi ttrasferit ( 9 ). |
40. |
Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ma ssemmi ebda limitazzjoni tal-argumenti li jistgħu jiġu invokati mill-applikant għall-ażil fil-kuntest tar-rikors tiegħu ( 10 ). |
41. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat, diversi drabi, il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali. Hija kkunsidrat iż-żewġ xenarji li ġejjin, li jimponu fuq il-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment li teżamina tali ċirkustanzi sussegwenti. |
a) Il-protezzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra r-riskju li jiġi suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti fl-Istat Membru responsabbli
42. |
L-ewwel xenarju jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha deċiżjoni ta’ trasferiment, li ġiet adottata, ma tiġix eżegwita sabiex tippermetti lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha josservaw l-obbligi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, abbażi tal-Artikolu 4 tal-Karta. |
43. |
F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, huma meħtieġa li ma jittrasferixxux applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli meta ma jistgħux ma jkunux jafu li n-nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-applikant ser ikun affaċċjat b’riskju reali li jiġi suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 11 ). |
44. |
Sabiex tasal għal din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ( 12 ). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, f’kawża oħra, il-Qorti EDB stabbilixxiet li, sabiex tevalwa r-realtà ta’ allegat riskju ta’ trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB, fir-rigward ta’ barranin mhedda bi tkeċċija jew b’estradizzjoni, hija għandha twettaq eżami sħiħ u ex nunc tas-sitwazzjoni li teżisti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, peress li din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel mal-mogħdija taż-żmien ( 13 ). Minkejja li l-fatt li jitwettaq tali eżami ex nunc iqajjem riżervi fi ħdan il-Qorti EDB stess ( 14 ), dan ġie kkonfermat ( 15 ). |
45. |
Huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta, jekk huwiex fil-mument innifsu tat-trasferiment, matul il-proċedura ta’ ażil jew wara li din tintemm li l-persuna kkonċernata, minħabba t-trasferiment tagħha lejn l-Istat Membru responsabbli fis-sens tar-Regolament Dublin III, tista’ tiġi esposta għal riskju serju ta’ trattament inuman jew degradanti ( 16 ). |
46. |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jikkostitwixxi kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ). Konsegwentement, dan ir-regolament stess diġà jipprevedi, espressament, ċirkustanza, jiġifieri l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, li l-fatt li sseħħ sussegwentement għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ din tal-aħħar. |
47. |
F’dan il-każ, il-kawża prinċipali ma tqajjimx il-kwistjoni tar-riskju li wieħed jiġi suġġett għal tali trattamenti inumani jew degradanti fl-Istat Membru ta’ teħid inkarigu ( 18 ). |
b) L-eżistenza ta’ ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment determinanti għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Dublin III
48. |
It-tieni xenarju ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha r-riferiment, li jinsab fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, għall-eżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest tar-r-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment previst fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jinftiehem fis-sens li huwa intiż, b’mod partikolari, għall-istħarriġ tal-applikazzjoni korretta tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, inkluż il-kriterju ta’ responsabbiltà msemmi fl-Artikolu 12 tal-istess regolament ( 19 ). |
49. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 tiegħu, jista’ jwassal sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà ta’ Stat Membru, anki fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil f’dan l-Istat Membru li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 20 ). |
50. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta l-legalità tagħhom għal garanziji billi ta b’mod partikolari lill-applikant għall-ażil ikkonċernat, fl-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra tali deċiżjoni, rimedju li l-portata tiegħu tkopri kemm iċ-ċirkustanzi ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi fir-rigward tagħha ( 21 ). |
51. |
Is-sentenza Shiri ( 22 ) kkostitwixxiet l-ewwel stadju tat-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, bil-għan li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
52. |
Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, l-awtorità Awstrijaka kompetenti kienet iddikjarat l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ Majid Shiri inammissibbli, ordnat it-tneħħija tiegħu u kkonstatat li t-trasferiment tiegħu lejn il-Bulgarija kien legali. M. Shiri ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, billi sostna li r-Repubblika tal-Awstrija kienet saret l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III. F’dak il-każ, dan it-terminu ta’ sitt xhur kien skada f’data sussegwenti għal dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
53. |
Għalhekk kienet il-Qorti tal-Ġustizzja li kellha tiddetermina jekk kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-qorti Awstrijaka adita tieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
54. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkun jista’ jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament, li seħħet sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Id-dritt li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lil tali applikant li jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontriha, jissodisfa dan l-obbligu li jiġi previst rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu ( 23 ). |
55. |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja fformalizzat l-approċċ tagħha fis-sentenza Hasan ( 24 ). Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, Aziz Hasan, wara applikazzjoni għall-ażil fil-Ġermanja, kien ġie ttrasferit fl-Italja, l-Istat Membru tal-ewwel applikazzjoni tiegħu għall-ażil, minħabba ċ-ċaħda fil-Ġermanja tar-rikors għal annullament tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, u kien irritorna illegalment fil-Ġermanja. A. Hasan ippreżenta appell u l-leġiżlazzjoni Ġermaniża kienet tipprovdi li l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment għandha, fil-prinċipju, tagħti deċiżjoni skont is-sitwazzjoni fattwali eżistenti meta tinżamm l-aħħar seduta quddiem dik il-qorti jew, fin-nuqqas ta’ seduta, fil-mument meta l-imsemmija qorti tiddeċiedi fuq dan ir-rikors. |
56. |
Fis-sentenza Hasan, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Shiri, stabbilixxiet li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkun jista’ jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, meta t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom ikun determinanti għall-applikazzjoni korretta tar-Regolament Dublin III ( 25 ). |
57. |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, jidhirli li jistgħu jinsiltu żewġ insenjamenti mill-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Shiri u Hasan. |
58. |
Minn naħa, skont id-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali kompetenti hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment. Fil-fehma tiegħi, din is-soluzzjoni hija kompletament iġġustifikata sa fejn, f’dan il-każ, iċ-ċirkustanza invokata setgħet tinfluwenza l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III għall-applikant għal protezzjoni internazzjonali ( 26 ). Issa, dan ir-regolament, kif jirriżulta mill-premessa 5 tiegħu, għandu preċiżament l-għan li jiġu applikati kriterji oġġettivi u ekwi kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. Jekk ċirkustanza sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment jista’, oġġettivament, ikollha effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-applikant għandu jkun jista’ jinvokaha quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti u jibbenefika minnha ( 27 ). |
59. |
Min-naħa l-oħra, id-dritt mogħti lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali li ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment jiġu eżaminati jinsilet direttament minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni billi interpretat l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
60. |
Jidhirli li huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn iż-żewġ sentenzi, stabbilixxiet il-prinċipju ta’ teħid inkunsiderazzjoni imperattiv ta’ ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, iżda biss jekk dawn tal-aħħar jista’ jkollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
61. |
Fil-fatt, l-aċċettazzjoni tal-eżami ta’ ċirkustanzi mhux determinanti invokati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, permezz ta’ rikorsi suċċessivi wieħed jew iktar, tista’ twassal faċilment għall-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III u b’hekk tikkomprometti l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, previst fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament. Din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi użu ħażin tal-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ewwel dħul fit-territorju tal-Unjoni. |
2. Fuq il-portata proċedurali tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III
62. |
Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ċerti ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra din id-deċiżjoni, jidhirli li huwa neċessarju, sabiex tiġi ddeterminata l-portata proċedurali ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju, li jiġi eżaminat jekk dan tal-aħħar ġiex armonizzat mid-dritt tal-Unjoni. |
a) L-argumenti favur awtonomija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri
63. |
Diversi argumenti testwali jimmilitaw favur ir-rikonoxximent ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. |
64. |
L-ewwel argument jinsilet mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi sempliċement li l-applikant għandu jkollu dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, ta’ din id-deċiżjoni, quddiem qorti. L-imsemmija dispożizzjoni bl-ebda mod ma ssemmi l-possibbiltà ta’ eżami ex nunc mill-qorti nazzjonali adita. |
65. |
Hija sinjifikattiva d-differenza mal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li jistabbilixxi espliċitament li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprevedi eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika ( 28 ). B’kuntrast ma’ dan, is-silenzju tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ tali eżami fil-kuntest tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jxaqleb lejn awtonomija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri. |
66. |
It-tieni argument jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, li skontu d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ssir abbażi tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument li fih l-applikant ressaq l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjoni għall-ewwel darba quddiem Stat Membru. Din hija regola li hija intiża li żżomm l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali milli jevitaw il-kriterji previst mill-imsemmi regolament. Huwa għalhekk li l-istħarriġ ex nunc jista’ jseħħ biss b’mod eċċezzjonali. |
67. |
Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati fis-sens ta’ assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam. Għaldaqstant, f’sentenza reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 46(4) tad-Direttiva 2013/32, billi ddeċidiet li dan iħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jipprevedu r-regoli neċessarji sabiex l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li r-regoli inkwistjoni f’dik il-kawża jaqgħu taħt il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 29 ). |
b) L-argumenti favur l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju armonizzat mid-dritt tal-Unjoni
68. |
L-argumenti testwali favur awtonomija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri ma humiex irrilevanti. Madankollu, jidhirli li l-kwistjoni ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Shiri u Hasan. |
69. |
Fil-fatt, f’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma semmiet awtonomija proċedurali mogħtija lill-Istati Membri, li tasal sal-punt li tiċħad kull possibbiltà ta’ eżami mill-qorti nazzjonali kompetenti taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Għall-kuntrarju, kif irrilevajt fil-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li tali ċirkustanzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Huwa minn dawn iż-żewġ artikoli meħuda flimkien, kif ukoll mal-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jislet id-dritt li ċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu jiġu eżaminati mill-qorti nazzjonali kompetenti. |
70. |
Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza ma hijiex f’kontradizzjoni mal-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Dublin III. Fil-fatt, minn naħa, skont din id-dispożizzjoni, l-amministrazzjoni tal-Istat Membru li fih l-applikant ressaq l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali għandha tiddetermina l-Istat Membru responsabbli abbażi tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument li fih tressqet din l-applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ dan l-applikant, il-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi sussegwenti, bħall-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, li jkunu determinanti għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest ta’ eżami ex nunc. |
c) Konklużjoni intermedja
71. |
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja rabtet b’mod ċar id-dritt tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali għal teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment li jista’ jkollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu. |
72. |
Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn iċ-ċirkustanzi sussegwenti huwa armonizzat mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens li l-qorti jew il-qrati nazzjonali kompetenti, tkun xi tkun il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali dwar il-portata ta’ dan l-istħarriġ, għandhom b’mod obbligatorju jieħdu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
3. Fuq is-sitwazzjoni li fiha l-qorti nazzjonali adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment ma jkollhiex id-dritt li teżamina ċirkustanzi sussegwenti għal din id-deċiżjoni
73. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tas-sitwazzjoni li fiha l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix il-possibbiltà, għall-qorti nazzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali. |
a) Il-kundizzjonijiet għal konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni
74. |
Is-sentenzi Shiri u Hasan kienu jirrigwardaw sitwazzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tippermetti eżami ex nunc taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Madankollu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tagħha għall-osservanza ta’ din il-kundizzjoni, jidhirli għaldaqstant li din is-soluzzjoni tista’ tapplika wkoll għal leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix tali eżami. |
75. |
F’dan il-każ, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jinvoka l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi stħarriġ tal-legalità, mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li din il-qorti tal-aħħar għandha tiddeċiedi abbażi tas-sitwazzjoni fattwali li kienet teżisti fil-mument li fih ittieħdet id-deċiżjoni ta’ trasferiment. Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Gvern Belġjan madankollu sostna li l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin), fil-kuntest tal-eżami tiegħu, jista’ jieħu inkunsiderazzjoni provi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
76. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 30 ). Għaldaqstant, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, wieħed għandu jitlaq mill-idea, minkejja li għandi dubji f’dan ir-rigward, li l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ma jippermettix lil dan tal-aħħar jieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali. |
77. |
Prima facie, tali stħarriġ ġudizzjarju ma jidhirx li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni sa fejn ma jidhirx li jissodisfa l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Shiri u Hasan. |
78. |
Madankollu, minn naħa, fil-fehma tiegħi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment impost mid-dritt tal-Unjoni ma jimplikax il-modifika tat-tip ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali, jiġifieri stħarriġ tal-legalità. |
79. |
F’dan is-sens, jidhirli li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma teżiġix tali modifika ( 31 ). F’dan ir-rigward, jidhirli li jkun utli li nirrileva li l-Qorti EDB diġà ddeċidiet li, għalkemm il-qorti nazzjonali ma kinitx f’pożizzjoni li tissostitwixxi l-konstatazzjonijiet fattwali tagħha stess għal dawk tal-awtorità amministrattiva, hija kellha l-poter li tiżgura li l-konstatazzjonijiet ta’ din tal-aħħar jew id-deduzzjonijiet li kienu jirriżultaw minnhom la kienu arbitrarji u lanqas irrazzjonali, u li wieħed seta’ raġonevolment jistenna tali approċċ min-naħa ta’ qorti tal-appell f’oqsma ġuridiċi speċjalizzati, b’mod partikolari meta l-fatti kienu ġew stabbiliti minn qabel matul proċedura kważi-ġudizzjarja li kienet tosserva diversi rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Qorti EDB qieset li tali stħarriġ ma kienx jikkonsisti ksur ta’ din id-dispożizzjoni tal-KEDB ( 32 ). |
80. |
Fis-sentenza Sigma Radio Television Ltd vs Ċipru ( 33 ), il-Qorti EDB ġabret fil-qosor l-interpretazzjoni tagħha fil-kuntest tal-eżerċizzju klassiku mill-amministrazzjoni tal-poter tagħha f’oqsma speċjalizzati tad-dritt li jeżiġu esperjenza professjonali partikolari jew konoxxenzi speċjalizzati, billi stabbilixxiet kriterji sabiex jiġi evalwat jekk l-istħarriġ kienx suffiċjenti, fis-sens tal-KEDB. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex “qorti” tkun tista’ tiddeċiedi dwar kontestazzjoni fuq drittijiet u obbligi ta’ natura ċivili konformement mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, huwa neċessarju li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tikkunsidra l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu rilevanti għat-tilwima mressqa quddiemha. Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq minn qorti nazzjonali huwa konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. |
81. |
Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, huwa possibbli li jitqies li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar din il-kwistjoni, dan tal-aħħar ma jistax jeżiġi li Stat Membru, fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, jimponi fuq il-qorti nazzjonali adita li tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa. |
82. |
Min-naħa l-oħra, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti ċirkustanzi sussegwenti huwa obbligatorju sabiex ikun hemm konformità mad-dritt tal-Unjoni, inqis li l-eżami ta’ dawn iċ-ċirkustanzi għalhekk għandu jitwettaq mill-istess qorti nazzjonali, inkluż fil-kuntest ta’ azzjoni oħra, jew permezz ta’ azzjoni mressqa quddiem qorti nazzjonali oħra, bil-kundizzjoni li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu ( 34 ). F’dan is-sens, is-sentenza mogħtija, mingħajr ma tikkomprometti l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, għandha tkun vinkolanti għall-qorti adita bir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment. Fil-fatt, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkun jista’ jibbenefika minn teħid inkunsiderazzjoni reali taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment li jista’ jkollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, sabiex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. |
83. |
Bħala konklużjoni, il-fatt li l-istħarriġ ġudizzjarju taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment huwa armonizzat mid-dritt tal-Unjoni ma jċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jaħtru l-qrati kompetenti u li jirregolaw il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III u tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment tkun tista’ tiġi kkontestata meta ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ikunu determinanti għall-applikazzjoni tajba ta’ dan ir-regolament. |
84. |
Huwa minnu li tidher li hija żgħira ħafna d-differenza mas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Unibet ( 35 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrikjedix l-eżistenza, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, ta’ rimedju awtonomu bil-għan li tiġi eżaminata, b’mod prinċipali, il-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mal-Artikolu 49 KE (li sar l-Artikolu 56 TFUE), kemm-il darba jkunu jeżistu rimedji ġuridiċi effettivi oħra, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-azzjonijiet nazzjonali simili, li jippermettu li tiġi evalwata din il-konformità b’mod inċidentali. |
85. |
Madankollu, din id-differenza tirrigwarda l-fatt li, fil-kuntest tar-Regolament Dublin III, teżisti bażi legali speċifika għall-istħarriġ imwettaq mill-qrati nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi rikors prinċipali kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment. Mill-banda l-oħra, f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi sussegwenti għal din id-deċiżjoni invokati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, il-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju nazzjonali jistgħu jkollhom diversi forom, kemm-il darba jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti, fil-fehma tiegħi, mid-dritt tal-Unjoni, kif imsemmija fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
b) L-eżistenza ta’ azzjoni b’urġenza u għal miżuri provviżorji
86. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan isostni li, skont il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 ( 36 ), it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment isir b’urġenza estrema, fil-forma ta’ proċeduri amministrattivi għal miżuri provviżorji. Il-President tal-Awla jew l-Imħallef għall-Kwistjonijiet dwar Barranin għalhekk ikollu jwettaq eżami tal-provi kollha prodotti għall-konjizzjoni tiegħu. Id-dritt Belġjan għaldaqstant jipprevedi eżami ex nunc tas-sitwazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali. Fil-kuntest tal-miżuri provviżorji, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ukoll ikollu jwettaq eżami ex nunc. Għaldaqstant, ir-rikorsi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ dan l-applikant jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
87. |
Kif jissemma fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali ċirkustanzi sussegwenti jista’ jitwettaq fil-kuntest ta’ azzjoni differenti mill-azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, bil-kundizzjoni li din tikkostitwixxi rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu iżda, f’dan ix-xenarju, is-sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ dan ir-rikors l-ieħor għandha tkun vinkolanti għall-qorti adita bir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment. |
88. |
Għaldaqstant, magħqudin flimkien, ir-rikorsi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru għandhom jippermettu teħid inkunsiderazzjoni sħiħ taċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment li jista’ jkollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’dan is-sens, dawn ir-rikorsi għandhom ikunu jistgħu jwasslu sabiex id-deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix eżegwita, b’mod definittiv, jekk iċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ikollhom tali effett. |
89. |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ kawża mressqa skont dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Mill-banda l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali l-gwidi kollha għall-interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ( 37 ). |
90. |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika sa fejn id-diversi rikorsi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jippermettu li tiġi ssodisfatti l-kundizzjoni ta’ effett sħiħ mogħti liċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment li jista’ jkollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
91. |
Fl-ipoteżi li dan huwa l-każ, il-leġiżlazzjoni Belġjana tkun konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi Shiri u Hasan. Fil-każ oppost, l-obbligu, għall-qorti nazzjonali, li tieħu tali ċirkustanzi sussegwenti inkunsiderazzjoni ma jkunx issodisfatt fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. |
4. Fuq iċ-ċirkustanza li, wara li l-applikazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali ġiet miċħuda fi Stat Membru, ħuh ressaq l-istess applikazzjoni f’dan l-Istat Membru
92. |
Jekk jitqies li d-dritt nazzjonali jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, għandu jiġi eżaminat sa fejn il-fatt invokat mill-appellant, jiġifieri li, wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, ħuh stess ressaq applikazzjoni fl-istess Stat Membru, jista’ jkollu effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. |
93. |
F’dan ir-rigward, l-appellant sostna li, minħabba n-natura komuni tal-elementi ta’ persekuzzjoni mġarrba minnu u minn ħuh, eżami konġunt tal-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, f’dan il-każ mill-awtoritajiet Belġjani, ikun ta’ natura li jiġu ggarantiti analiżi ekwa ta’ dawn l-applikazzjonijiet u aċċess effettiv għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod li tiġi ostakolata d-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu. |
94. |
F’dak li jirrigwarda dan l-argument, għandu jiġi enfasizzat li kull applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi pproċessata billi jiġi eżaminat il-każ partikolari tal-applikant. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni individwali u ta’ eżami eżawrjenti tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jirriżulta li l-applikazzjonijiet imressqa separatament minn membri ta’ familja waħda, minkejja li jistgħu jiġu suġġetti għal miżuri intiżi sabiex tiġi ġestita kull konnessjoni possibbli, għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami tas-sitwazzjoni ta’ kull persuna kkonċernata. Konsegwentement, dawn l-applikazzjonijiet ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni komuni ( 38 ). |
95. |
Ir-Regolament Dublin III madankollu jistabbilixxi kriterji speċifiċi, li jista’ jkollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni tal-membri tal-familja li jkunu applikanti għal protezzjoni internazzjonali, kif previst fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. |
96. |
F’dan il-każ, ħu applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jistax jitqies li huwa wieħed mill-“memri tal-familja”, fis-sens tal-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Dublin III, fid-dawl tad-definizzjoni mogħtija f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, la l-applikant u lanqas ħuh ma jistgħu jibbenefikaw, fi kwalunkwe każ, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament ( 39 ). Barra minn hekk, persuna maġġorenni, bħalma huwa ħu l-appellant, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament. |
97. |
Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-appellant indika li l-applikazzjoni tiegħu kienet marbuta mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, li jipprevedi klawżola diskrezzjonali li skontha, b’deroga mill-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali imressqa lilu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont il-kriterji stabbiliti mill-imsemmi regolament. |
98. |
Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix li jiġi previst rikors kontra d-deċiżjoni li ma jsirx użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, bla ħsara għall-fatt li din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment ( 40 ). |
99. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li, wara l-adozzjoni, mill-ewwel Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza fil-konfront ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, billi tqies li Stat Membru ieħor huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu, ħu dan l-applikant ressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru ma jidhirx li huwa ċirkustanza sussegwenti li jista’ jkollha effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
V. Konklużjoni
100. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) kif ġej: L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jkollux rimedju ġudizzjarju li jippermettilu jinvoka ċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu li jista’ jkollhom effett fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. Tali ċirkustanzi sussegwenti għandhom ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-istess qorti nazzjonali li tkun iddeċidiet dwar id-deċiżjoni ta’ trasferiment, inkluż fil-kuntest ta’ azzjoni oħra, jew permezz ta’ azzjoni mressqa quddiem qorti nazzjonali oħra, bil-kundizzjoni li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu, li l-eżitu tagħhom ikun vinkolanti għall-qorti adita bir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, bil-għan li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Għandha ssir distinzjoni bejn din is-sitwazzjoni u dik li fiha l-fatti invokati mill-applikant kienu diġà jeżistu fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kwistjoni li hija s-suġġett tal-Kawża C‑18/20, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (Applikazzjoni sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali), attwalment pendenti.
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50).
( 4 ) ĠU 2009, L 243, p. 1.
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).
( 7 ) Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584.
( 8 ) Sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:1011, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 36).
( 11 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 94), kif ukoll tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 60).
( 12 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 88). Il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609).
( 13 ) Qorti EDH, 23 ta’ Mejju 2007, Salah Sheekh vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (CE:ECHR:2007:0111JUD000194804, punt 136).
( 14 ) Ravarani, G., Évaluation de la crédibilité des demandeurs d’asile: charge de la preuve et limites de l’examen par la CEDH, Qorti EDH, 2017, https://www.echr.coe.int/Documents/Speech_20170127_Ravarani_JY_FRA.pdf
( 15 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDH, 23 ta’ Marzu 2016, F.G. vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2016:0323JUD004361111, punt 115).
( 16 ) Sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 88).
( 17 ) Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 84).
( 18 ) Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Belġjani wettqu eżami ddettaljat ta’ din il-kwistjoni f’dak li jirrigwarda lill-appellant.
( 19 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 44).
( 20 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410, punt 22).
( 21 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 64).
( 22 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017 (C‑201/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Shiri”, EU:C:2017:805).
( 23 ) Sentenza Shiri, punt 46.
( 24 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018 (C‑360/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Hasan”, EU:C:2018:35).
( 25 ) Sentenza Hasan, punt 31. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant segwiet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot (C‑360/16, EU:C:2017:653, punt 79), li skontu l‑istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq id-deċiżjoni ta’ trasferiment għandu jkun jista’ jirrigwarda, b’mod partikolari, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata u jinkludi l-eventwali żviluppi ta’ ċirkustanzi rilevanti sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà tal-Istati Membri sabiex jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.
( 26 ) Il-Qorti rrepetiet din l-interpretazzjoni dwar it-terminu ta’ sitt xhur fis-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo (C‑163/17, EU:C:2019:218, punti 66 sa 69).
( 27 ) Ara Hruschka, C., u Maiani, F., “Dublin III Regulation (EU) no 604/2013”, f’Hailbronner, K., u Thym, D. (edituri), EU Immigration and Asylum Law: A Commentary, it-tieni edizzjoni, C. H. Beck/Hart/Nomos, 2016, p. 1478 sa 1604, b’mod partikolari p. 1567, li skonthom l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika, bħalma jagħmel l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32.
( 28 ) Fuq it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni, ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 93). Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, provi ġodda li jkunu dehru wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors.
( 29 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ applikazzjoni sussegwenti - Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punti 33 sa 35).
( 30 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2020, J & S Service (C‑620/19, EU:C:2020:1011, punt 31).
( 31 ) Il-Qorti EDB iddeċidiet li, billi adottaw l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB li jinkludi garanziji speċifiċi għall-proċeduri ta’ tkeċċija ta’ barranin, l-Istati indikaw b’mod ċar l-intenzjoni tagħhom li ma jinkludux dawn il-proċeduri fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDH (Qorti EDB, 5 ta’ Ottubru 2000, Maaouia vs Franza, CE:ECHR:2000:1005JUD003965298, punt 37). Madankollu, l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) jispeċifikaw, fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, li, “[f]il-liġi ta’ l-Unjoni, id-dritt għal tribunal mhuwiex limitat għal tilwim konness ma’ drittijiet u obbligi ta’ natura ċivili. Huwa wieħed mill-konsegwenzi tal-fatt li l-Unjoni hija komunità ibbażata fuq l-istat tad-dritt kif ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-[sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166)]. Madankollu, fir-rigward ta’ l-aspetti kollha barra dak ta’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, il-garanziji mogħtija mill-KEDB japplikaw b’mod simili għall-Unjoni”.
( 32 ) Qorti EDB, 22 ta’ Novembru 1995, Bryan vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1995:1122JUD001917891, punt 47).
( 33 ) Qorti EDB, 21 ta’ Ottubru 2011 (CE:ECHR:2011:0721JUD003218104, punti 151 sa 157).
( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Shiri, punt 44, u Hasan, punt 31.
( 35 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007 (C‑432/05, EU:C:2007:163).
( 36 ) F’dak li jirrigwarda din il-liġi, ara Carlier, J.‑Y., “Évolution procédurale du statut de l’étranger: constats, défis, propositions”, Journal des tribunaux, Nru 6425, 12 ta’ Frar 2011, p. 117.
( 37 ) Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Syndicat CFTC (C‑463/19, EU:C:2020:932, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova (C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 58).
( 39 ) Il-qorti tar-rinviju tindika barra minn hekk fid-deċiżjoni tagħha li l-appellant ma jikkontestax li l-Artikolu 10 tar-Regolament Dublin III ma huwiex applikabbli għalih.
( 40 ) Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et (C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 79).