KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑62/19

Star Taxi App SRL

vs

Unitatea Administrativ Teritorială Municipiul Bucureşti prin Primar General,

Consiliul General al Municipiului Bucureşti,

fil-preżenza ta’:

IB,

Camera Naţională a Taximetriştilor din România,

D’ArtexStar SRL,

Auto Cobălcescu SRL,

Cristaxi Service SRL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva (UE) 2015/1535 – Artikolu 1(1)(b) – Kunċett ta’ ‘servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni’ – Servizz ta’ tqegħid f’komunikazzjoni diretta ta’ klijenti ta’ taksi mas-sewwieqa ta’ taksi – Servizzi ta’ ċentri ta’ riżervazzjoni ta’ taksi obbligatorji għat-taksis tat-trasportaturi awtorizzati – Artikolu 1(1)(e) – Regola dwar is-servizzi – Obbligu ta’ notifika – Direttiva 2000/31/KE – Artikolu 4 – Skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Skemi ta’ awtorizzazzjoni li ma jikkonċernawx speċifikament u esklużivament is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2006/123/KE – Artikoli 9 u 10 – Skemi ta’ awtorizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ servizzi”

Introduzzjoni

1.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi regoli speċjali dwar kategorija speċifika ta’ servizzi, jiġifieri s-servizzi msejħa “tas-soċjetà tal-informazzjoni”, jiġifieri servizzi pprovduti mill-bogħod b’mezzi elettroniċi jew, biex ngħidha b’mod iktar sempliċi, prinċipalment fuq l-internet. Fid-dritt tal-Unjoni, tali servizzi jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku bejn Stati Membri kif ukoll minn ċerti faċilitajiet ta’ stabbiliment fl-Istati Membri ta’ oriġini rispettivi tal-fornituri.

2.

Madankollu, ma huwiex dejjem faċli li ssir distinzjoni bejn servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u servizz “klassiku” meta prestazzjonijiet ta’ natura differenti jagħmlu parti integrali minn servizz kumpless. Dan huwa l-każ b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport urban li għalihom ir-riżervazzjoni tal-vjaġġ issir b’mezzi elettroniċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tagħti ċerta gwida dwar tali distinzjoni f’ċirkustanzi partikolari ( 2 ). Madankollu, din il-gwida ma hijiex neċessarjament intiża li tapplika f’ċirkustanzi differenti.

3.

Aspett ieħor ta’ diffikultajiet joħroġ meta regoli nazzjonali jirregolaw is-servizzi “klassiċi” bl-istess mod ekonomiku bħas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. F’dan il-każ ikollu jiġi ddeterminat sa fejn u, eventwalment, taħt liema kundizzjonijiet, id-dritt tal-Unjoni jippermetti li l-imsemmija regoli jiġu applikati għal din it-tieni kategorija ta’ servizzi. Problema oħra tqum fis-sitwazzjoni fejn ikun hemm dubju dwar jekk ir-regoli adottati sabiex jiġu rregolati s-servizzi “klassiċi” humiex fil-verità intiżi li japplikaw għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, minħabba n-natura speċifika jew innovattiva ta’ dawn tal-aħħar ( 3 ).

4.

Il-kawża ineżami tqajjem dawn il-kwistjonijiet kollha u għalhekk tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar dan is-suġġett.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

5.

Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) ( 4 ):

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(a)

‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’: servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser [il-punt 2 tal-Artikolu 1] tad-Direttiva 98/34/KE, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE [ ( 5 )];”

6.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-bidu u l-prattika ta’ l-attività ta’ dak li jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni ma jkunux jistg[ħ]u jsiru suġġetti għal awtorizzazzjoni bil-quddiem jew ta’ ħtiġijiet oħra li jkollhom effett ekwivalenti.

2.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal skemi ta’ awtorizzazzjoni li ma humiex speċifikament u esklussivament immirati lejn servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni […]”.

7.

L-Artikolu 2(1) u (2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern ( 6 ) jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

(d)

is-servizzi fil-qasam tat-trasport inklużi servizzi tal-port, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu [VI] tat-Trattat [FUE];

[…]”.

8.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi.”

9.

L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha għal skema ta’ awtorizzazzjoni ħlief jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

l-iskema ta’ awtorizzazzjoni ma tiddiskriminax kontra l-fornitur ikkonċernat;

(b)

il-ħtieġa għal skema ta’ awtorizzazzjoni hi ġġustifikata minn raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

l-objettiv segwit ma jistax jinkiseb b’mezzi inqas ristrettivi, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori isseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiv.”

10.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Skemi ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jżommu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħa tagħhom ta’ evalwazzjoni b’mod arbitrarju.

2.   Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:

(a)

mhux-diskriminatorji;

(b)

iġġustifikati mir-raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonati ma’ dak l-objettiv ta’ interess pubbliku;

(d)

ċari u mingħajr ambigwità;

(e)

oġġettivi;

(f)

magħmulin disponibbli għal pubbliku minn qabel;

(g)

trasparenti u aċċessibbli.”

11.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika ( 7 ) jipprovdi:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘servizz’ tfisser kull servizz tas-Soċjetà tal-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

(i)

‘mill-bogħod’ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

(ii)

‘b’mezzi elettroniċi’ tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għalkollox permezz ta’ wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

(iii)

‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’ tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali;

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness I;

[…]

(e)

‘regola dwar is-servizzi’ tfisser ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt (b), b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

(i)

regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat,

(ii)

regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali;

(f)

‘regolament tekniku’ tfisser speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi relevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 7, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz;

[…]

Dan jinkludi r-regolamenti tekniċi imposti mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri u li jidhru f’lista stabbilita u aġġornata, jekk meħtieġ, mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2.

[…]”.

12.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva:

“Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; [għandhom ukoll jagħtu lill-Kummissjoni] dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

13.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Id-Direttiva 98/34/KE, kif emendata mill-atti mniżżla fil-Parti A tal-Anness III għal din id-Direttiva, hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fil-Parti B tal-Anness III għal din id-Direttiva mħassra u fil-Parti B tal-Anness III, għal din id-Direttiva.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.”

Id-dritt Rumen

14.

L-Artikolu 1^1(j) u l-Artikolu 15 tal-Legea nr. 38/2003 privind transportul în regim de taxi și în regim de închiriere (il-Liġi Nru 38/2003 dwar it-Trasport b’Taksi u b’Vettura tal-Kiri), tal-20 ta’ Jannar 2003 ( 8 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 38/2003”), jipprovdu:

“Artikolu 1^1

[…]

(j)

dispatching ta’ taksi, iktar ’il quddiem ‘dispatching’: attività konnessa mat-trasport b’taksi, li tikkonsisti f’li l-ordnijiet tal-klijenti jiġu rċevuti bit-telefon jew b’mezzi oħra u jiġu trażmessi lis-sewwieq tat-taksi permezz ta’ apparat tar-radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni;

[…]

Artikolu 15

1.   L-attività ta’ dispatching ta’ taksis tista’ tiġi eżerċitata biss fil-limiti tal-lokalità indikata mill-awtorizzazzjoni għal kull persuna ġuridika, iktar ’il quddiem imsejħa ‘ċentru ta’ riżervazzjoni’, li jkollha awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti konformement ma’ din il-liġi.

2.   L-awtorizzazzjoni ta’ dispatching ta’ taksis tista’ tinkiseb billi jiġu ppreżentati d-dokumenti segwenti:

(a)

kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mir-reġistru tal-kummerċ;

(b)

dikjarazzjoni fuq l-unur tal-operatur tat-trasport b’taksi jew b’vettura tal-kiri li tiddikjara li ċ-ċentru ta’ riżervazzjoni għandu l-mezzi tekniċi neċessarji, apparat tar-radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni, frekwenza tar-radju sigura, persunal awtorizzat u l-ispazju meħtieġ;

(c)

kopja taċ-ċertifikat bħala operatur tat-telefonija bir-radju tal-impjegati taċ-ċentru ta’ riżervazzjoni ta’ taksis maħruġ mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjonijiet;

(d)

kopja tal-liċenzja għall-użu tal-frekwenzi elettriċi tar-radju maħruġa mill-awtorità kompetenti.

[…]

5.   It-trasportaturi awtorizzati li jipprovdu servizzi ta’ taksi għandhom jużaw ċentru ta’ riżervazzjoni konformement ma’ din il-liġi, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ dispatching konkluż ma’ dan iċ-ċentru f’kundizzjonijiet mhux diskriminatorji.

6.   Is-servizzi ta’ dispatching huma obbligatorji għat-taksis kollha tat-trasportaturi awtorizzati li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’lokalità, bl-eċċezzjoni tal-lokalitajiet fejn ikunu nħarġu inqas minn mitt liċenzja tat-taksi, jew fejn dan is-servizz ikun fakultattiv.

[…]

8.   Il-kuntratti ta’ dispatching ta’ taksis konklużi ma’ trasportaturi awtorizzati għandhom jinkludu klawżoli dwar l-obbligi tal-partijiet li josservaw il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kwalità u tal-legalità tas-servizz ipprovdut kif ukoll it-tariffi ta’ distanza miftiehma.

9.   It-taksis moqdija minn ċentru ta’ riżervazzjoni jistgħu jipprovdu s-servizz ta’ trasport billi japplikaw tariffa unika jew tariffi li jvarjaw skont il-kategorija tal-vetturi, konformement mal-kuntratt ta’ dispatching.

10.   Iċ-ċentru ta’ riżervazzjoni għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tat-trasportaturi awtorizzati moqdija minnu l-apparat tar-radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni sabiex jitqiegħed fit-taksis, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ kera konkluż f’kundizzjonijiet mhux diskriminatorji.”

15.

Fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Bukarest (ir-Rumanija), is-servizzi tat-taksi huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Hotărârea Consiliului General al Municipiului București nr.178/2008 privind aprobarea Regulamentului-cadru, a Caietului de sarcini și a contractului de atribuire în gestiune delegata pentru organizarea și executarea serviciului public de transport local în regim de taxi (id-Deċiżjoni Nru 178/2008 tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bukarest dwar l-Approvazzjoni tar-Regolament Qafas, tal-Ispeċifikazzjonijiet u tal-Kuntratt għall-Għoti taħt Ġestjoni Ddelegata tal-Organizzazzjoni u tal-Provvista tas-Servizz Pubbliku tat-Taksi Lokali), tal-21 ta’ April 2008 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 178/2008”). Inizjalment, l-Artikolu 21(1) tal-Anness 1 ta’ din id-deċiżjoni kien ifformulat bil-mod segwenti:

“Fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Bukarest, is-servizzi ta’ dispatching huma obbligatorji għat-taksis kollha tat-trasportaturi awtorizzati u jistgħu jiġu pprovduti biss miċ-ċentri ta’ riżervazzjoni awtorizzati mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-muniċipalità ta’ Bukarest, f’kundizzjonijiet li jiżguraw lill-klijent il-possibbiltà li jitlob dawn is-servizzi bit-telefon jew b’mezzi oħra, permezz ta’ ċentri ta’ riżervazzjoni.”

16.

Id-Deċiżjoni Nru 178/2008 ġiet emendata bil-Hotărârea Consiliului General al Municipiului București nr. 626/19.12.2017 pentru modificarea și completarea Hotărârii Consiliului General al Municipiului București nr.178/2008 privind aprobarea Regulamentului-cadru, a Caietului de sarcini și a contractului de atribuire în gestiune delegata pentru organizarea și executarea serviciului public de transport local în regim de taxi (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bukarest Nru 626/19.12.2017, li temenda u tikkompleta d-Deċiżjoni Nru 178/2008), tad-19 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 626/2017”).

17.

L-Artikolu 3 tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008 emendata, kif joħroġ mill-Artikolu I tad-Deċiżjoni Nru 626/2017, jipprovdi:

“It-termini u l-kunċetti użati u ddefiniti fil-Liġi Nru 38/2003 hawnhekk għandhom l-istess tifsira u, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament qafas, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:

[…]

(I a)

dispatching permezz ta’ kull mezz ieħor: attività eżerċitata minn ċentru ta’ riżervazzjoni awtorizzat mill-awtorità kompetenti sabiex jirċievi l-ordnijiet minn klijenti permezz ta’ applikazzjoni tal-informatika jew ordnijiet imwettqa fuq is-sit internet ta’ ċentru ta’ riżervazzjoni awtorizzat u sabiex jgħaddi l-ordnijiet lis-sewwieqa tat-taksi permezz ta’ apparat tar-radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni.

(I b)

applikazzjoni tal-informatika: software, installat u li jopera fuq apparat mobbli jew fiss, li jappartjeni esklużivament liċ-ċentru ta’ riżervazzjoni awtorizzat u li jkollu l-istess isem.

[…]”

18.

L-Artikolu 21 tal-Anness 1 tad-Deċiżjoni Nru 178/2008 emendata, li joħroġ mill-Artikoli II u III tad-Deċiżjoni Nru 626/2017, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Bukarest, is-servizzi ta’ dispatching huma obbligatorji għat-taksis kollha tat-trasportaturi awtorizzati u jistgħu jiġu pprovduti biss miċ-ċentri ta’ riżervazzjoni awtorizzati mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-muniċipalità ta’ Bukarest, f’kundizzjonijiet li jiżguraw lill-klijent il-possibbiltà li jitlob dawn is-servizzi bit-telefon jew b’mezzi oħra, inkluż permezz ta’ applikazzjonijiet li jaqbdu mal-internet u li għandu jkollhom obbligatorjament l-isem taċ-ċentru tar-riżervazzjoni li jidher fl-awtorizzazzjoni ta’ dispatching maħruġa mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-muniċipalità ta’ Bukarest.

[…]

3a.   Is-servizzi ta’ dispatching huma obbligatorji għat-taksis kollha tat-trasportaturi awtorizzati li jeżerċitaw l-attività ta’ taksi fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Bukarest u jistgħu jiġu pprovduti biss miċ-ċentri ta’ riżervazzjoni awtorizzati mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-muniċipalità ta’ Bukarest, f’kundizzjonijiet li jiżguraw lill-klijent il-possibbiltà li jitlob dawn is-servizzi bit-telefon jew b’mezzi oħra (applikazzjonijiet tal-informatika, ordnijiet imwettqa fuq is-sit internet ta’ ċentru ta’ riżervazzjoni), li jgħaddu dawn l-ordnijiet lis-sewwieqa tat-taksis permezz ta’ apparat tar-radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni.”

19.

L-Artikolu 41(2a) tal-Anness 1 ta’ din id-deċiżjoni emendata, li joħroġ mill-Artikolu IV tad-Deċiżjoni Nru 626/2017, jipprevedi li fl-eżerċizzju tal-attività ta’ taksi, is-sewwieqa tat-taksi għandhom b’mod partikolari l-obbligu li ma jużawx telefons jew apparat mobbli ieħor matul il-provvista tas-servizz ta’ trasport.

20.

L-Artikolu 59(6a) tal-Anness 1 tal-imsemmija deċiżjoni emendata, li joħroġ mill-Artikolu V tad-Deċiżjoni Nru 626/2017, jipprovdi:

“In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 21(3a) li japplikaw għall-attivitajiet kollha assimilati indipendentement mill-mod u mill-ambjent li fih jitwettqu u li għandhom ir-riżultat li jdaħħlu f’kuntest sewwieq mhux awtorizzat jew trasportatur b’taksi awtorizzat għat-trasport ta’ persuna jew ta’ grupp ta’ persuni fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Bukarest huwa suġġett għal multa ta’ bejn 4500 u 5000 [lei Rumeni (RON) (bejn madwar EUR 929 u EUR 1032)].”

It-tilwima fil-kawża prinċipali, il-proċedura u d-domandi preliminari

21.

S.C. Star Taxi App SRL (iktar ’il quddiem “Star Taxi App”), kumpannija rregolata mid-dritt Rumen stabbilita f’Bukarest, topera applikazzjoni bl-istess isem għal telefons intelliġenti li ddaħħal f’kuntatt dirett l-utenti ta’ servizzi ta’ taksi u s-sewwieqa ta’ taksi.

22.

Din l-applikazzjoni tippermetti li titwettaq tfittxija li turi lista ta’ sewwieqa ta’ taksi disponibbli sabiex iwettqu vjaġġ. Il-klijent imbagħad ikun jista’ jagħżel sewwieq partikolari. Star Taxi App ma tibgħatx l-ordnijiet lis-sewwieqa tat-taksi u ma tiddeterminax il-prezz tal-vjaġġ, li jitħallas direttament lis-sewwieq mat-tmiem tiegħu.

23.

Star Taxi App tikkonkludi kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi direttament mas-sewwieqa tat-taksi awtorizzati u approvati sabiex jipprovdu s-servizz ta’ taksi, mingħajr ma tagħżel jew tirrekluta lil dawn is-sewwieqa. Dawn il-kuntratti jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dawn is-sewwieqa applikazzjoni tal-informatika, telefon intelliġenti li fuqu tkun installata l-applikazzjoni u karta SIM li tinkludi volum ta’ data limitat sabiex tintuża l-applikazzjoni, bi skambju għal ħlas fix-xahar mis-sewwieq tat-taksi lil Star Taxi App. Barra minn hekk, din il-kumpannija ma teżerċita l-ebda kontroll, la fuq il-kwalità tal-vettura u tas-sewwieqa tagħhom u lanqas fuq l-aġir ta’ dawn tal-aħħar.

24.

Fid-19 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill Muniċipali ta’ Bukarest adotta d-Deċiżjoni Nru 626/2017, li estendiet il-portata tal-obbligu li tintalab awtorizzazzjoni għall-attività msejħa ta’ “dispatching” għall-operaturi ta’ applikazzjonijiet tal-informatika bħalma hija Star Taxi App. Minħabba li kisret din il-leġiżlazzjoni, Star Taxi App kienet is-suġġett a’ multa ta’ RON 4500 (madwar EUR 929).

25.

Peress li qieset li l-attività tagħha tikkostitwixxi servizz tas-soċjetà tal-informatika li għalih japplika l-prinċipju li ma hijiex meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel, previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31, Star Taxi App ippreżentat ilment amministrattiv preliminari li permezz tiegħu talbet ir-revoka tad-Deċiżjoni Nru 626/2017. Din it-talba ġiet miċħuda għaliex il-leġiżlazzjoni kkontestata, minn naħa, kienet saret meħtieġa minħabba l-portata kunsiderevoli tal-użu illegali kkonstatat ta’ modalitajiet sabiex jiġu rċevuti ordnijiet operati minn entitajiet legali mhux awtorizzati u, min-naħa l-oħra, ma kinitx tikser il-libertà li jiġu pprovduti servizzi b’mezzi elettroniċi peress li tirregola servizz intermedjarju marbut mal-attività tat-trasport ta’ persuni b’taksi.

26.

Star Taxi App għalhekk ippreżentat quddiem it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 626/2017.

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 98/34] (Artikolu 1(2)) kif emendata bid-[Direttiva 98/48], u tad-[Direttiva 2000/31] (Artikolu 2(a)), li abbażi tagħhom is-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa ‘servizz […] ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi’, għandhom jiġu interpretati fis-sens li attività bħal dik eżerċitata minn Star Taxi App SRL (jiġifieri s-servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt dirett, permezz ta’ applikazzjoni elettronika, tal-klijenti tat-taksi max-xuffiera tat-taksi) għandha titqies bħala servizz speċifiku tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-ekonomija kollaborattiva (peress li Star Taxi App SRL ma tissodisfax il-kriterji sabiex titqies bħala trasportatur li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-punt 39 tas-sentenza [tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite TaxiC‑434/15, EU:C:2017:981] b’riferiment għal Uber)?

2)

Fil-każ li [s-servizz ipprovdut minn] Star Taxi App SRL titqies bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2000/31], tal-Artikoli 9, 10 u 16 tad-[Direttiva 2006/123], kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE iwasslu għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-attività ta’ Star Taxi App SRL? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik tal-Artikoli I, II, III, IV u V [tad-Deċiżjoni Nru 626/2017]?

3)

Fil-każ li d-[Direttiva 2000/31] hija applikabbli għas-servizz mogħti minn Star Taxi App SRL, ir-restrizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq il-libertà li jiġi pprovdut servizz elettroniku, billi jissuġġettaw is-servizz għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ liċenzja, jikkostitwixxu miżuri validi li jidderogaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31/KE, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tal-istess direttiva?

4)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-[Direttiva 2015/1535] jipprekludu l-adozzjoni, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea, ta’ leġiżlazzjoni bħal dik fl-Artikoli I, II, III, IV u V [tad-Deċiżjoni Nru 626/2017]?”

28.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2019. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Star Taxi App, minn Unitatea Administrativ Teritorială Municipiul Bucureşti prin Primar General (l-Unità Amministrattiva Territorjali ta’ Bukarest, iktar ’il quddiem il-“muniċipalità ta’ Bukarest”), mill-Gvern Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni. Star Taxi App u l-Kummissjoni wieġbu wkoll bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr ma żżomm seduta minħabba r-riskji marbuta mal-pandemija tal-Covid-19.

Analiżi

29.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel erba’ domandi preliminari dwar l-interpetazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’kuntest bħal dak tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Jien ser nanalizza dawn id-domandi fl-ordni li saru, filwaqt li ser nindirizza t-tieni u t-tielet domanda flimkien. Madankollu, għandu jiġi osservat li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju huma intiżi li japplikaw f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant id-domandi magħmula għandhom jiġu fformulati mill-ġdid.

Fuq l-ewwel domanda preliminari

Kummenti preliminari

30.

L-ewwel nett, fl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48. Madankollu, id-Direttiva 98/34 ġiet imħassra u ssostitwita, qabel id-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 626/2017, bid-Direttiva 2015/1535. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/1535, ir-referenzi magħmula għad-direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-Direttiva 2015/1535.

31.

Fit-tieni lok, kif tinnota ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “ekonomija kollaborattiva” ma għandux tifsira legali fid-dritt tal-Unjoni, li jirrikonoxxi biss status partikolari għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

32.

Għaldaqstant, permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt dirett, permezz ta’ applikazzjoni elettronika, klijenti u sewwieqa tat-taksi.

L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535

33.

Infakkar li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 jiddefinixxi s-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni b’referenza għall-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535.

34.

Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa “kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”. Dawn it-termini huma, huma stess, is-suġġett ta’ definizzjoni. B’mod partikolari, servizz ipprovdut b’mezzi elettroniċi tfisser li “fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar […] u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għalkollox permezz ta’ wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi”.

35.

Ma jidhirx li hemm dubju li servizz bħal dak propost minn Star Taxi App jissodisfa d-definizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

36.

L-ewwel nett, dan is-servizz huwa fil-fatt ipprovdut bi ħlas, sa fejn is-sewwieqa tat-taksi jħallsu tariffa għall-użu tiegħu. Għalkemm dan l-użu huwa bla ħlas għall-passiġġieri, dawn tal-aħħar għandhom ukoll jitqiesu bħala destinatarji tas-servizz. Dan ma jdaħħalx inkwistjoni l-fatt li s-servizz huwa pprovdut minn Star Taxi App bi ħlas. Fil-fatt, huwa biżżejjed li dan is-servizz ikun bi ħlas għal waħda mill-kategoriji ta’ utenti, f’dan il-każ is-sewwieqa tat-taksi ( 9 ).

37.

Fit-tieni lok, is-servizz inkwistjoni huwa pprovdut mill-bogħod: huwa ma jeħtieġx il-preżenza simultanja tal-fornitur (Star Taxi App) u tad-destinatarji (is-sewwieqa u l-passiġġieri). Naturalment, il-preżenza simultanja taż-żewġ kategoriji ta’ utenti ta’ dan is-servizz hija mbagħad indispensabbli għall-provvista tas-servizz sussegwenti tat-trasport. Madankollu, l-imsemmi servizz huwa distint mis-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt inkwistjoni f’din il-kawża.

38.

Fit-tielet lok, is-servizz inkwistjoni fil-kawża ineżami huwa pprovdut ukoll fuq it-talba individwali ta’ destinatarju ta’ servizz. B’mod iktar preċiż, talba simultanja ta’ żewġ destinatarji hija hawnhekk indispensabbli: talba mis-sewwieq meta jaqbad mas-servizz u talba minn passiġġier li jkun jixtieq informazzjoni dwar is-sewwieqa disponibbli.

39.

Finalment, fir-raba’ lok, dan is-servizz huwa pprovdut b’mezzi elettroniċi. Fil-fatt, is-servizz jiffunzjona permezz ta’ applikazzjoni, jiġifieri software għal telefons intelliġenti, jiġifieri tagħmir elettroniku għall-ipproċessar u l-ħażna ta’ data. Huwa jiġi trażmess permezz ta’ telefon ċellulari jew permezz ta’ mod ieħor ta’ aċċess għall-internet, u għalhekk permezz ta’ komunikazzjoni elettronika.

40.

Huwa veru li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, Star Taxi App tqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tas-sewwieqa tat-taksi telefons intelliġenti li fuqhom tkun installata l-applikazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jużaw is-servizz inkwistjoni. Dan l-element tas-servizz ma huwiex ipprovdut mill-bogħod u lanqas b’mezzi elettroniċi u għalhekk ma jikkorrispondix mad-definizzjoni msemmija iktar ’il fuq. Madankollu, dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jikkostitwixxi element aċċessorju tas-servizz li l-għan tiegħu huwa li tiġi ffaċilitata l-prestazzjoni prinċipali ta’ tqegħid f’kuntatt tas-sewwieqa mal-passiġġieri. Għalhekk, dan l-element ma jdaħħalx inkwistjoni n-natura ta’ servizz ipprovdut mill-bogħod tal-attività ta’ Star Taxi App.

41.

Għaldaqstant, għandu jitqies li attività bħal dik ta’ Star Taxi App tissodisfa d-definizzjoni ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 ( 10 ).

Is-sentenza Asociación Profesional Elite Taxi

42.

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, servizz jista’ ma jitqiesx bħala li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, anki jekk ikollu, minn tal-inqas fir-rigward ta’ parti mill-prestazzjonijiet li jikkostitwixxuh, il-karatteristiċi inklużi fid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535 ( 11 ).

43.

Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta l-prestazzjoni mwettqa b’mezzi elettroniċi tkun marbuta b’mod inseparabbli ma’ prestazzjoni oħra li tikkostitwixxi l-prestazzjoni prinċipali u li ma titwettaqx b’mezzi elettroniċi, bħalma huwa servizz ta’ trasport ( 12 ).

44.

Din ir-rabta inseparabbli hija kkaratterizzata, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-fatt li l-fornitur tal-prestazzjoni mwettqa b’mezzi elettroniċi jikkontrolla l-aspetti essenzjali tal-prestazzjoni l-oħra, inkluża l-għażla ( 13 ) tal-fornituri ta’ din il-prestazzjoni l-oħra ( 14 ).

45.

Madankollu, is-sitwazzjoni tidher li hija differenti fil-każ ta’ servizz bħal dak ipprovdut minn Star Taxi App. L-ewwel nett, Star Taxi App ma għandhiex bżonn tirrekluta lis-sewwieqa tat-taksi peress li dawn huma detenturi ta’ liċenzji u għandhom ir-riżorsi neċessarji sabiex iwettqu s-servizzi ta’ trasport urban. Star Taxi App tipproponilhom biss is-servizz tagħha bħala element komplementari li jippermetti li jagħmlu l-prestazzjonijiet tagħhom stess iktar effettivi. Għal Star Taxi App, is-sewwieqa tat-taksi ma humiex kollaboraturi, bħalma huma s-sewwieqa ta’ Uber, iżda huma klijenti, jew fi kliem ieħor destinatarji tas-servizz. Fit-tieni lok, Star Taxi App ma teżerċitax kontroll u lanqas influwenza determinanti fuq il-kundizzjonijiet tal-prestazzjoni tas-servizzi ta’ trasport mis-sewwieqa tat-taksi, li jiddeterminaw b’mod liberu dawn il-kundizzjonijiet fil-limiti eventwalment imposti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ ( 15 ).

46.

Jiena għalhekk ma naqbilx mal-opinjoni tal-muniċipalità ta’ Bukarest li s-sitwazzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tista’ titqabbel ma’ dik tal-kawża li tat lok għas-sentenza Asociación Profesional Elite Taxi ( 16 ).

47.

Huwa veru li s-servizz ta’ Star Taxi App huwa ta’ natura aċċessorja meta mqabbel mas-servizzi ta’ trasport b’taksi u huwa ekonomikament dipendenti minn dawn is-servizzi għaliex ma jkunx jagħmel sens mingħajr dawn tal-aħħar.

48.

Madankollu, din id-dipendenza hija kompletament differenti minn dik li tikkaratterizza r-relazzjoni bejn l-operatur tal-applikazzjoni Uber Pop u s-sewwieqa attivi fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni. Fil-fatt, sabiex tkun tista’ tipprovdi s-servizz ta’ intermedjazzjoni tagħha permezz tal-imsemmija applikazzjoni, Uber kellha toħloq ex nihilo s-servizz ta’ trasport korrispondenti mwettaq minn sewwieqa mhux professjonali, li qabel ma kienx jeżisti, u, għaldaqstant, kellha torganizza l-funzjonament ġenerali tiegħu ( 17 ). B’hekk, l-applikazzjoni Uber Pop ma setgħetx tiffunzjona mingħajr il-prestazzjonijiet imwettqa mis-sewwieqa u dawn tal-aħħar ma setgħux jipproponu dawn il-prestazzjonijiet b’mod ekonomikament affidabbli mingħajr din l-applikazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-mudell ekonomiku u l-istrateġija kummerċjali ta’ Uber jeżiġu li din il-kumpannija tiddetermina l-kundizzjonijiet essenzjali tal-prestazzjoni ta’ trasport, bil-prezz ikun l-ewwel ħaġa, b’tali mod li hija saret de facto, anki jekk indirettament, il-fornitur ( 18 ).

49.

Għall-kuntrarju, is-servizz ipprovdut minn Star Taxi App huwa żieda ma’ servizz diġà eżistenti u organizzat ta’ trasport b’taksi. Ir-rwol ta’ Star Taxi App huwa limitat għal dak ta’ fornitur estern ta’ servizz aċċessorju, utli iżda mhux essenzjali għall-effettività tas-servizz prinċipali, li huwa s-servizz ta’ trasport. Għalkemm is-servizz ipprovdut minn Star Taxi App huwa għalhekk dipendenti ekonomikament fuq is-servizz ta’ trasport, huwa jista’ jkun indipendenti mill-perspettiva funzjonali u jista’ jiġi pprovdut minn fornitur distint mill-fornituri tas-servizz ta’ trasport. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ servizzi ma humiex marbuta b’mod inseparabbli fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt preċedenti ( 19 ).

50.

Il-muniċipalità ta’ Bukarest issostni li s-servizz ta’ Star Taxi App għandu jitqies li huwa parti integrali mis-servizz ta’ trasport b’taksi, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tikklassifika tali servizz bħala “servizz ta’ dispatching”, li huwa obbligatorju għal kull fornitur ta’ trasport b’taksi.

51.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tas-servizzi ta’ trasport, l-Istati Membri huma liberi li jeżiġu mingħand it-trasportaturi li jużaw servizzi oħra, inklużi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jeżenta lil dawn is-servizzi tal-aħħar mil-leġiżlazzjoni tad-Direttiva 2000/31 u lill-Istati Membri mill-obbligi li joħorġu minnha.

Risposta għall-ewwel domanda preliminari

52.

Servizz ta’ intermedjazzjoni bejn is-sewwieqa tat-taksi professjonali u l-passiġġieri permezz ta’ applikazzjoni għal telefons intelliġenti, bħal dak ipprovdut minn Star Taxi App, għandu għalhekk il-karatteristiċi ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, mingħajr madankollu ma huwa marbut b’mod inseparabbli mas-servizz ta’ trasport fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq ( 20 ).

53.

Jiena għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2015/1535, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt dirett, permezz ta’ applikazzjoni elettronika, klijenti u sewwieqa tat-taksi meta dan is-servizz ma jkunx marbut b’mod inseparabbli mas-servizz ta’ trasport b’taksi b’tali mod li ma jagħmilx parti integrali minnu fis-sens tas-sentenza Asociación Profesional Elite Taxi ( 21 ).

Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari

54.

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 626/2017 fid-dawl tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2000/31, tal-Artikoli 9, 10 u 16 tad-Direttiva 2006/123, kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE. Ser nanalizza dawn id-domandi b’rabta ma’ kull att normattiv imsemmi u ser nibda b’dak li fih id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw bl-iktar mod speċifiku s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, jiġifieri d-Direttiva 2000/31.

Id-Direttiva 2000/31

55.

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, b’mod partikolari, jekk l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2000/31 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bħad-Deċiżjoni Nru 178/2008, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 626/2017, tissuġġetta s-servizzi ta’ intermedjazzjoni, b’mezzi elettroniċi, bejn is-sewwieqa tat-taksi u l-passiġġieri potenzjali għall-istess rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni li japplika għall-operaturi tas-servizzi ta’ “dispatching” tat-taksis, imwettqa b’mezzi oħra, b’mod partikolari bir-radju.

– L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31

56.

Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li Star Taxi App hija kumpannija rregolata mid-dritt Rumen li għandha s-sede tagħha f’Bukarest, u għalhekk it-tilwima fil-kawża prinċipali hija limitata għal Stat Membru wieħed biss.

57.

Issa, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/31 jirrikjedi sempliċement li l-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti mill-fornituri stabbiliti fit-territorji tagħhom jissodisfaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ li jikkonċernaw il-qasam ikkordinat kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tagħha. Sussegwentement, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jipprojbixxi lill-Istati Membri, bħala prinċipju, milli jillimitaw il-moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, filwaqt li l-Artikolu 3(4) tagħha jintroduċi eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni.

58.

B’hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jistabbilixxi speċi ta’ prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Minn dan jirriżulta li dan l-artikolu ma huwiex intiż li japplika fis-sitwazzjoni ta’ fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu stess. Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 ma huwiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

– L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31

59.

Fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31, dan jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-aċċess għall-attività ta’ fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u l-eżerċizzju ta’ din l-attività għal skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew għal kull rekwiżit ieħor b’effett ekwivalenti.

60.

Din id-dispożizzjoni tinsab fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Prinċipji”, fit-Taqsima 1, intitolata “Ħtiġijiet ta’ stabbiliment u informazzjoni”, tiegħu. Dan il-kapitolu jistabbilixxi sensiela sħiħa ta’ drittijiet u obbligi għall-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li tagħhom l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-osservanza. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar dawn is-servizzi sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva jarmonizzaw, għalhekk, ir-regoli li l-Istati Membri jimponu fuq il-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni stabbiliti fit-territorji tagħhom ( 22 ).

61.

B’mod loġiku, dan jgħodd ukoll għall-projbizzjoni ta’ kull skema ta’ awtorizzazzjoni għal tali servizzi. Din il-projbizzjoni hija għalhekk valida fis-sitwazzjoni tal-fornituri ta’ dawn is-servizzi fl-Istati Membri ta’ oriġini tagħhom stess. B’hekk, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31 huwa bħala prinċipju applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

62.

Madankollu, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) tagħha hija bla ħsara għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni li ma jikkonċernawx speċifikament u esklużivament is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċernax speċifikament u esklużivament is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

63.

Qabel kollox, nosserva li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/31 huwa iktar oneruż mir-riżerva simili li tinsab fl-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535, fid-definizzjoni tar-“regola dwar is-servizz”. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, huma esklużi minnha r-regoli li ma jikkonċernawx speċifikament is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/31 jippermetti biss li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) tagħha tiġi applikata għall-iskemi ta’ awtorizzazzjoni li jikkonċernaw is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni mhux biss speċifikament iżda wkoll esklużivament.

64.

Issa, skont l-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, fid-dritt Rumen, ir-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-aċċess għall-attività ta’ dispatching tat-taksis jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tal-Liġi Nru 38/2003. Dan l-artikolu jiddefinixxi, fil-paragrafi segwenti, ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħha u r-regoli applikabbli għall-eżerċizzju ta’ din l-attività.

65.

Dawn id-dispożizzjonijiet huma mbagħad implimentati fil-livell lokali permezz tad-diversi awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet, f’dan il-każ il-muniċipalità ta’ Bukarest. Għal dan il-għan, din tal-aħħar adottat id-Deċiżjoni Nru 178/2008. Din id-deċiżjoni kienet sussegwentement emendata bid-Deċiżjoni Nru 626/2017 li, bl-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “dispatching permezz ta’ kull mezz ieħor” ( 23 ), ikkjarifikat il-fatt li l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni kien japplika għal servizzi tat-tip bħal dak ipprovdut minn Star Taxi App, jiġifieri servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsistu fl-intermedjazzjoni bejn is-sewwieqa tat-taksis u l-passiġġieri.

66.

Għaldaqstant, il-punt ta’ liġi li għandu jingħata risposta huwa jekk dispożizzjoni nazzjonali li għandha l-konsegwenza li tissuġġetta lill-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni għall-obbligu li jiksbu awtorizzazzjoni, li barra minn hekk diġà teżisti għall-fornituri ta’ servizzi simili li ma humiex servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, tikkostitwixxix skema ta’ awtorizzazzjoni li tikkonċerna speċifikament u esklużivament il-fornituri ta’ din it-tieni kategorija ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/31.

67.

Fil-fehma tiegħi għandha tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda.

68.

L-iskop tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/31 huwa li tiġi evitata inugwaljanza fit-trattament bejn is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u s-servizzi simili li ma jaqgħux taħt dan il-kunċett. Fil-fatt, meta skema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali tkun intiża li tapplika wkoll għas-servizzi pprovduti mill-bogħod b’mezzi elettroniċi, huwa probabbli li dawn is-servizzi jikkostitwixxu ekonomikament sostituti għal servizzi pprovduti b’mezzi “klassiċi” u għalhekk ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta ma’ din it-tieni kategorija ta’ servizzi. Issa, l-assenza ta’ obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni tkun tqiegħed lis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni f’pożizzjoni kompetittiva privileġġjata, bi ksur tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni leali u ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 24 ). Fi kliem ieħor, għalkemm ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta d-Direttiva 2000/31 kienet li jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jevitaw kull obbligu legali sempliċement bl-iskuża li joperaw “fuq l-internet”. Fil-fehma tiegħi, dan it-tħassib kien eżistenti impliċitament fil-kawża li tat lok għas-sentenza Asociación Profesional Elite Taxi ( 25 ).

69.

Peress li s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni huma r-riżultat ta’ żvilupp teknoloġiku partikolarment rapidu fl-aħħar snin, spiss jiġri li dawn is-servizzi jidħlu fi swieq li jkunu diġà okkupati minn servizzi “klassiċi”. Dawn is-servizzi klassiċi jistgħu jkunu suġġetti għal skemi ta’ awtorizzazzjoni. Issa, skont il-kontenut u l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, jista’ jkun ftit jew iktar evidenti li ċerti regoli, fosthom l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni, imfassla għal servizzi li ma humiex ipprovduti mill-bogħod b’mezzi elettroniċi, japplikaw għas-servizzi simili pprovduti b’dawn il-mezzi u li għalhekk jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”. B’hekk, jista’ jkun meħtieġ li r-regoli eżistenti jiġu ppreċiżati, fuq livell leġiżlattiv jew fil-livell tal-implimentazzjoni, sabiex tiġi kkonfermata l-applikazzjoni tagħhom għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Tali intervent mil-leġiżlatur jew mill-amministrazzjoni, li jissuġġetta s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni għar-regoli diġà eżistenti, ma huwiex ekwivalenti, madankollu, għall-ħolqien ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni ġdida li tikkonċerna speċifikament u esklużivament dawn is-servizzi. Din l-intervent ikollu pjuttost in-natura ta’ adattament tal-iskema eżistenti għal ċirkustanzi ġodda.

70.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ikun kuntrarju għall-effett utli tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/31 jekk, minħabba tali intervent “tekniku”, il-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu tipprekludi l-applikazzjoni ta’ ċerti skemi ta’ awtorizzazzjoni eżistenti għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, filwaqt li skemi oħra jistgħu jiġu applikati għalihom b’mod indipendenti, fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 4(2).

71.

L-istess raġunament japplika meta l-estensjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni diġà eżistenti għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni tkun teħtieġ adattamenti minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn is-servizzi meta mqabbla mas-servizzi li għalihom din l-iskema kienet inizjalment imfassla. Dawn l-adattamenti jistgħu jikkonċernaw b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, kif ser nuri iktar ’il quddiem, hija ġustament l-assenza ta’ tali adattamenti li tista’ ddaħħal inkwistjoni l-legalità tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

72.

Finalment, ma naħsibx li, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Falbert et ( 26 ) hija applikabbli b’analoġija għal din il-kawża. F’din is-sentenza ( 27 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regola nazzjonali li l-għan u s-suġġett tagħha jkunu l-estensjoni ta’ regola eżistenti għal servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “regola dwar is-servizzi” fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 ( 28 ). Madankollu, kif diġà indikat fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-regoli dwar is-servizzi fis-sens tad-Direttiva 2015/1535 huma dawk li jikkonċernaw is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni speċifikament filwaqt li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprojbixxi biss l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni li jikkonċernaw dawn is-servizzi speċifikament u esklużivament. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita ma jikkostitwixxux regoli tekniċi, fis-sens tad-Direttiva 2015/1535, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li sempliċement jipprevedu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment jew għall-provvista ta’ servizzi minn impriżi, bħalma huma dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal approvazzjoni minn qabel, prinċipju dan li japplika wkoll għar-regoli dwar is-servizzi ( 29 ). Għaldaqstant, ma jkunx konsistenti jekk tiġi stabbilita analoġija interpretattiva bejn l-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535 u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/31, li jikkonċerna biss l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni.

73.

Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali li testendi għall-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni, li għalih kienu diġà suġġetti l-fornituri ta’ servizzi simili li ma humiex servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ma tikkostitwixxix skema ta’ awtorizzazzjoni li tikkonċerna speċifikament u esklużivament lill-fornituri ta’ din il-kategorija ta’ servizzi tal-aħħar. Il-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva tipprekludi, għalhekk, l-applikazzjoni ta’ tali skema għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

74.

Madankollu, din il-konstatazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li s-servizzi koperti mill-iskema ta’ awtorizzazzjoni eżistenti, li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi, u s-servizzi tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li għalihom ġiet estiża din l-iskema, ikunu effettivament ekwivalenti ekonomikament. Din l-ekwivalenza għandha tiġi interpretata mill-perspettiva tal-utent tas-servizzi, jiġifieri li mill-perspettiva tiegħu s-servizzi għandhom ikunu interkambjabbli.

75.

Issa, din il-kwistjoni tidher li hija s-suġġett ta’ kunflitt bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħha l-muniċipalità ta’ Bukarest issostni li attività bħal dik eżerċitata minn Star Taxi App hija l-ekwivalenti tal-attività ta’ dispatching ta’ taksis fis-sens tal-Liġi Nru 38/2003 u għalhekk taqa’ taħt l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għal ċentru ta’ riżervazzjoni li jirriżulta minn din il-liġi. Fil-fatt, skont din il-muniċipalità, id-Deċiżjoni Nru 626/2017, bħad-Deċiżjoni Nru 178/2008, kienet ġiet adottata fl-eżerċizzju ta’ din il-liġi. Għall-kuntrarju, Star Taxi App tikkontesta din l-affermazzjoni u ssostni li l-attività tagħha hija ta’ natura differenti, tqiegħed biss is-sewwieqa tat-taksis f’kuntatt mal-klijenti u ma taqax għalhekk taħt id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi.

76.

Sfortunatament, dan il-punt ma jidhirx li nqata’ mill-qorti tar-rinviju li, minn naħa, tiċċita l-Liġi Nru 38/2003 fost id-dispożizzjonijiet rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali iżda, min-naħa l-oħra, tafferma li l-estensjoni tal-kunċett ta’ “dispatching” għall-applikazzjonijiet tal-informatika “tmur lil hinn mill-qafas legali”. Waħedha, l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-Direttiva 2000/31 ma hijiex ser tkun tista’ ssolvi din id-dilemma għaliex din tiddependi minn evalwazzjonijiet fattwali li jistgħu jsiru biss mill-qorti tar-rinviju.

77.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31, għalhekk, ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk tad-Deċiżjoni Nru 178/2008, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 626/2017, bil-kundizzjoni li tiġi kkonstatata l-ekwivalenza ekonomika tas-servizzi rregolati permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Jekk, għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li servizzi bħal dawk ipprovduti minn Star Taxi App ma humiex ekonomikament ekwivalenti għas-servizzi ta’ dispatching tat-taksis, b’tali mod li d-Deċiżjoni Nru 626/2017 ikollha titqies li hija de facto skema ta’ awtorizzazzjoni awtonoma, din l-iskema tkun taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31 ( 30 ).

– Osservazzjoni finali

78.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tindika li d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tad-Deċiżjoni Nru 626/2017, b’mod partikolari dawk dwar l-obbligu li l-ordnijiet jiġu trażmessi lis-sewwieqa bir-radju u dwar il-projbizzjoni għal dawn is-sewwieqa li jużaw telefons ċellulari matul il-provvista tas-servizzi tat-trasport ( 31 ), jistgħu jiġu interpretati bħala li jipprojbixxu de facto l-provvista ta’ servizzi bħal dawk proposti minn Star Taxi App.

79.

Madankollu, din il-kwistjoni ma tqajmitx mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha, li tikkonċerna l-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, Star Taxi App irrikonoxxiet, fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija espliċita mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan, li kienet f’pożizzjoni li tkompli l-attività tagħha bil-kundizzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti imposti fuq iċ-ċentri ta’ riżervazzjoni u li tikseb awtorizzazzjoni.

80.

Għaldaqstant, inqis li l-eventwali projbizzjoni tal-attività ta’ Star Taxi App hija ipotetika wisq sabiex din il-kawża tiġi analizzata f’din il-perspettiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed informazzjoni dwar din il-kwistjoni.

Id-Direttiva 2006/123

81.

Kif indikajt, għandu jitqies li l-projbizzjoni ta’ kull skema ta’ awtorizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31 ma tapplikax għall-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn din l-iskema ma tikkonċernax speċifikament u esklużivament is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni iżda tikkonċerna wkoll is-servizzi tal-istess natura li ma jaqgħux taħt din il-klassifikazzjoni. Issa, dawn is-servizzi l-oħra jistgħu jaqgħu taħt id-Direttiva 2006/123. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din id-direttiva hijiex applikabbli għall-każ ineżami u, fl-affermattiv, jekk tipprekludix skema ta’ awtorizzazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

– L-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123

82.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/123, din tal-aħħar tapplika għas-servizzi pprovduti mill-fornituri li jkollhom l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru, u dan jinkludi mingħajr ebda dubju s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

83.

Madankollu, l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ċerti servizzi, b’mod partikolari dawk fil-qasam tat-trasport li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat FUE ( 32 ). Il-premessa 21 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li l-kelma “trasport” fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni tinkludi t-taksis. Din il-kelma tinkludi wkoll is-servizzi ta’ intermedjazzjoni bejn is-sewwieqa tat-taksis u l-klijenti tagħhom?

84.

L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 diġà kien is-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din iddeċidiet, b’mod partikolari, fir-rigward tas-servizzi tal-kontroll tekniku tal-vetturi, li din id-dispożizzjoni ma tkoprix biss kull att fiżiku ta’ ċaqliq ta’ persuni jew ta’ oġġetti minn post għal ieħor permezz ta’ vettura, ta’ inġenji tal-ajru jew tal-baħar iżda tkopri wkoll kull servizz marbut intrinsikament ma’ tali att ( 33 ).

85.

Fir-rigward tas-servizzi ta’ kontroll tekniku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, l-ewwel nett, li dawn kienu marbuta intrinsikament mas-servizzi ta’ trasport fil-veru sens tal-kelma, sa fejn jikkostitwixxu kundizzjoni preliminari u indispensabbli filwaqt li jikkontribwixxu għas-sigurtà fit-triq ( 34 ).

86.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-imsemmija servizzi ta’ kontroll tekniku kienu ġew adottati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar it-trasport ( 35 ). Għall-kuntrarju tal-fehma espress mill-Kummissjoni f’din il-kawża, din il-konstatazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, kruċjali għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirreferi espliċitament għat-Titolu tat-Trattat FUE dwar it-trasport (attwalment it-Titolu VI tat-Trattat FUE). Dan huwa hekk għaliex, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija rregolata mit-Titolu tat-Trattat FUE dwar it-trasport. Għaldaqstant, id-Direttiva 2006/123 ma tistax tirregola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’dan il-qasam. Issa, meta adotta d-direttivi dwar is-servizzi ta’ kontroll tekniku tal-vetturi fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat FUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni impliċitament inkluda dawn is-servizzi fil-qasam tat-trasport fis-sens kemm tal-Artikolu 58(1) TFUE u kemm tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123. Din l-għażla tal-bażi legali tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni hija għalhekk deċiżiva għall-esklużjoni tas-servizzi inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 ( 36 ).

87.

Fir-rigward tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn ma jidhrux li huma intrinsikament marbuta mas-servizzi ta’ taksi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dan għaliex ma jikkostitwixxux kundizzjoni preliminari u indispensabbli għall-prestazzjoni ta’ dawn is-servizzi tal-aħħar bl-istess mod bħall-kontroll tekniku. Huwa veru li l-leġiżlazzjoni Rumena tagħmel obbligatorju l-użu tas-servizzi ta’ dispatching għal kull fornitur ta’ servizzi ta’ taksi. Madankollu, tali obbligu impost fuq il-livell nazzjonali ma jistax jiddetermina l-klassifikazzjoni ta’ kategorija ta’ servizzi mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

88.

Barra minn hekk, dawn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni ma huma s-suġġett ta’ ebda miżura ta’ armonizzazzjoni speċifika adottata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar it-trasport.

89.

Għaldaqstant, ma nara ebda raġuni għaliex dawn is-servizzi għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 taħt l-Artikolu 2(2)(d) tagħha.

90.

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 fih regola fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ atti speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-aċċess għal u l-eżerċizzju tas-servizzi f’setturi speċifiċi għandhom jipprevalu fuq dawk tad-Direttiva 2006/123 fil-każ ta’ kunflitt. Għalkemm l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva ma jsemmix espliċitament id-Direttiva 2000/31 fit-tieni sentenza tiegħu, filwaqt li jissemmew direttivi oħra, huwa fil-fehma tiegħi evidenti li din ir-regola tikkonċerna wkoll id-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, sa fejn tirregola l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, din id-direttiva tikkostitwixxi lex specialis fil-konfront tad-Direttiva 2006/123 ( 37 ).

91.

Madankollu, il-projbizzjoni ta’ kull skema ta’ awtorizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31 ma tapplikax għal servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u għalhekk ma hemm ebda kunflitt bejn iż-żewġ direttivi. Fil-fatt, l-esklużjoni tal-applikabbiltà ta’ din il-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/31 ma timplikax li l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà inkundizzjonata li japplikaw skemi ta’ awtorizzazzjoni fis-sitwazzjonijiet koperti minn din id-dispożizzjoni. Huwa biss l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31 li huwa inapplikabbli, u dawn l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni, għall-kuntrarju, jibqgħu suġġetti għal regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni, fosthom dawk tad-Direttiva 2006/123, u dan inkluż sa fejn jikkonċernaw is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

92.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 ma jipprekludix, għalhekk, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-iskema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluż sa fejn din l-iskema tikkonċerna s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

93.

Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikoli 9, 10 u 16 tad-Direttiva 2006/123. Madankollu, l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Stati Membri differenti minn dak tal-post ta’ stabbiliment tal-fornitur. Issa, kif indikajt fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizzi minn kumpannija Rumena fit-territorju Rumen. L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, għalhekk, ma huwiex applikabbli għal din it-tilwima.

94.

Għall-kuntrarju, huma applikabbli għal din il-kawża d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jikkonċernaw il-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri l-Artikoli 9 sa 15 tagħha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn l-artikoli kienu applikabbli għas-sitwazzjonijiet purament interni ( 38 ).

– L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123

95.

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/123 jitlaq mill-prinċipju li l-attivitajiet ta’ servizzi ma għandhomx ikunu suġġetti għal skemi ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz għal tali skema ( 39 ). Dawn il-kundizzjonijiet huma s-segwenti: natura mhux diskriminatorja tal-iskema, l-iskema tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u l-assenza ta’ miżuri inqas vinkolanti li jippermettu li jintlaħaq l-istess għan.

96.

Ma għandna ebda indikazzjoni dwar il-ġustifikazzjoni tal-iskema ta’ awtorizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ dispatching tat-taksis li tirriżulta mil-Liġi Nru 38/2003. Fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 626/2017, il-muniċipalità ta’ Bukarest tinvoka, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali bejn iċ-ċentri ta’ riżervazzjoni tat-taksis “klassiċi” u s-servizzi ta’ intermedjazzjoni elettroniċi. Madankollu, dan ma jispjegax ir-raġuni għaliex inħolqot l-iskema ta’ awtorizzazzjoni bħala tali.

97.

Għaldaqstant, ser tkun il-qorti tar-rinviju li ser ikollha tivverifika jekk jeżistux raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw l-iskema ta’ awtorizzazzjoni tas-servizzi ta’ dispatching ta’ taksis. Għandu jiġi osservat biss li din l-iskema tikkonċerna servizz ta’ intermedjazzjoni f’suq diġà suġġett għal skema ta’ awtorizzazzjoni, jiġifieri s-suq tal-provvista tas-servizzi ta’ trasport b’taksi ( 40 ). Għalhekk, jidher li, pereżempju, l-interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tal-konsumaturi huwa diġà ssodisfatt. B’hekk, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tivverifika liema raġunijiet imperattivi oħra jistgħu jiġġustifikaw din l-iskema ta’ awtorizzazzjoni addizzjonali.

98.

Nixtieq nagħmel ukoll l-osservazzjonijiet finali segwenti. L-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 jeżiġi li l-awtorizzazzjonijiet jinħarġu fuq il-bażi ta’ kriterji ġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u proporzjonati għal dan l-għan ta’ interess ġenerali.

99.

Issa, l-Artikolu 15(2) tal-Liġi Nru 38/2003 jeżiġi, għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni, b’mod partikolari, li wieħed ikollu apparat radju għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni, frekwenza tar-radju sigura, persunal iċċertifikat bħala operatur tat-telefonija bir-radju u liċenzja għall-użu tal-frekwenzi tar-radju. Mill-proċess ma jirriżultax b’mod ċar jekk dawn ir-rekwiżiti humiex applikabbli għall-fornituri tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni bejn is-sewwieqa ta’ taksi u l-klijenti permezz ta’ applikazzjoni għal telefon intelliġenti, għalkemm dan ma jidhirx li huwa eskluż.

100.

Dawn ir-rekwiżiti, imfassla għaċ-ċentri ta’ riżervazzjoni tat-taksis bir-radju, huma manifestament inadegwati għas-servizzi pprovduti b’mezzi elettroniċi, billi jimponu fuq il-fornituri tagħhom piżijiet u spejjeż mhux iġġustifikati. Għaldaqstant, mid-definizzjoni tagħhom, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn xi raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u lanqas ma jistgħu jitqiesu li huma proporzjonati ma’ xi għan ta’ interess ġenerali, meta jkunu applikabbli għal fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Fil-fatt, dawn ir-rekwiżiti jimponu fuq dawn il-fornituri li jkollhom ukoll, minbarra t-teknoloġiji li jużaw, kompetenzi u tagħmir xieraq għal teknoloġija differenti.

101.

Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li skema ta’ awtorizzazzjoni ma tkunx ibbażata fuq kriterji ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, bħalma jeżiġi l-Artikolu 10(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2006/123, meta l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni jkun suġġett għal rekwiżiti teknoloġikament inadegwati għas-servizz li jixtieq jipprovdi l-applikant.

L-Artikolu 56 TFUE

102.

Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tinvoka wkoll l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, kif diġà osservajt fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-eżerċizzju tal-attività ta’ servizzi minn kumpannija Rumena fit-territorju Rumen. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma japplikawx għal sitwazzjoni li l-elementi tagħha kollha jkunu limitati għal Stat Membru wieħed biss ( 41 ). Dan ifisser li l-Artikolu 56 TFUE ma huwiex applikabbli għall-kawża ineżami.

Risposta għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari

103.

Nipproponi li t-tieni u t-tielet domanda jingħataw risposta fis-sens li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni għal fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni applikabbli għal fornituri ta’ servizzi ekonomikament ekwivalenti li ma jikkostitwixxux servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123 jipprekludu l-applikazzjoni ta’ tali skema ta’ awtorizzazzjoni sakemm ma tkunx konformi mal-kriterji stabbiliti f’dawn l-artikoli, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Skema ta’ awtorizzazzjoni ma tkunx konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123 meta l-għoti tal-awtorizzazzjoni jkun suġġett għal rekwiżiti teknoloġikament inadegwati għas-servizz li jkun jixtieq jipprovdi l-applikant. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 56 TFUE ma japplikawx għas-sitwazzjoni ta’ fornitur li jkun jixtieq jipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

Fuq ir-raba’ domanda preliminari

104.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Nru 626/2017 tikkostitwixxix regolament tekniku, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535, li suppost kellu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

105.

Madankollu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535, din id-dispożizzjoni tikkonċerna r-regolamenti tekniċi imposti mill-awtoritajiet innominati mill-Istati Membri u li jidhru f’lista stabbilita u aġġornata, jekk meħtieġ, mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Issa, tali lista kienet ġiet ippubblikata fil-31 ta’ Mejju 2006 ( 42 ), jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea u għalhekk ma tinkludix l-awtoritajiet Rumeni. Madankollu, fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tindika li, fil-mument tal-adeżjoni tagħha, ir-Rumanija nnotifikat li kienu biss l-awtoritajiet ċentrali tagħha li kienu awtorizzati jiffissaw regolamenti tekniċi fis-sens tad-Direttiva 2015/1535. Għaldaqstant, l-atti tal-muniċipalità ta’ Bukarest ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

106.

Dan madankollu ma jagħtux soluzzjoni sħiħa għall-problema sa fejn, kif diġà indikajt, jeżisti dubju dwar jekk ir-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni sabiex jiġu pprovduti servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultax biss mid-Deċiżjoni Nru 626/2017 jew mill-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 38/2003, li tagħha din id-deċiżjoni tikkostitwixxi biss miżura ta’ implimentazzjoni. Għaldaqstant, huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk kinitx fil-fatt din il-liġi li kien imissha ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni.

107.

Fil-fehma tiegħi, iżda, ir-risposta għandha tkun fin-negattiv. Fil-fatt, l-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535 jeskludi mill-kunċett ta’ “regola dwar is-servizzi”, li hija l-unika kategorija ta’ regolamenti tekniċi li tista’ tkun rilevanti hawnhekk, dawk ir-regoli ma humiex immirati speċifikament lejn is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Skont il-punt (e) tat-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu, ir-regoli jkunu mmirati speċifikament lejn tali servizzi meta l-mira u l-għan speċifiċi tagħhom ikunu li jirregolaw b’mod espliċitu u mmirat dawn is-servizzi. Għall-kuntrarju, ir-regoli li jikkonċernaw dawn is-servizzi b’mod impliċitu u inċidentali biss ma humiex meqjusa bħala li huma mmirati lejhom b’mod speċifiku.

108.

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Liġi Nru 38/2003 ma ssemmix is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Anzi, għall-kuntrarju, hija tant tinjora dawn is-servizzi li teżiġi saħansitra li kull fornitur ta’ servizzi ta’ dispatching ta’ taksis ikollu frekwenzi u tagħmir tar-radju, kemm jekk jopera bir-radju u kemm jekk jopera b’mezzi tal-informatika. Fil-fehma tiegħi huwa għalhekk evidenti li jekk din il-liġi tapplika għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, kif tallega l-muniċipalità ta’ Bukarest, hija ma hijiex intiża li tirregola b’mod espliċitu u mmirat dawn is-servizzi u tikkonċernahom biss b’mod impliċitu, wieħed jista’ anki jgħid minħabba nuqqas ta’ innovazzjoni.

109.

Barra minn hekk, dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-Liġi Nru 38/2003 ġiet adottata fis-sena 2003, filwaqt li kien biss fl-2009 li twaqqfet il-kumpannija Uber, li kienet il-pijuniera fil-qasam tar-riżervazzjoni tas-servizzi ta’ trasport permezz ta’ telefons intelliġenti.

110.

Għaldaqstant, l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 38/2003 ma jikkonċernax speċifikament is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535.

111.

Dan ifisser li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li d-Deċiżjoni Nru 626/2017 ma tikkostitwixxix regolament tekniku fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535.

Konklużjoni

112.

Fid-dawl tal-punti preċedenti kollha, jiena nipproponi li tingħata r-risposta segwenti għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija):

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (id-“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni servizz li jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt dirett, permezz ta’ applikazzjoni elettronika, klijenti u sewwieqa tat-taksi meta dan is-servizz ma jkunx marbut b’mod inseparabbli mas-servizz ta’ trasport b’taksi b’tali mod li ma jagħmilx parti integrali minnu.

2)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni għal fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni applikabbli għal fornituri ta’ servizzi ekonomikament ekwivalenti li ma jikkostitwixxux servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ tali skema ta’ awtorizzazzjoni sakemm ma tkunx konformi mal-kriterji stabbiliti f’dawn l-artikoli, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Skema ta’ awtorizzazzjoni ma tkunx konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123 meta l-għoti tal-awtorizzazzjoni jkun suġġett għal rekwiżiti teknoloġikament inadegwati għas-servizz li jkun jixtieq jipprovdi l-applikant.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 u l-Artikolu 56 TFUE ma japplikawx għas-sitwazzjoni ta’ fornitur li jkun jixtieq jipprovdi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

3)

Il-Hotărârea Consiliului General al Municipiului București nr. 626/2017 pentru modificarea și completarea Hotărârii Consiliului General al Municipiului București nr.178/2008 privind aprobarea Regulamentului-cadru, a Caietului de sarcini și a contractului de atribuire în gestiune delegata pentru organizarea și executarea serviciului public de transport local în regim de taxi (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bukarest Nru 626/2017, tad-19 ta’ Diċembru 2017, li temenda u tikkompleta d-Deċiżjoni Nru 178/2008 li tapprova r-regolament qafas, l-ispeċifikazzjonijiet u l-kuntratt ta’ konċessjoni ta’ ġestjoni ddelegata għall-organizzazzjoni u għall-eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku ta’ trasport lokali permezz ta’ taksi, tal-21 ta’ April 2008) ma tikkostitwixxix regolament tekniku fis-sens tal-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2015/1535.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981).

( 3 ) Ara, fir-rigward ta’ dubju simili, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punti 28 sa 31), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħu fl-istess kawża (C‑390/18, EU:C:2019:336, punti 93 sa 99).

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).

( 6 ) ĠU 2006, L 376, p. 36.

( 7 ) ĠU 2015, L 241, p. 1.

( 8 ) Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 45, tat-28 ta’ Jannar 2003.

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 46).

( 10 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 35).

( 11 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punti 38 sa 42).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, id-dispożittiv).

( 13 ) Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma użatx il-kelma “reklutaġġ”, probabbilment sabiex ma tidħolx fil-kwistjoni tal-istatus tas-sewwieqa ta’ Uber mill-perspettiva tad-dritt tax-xogħol, huwa madankollu f’dan is-sens li għandha tinftiehem il-kelma “għażla”.

( 14 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 39).

( 15 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-muniċipalità ta’ Bukarest issostni li, b’effett mill-1 ta’ Frar 2018, Star Taxi App nediet servizzi ġodda li jippermettu li jitħallas b’karta bankarja l-prezz tal-vjaġġ u li jiffissaw it-tariffa minima għal vjaġġ. Din l-affermazzjoni hija madankollu kkontestata b’mod qawwi minn Star Taxi App fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija espliċita magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt. Dan għalhekk huwa punt ta’ fatt li ma ġiex stabbilit fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li dawn is-servizzi supplimentari jistgħu jibdlu l-evalwazzjoni globali tal-attività ta’ Star Taxi App [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punti 58 sa 64].

( 16 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017 (C‑434/15, EU:C:2017:981).

( 17 ) Dan huwa dak li osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 38 tas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981). Ara wkoll, dwar il-korrelazzjoni bejn il-ħolqien ta’ offerta ta’ servizzi u l-eżerċizzju tal-kontroll fuq dawn is-servizzi, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:336, punti 6465).

( 18 ) Għal deskrizzjoni iktar iddettaljata tal-funzjonament ta’ Uber, nieħu l-libertà li nirreferi lill-qarrej għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:364).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 55), kif ukoll il-konklużjonijiet f’dik il-kawża (C‑390/18, EU:C:2019:336, punti 57 sa 59).

( 20 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981).

( 21 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017 (C‑434/15, EU:C:2017:981).

( 22 ) Ara wkoll l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 200/31, li jipprovdi li “[d]in id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri”.

( 23 ) Jiġifieri mezzi oħra għajr ir-radju u, fil-prattika, permezz tal-mezzi tal-informatika.

( 24 ) Infakkar li, għalkemm, fid-dritt tal-Unjoni, kull skema ta’ awtorizzazzjoni hija pprojbita fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/31, tali skemi huma awtorizzati, taħt ċerti kundizzjonijiet, fir-rigward ta’ kategoriji oħra ta’ servizzi konformement mal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2006/123 jew mal-Artikolu 49 TFUE.

( 25 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017 (C‑434/15, EU:C:2017:981).

( 26 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017 (C‑255/16, EU:C:2017:983).

( 27 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et (C‑255/16, EU:C:2017:983, punt 35).

( 28 ) Attwalment l-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2015/1535.

( 29 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Falbert et (C‑255/16, EU:C:2017:983, punti 16 sa 18).

( 30 ) Nixtieq nindika li f’tali każ tqum ukoll il-kwistjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni fuq il-livell tad-dritt nazzjonali sa fejn il-Legea nr. 365/2002 privind comerţul electronic (il-Liġi Nru 365/2002 dwar il-kummerċ elettroniku), tas-7 ta’ Ġunju 2002 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 483, tal-5 ta’ Lulju 2002), li tittrasponi d-Direttiva 2000/31 fid-dritt Rumen, tirriproduċi, fl-Artikolu 4(1) tagħha, il-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

( 31 ) Ara l-punti 18 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123.

( 33 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 46).

( 34 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 47).

( 35 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 49).

( 36 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:505, punti 2728).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punti 40 sa 42).

( 38 ) Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 3 tad-dispożittiv). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Trijber u Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:505, punti 44 sa 57), kif ukoll fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punti 106 et seq.).

( 39 ) Min-naħa tagħha, l-espressjoni “skema ta’ awtorizzazzjoni” hija ddefinita fil-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 bħala “kull proċedura li fiha kull fornitur jew riċevitur hu tabilħaqq meħtieġ jieħu passi sabiex jikseb deċiżjoni formali minn awtorità kompetenti, jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha”. Fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda dubju dwar il-fatt li l-attività ta’ dispatching ta’ taksis hija suġġetta fid-dritt Rumen għal skema ta’ awtorizzazzjoni fis-sens ta’ din id-definizzjoni. Din l-iskema hija bbażata fuq l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 38/2003 u hija implimentata, fil-livell tal-muniċipalità ta’ Bukarest, permezz tad-Deċiżjoni Nru 178/2008, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 626/2017.

( 40 ) Din id-darba, fir-rigward ta’ servizz ta’ trasport, din l-iskema hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123.

( 41 ) Ara, reċentement, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, France Télévisions (C‑298/17, EU:C:2018:1017, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) ĠU 2006, C 127, p. 14.