KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fil‑11 ta’ Marzu 2021 ( 1 )

Proċedura għal Opinjoni 1/19

Mibdija fuq talba mressqa mill-Parlament Ewropew

“Talba għal opinjoni skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Konvenzjoni dwar il‑Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) – Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea – Kompetenzi esterni tal-Unjoni – Bażijiet legali adatti – Artikolu 78(2) TFUE – Artikolu 82(2) TFUE – Artikolu 83(1) TFUE – Artikolu 84 TFUE – Separazzjoni fi tnejn tad-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u dwar il-konklużjoni skont il-bażijiet legali applikabbli – Kompatibbiltà mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE – Prassi ta’ “qbil komuni” – Kompatibbiltà mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE – Ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Fil-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja wieħed jista’ jsib diversi eżempji li juru li r-relazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea fejn tidħol il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu liż-żewġ partijiet hija ta’ natura tali li tqajjem uħud mill-iktar kwistjonijiet diffiċli u kumplessi tad-dritt tal-Unjoni. Id-delimitazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (u l-interazzjoni tagħhom ma’ xulxin) timplika, mingħajr eċċezzjoni, kwistjonijiet diffiċli ta’ karatterizzazzjoni, li ħafna drabi jeħtieġu analiżi ddettaljata u bir-reqqa ta’ ftehim internazzjonali li mhux dejjem ikun ġie redatt b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti kumplessi sottili tal-arkitettura istituzzjonali tal-Unjoni (u t-tqassim tal-kompetenzi tagħha).

2.

Dan huwa sfortunatament il-każ ukoll tal-ftehim internazzjonali, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza Kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis‑7 ta’ April 2011 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Istanbul”), li huwa s-suġġett ta’ din it-talba għal opinjoni mressqa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218(11) TFUE. Filwaqt li din il-konvenzjoni tfittex li tavvanza l-għan nobbli u mixtieq tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal, il-kwistjoni ta’ jekk il-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni partikolari hijiex kompatibbli mat-Trattati tal-Unjoni tqajjem kwistjonijiet legali kumplessi ta’ ċerta novità li għandhom naturalment jiġu eżaminati minn perspettiva legali b’mod oġġettiv u razzjonali. Il-kwistjoni tqum bil-mod li ġej.

II. L-isfond tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

3.

Fl‑1979, in-Nazzjonijiet Uniti adottaw il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (iktar ’il quddiem iċ-“CEDAW”). Din il-konvenzjoni kienet issupplimentata permezz ta’ rakkomandazzjonijiet imfassla mill-Kumitat taċ-CEDAW, li jinkludu r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 (1992) dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa, li min-naħa tagħha kienet aġġornata permezz tar-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 35 (2017) dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa bbażata fuq il-Ġeneru. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jispeċifikaw li l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru tikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens taċ-CEDAW.

4.

Il-Kunsill tal-Ewropa, f’rakkomandazzjoni indirizzata lill-membri ta’ din l-organizzazzjoni, ippropona għall-ewwel darba fl-Ewropa strateġija komprensiva għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u għall-protezzjoni tal-vittmi fl-Istati Membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa.

5.

F’Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Ewropa stabbilixxa kumitat ta’ esperti, imsejjaħ il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (iktar ’il quddiem il-“Grevio”). Dan il-korp, ikkostitwit minn rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, kien inkarigat bil-kompitu li jfassal strument legali vinkolanti wieħed jew iktar “għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, inklużi forom speċifiċi ta’ vjolenza fuq in-nisa, forom oħra ta’ vjolenza fuq in-nisa, u għall-protezzjoni u għall-appoġġ tal-vittmi ta’ tali vjolenza u għall-prosekuzzjoni tal-awturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.

Il-Grevio ltaqa’ disa’ darbiet u ffinalizza t-test tal-abbozz tal-Konvenzjoni f’Diċembru 2010. L-Unjoni ma pparteċipatx fin-negozjati ( 2 ).

7.

Il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza Kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika ġiet adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis‑7 ta’ April 2011 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Istanbul”). Il-Konvenzjoni nfetħet għall-iffirmar fil‑11 ta’ Mejju 2011, fl-okkażjoni tal‑121 Sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri f’Istanbul ( 3 ).

8.

Fil‑5 u fis‑6 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fil-konfigurazzjoni Ġustizzja u Affarijiet Interni tiegħu, adotta konklużjonijiet li permezz tagħhom stieden lill-Istati Membri jiffirmaw, jikkonkludu u jimplimentaw din il-konvenzjoni.

9.

Sussegwentement, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fl‑4 ta’ Marzu 2016, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni Ewropea. Din il-proposta tippreċiża li l-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni taqa’ taħt il-kompetenzi kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-Unjoni, il-proposta tal-Kummissjoni kienet tipprevedi l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul permezz ta’ deċiżjoni waħda bbażata fuq l-Artikoli 82(2) TFUE u 84 TFUE.

10.

Flimkien ma’ din il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni waħda tal-Kunsill li tawtorizza l-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, ta’ din il-konvenzjoni. Il-bażi legali proposta mill-Kummissjoni kienet l-istess bħal dik li tinsab fil-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iffirmar, jiġifieri kienet ibbażata wkoll fuq l-Artikoli 82(2) TFUE u 84 TFUE.

11.

Waqt id-diskussjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni fi ħdan il-korpi preparatorji tal-Kunsill, ħareġ li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Unjoni li tkopri ċerti oqsma proposti mill-Kummissjoni ma kinitx ser tikseb l-appoġġ tal-maġġoranza kkwalifikata meħtieġa tal-membri tal-Kunsill. Għalhekk, ġie deċiż li l-portata tal-proposta ta’ konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul titnaqqas għal dawk il-kompetenzi biss li ġew ikkunsidrati minn dawn il-korpi preparatorji bħala li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-bażijiet legali tal-proposta ġew emendati billi tħassar ir-riferiment għall-Artikolu 84 TFUE u billi ddaħħlu, flimkien mal-Artikolu 82(2) TFUE, l-Artikoli 83(1) TFUE u 78(2) TFUE. Ġie deċiż ukoll li l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul tinqasam f’żewġ partijiet u li jiġu adottati żewġ deċiżjonijiet sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjonijiet partikolari tal-Irlanda u tar-Renju Unit, kif previst fil-Protokoll Nru 21 anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.

12.

Dawn l-emendi, li saru fil-laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tas‑26 ta’ April 2017, ġew approvati mill-Kummissjoni.

13.

Fil‑11 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill adotta żewġ deċiżjonijiet separati dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, jiġifieri:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal‑11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2017, L 131, p. 11). Bħala bażijiet legali sostantivi, din id-deċiżjoni ssemmi l-Artikoli 82(2) TFUE u 83(1) TFUE.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal‑11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement (ĠU 2017, L 131, p. 13). Bħala bażi legali sostantivi, din id-deċiżjoni tindika l-Artikolu 78(2) TFUE.

14.

Il-premessi 5 sa 7 taż-żewġ deċiżjonijiet jindikaw:

“(5)

Kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenza fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni [ta’ Istanbul].

(6)

Jenħtieġ li l-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] tiġi ffirmata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sal-punt li l-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] tista’ taffettwa regoli komuni jew tbiddel l-għan tagħhom. Dan japplika, b’mod partikolari, għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] relatati mal-asil u n-non-refoulement. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sal-punt li l-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] ma taffettwax regoli komuni jew tbiddel l-għan tagħhom.

(7)

L-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li taċċetta l-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni [ta’ Istanbul] fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess.”

15.

Skont il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2017/865, “[l]-Irlanda u r-Renju Unit huma marbuta bid-[Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU 2011, L 101, p. 1) u bid-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU 2011, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 18, p. 7)] u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni”.

16.

Skont il-premessa 10 tad-Deċiżjoni 2017/866, “[f]’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha”.

17.

Il-premessa 11 taż-żewġ deċiżjonijiet tindika li, “[f]’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha”.

18.

Konformement ma’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, din il-konvenzjoni ġiet iffirmata f’isem l-Unjoni fit‑13 ta’ Ġunju 2017 ( 4 ). Madankollu, ma ġiet adottata ebda deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

19.

Fid‑9 ta’ Lulju 2019, il-Parlament Ewropew talab, skont l-Artikolu 218(11) TFUE, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. It-talba għal opinjoni hija fformulata kif ġej ( 5 ):

“[1(a)]   L-Artikoli 82(2) u 84 TFUE jikkostitwixxu l-bażijiet legali xierqa għall-att tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jew dan l-att għandu jiġi bbażat fuq l-Artikoli 78(2), 82(2) u 83(1) TFUE[?]

[1(b)]   [H]uwa neċessarju jew possibbli li d-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Konvenzjoni jinqasmu fi tnejn minħabba din l-għażla tal-bażi legali?

[2]   Il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, konformement mal-Artikolu 218(6) TFUE, hija kompatibbli mat-Trattati fl-assenza ta’ ftehim komuni tal-Istati Membri kollha dwar il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta bl-imsemmija konvenzjoni?”

III. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni mressqa mill-Parlament Ewropew

20.

Huma tnejn il-modi prinċipali kif ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jistgħu jitressqu għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Wieħed minn dawn il-modi huwa l-kunsiderazzjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-mandat ġurisdizzjonali ġenerali tagħha, bħal fil-kuntest ta’ stħarriġ ġudizzjarju, rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jew talbiet għal deċiżjoni preliminari. It-tieni mod, li huwa dak rilevanti f’din il-proċedura, huwa permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(11) TFUE, li jawtorizza speċifikament lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fuq talba minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, tagħti opinjoni dwar il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ ftehim internazzjonali li l-konklużjoni tiegħu hija prevista mill-Unjoni ( 6 ).

21.

L-ewwel paragrafi tal-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxu proċedura ta’ applikazzjoni ġenerali li tikkonċerna n-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni għandha l-kompetenza tikkonkludi fl-oqsma tal-attività tagħha ( 7 ). L-aħħar paragrafu – l-Artikolu 218(11) TFUE – jipprevedi l-mekkaniżmu importanti ta’ stħarriġ kostituzzjonali ex ante tal-ftehim propost. Dan il-mekkaniżmu huwa importanti minn perspettiva legali peress li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha u għalhekk jistgħu, bħala prinċipju, jiddeterminaw il-legalità tal-atti adottati minn dawn l-istituzzjonijiet. Fuq livell politiku, tali mekkaniżmu huwa wkoll importanti peress li t-tressiq tat-talba għal opinjoni jimplika, fih innifsu, eventwali ostakoli għall-konklużjoni formali tal-ftehim ( 8 ).

22.

Għalkemm l-użu tal-proċedura tal-Artikolu 218(11) TFUE jibqa’ relattivament rari, l-opinjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja bbażati fuq din id-dispożizzjoni kienu madankollu, b’mod ġenerali, ta’ importanza prattika kunsiderevoli, b’mod partikolari minħabba l-kjarifika li dawn l-opinjonijiet ipprovdew fir-rigward tal-portata tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt internazzjonali, tal-ftehimiet internazzjonali u tal-affarijiet relatati. B’hekk, l-opinjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fformulaw prinċipji fundamentali tad-dritt tar-relazzjonijiet esterni, li jmorru mill-esklużività tal-kompetenzi tal-Unjoni sal-prinċipju ta’ awtonomija u sal-applikazzjoni tiegħu b’mod partikolari għas-soluzzjoni ta’ tilwim internazzjonali. Uħud mill-opinjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxew prinċipji kostituzzjonali ta’ importanza li jmorru lil hinn mill-kwistjonijiet immedjati mqajma jew anki lil hinn mil-limiti tad-dritt tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni ( 9 ).

23.

Ir-raġuni għall-proċedura ġiet spjegata b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-Opinjoni 1/75 tagħha ( 10 ), jiġifieri:

“li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn tilwim legali dwar il-kompatibbiltà mat-Trattat ta’ ftehimiet internazzjonali li jorbtu [lill-Unjoni]. Fil-fatt, eventwali deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li tali ftehim, minħabba l-kontenut tiegħu jew minħabba l-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma tistax ma toħloqx diffikultajiet serji kemm fil-kuntest tal-[Unjoni] u kemm fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali u tista’ tikkawża konsegwenzi negattivi għall-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż għal pajjiżi terzi.

Sabiex jiġu evitati dawn il-kumplikazzjonijiet, it-Trattat uża l-proċedura eċċezzjonali li permezz tagħha ssir talba minn qabel lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ċċarat, qabel il-konklużjoni tal-ftehim, jekk dan tal-aħħar huwiex kompatibbli mat-Trattat”.

24.

Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ), fil-fatt, eventwali deċiżjoni ġudizzjarja wara l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni fis-sens li dan il-ftehim, minħabba l-kontenut tiegħu jew minħabba l-proċedura adottata għall-konklużjoni tiegħu, huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma tistax ma toħloqx diffikultajiet legali u prattiċi serji, u dan mhux biss fil-kuntest intern tal-Unjoni iżda wkoll fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali, u tista’ toħloq konsegwenzi negattivi għall-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż għal pajjiżi terzi.

25.

L-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti f’din il-proċedura tirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra kwistjonijiet preliminari importanti marbuta mal-ammissibbiltà tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura eċċezzjonali.

A.   Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-partijiet

26.

L-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni ġiet ikkontestata minn diversi partijiet fir-rigward ta’ aspetti differenti.

27.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-parti (a) tal-ewwel domanda, il-Kunsill kif ukoll l-Irlanda u l-Gvern Ungeriż isostnu li din hija inammissibbli minħabba li saret meta kien tard wisq. Huma jsostnu li, peress li seta’ jikkontesta d-deċiżjonijiet li tiġi ffirmata l-Konvenzjoni ta’ Istanbul u, f’dak il-kuntest, il-validità tal-bażijiet legali adottati, il-Parlament ma għadux jista’ jressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex dan iwassal sabiex jiġu evitati r-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors għal annullament u, b’dan il-mod, jiżnatura s-suġġett tal-proċedura għal opinjoni.

28.

Fir-rigward tal-parti (b) tal-ewwel domanda, il-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà tagħha sa fejn tikkonċerna l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul minħabba li d-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar saru definittivi.

29.

Il-Kunsill jargumenta wkoll li t-tieni domanda hija inammissibbli għaliex hija ipotetika. Minbarra l-fatt li hija fformulata b’mod ġenerali, din id-domanda hija bbażata wkoll fuq il-premessa li l-Kunsill aġixxa konformement ma’ regola li huwa stess impona, li tikkonsisti f’li jistenna, fil-każ ta’ ftehim imħallat, li l-Istati Membri kollha jkunu kkonkludew tali ftehim qabel ma l-Unjoni tikkonkludih min-naħa tagħha, mingħajr ma l-eżistenza ta’ tali regola ta’ kondotta tkun ġiet stabbilita mill-Parlament

30.

B’mod iktar ġenerali, il-Kunsill kif ukoll il-Gvern Spanjol u l-Gvern Ungeriż jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba fl-intier tagħha. Huma josservaw, l-ewwel nett, li l-proċess deċiżjonali għadu fi stadju preparatorju u, b’mod partikolari, li dan il-proċess għadu ma wasalx fl-istadju li fih il-Kunsill għandu jfittex il-kunsens tal-Parlament. Peress li għalhekk il-Parlament għad għandu l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-abbozz tad-deċiżjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, it-talba għal opinjoni hija inammissibbli għaliex hija prematura.

31.

Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li l-Parlament qiegħed fil-verità joġġezzjona għall-fatt li l-proċedura ta’ konklużjoni żvolġiet bil-mod. Għaldaqstant, il-Parlament kien imissu ppreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 265 TFUE. Peress li l-proċedura għal opinjoni għandha għan differenti u ma tistax tintuża sabiex istituzzjoni oħra tiġi mġiegħla taġixxi, it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli għal din ir-raġuni wkoll. Il-Gvern Spanjol, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Slovakk jaqblu ma’ din l-analiżi.

32.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill kif ukoll il-Gvern Bulgaru, l-Irlanda, il-Gvern Elleniku, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk isostnu li, permezz tat-talba għal opinjoni tiegħu, il-Parlament qiegħed fil-verità jipprova jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kunsill li jillimita l-portata tal-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni u, konsegwentement, qiegħed jipprova jikkontesta t-tqassim eżatt tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Peress li l-proċedura għal opinjoni tista’ tikkonċerna biss il-validità ta’ deċiżjoni ta’ konklużjoni, it-talba għal opinjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

B.   Analiżi

33.

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-importanza legali u politika tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE, kif deskritta iktar ’il fuq, il-proċedura għal opinjoni, bħala prinċipju, għandu jkollha portata relattivament wiesgħa ( 12 ).

34.

Għalhekk, id-domandi li jistgħu jsiru lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura jistgħu jirrigwardaw kemm il-validità sostantiva kif ukoll dik formali tad-deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim ( 13 ), suġġett, fil-fehma tiegħi, għal tliet limiti li huma intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi żgurat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix risposta għal domanda li ma jkollha ebda interess konkret għall-konklużjoni ta’ ftehim speċifiku ( 14 ).

35.

L-ewwel, id-domandi mqajma għandhom jikkonċernaw neċessarjament ftehim internazzjonali li l-konklużjoni tiegħu tkun, fl-assenza tat-tressiq tal-proċedura skont l-Artikolu 218(11) TFUE, imminenti u raġonevolment prevedibbli ( 15 ). Dan joħroġ mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 218(11) TFUE, li jitkellem dwar il-kwistjoni ta’ jekk “ftehim maħsub” huwiex kompatibbli mat-Trattati. B’hekk, il-Parlament (jew, fil-fatt, kwalunkwe parti oħra msemmija fl-Artikolu 218(11) TFUE) ma jkunx jista’, pereżempju, jinvoka l-proċedura tal-Artikolu 218(11) TFUE sabiex jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni, fuq bażi purament astratta jew kompletament ipotetika, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali partikolari hijiex ser tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim qatt ma tkun tqieset jew fejn l-Unjoni tkun għamlitha ċara li ma hijiex ser tiffirma dan il-ftehim.

36.

Bħala prinċipju, id-domandi magħmula jistgħu, madankollu, jikkonċernaw kwalunkwe xenarju possibbli marbut mal-konklużjoni tal-ftehim maħsub, bil-kundizzjoni li l-iskop tal-proċedura jkun li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jqumu minħabba l-invalidazzjoni tal-att tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ( 16 ). Fil-fatt, peress li din il-proċedura ma hijiex kontradittorja u sseħħ qabel il-konklużjoni mill-Unjoni tal-ftehim propost, il-ġurisprudenza li tissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tastjeni milli tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi manifestament ma hijiex applikabbli bħala tali ( 17 ). Sa fejn din il-forma ta’ stħarriġ ex ante neċessarjament tinvolvi xi element ipotetiku, kwalunkwe konklużjoni kuntrarja twassal sabiex l-Artikolu 218(11) TFUE jiġi mċaħħad mill-effett utli ġenerali tiegħu. Fil-fehma tiegħi, huwa biss fis-sitwazzjoni partikolari fejn ċerti elementi neċessarji sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula jkunu għadhom mhux magħrufa li domanda magħmula f’talba tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli, u dan mhux għaliex hija ipotetika iżda pjuttost għaliex ikun materjalment impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għaliha fid-dawl tal-istadju li fih ikunu waslu n-negozjati jew il-proċeduri.

37.

It-tieni, it-talba għandha tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mat-Trattati tal-konklużjoni ta’ tali ftehim ( 18 ). Fid-dawl tal-importanza tal-għan imfittex minn din il-proċedura, jiġifieri li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jqumu minħabba l-invalidazzjoni tal-att tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni stess ( 19 ), id-domanda magħmula għandha għalhekk tikkonċerna biss elementi li jista’ jkollhom impatt fuq il-validità tal-att tal-konklużjoni ( 20 ). Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl-Opinjoni 1/75 (Memorandum tal-OECD dwar standard tal-infiq lokali), tal‑11 ta’ Novembru 1975 (EU:C:1975:145), il-proċedura għal opinjoni “għandha tkun miftuħa […] għad-domandi kollha […] sa fejn dawn id-domandi jkunu ta’ natura li jqajmu dubju dwar il-validità sostantiva jew formali [tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni, f’isem tal-Unjoni] ta’ ftehim [internazzjonali] fid-dawl tat-Trattat” ( 21 ). Madankollu, filwaqt li talba għal opinjoni tista’ tikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk ftehim għandux jiġi konkluż esklużivament mill-Istati Membri, mill-Unjoni jew mit-tnejn li huma, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal opinjoni ma huwiex li tagħti deċiżjoni dwar id-delimitazzjoni preċiża tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fil-fatt, fl-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas‑6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-eżistenza ta’ kompetenzi li jappartjenu kemm lill-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri tkun ġiet stabbilita fl-istess qasam, il-portata ta’ dawn il-kompetenzi, bħala tali, ma seta’ jkollha ebda impatt fuq il-kompetenza stess tal-Unjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali jew, b’mod iktar ġenerali, fuq il-validità sostantiva jew proċedurali ta’ dan il-ftehim fid-dawl tat-Trattati tal-Unjoni ( 22 ).

38.

Minbarra dawn iż-żewġ kundizzjonijiet materjali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-eżistenza ta’ kundizzjoni formali. Meta jkun hemm abbozz ta’ ftehim u meta l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha informazzjoni suffiċjenti dwar il-kontenut konkret ta’ dan il-ftehim sabiex tkun f’pożizzjoni li twettaq ir-rwol tagħha b’mod effettiv ( 23 ). Għaldaqstant, jekk ma jkollhiex il-livell meħtieġ ta’ informazzjoni dwar in-natura u l-kontenut tal-ftehim internazzjonali, it-talba għandha tiġi ddikjarata inammissibbli ( 24 ).

39.

Id-diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-partijiet issa jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.

40.

Fir-rigward tal-ewwel żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, li jikkonċernaw rispettivament, minn naħa, l-assenza ta’ kontestazzjoni mill-Parlament, fl-istadju tal-iffirmar, tal-għażla tal-Artikoli 78(2) TFUE, 82(2) TFUE u 83(1) TFUE bħala bażijiet legali u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jsiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), sa fejn jikkonċernaw il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali ( 25 ), jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu trasposti kompletament, b’analoġija, għall-proċedura għal opinjoni. B’hekk, peress li l-Parlament ma kkontestax, kif seta’ jagħmel, il-validità tad-deċiżjonijiet tal-iffirmar u għalhekk dawn saru definittivi, din l-istituzzjoni ma tistax tuża l-proċedura għal opinjoni sabiex iddur mat-termini li japplikaw għall-preżentata ta’ rikors għal annullament. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-parti (b) tal-ewwel domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, iżda dan biss sa fejn tikkonċerna d-deċiżjonijiet li tiġi ffirmata l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

41.

Meta nesprimi din il-fehma, ma iniex qiegħed ninjora l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-Opinjoni 2/92 (It-Tielet Deċiżjoni Rreveduta tal-OECD dwar it-Trattament Nazzjonali), tal‑24 ta’ Marzu 1995 (EU:C:1995:83), ikkonstatat li “il-fatt li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ rimedji oħra, b’mod partikolari bil-preżentata ta’ rikors għal annullament […] ma jikkostitwixxix argument li jipprekludi li l-Qorti tal-Ġustizzja ssirilha talba għal opinjoni minn qabel dwar dawn il-kwistjonijiet taħt [l-Artikolu 218(11) TFUE]” ( 26 ). Madankollu, dan ma jfissirx li l-proċedura tal-Artikolu 218(11) TFUE tista’, min-naħa tagħha, tintuża bħala sostitut għal rikors għal annullament, sa fejn huma kkonċernati d-deċiżjonijiet dwar l-iffirmar, u dan għaliex dawn id-deċiżjonijiet saru definittivi u kwalunkwe kontestazzjoni legali ordinarja ser tkun, għalhekk, saret tard wisq.

42.

Madankollu, kif diġà osservajt, sa fejn hija kkonċernata din it-talba għal opinjoni, it-tardività tikkonċerna d-deċiżjoni dwar l-iffirmar – li hija distinta minn kwalunkwe deċiżjoni li jiġi konkluż il-ftehim. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li d-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali u l-miżura li tikkonkludi dan il-ftehim huma żewġ atti legali distinti li jagħtu lok għal obbligi legali fundamentalment distinti għall-partijiet ikkonċernat, fejn il-miżura bl-ebda mod ma hija konferma tad-deċiżjoni ( 27 ). Dan, fi kwalunkwe każ, huwa dak li jipprovdu l-prinċipji standard tad-dritt internazzjonali dwar it-trattati. Dan ifisser, għalhekk, li kwalunkwe deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni għadha tista’ tiġi kkontestata.

43.

It-tielet eċċezzjoni mqajma hija li t-tieni domanda hija bbażata fuq il-premessa impliċita li l-Kunsill, b’mod żbaljat, kien tal-fehma li huwa kien obbligat jistenna li l-Istati Membri kollha jikkonkludu l-Konvenzjoni ta’ Istanbul qabel ma jkun awtorizzat jikkonkludiha. Qiegħed jiġi argumentat li l-invokazzjoni tal-proċedura tal-Artikolu 218(11) TFUE għal dan il-għan hija għalhekk ibbażata fuq ipoteżi li ma hijiex issostanzjata u, għalhekk, li t-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

44.

F’dan ir-rigward, kif spjegat iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ talba għal opinjoni jistgħu jikkonċernaw kwalunkwe xenarju possibbli marbut mal-konklużjoni tal-ftehim maħsub, sa fejn l-għan tal-proċedura huwa li jiġu evitati kumplikazzjonijiet li jistgħu jqumu mill-invalidazzjoni tal-att tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

45.

Huwa minnu li, f’rikors għal annullament, motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati li jirriżulta minn prassi jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fil-każ biss li r-rikorrent ikun jista’ jistabbilixxi li min ħa d-deċiżjoni ħass li kien marbut mill-prassi allegata, jew, alternattivament, qies li din il-prassi kienet vinkolanti u, għalhekk, li l-prassi kienet ir-raġuni jew il-bażi għal din id-deċiżjoni ( 28 ). Madankollu, fil-kuntest ta’ talba għal opinjoni, ebda oneru ta’ prova ma huwa impost fuq l-Istat Membru jew fuq l-istituzzjoni li jressqu talba għal opinjoni u tista’ ssir kwalunkwe domanda sakemm tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li setgħu jqumu ( 29 ). Fil-fatt, min-natura tagħha stess, il-proċedura għal opinjoni hija maħsuba sabiex tkun magħrufa l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar sitwazzjonijiet ipotetiċi, u dan sa fejn, bħala prinċipju, din il-proċedura tista’ tikkonċerna biss deċiżjoni li jiġi konkluż ftehim li tkun għadha ma ġietx adottata. Għaldaqstant, il-fatt li l-Parlament ma stabbilixxiex li l-Kunsill ħassu li huwa marbut mill-prassi inkwistjoni ma jiġġustifikax li t-tieni domanda tiġi ddikjarata inammissibbli.

46.

Fir-rigward tar-raba’ eċċezzjoni, ibbażata fuq in-natura prematura tat-talba għal opinjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 218(11) TFUE ma jistabbilixxi ebda termini f’dan ir-rigward ( 30 ). L-unika kundizzjoni ratione temporis speċifikata f’din id-dispożizzjoni hija li l-konklużjoni ta’ ftehim għandha tkun maħsuba. Minn dan isegwi li Stat Membru, il-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-kompatibbiltà mat-Trattati tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali sa fejn il-konklużjoni tiegħu tkun maħsuba mill-Unjoni ( 31 ) u sakemm dan il-ftehim ikun għadu ma ġiex konkluż mill-Unjoni. Sa fejn talba għal opinjoni għandha titqies li hija ammissibbli anki meta l-proċess li jwassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi konkluż dan il-ftehim ikun għadu fi stadju preparatorju, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tintlaqa’.

47.

Fir-rigward tal-ħames eċċezzjoni, l-argument tal-Kunsill li l-Parlament kien imissu ppreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni minflok ma ressaq talba għal opinjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 265 TFUE hija intiża li istituzzjoni Ewropea tiġi kkundannata għal astensjoni illegali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, minkejja li fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja hemm effettivament elementi li jissuġġerixxu li l-Parlament qiegħed jipprova jgħaġġel il-proċess li jwassal għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, jibqa’ l-fatt li ebda waħda mid-domandi magħmula mill-Parlament ma tikkonċerna eventwali nuqqas li tittieħed azzjoni. Għaldaqstant, din it-talba għal opinjoni ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli għal din ir-raġuni ( 32 ).

48.

Fir-rigward tas-sitt eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma, fis-sens li d-domandi magħmula jikkonċernaw, fil-fatt, id-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, għandu jiġi osservat li din l-eċċezzjoni partikolari tikkonċerna, l-iktar l-iktar, il-parti (a) tal-ewwel domanda. Din l-eċċezzjoni hija bbażata fuq il-premessa li, peress li r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti lil din id-domanda bl-ebda mod ma tista’ tikkonċerna l-validità tad-deċiżjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni, din l-ewwel domanda hija fil-fatt intiża li jiġi ddeterminat it-tqassim preċiż tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni.

49.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi, ċerti irregolaritajiet dwar l-għażla tal-bażi legali rilevanti ma jwasslux neċessarjament għall-invalidità tal-att inkwistjoni. Minflok, għandu jintwera li dawn in-nuqqasijiet jista’ jkollhom impatt fuq il-proċedura leġiżlattiva applikabbli ( 33 ) jew fuq il-kompetenza tal-Unjoni ( 34 ).

50.

Pereżempju, fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 67), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-iżball imwettaq fil-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata” (jiġifieri l-ommissjoni ta’ bażi legali fost l-oħrajn imsemmija) kien żball purament formali, li ma kienx jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni. Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (WRC‑15) (C‑687/15, EU:C:2017:803), għalkemm enfasizzat l-importanza kostituzzjonali tal-bażijiet legali ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attent li tivverifika li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dik il-kawża, l-irregolarità inkwistjoni seta’ jkollha effett fuq il-kompetenzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u fuq ir-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċedura marbuta mal-adozzjoni tal-att ikkontestat ( 36 ). B’mod partikolari, fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, filwaqt li kkonstatat li l-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għal bażi legali hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-annullament tal-att inkwistjoni minħabba nuqqas li tingħata motivazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu osservat li n-nuqqas li jsir riferiment għal dispożizzjoni speċifika tat-Trattat – f’sitwazzjoni fejn jissemmew oħrajn – jista’, f’ċerti każijiet, ma jikkostitwixxix difett sostanzjali.

51.

F’dan il-każ, huwa minnu li d-diversi bażijiet legali msemmija fil-parti (a) tal-ewwel domanda, jiġifieri l-Artikoli 78(2) TFUE, 82(2) TFUE, 83(1) TFUE u 84 TFUE, jipprevedu l-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u ser iwasslu kollha għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jiġi konkluż ftehim ibbażata fuq l-istess proċedura, jiġifieri l-proċedura prevista fl-Artikolu 218(6)(a)(v) u (8) TFUE.

52.

Huwa minnu, minn naħa, li l-Artikoli 82(3) TFUE u 83(3) TFUE jipprevedu l-possibbiltà għal Stat Membru li jqis li att li jaqa’ taħt dawn il-bażijiet legali jaffettwa aspetti fundamentali tas-sistema legali tiegħu, li jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kunsill Ewropew. Min-naħa l-oħra, dawn il-bażijiet jaqgħu fil-qasam li għalih jistgħu japplikaw il-Protokolli Nru 21 u Nru 22 tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE.

53.

Madankollu, l-ewwel, peress li t-tressiq tal-kwistjoni quddiem il-Kunsill Ewropew għandu biss l-effett li jissospendi l-proċedura leġiżlattiva, din il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jressqu l-każ quddiem il-Kunsill Ewropew ma tidhirx li hija ta’ natura tali li hija irrikonċiljabbli mal-proċeduri previsti fl-Artikoli 78 TFUE u 84 TFUE. It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Protokolli Nru 21 u Nru 22 ma jista’ jkollhom l-ebda effett fuq il-kwistjoni ta’ liema huma l-bażijiet legali korretti li għandhom japplikaw ( 37 ). Din il-fehma kienet reċentement ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-Protokoll Nru 22, fl-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592) ( 38 ).

54.

Essenzjalment, għalhekk, għalkemm jista’ ċertament ikollhom impatt fuq ir-regoli dwar il-votazzjoni li għandhom jiġu segwiti fi ħdan il-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni, dawn il-protokolli ma għandhomx impatt fuq l-għażla tal-bażijiet legali ta’ dan l-att ( 39 ). Tabilħaqq, il-fatt li parti minn att taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE jwassal ċertament sabiex id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan l-att ma jkunux vinkolanti, ħlief f’każijiet partikolari, għall-Irlanda jew għar-Renju tad-Danimarka. Madankollu, dan fih innifsu ma jfissirx li l-qasam ikkonċernat mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE għandu jitqies li huwa predominanti, bl-effett li tkun obbligatorja l-indikazzjoni tal-bażijiet legali korrispondenti. Dan ifisser biss li r-regoli dwar il-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill previsti f’dawn il-protokolli jkollhom jiġu segwiti meta jiġu adottati d-dispożizzjonijiet ikkonċernati, anki jekk ma jissemmew ebda bażijiet legali li jirreferu għat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE.

55.

F’dan il-kuntest, wieħed jista’ għalhekk raġonevolment jistaqsi jekk il-parti (a) tal-ewwel domanda hijiex fil-fatt intiża li tiġi ddeterminata d-delimitazzjoni preċiża bejn il-kompetenzi tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri. Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, dan ikun ifisser li din il-parti tad-domanda taqa’ barra mill-portata tal-proċedura għal opinjoni bbażata fuq l-Artikolu 218(11) TFUE.

56.

Madankollu, jista’ jiġi osservat li, sabiex tingħata risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda, ser ikun meħtieġ li jiġu eżaminati mhux biss il-bażijiet legali msemmija mill-Parlament fid-domanda tiegħu, iżda wkoll il-kwistjoni ta’ jekk xi bażi legali oħra għandhiex tiġi inkluża fl-imsemmija deċiżjoni li jiġi konkluż ftehim. Peress li ma jistax jiġi eskluż li bażi legali oħra għajr dawk imsemmija mill-Parlament tista’ tkun rilevanti, lanqas ma jista’ jiġi eskluż li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula jista’ jkollha impatt fuq il-validità tad-deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul ( 40 ). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda raġuni sabiex il-parti (a) tal-ewwel domanda tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li tikkonċerna kwistjonijiet li ma humiex marbuta mal-validità tad-deċiżjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

57.

Fir-rigward tal-parti (b) tal-ewwel domanda u tat-tieni domanda, minbarra l-fatt li dawn id-domandi bl-ebda mod ma jikkonċernaw id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, jiena nqis, fi kwalunkwe każ, li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma wettqet eżami fil-fond ta’ jekk dawn l-obbligi jistax ikollhom influwenza fuq il-kontenut tad-deċiżjoni li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, dawn id-domandi għandhom jingħataw risposta, preċiżament sabiex tingħata deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet ( 41 ).

58.

Madankollu, għall-kuntrarju tal-pożizzjoni sostnuta minn ċerti partijiet, it-tieni domanda ma tistax tiġi rriformulata bħala domanda li tikkonċerna biss il-kwistjoni ta’ jekk il-Kunsill huwiex intitolat jistenna sakemm l-Istati Membri kollha jkunu kkonkludew il-Konvenzjoni ta’ Istanbul ( 42 ). Fil-fatt, anki jekk tali prassi titqies li hija inkompatibbli mat-Trattati, dan il-fatt ma jwassalx għan-nullità tad-deċiżjoni li tiġi konkluża din il-konvenzjoni minħabba li, kif diġà għidt, dewmien f’dan ir-rigward ma huwiex, bħala prinċipju, raġuni għal invalidità. Sabiex jiġu ssodisfatti l-kriterji ta’ ammissibbiltà, din id-domanda għandha neċessarjament tinftiehem eżattament kif ġiet ifformulata, jiġifieri fis-sens li tikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tkunx kompatibbli mat-Trattati jekk tiġi adottata qabel din il-konvenzjoni tkun ġiet konkluża mill-Istati Membri kollha.

59.

Għaldaqstant, inqis li d-domandi kollha magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Parlament għandhom jitqiesu li huma ammissibbli, ħlief għall-parti (b) tal-ewwel domanda, iżda biss sa fejn tikkonċerna d-deċiżjoni li tiġi ffirmata l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

IV. Fuq il-parti (a) tal-ewwel domanda: il-bażijiet legali adatti fir-rigward tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

60.

Permezz tal-parti (a) tal-ewwel domanda tiegħu, il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar jekk l-Artikoli 82(2) TFUE u 84 TFUE humiex il-bażijiet legali adatti għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni jew jekk dan l-att għandux ikun ibbażat fuq l-Artikoli 78(2) TFUE, 82(2) TFUE u 83(1) TFUE.

61.

Il-Parlament josserva li l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-proposta tagħha għal deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul isemmu l-Artikolu 218 TFUE bħala bażi legali proċedurali, u l-Artikoli 82(2) TFUE u 84 TFUE bħala bażijiet legali sostantivi. Madankollu, meta l-Kunsill adotta d-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Kunsill emenda dawn il-bażijiet legali sostantivi u rrefera għall-Artikoli 78(2) TFUE, 82(2) TFUE u 83(1) TFUE.

62.

Fid-dawl tal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li – kif jindikaw b’mod ċar id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 5 u 7, u l-Kapitoli III u IV tagħha – huma li jiġu protetti n-nisa li huma l-vittmi ta’ vjolenza u li tiġi evitata tali vjolenza, il-Parlament jistaqsi jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun tidentifika l-Artikoli 82(2) TFUE u 84 TFUE bħala ż-żewġ elementi predominanti ta’ din il-konvenzjoni. Id-dubju tal-Parlament huwa għalhekk jekk il-Kunsill jistax jabbanduna l-Artikolu 84 TFUE bħala bażi legali sostantiva u, minflok, iżid l-Artikoli 78(2) TFUE u 83(1) TFUE, kif għamel meta adotta d-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

63.

Il-Parlament għandu dubji b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 78(2) TFUE, sa fejn din il-bażi legali tkopri biss l-Artikoli 60 u 61 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Il-Parlament jistaqsi jekk dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħux jitqiesu bħala element awtonomu u predominanti ta’ din il-konvenzjoni, jew jekk l-Artikoli 60 u 61 ta’ din il-konvenzjoni humiex sempliċement it-traspożizzjoni, fil-qasam speċifiku tal-ażil, tal-preokkupazzjoni ġenerali li jiġu protetti n-nisa kollha li jkunu vittmi ta’ vjolenza. Jekk dan ikun il-każ, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ikunu ta’ natura anċillari u ma jkunux jeħtieġu ż-żieda ta’ bażi legali speċifika.

64.

Fir-rigward tal-Artikolu 83(1) TFUE, il-Parlament josserva li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Unjoni kompetenza f’materji kriminali f’ċerti oqsma biss, li ma jinkludux il-vjolenza kontra n-nisa bħala tali. Għaldaqstant, tali vjolenza tista’ tiġi kkriminalizzata fuq il-livell tal-Unjoni meta tikkonċerna t-traffikar ta’ bnedmin, l-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal, u l-kriminalità organizzata, li bħala tali huma fil-mira prinċipali tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Barra minn hekk, peress li l-Istati Membri żammew kompetenza fir-rigward tal-parti l-kbira tad-dritt kriminali sostantiv kopert mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul u peress li l-elementi li fir-rigward tagħhom għandha kompetenza l-Unjoni jidhru li huma ta’ natura sekondarja, l-addizzjoni ta’ bażi legali speċifika marbuta mad-dritt kriminali ma tkunx meħtieġa.

65.

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel domanda tikkonċerna l-għażla tal-bażijiet legali u mhux, kif jistgħu jissuġġerixxu ċerti argumenti żviluppati minn uħud mill-partijiet, in-natura esklużiva jew mhux esklużiva tal-kompetenza tal-Unjoni li tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Huwa minnu li n-natura esklużiva jew mhux esklużiva ta’ ċerti kompetenzi ser tiġi eżaminata, iżda biss sa fejn huwa meħtieġ sabiex tingħata risposta għal din id-domanda. F’dan ir-rigward, jista’ jkun f’loku li jsiru ċerti kummenti dwar l-għażla tal-metodi qabel ma jiġi eżaminat il-kontenut tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

A.   Kummenti dwar il-metodoloġija

66.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażijiet legali għal att tal-Unjoni, inkluż att adottat sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludu l-għan u l-kontenut ta’ din il-miżura ( 43 ).

67.

Jekk minn eżami ta’ att tal-Unjoni jirriżulta li dan l-att għandu għan doppju jew li dan l-att fih żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak prinċipali, filwaqt li l-ieħor ikun biss inċidentali, l-att għandu jiġi bbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti ( 44 ).

68.

B’mod eċċezzjonali, jekk jiġi stabbilit li l-att, b’mod simultanju, isegwi diversi għanijiet jew għandu diversi komponenti li huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin, mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, b’tali mod li jkunu applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati, tali miżura jkollha tiġi bbażata fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti ( 45 ). Madankollu, l-użu ta’ żewġ bażijiet legali ma huwiex possibbli meta l-proċeduri stabbiliti fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-bażijiet legali jkunu inkompatibbli ma’ xulxin ( 46 ).

69.

B’hekk, huma l-għanijiet u l-komponenti ta’ att li jiddeterminaw il-bażi legali tiegħu – jew, f’ċerti każijiet, id-diversi bażijiet legali tiegħu – u mhux in-natura esklużiva jew kondiviża tal-kompetenzi tal-Unjoni fir-rigward ta’ dan l-att ( 47 ). Kif nipproponi li nispjega iktar ’il quddiem, huwa minnu li n-natura esklużiva jew kondiviża ta’ dawn il-kompetenzi jista’ ċertament ikollha, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, influwenza fuq il-portata tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali u għalhekk ser tiddelimita l-bażijiet legali disponibbli. Madankollu, l-għażla tal-bażijiet legali li għandhom jintużaw minn fost dawk li jikkorrispondu għall-kompetenzi eżerċitati ser tiddependi biss mill-għanijiet u mill-komponenti tal-att inkwistjoni.

70.

Kif osservat l-Avukat Ġenerali Kokott, tali approċċ ma għandux jiġi applikat għad-delimitazzjoni tal-kompetenzi miżmuma rispettivament mill-Unjoni u mill-Istati Membri. Fil-fatt, “[j]ekk […] [l-Unjoni] tkun kompetenti biss għal ċerti komponenti ta’ azzjoni li tkun ipprovdiet hija stess, filwaqt li l-komponenti l-oħra jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri […] [l-Unjoni] ma tistax, b’referenza għall-komponent predominanti, tiddikjara f’daqqa waħda li hija kompetenti rigward l-azzjoni kollha. B’hekk tkun qed iġġib fix-xejn il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi […]” ( 48 ).

71.

Preokkupazzjonijiet simili jistgħu jitqajmu fir-rigward tad-determinazzjoni, fost il-kompetenzi miżmuma mill-Unjoni, ta’ dawk li fuqhom għandha tkun ibbażata l-adozzjoni tal-att inkwistjoni u, għalhekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bażijiet legali rilevanti li fuqhom għandu jiġi adottat att. It-test taċ-ċentru tal-gravità jwassal sabiex il-proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta’ att tiġi ddeterminata biss abbażi tal-bażijiet legali prinċipali. B’hekk, intrinsikament, dan l-approċċ jimplika li wieħed ifittex biss il-kompetenza prinċipali li tkun qiegħda tiġi eżerċitata. Huwa għalhekk importanti li b’dan il-mod ma jiġux evitati garanziji proċedurali essenzjali li jkunu inerenti għall-eżerċizzju ta’ ċerti kompetenzi oħra, bħal votazzjoni unanima fi ħdan il-Kunsill. Tabilħaqq, filwaqt li dispożizzjoni legali setgħet kienet ġiet adottata obbligatorjament fuq il-bażi ta’ bażi legali partikolari li kieku kienet adottata waħedha, jekk tiġi inkluża f’att li jinkludi dispożizzjonijiet oħra, din id-dispożizzjoni tkun tista’ tiġi adottata fuq bażi legali differenti – li, pereżempju, tipprovdi għal regola dwar il-votazzjoni differenti. Dan jista’ jwassal, fil-fatt, għal strateġija intiża li jiġu introdotti dispożizzjonijiet addizzjonali (imsejħa wkoll “legal rider” jew “cavalier législatif”) ( 49 ).

72.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet sistematikament riferiment għat-test tal-“għanijiet u tal-komponenti predominanti” (imsejjaħ ukoll it-“test taċ-ċentru tal-gravità”) fil-ġurisprudenza eżistenti. Pereżempju, fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 38) il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li jekk “deċiżjoni tinkludi numru ta’ komponenti jew jekk tkun trid tilħaq numru ta’ għanijiet, li wħud minnhom ikunu jaqgħu taħt il-[politika estera u ta’ sigurtà komuni], ir-regola ta’ vot applikabbli għall-adozzjoni tagħha għandha tiġi ddeterminata fir-rigward tal-għan jew tal-komponenti prinċipali jew predominanti tagħha”. B’hekk, filwaqt li att jista’ jkollu diversi għanijiet u jista’ jirrikjedi l-“mobilizzazzjoni” ta’ diversi kompetenzi, il-bażi legali li fuqha tkun ibbażata l-adozzjoni tiegħu ma hijiex ser tirrifletti l-kompetenzi kollha eżerċitati sabiex jiġi adottat dan l-att iżda biss dik jew dawk il-kompetenzi li jikkorrispondu għall-għan(ijiet) jew komponent(i) prinċipali tal-att ( 50 ). Barra minn hekk, ir-riskju li jiġu evitati ċerti regoli proċedurali, imsemmi iktar ’il fuq, tnaqqas wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li naqqas b’mod kunsiderevoli l-karatteristiċi partikolari ta’ ċerti proċeduri.

73.

Huwa minnu li, f’ċerti sentenzi, bl-ewwel waħda tkun dik tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑94/03, EU:C:2006:2, punt 55), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li bażi legali setgħet isservi mhux biss sabiex tiġi ddeterminata l-proċedura applikabbli u sabiex jiġi vverifikat li l-Unjoni kellha fil-fatt, minn tal-inqas parzjalment, il-kompetenza li tiffirma l-ftehim inkwistjoni, iżda setgħet isservi wkoll sabiex tinforma lil terzi dwar il-portata tal-kompetenza tal-Unjoni eżerċitata ( 51 ) u dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att inkwistjoni ( 52 ). Għaldaqstant, jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li, minn din il-linja ta’ ġurisprudenza tinsilet il-konklużjoni li, bażijiet legali ta’ att, sabiex jaqdu dan ir-rwol, għandhom jirriflettu l-kompetenzi kollha eżerċitati mill-Unjoni sabiex tadotta l-att inkwistjoni. B’mod partikolari, tali approċċ jista’ jidher li huwa ġġustifikat meta ftehim internazzjonali jaqa’ taħt diversi kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, peress li l-Unjoni tista’ tiddeċiedi li ma teżerċitax uħud mill-kompetenzi tagħha, li għalhekk ikun ifisser li jkunu l-Istati Membri li jkollhom jimplimentaw id-dispożizzjoni(jiet) korrispondenti ta’ dan il-ftehim ( 53 ).

74.

Madankollu, tali approċċ jista’ ma jaqbilx mal-approċċ adottat sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevita kwalunkwe kunflitt ta’ bażijiet legali ( 54 ). Pereżempju, fl-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592) – fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni li tiġi awtorizzata l-konklużjoni mill-Unjoni tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni għandu jkollha żewġ bażijiet legali – il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal darba oħra għall-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq ( 55 ).

75.

Barra minn hekk, filwaqt li huma, naturalment, ta’ importanza fundamentali għall-ordinament intern tal-Unjoni (u għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha), dawn il-kwistjonijiet ma humiex ta’ interess dirett għal Stat terzi peress li, skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), konvenzjoni li tikkodifika d-dritt internazzjonali konswetudinarju u li hija vinkolanti għall-Unjoni ( 56 ), Partijiet fi ftehim internazzjonali, kemm jekk ikunu Stat u kemm jekk ikunu organizzazzjoni internazzjonali, ma jistgħux jinvokaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħhom bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas tagħhom li jeżegwixxu trattat ( 57 ).

76.

Fir-rigward tal-Istati Membri, għalkemm huwa minnu li jista’ jkun ta’ interess għalihom li jkollhom għarfien sħiħ tal-portata tal-kompetenzi eżerċitati mill-Unjoni fil-mument tal-konklużjoni ta’ ftehim, il-bażijiet legali ta’ att ma humiex l-uniku mezz sabiex tingħata din l-informazzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li tingħata motivazzjoni, previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandu jiġi evalwat b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att fl-intier tiegħu ( 58 ), b’mod partikolari fid-dawl tal-premessi tiegħu ( 59 ). Għaldaqstant, filwaqt li huwa importanti li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeterminaw liema setgħat kienu eżerċitati mill-Unjoni meta kkonkludiet ftehim partikolari, il-fatt li din l-informazzjoni ma tkunx tista’ tinsilet mill-bażijiet legali effettivament magħżula bħala l-bażi għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni ta’ tali ftehim ma jidhirx li huwa deċiżiv.

77.

F’dan il-kuntest, għalkemm hemm ħafna x’jingħad dwar l-argument li l-bażi legali ta’ att għandha tirrifletti b’mod leali l-kompetenzi eżerċitati mill-Unjoni sabiex tadotta dan l-att, jista’ xorta waħda jiġi osservat li tali approċċ ma jkunx kompletament konsistenti mal-pożizzjoni tal-ġurisprudenza ( 60 ).

78.

Għaldaqstant, nipproponi li, fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, insegwi l-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li, meta att isegwi diversi għanijiet jew ikollu diversi komponenti, dan l-att għandu jkun ibbażat, bħala prinċipju, fuq bażi legali waħda u, eċċezzjonalment, fuq diversi bażijiet legali bħal dawn. Dawn il-bażijiet legali għandhom ikunu dawk li huma meħtieġa mill-għanijiet jew mill-komponenti predominanti tal-ftehim internazzjonali jew, minn tal-inqas, minn dawk prinċipali. Minn dan isegwi li huwa irrilevanti jekk fl-adozzjoni tal-att inkwistjoni kinux eżerċitati kompetenzi oħra sakemm dawn il-kompetenzi l-oħra jikkonċernaw għanijiet jew komponenti li huma essenzjalment anċillari jew inċidentali.

79.

Għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq, l-għanijiet u l-komponenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma dawk tal-att tal-Unjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, huma l-għanijiet u l-kontenut preċiż tad-deċiżjoni li tawtorizza tali konklużjoni, u mhux il-ftehim internazzjonali fih innifsu, li ser ikunu deċiżivi fid-determinazzjoni tal-bażijiet legali li għandhom jintużaw.

80.

Huwa minnu li, fil-prattika, l-għan u l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni ser ikunu, fil-parti l-kbira tagħhom, l-istess bħal dawk tal-ftehim maħsub, sa fejn tali att huwa min-natura tiegħu stess intiż li jikkonferma l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta minn dan il-ftehim ( 61 ). Madankollu, dan mhux dejjem ikun il-każ. Fil-fatt, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li hemm differenza sinjifikattiva fil-perspettivi bejn id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni dwar dan, punt li huwa kruċjali għal dan il-każ.

81.

Mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, fil-każ ta’ ftehimiet imħallta, l-Unjoni u l-Istati Membri huma meqjusa li jaċċedu għal dawn il-ftehimiet b’mod konġunt u mhux b’mod parallel ( 62 ). Għaldaqstant, sakemm ma ssirx riżerva dwar id-distribuzzjoni tal-kompetenzi – li teħtieġ li l-ftehim ma jeskludix tali possibbiltà – il-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim toħloq obbligu għall-Unjoni li tapplikah fl-intier tiegħu ( 63 ). Kwistjonijiet bħall-bażijiet legali magħżula sabiex jiġi konkluż tali ftehim jew in-natura mħallta tal-ftehim huma meqjusa bħala kwistjonijiet interni għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 64 ), li fihom innifishom ma jistgħux jeskludu responsabbiltà fuq livell internazzjonali fil-każ ta’ nuqqas mhux iġġustifikat ta’ eżekuzzjoni ( 65 ).

82.

Madankollu, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, meta l-Unjoni taċċedi għal konvenzjoni internazzjonali, hija tagħmel dan fil-limiti tal-kompetenzi eżerċitati sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni li jiġi konkluż dan il-ftehim ( 66 ). Għalkemm huwa minnu li l-Unjoni għandha teżerċita l-kompetenza esterna esklużiva tagħha, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Unjoni ma hijiex obbligata teżerċita l-kompetenzi kondiviżi tagħha meta tikkonkludi ftehim ( 67 ). Għaldaqstant, skont il-kompetenzi kondiviżi li l-Unjoni tagħżel li teżerċita f’din l-okkażjoni, iċ-“ċentru tal-gravità”tad-deċiżjoni li jiġi konkluż il-ftehim jista’ jiċċaqlaq, bil-konsegwenza li jinbidlu l-bażijiet legali applikabbli. Pereżempju, bażi legali li tirrifletti kompetenza esklużiva tista’ għalhekk tisfa ta’ inqas importanza, sa ċertu punt, meta mqabbla ma’ bażi legali oħra li tirrifletti kompetenza kondiviża li l-Unjoni tkun għażlet li teżerċita.

83.

Peress li d-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali f’isem l-Unjoni jista’ jkollha għan u kontenut iktar restrittivi minn dawk ta’ dan il-ftehim, din id-deċiżjoni jista’ jkollha tiġi adottata skont bażi legali waħda f’sitwazzjoni fejn, pereżempju, li kieku l-Unjoni eżerċitat il-kompetenzi kollha li sa dak il-mument kienu kondiviżi mal-Istati Membri, l-użu ta’ żewġ bażijiet legali jew iktar seta’ kien neċessarju, peress li din id-deċiżjoni setgħet b’hekk tkopri xi għanijiet u komponenti importanti oħra.

84.

Barra minn hekk, meta l-Unjoni tagħżel li ma teżerċitax il-kompetenza li kienet tkopri l-għanijiet u l-komponenti prinċipali tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni, ċerti għanijiet u kompetenzi li kien jitqiesu, mill-perspettiva tad-deċiżjoni li tawtorizza din il-konklużjoni, bħala inċidentali, ser isiru predominanti. Huwa għalhekk li fil-fehma tiegħi huwa importanti li ssir distinzjoni bejn l-għanijiet u l-komponenti tal-ftehim u dawk tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, li jistgħu jkunu iktar limitati.

85.

Din hija l-kwistjoni ewlenija f’dan il-każ sa fejn jidher ċar li l-pożizzjoni tal-Kunsill hija li l-Unjoni għandha tipproċedi biss għal konklużjoni parzjali tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Huwa għalhekk xieraq li, minflok il-Konvenzjoni ta’ Istanbul fl-intier tagħha, jitqiesu biss dawk il-partijiet ta’ din il-konvenzjoni li, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

86.

Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, din hija kwistjoni li ma tqajjimx xi diffikultà partikolari peress li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha ex post, ladarba l-att leġiżlattiv inkwistjoni jkun ġie adottat u, għalhekk, ladarba l-kompetenzi eżerċitati jkunu magħrufa.

87.

Madankollu, fil-kuntest ta’ talba għal opinjoni, fejn, bħal f’dan il-każ, ikun għadu ma hemmx abbozz ta’ deċiżjoni, il-fatt li l-Kunsill jista’ jeżerċita numru ikbar jew iżgħar ta’ kompetenzi kondiviżi jista’ jagħmel id-determinazzjoni tal-bażijiet legali xi ftit iktar kumplessa, jekk mhux ukoll impossibbli, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tindirizza l-kwistjoni b’mod prospettiv.

88.

Huwa minnu li jista’ jidher f’loku li wieħed jibda billi jeżamina, fir-rigward ta’ kull parti tal-ftehim, jekk dan il-ftehim jaqax fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, sa fejn dawn il-kompetenzi ser ikollhom jiġu eżerċitati neċessarjament mill-Unjoni. Madankollu, ladarba titwettaq din l-analiżi, kif jista’ jiġi ddeterminat x’ser ikun iċ-ċentru ta’ gravità tad-deċiżjoni li jiġi konkluż dan il-ftehim peress li, kif spjegat iktar ’il fuq, dan iċ-ċentru ser jiddependi wkoll mill-kompetenzi kondiviżi emendati li l-Unjoni ser tagħżel volontarjament li teżerċita? Fil-fatt, sakemm il-Kunsill ma jkunx diġà vvota fuq abbozz ta’ deċiżjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx saritilha domanda fl-istess ħin mat-trażmissjoni ta’ dan l-abbozz lill-Parlament, il-portata tal-kompetenzi kondiviżi li ser ikunu eżerċitati ma tistax tkun preżunta ( 68 ).

89.

Fil-fehma tiegħi, f’din is-sitwazzjoni speċifika ħafna – li tinvolvi kwistjoni li sa issa qatt ma ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja – huwa meħtieġ li mit-talba (jew, minn tal-inqas, miċ-ċirkustanzi tal-każ) jiġu identifikati liema huma l-kompetenzi kondiviżi partikolari li huwa l-iktar probabbli li ser jiġu eżerċitati mill-Unjoni. Fl-assenza ta’ dan, kif diġà spjegajt fil-parti ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-ammissibbiltà, ma narax kif il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun tista’ tagħti deċiżjoni, kif qiegħed jitlob il-Parlament, dwar fuq liema bażi legali għandha tkun ibbażata d-deċiżjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul ( 69 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, madankollu, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tkun valida biss, għalhekk, jekk ix-xenarju kkunsidrat effettivament jimmaterjalizza.

90.

F’dan il-każ, mill-formulazzjoni tad-domanda magħmula mill-Parlament jidher ċar li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li, għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-Unjoni ser teżerċita, minn tal-inqas, il-kompetenzi li għandha fl-oqsma, l-ewwel, tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, it-tieni, tal-ażil u l-immigrazzjoni. Ir-rilevanza ta’ din il-premessa hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-kontenut tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li, minkejja l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jistgħu jitqiesu bħala li jantiċipaw, sa ċertu punt, il-kompetenzi li ser jiġu eżerċitati fil-mument tal-konklużjoni.

91.

Madankollu, tali premessa għandha tkun, minn tal-inqas, kompatibbli mad-distribuzzjoni attwali tal-kompetenzi. Dan jeħtieġ evalwazzjoni ta’ jekk, minbarra dawn il-kompetenzi, il-ftehim jikkonċernax kompetenzi oħra tal-Unjoni li jkun meħtieġ li jiġu eżerċitati għaliex huma esklużivi. Kif diġà spjegajt, dan jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni mhux biss tal-kompetenzi li l-Unjoni jkollha l-intenzjoni teżerċita, iżda wkoll il-kompetenzi li, minħabba li jappartjenu esklużivament lill-Unjoni, ser ikollhom neċessarjament jiġu eżerċitati jekk l-Unjoni tixtieq tikkonkludi dan il-ftehim.

92.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) TFUE jistabbilixxi l-lista ta’ kompetenzi li huma, min-natura tagħhom, esklużivi. Minbarra din il-lista, l-Artikolu 3(2) TFUE jispeċifika li “[l]-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġislattiv ta’ l-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom” ( 70 ).

93.

Kif joħroġ b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm riskju li regoli komuni tal-Unjoni jintlaqtu b’mod negattiv minn impenji internazzjonali, jew li jinbidel il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, liema riskju jkun ta’ natura tali li jiġġustifika kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni, meta dawn l-impenji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ( 71 ).

94.

Sabiex jiġi kkonstatat li hemm tali riskju ma huwiex meħtieġ li l-qasam kopert mill-impenji internazzjonali jikkoinċidi kompletament mal-qasam kopert mir-regoli tal-Unjoni ( 72 ). B’mod partikolari, tali impenji internazzjonali jistgħu jolqtu r-regoli tal-Unjoni jew jibdlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom meta l-impenji jaqgħu f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli ( 73 ).

95.

Għall-kuntrarju tal-argument tal-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li għandu jiġi adottat approċċ olistiku sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Unjoni għandhiex kompetenza esklużiva jew kondiviża fl-oqsma koperti minn ftehim. Għall-kuntrarju, peress li l-Unjoni għandha biss kompetenzi attribwiti, kull kompetenza, speċjalment kompetenza esklużiva, għandha tkun ibbażata fuq konklużjonijiet misluta minn analiżi komprensiva u ddettaljata tar-relazzjoni bejn il-ftehim internazzjonali maħsub u d-dritt tal-Unjoni fis-seħħ ( 74 ).

96.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim jistax jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u konsistenti ta’ xi regoli komuni tal-Unjoni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita minnhom, din l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-oqsma koperti mir-regoli tal-Unjoni u mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim maħsub li ser jorbtu lill-Unjoni, peress li jikkorrispondu għal kompetenzi li l-Unjoni għażlet li teżerċita fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiġi konkluża din il-konvenzjoni, kif ukoll l-iżvilupp prevedibbli futur ta’ dawn ir-regoli u ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 75 ).

97.

Sa fejn huma kkonċernati dawn il-kwistjonijiet, l-Irlanda targumenta li l-Parlament, fit-talba tiegħu, ma wettaqx analiżi komprensiva u ddettaljata tal-impatt tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fuq id-dritt sekondarju tal-Unjoni ( 76 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet ta’ tali analiżi, hija l-parti kkonċernata li għandha tipproduċi provi sabiex tistabbilixxi n-natura esklużiva tal-kompetenza esterna tal-Unjoni li fuqha jkollha l-intenzjoni tibbaża ruħha ( 77 ).

98.

Madankollu, huwa sinjifikattiv il-fatt li r-raġunament ta’ din il-linja ta’ ġurisprudenza sar f’sentenzi mogħtija fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet intalbet tiddeċiedi fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet skambjati bejn partijiet differenti. Dan ir-rekwiżit ma japplikax fil-proċedura ta’ talba għal opinjoni, li hija kkaratterizzata minn spirtu ta’ kollaborazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u l-Istati Membri u li l-għan tagħha huwa li jiġi evitat li jqumu kumplikazzjonijiet fi stadju ulterjuri ( 78 ). Fil-fatt, peress li l-proċedura hija kemm ex ante kif ukoll mhux kontenjzuża, argumenti bbażati fuq is-sistema ta’ stħarriġ kontenzjuż u ex post li tapplika fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ftit huma rilevanti f’dan il-kuntest. Għaldaqstant, inqis li l-fatt li l-Parlament ma wettaqx analiżi komprensiva u ddettaljata tal-impatt tal-Konvenzjoni fuq id-dritt sekondarju tal-Unjoni ma huwiex, fih innifsu, materjali u li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq tali analiżi.

99.

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-adozzjoni ta’ ftehim internazzjonali ma tolqotx regoli komuni meta kemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u dawk tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni jistabbilixxu rekwiżiti minimi ( 79 ). Għaldaqstant, anki meta ftehim internazzjonali jkopri l-istess oqsma bħal regoli komuni tal-Unjoni, din il-ġurisprudenza tissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex ser tikkonstata li r-regoli tal-Unjoni – u għalhekk il-kompetenzi kondiviżi – huma milquta f’sitwazzjoni fejn it-tnejn li huma jipprevedu standards minimi ( 80 ).

100.

Fil-każ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-Artikolu 73 jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma għandhomx jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet ta’ strumenti internazzjonali vinkolanti u l-liġi interna li huma diġà fis-seħħ jew li jistgħu jidħlu fis-seħħ, skont liema drittijiet aktar favorevoli huma jew jistgħu jingħataw lil persuni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika”.

101.

F’dan il-kuntest, għalhekk, sabiex kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri titqies li hija waħda esklużiva (jiġifieri kompetenza li l-Kunsill ser ikun obbligat jeżerċita), ikun meħtieġ li jiġi stabbilit li l-Unjoni diġà adottat regoli komuni f’dan il-qasam li, l-ewwel, ma jistabbilixxux standards minimi u, it-tieni, li dawn l-istandards jistgħu jintlaqtu mill-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

102.

Fir-rigward taż-żewġ deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, huwa possibbli li wieħed ikollu dubji dwar jekk il-Kunsill kienx korrett meta qies li l-Unjoni ser tkun obbligata teżerċita dawn il-kompetenzi bis-saħħa tat-tielet sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE.

103.

Minn naħa, kif enfasizzat ir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikoli 82(3) TFUE u 83(1) TFUE, li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, jipprovdu sempliċement għall-adozzjoni ta’ regoli minimi. Għaldaqstant, ir-regoli komuni adottati f’dan il-qasam jistgħu jistabbilixxu, b’mod validu, standards minimi biss.

104.

Min-naħa l-oħra, sa fejn huwa kkonċernat l-Artikolu 78(2) TFUE, li jagħti lill-Unjoni kompetenza fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni, jidher, prima facie, li r-regoli komuni adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni jistabbilixxu biss regoli minimi jew, meta dan ma huwiex il-każ, dawn ir-regoli, fil-fehma tiegħi, ma humiex ta’ natura li jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

105.

F’dan ir-rigward, għandu fil-fatt jiġi osservat li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tinkludi tliet dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti għall-politika tal-ażil u tal-immigrazzjoni, jiġifieri l-Artikoli 59 sa 61 tagħha, li jagħmlu parti mill-Kapitolu VII ta’ din il-konvenzjoni.

106.

Fir-rigward tal-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li jikkonċerna l-istatus ta’ residenza ta’ nisa li jkunu vittmi ta’ vjolenza, ir-regoli stabbiliti mill-Unjoni dwar ir-residenza jipprevedu biss rekwiżiti minimi ( 81 ). B’mod partikolari, kif indika l-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:174, punt 64), id-Direttiva 2004/38 ( 82 ) tintroduċi armonizzazzjoni minima peress li hija intiża b’mod partikolari li tirrikonoxxi dritt ta’ residenza għall-membri tal-familja ta’ resident tal-Unjoni f’ċerti sitwazzjonijiet, mingħajr ma teskludi li dritt ta’ residenza jista’ jingħata f’każijiet oħra.

107.

Huwa minnu wkoll li ċerti sentenzi dwar id-Direttiva 2004/38, bħas-sentenzi NA ( 83 ) jew Diallo ( 84 ), setgħu ħolqu dubji dwar in-natura minima ta’ wħud mir-rekwiżiti li jinsabu f’din id-direttiva. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jitqiesu fil-kuntest speċifiku tagħhom. Fil-fatt, peress li, fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali jew sabiex tapplika d-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, meta tagħti d-deċiżjoni tagħha hija dejjem tagħmel dan b’riferiment għas-sitwazzjoni deskritta fid-domanda jew domandi magħmula, li jafu jkopru biss ċerti aspetti tat-tilwima. Għaldaqstant, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ssirilha domanda dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari ta’ direttiva, anki meta din id-direttiva tipprovdi li hija tistabbilixxi biss standards minimi, il-Qorti tal-Ġustizzja ħafna drabi tieħu pożizzjoni, u dan jiddependi minn kif tkun saret id-domanda dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjoni inkwistjoni irrispettivament mill-possibbiltà tal-Istati Membri li jadottaw standards ogħla ( 85 ). Għaldaqstant, ir-risposta mogħtija f’din it-tip ta’ sitwazzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà tal-Istati li jagħtu, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħhom biss, dritt ta’ dħul u ta’ residenza taħt kundizzjonijiet iktar favorevoli ( 86 ). Għaldaqstant, ladarba jitqiegħdu fil-kuntest tal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni preliminari, is-soluzzjonijiet adottati fis-sentenzi NA ( 87 ) jew Diallo ( 88 ) ma għandhomx jinftiehmu fis-sens li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli joħorġu permess ta’ residenza fil-każijiet li sar riferiment għalihom iżda għandhom jinftiehmu fis-sens li ma jeżiġux lill-Istati Membri jagħmlu dan ( 89 ).

108.

Fir-rigward tal-Artikolu 60(1) tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, dan jipprovdi li l-Partijiet firmatarji għandhom, essenzjalment, jirrikonoxxu li l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kontra n-nisa tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala forma ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Konvenzjoni tal‑1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u bħala forma ta’ offiża gravi li tagħti lok għal protezzjoni komplementari jew sussidjarja.

109.

Hawnhekk ukoll, ċerti direttivi, prinċipalment dawk imsejħa “direttivi tal-ewwel ġenerazzjoni”, jindikaw li huma jistabbilixxu biss regoli minimi ( 90 ). Huwa minnu li d-direttivi li huma iktar reċenti jispeċifikaw li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu standards iktar favorevoli “sakemm dawn l-istandards ikunu kompatibbli ma’ [dawn id-direttivi]” biss, li jista’ jissuġġerixxi li standards iktar favorevoli fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet jistgħu ma jiġux adottati ( 91 ). Madankollu, dawn id-direttivi jagħtu drittijiet jew garanziji proċedurali jew, alternattivament, jobbligaw lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi mingħajr ma jeskludu l-possibbiltà li jingħataw drittijiet jew garanziji proċedurali oħra jew li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra. B’mod partikolari, ebda waħda mir-raġunijiet għall-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat jew għall-waqfien jew għar-revoka tal-protezzjoni sussidjarja stabbiliti f’dawn l-istrumenti ma tidher li hija tali li tista’ tikser id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

110.

Naturalment, id-dritt tal-Unjoni effettivament jarmonizza sa ċertu punt il-kundizzjonijiet sabiex ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr Stat ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-istatus ta’ refuġjat jew ta’ persuni li jeħtieġu tip ieħor ta’ protezzjoni internazzjonali, flimkien mal-kontenut ta’ dan l-istatus ( 92 ). Dawn il-kundizzjonijiet iżda huma tali li jidher li huwa possibbli li jiġu applikati konformement mal-Artikolu 60 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. B’mod partikolari, fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat, nosserva li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 ( 93 ) jiddefinixxi l-kunċett ta’ refuġjat bħala li jirreferi għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx jista’ jew ma jkunx jixtieq jinvoka l-protezzjoni tal-Istat tan-nazzjonalità tiegħu minħabba biża’ ġġustifikat ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet, b’mod partikolari, ta’ “sħubija ta’ grupp soċjali partikolari”, kunċett li huwa ddefinit b’mod wiesa’ ħafna fl-Artikolu 10 tal-istess direttiva bħala li jirreferi b’mod partikolari għal kwalunkwe grupp li l-membri tiegħu “jaqsmu karatteristika innata” ( 94 ). Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li “[a]spetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan”.

111.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 61 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, wieħed jista’ josserva li dan l-artikolu jipprovdi li l-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, obbligu li huwa diġà previst fid-dritt tal-Unjoni ( 95 ).

112.

Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi ma jidhirx li huwa meħtieġ li, f’dan il-każ, tingħata deċiżjoni definittiva dwar jekk l-Unjoni għandhiex, kif iqis il-Kunsill, kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’dawn iż-żewġ oqsma bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) TFUE u għaldaqstant jekk l-Unjoni hijiex obbligata teżerċita l-imsemmija kompetenzi. Fil-fatt, anki jekk jirriżulta li, fl-assenza ta’ kwalunkwe riskju li regoli komuni tal-Unjoni marbuta ma’ dan il-qasam jintlaqtu mill-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, tali kompetenzi jibqgħu kondiviżi, il-Kunsill xorta waħda jibqa’ ħieles li jeżerċitahom, li bħala prinċipju ser ikun il-każ ( 96 ). Kif spjegajt iktar ’il fuq, id-domanda magħmula mill-Parlament hija fil-fatt impliċitament ibbażata fuq il-premessa li l-Unjoni ser teżerċita, minn tal-inqas, il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

B.   Analiżi tal-għanijiet u tal-komponenti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

113.

Skont il-preambolu tagħha, l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huwa li “joħolqu Ewropa ħielsa mill-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika”. Kif jintqal fl-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, il-proċess sabiex jintlaħaq dan l-għan huwa maqsum f’ħames għanijiet sekondarji, jiġifieri:

“a il-protezzjoni tan-nisa kontra kull forma ta’ vjolenza, u l-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;

b kontribuzzjoni għall-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-promozzjoni tal-ugwaljanza sostantiva bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż permezz tal-għoti tas-setgħa lin-nisa;

c it-tfassil ta’ qafas komprensiv, politiki u miżuri għall-protezzjoni u l-assistenza għall-vittmi kollha tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;

d il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali bil-għan li tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;

e tingħata appoġġ u assistenza lil organizzazzjonijiet u aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jikkooperaw sabiex jadottaw approċċ integrat biex tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.”

114.

Fir-rigward tal-kontenut tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, din il-konvenzjoni fiha 81 artikolu maqsuma fi 12‑il kapitolu, li huma intitolati kif ġej:

“Kapitolu I – Għanijiet, definizzjonijiet, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, obbligi ġenerali”;

“Kapitolu II – Politiki integrati u ġbir ta’ dejta”;

“Kapitolu III – Prevenzjoni”;

“Kapitolu IV – Protezzjoni u appoġġ”;

“Kapitolu V – Liġi Sostantiva”;

“Kapitolu VI – L-Investigazzjoni, prosekuzzjoni, id-dritt proċedurali u miżuri protettivi”;

“Kapitolu VII – Migrazzjoni u ażil”;

“Kapitolu VIII – Il-kooperazzjoni internazzjonali”;

“Kapitolu IX – Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ”;

“Kapitolu X – Relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra”;

“Kapitolu XI – Emendi għall-Konvenzjoni”;

“Kapitolu XII – Klawżoli finali”.

115.

Il-Kapitolu I tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fih dispożizzjonijiet dwar l-għanijiet u d-definizzjonijiet u r-relazzjoni ta’ din il-konvenzjoni mal-ugwaljanza u man-nondiskriminazzjoni, kif ukoll ma’ obbligi ġenerali. B’mod partikolari, dan il-kapitolu jiddefinixxi t-terminoloġija ċentrali użata fit-test kollu ( 97 ) u jobbliga lill-Partijiet jikkundannaw il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni billi jiżguraw li l-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jiġi applikat fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom, filwaqt li huwa indikat b’mod ċar li tista’ tittieħed azzjoni pożittiva ( 98 ). Il-Partijiet kollha huma obbligati wkoll jiżguraw li l-atturi Statali jastjenu minn kull att ta’ vjolenza u jeżerċitaw id-diliġenza dovuta sabiex jiġu evitati, investigati u ssanzjonati l-atti ta’ vjolenza mwettqa minn atturi li ma humiex atturi Statali, u li jkun previst kumpens għal tali atti ( 99 ). Fl-aħħar nett, dan il-kapitolu jipprovdi li l-Partijiet għandhom, inter alia, jippromwovu politiki ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-emanċipazzjoni tan-nisa ( 100 ).

116.

Il-Kapitolu II jobbliga lill-Partijiet jimplimentaw politika komprensiva sabiex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, billi jistabbilixxu kooperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha, filwaqt li jinvolvu wkoll, fejn ikun xieraq, l-atturi rilevanti kollha, bħalma huma l-aġenziji governattivi, il-parlamenti u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-istituzzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili ( 101 ). Il-Partijiet huma meħtieġa wkoll jiġbru data statistika diżaggregata rilevanti u għandhom jagħmlu ħilithom sabiex iwettqu stħarriġ imsejjes fuq il-popolazzjoni f’intervalli regolari dwar il-każijiet tal-forom kollha ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ( 102 ).

117.

Il-Kapitolu III jispeċifika l-obbligi tal-Partijiet fil-qasam tal-prevenzjoni. Bażikament, il-Partijiet huma obbligati jieħdu approċċ b’diversi aspetti, li jinkludu s-sensibilizzazzjoni, l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-kwistjoni tal-vjolenza fl-edukazzjoni formali fil-livelli kollha permezz ta’ materjal tat-tagħlim u ta’ curricula adegwati, u l-estensjoni tal-promozzjoni kontra l-vjolenza u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kuntesti ta’ edukazzjoni informali, fl-isports, fil-kultura, fid-divertiment u fil-media ( 103 ). Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-professjonisti li jittrattaw il-vittmi jew l-awturi tal-vjolenza jingħataw taħriġ adegwat ( 104 ). Għandhom jiġu introdotti wkoll miżuri li jistabbilixxu programmi preventivi ta’ intervent u ta’ trattament ( 105 ) u li jinkoraġġixxu lis-settur privat jipparteċipa fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki u fl-elaborazzjoni ta’ standards materjali u volontarji ( 106 ).

118.

Il-Kapitolu IV jiddefinixxi l-obbligi tal-Partijiet fir-rigward tal-protezzjoni u tal-appoġġ tal-vittmi ( 107 ). Dawn l-obbligi jinkludu l-obbligu li tingħata informazzjoni adegwata u fil-ħin dwar is-servizzi ta’ appoġġ disponibbli u dwar miżuri legali f’lingwa li tinftiehem mill-vittmi ( 108 ) u li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ servizzi ġenerali ta’ appoġġ, bħalma huma s-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali, il-konsulenza legali u psikoloġika, l-assistenza finanzjarja, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-għajnuna fit-tfittxija għal impjieg ( 109 ), u ta’ servizzi speċjalizzati, bħalma huma il-postijiet ta’ kenn, il-linji telefoniċi bla ħlas u disponibbli l-ħin kollu, l-appoġġ speċifiku mediku u forensiku għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ xhieda minuri ( 110 ). Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu introdotti miżuri li jinkoraġġixxu r-rappurtar ta’ vjolenza minn kwalunkwe persuna li tkun xhud tat-twettiq ta’ atti ta’ vjolenza jew minn kwalunkwe persuna li jkollha bażi raġonevoli sabiex temmen li tali att jista’ jitwettaq jew li iktar atti vjolenza huma mistennija, kif ukoll regoli dwar il-kundizzjonijiet li fihom ir-rappurtar minn professjonisti ta’ atti vjolenti jew ta’ atti vjolenti mistennija ma jiksirx l-obbligu ġenerali tagħhom li jħarsu l-kunfidenzjalità ( 111 ).

119.

Il-Kapitolu V, dwar il-liġi sostantiva, jinkludi l-iktar dispożizzjonijiet iddettaljati. L-ewwel, dan il-kapitolu jipprovdi li l-Partijiet għandhom jagħtu lill-vittmi rimedji ċivili adegwati kontra l-awturi ta’ vjolenza fiżika jew psikoloġika, inkluż kumpens; għandhom jiżguraw li ż-żwiġijiet furzati jistgħu jkunu annullabbli, annullati jew maħlula mingħajr piżijiet finanzjarji jew amministrattivi żejda fuq il-vittma; u għandhom jiżguraw li, fid-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess ta’ minuri, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-inċidenti ta’ vjolenza koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ( 112 ). It-tieni, dan il-kapitolu jistabbilixxi lista ta’ aġir li jirrikjedi reazzjoni fid-dritt kriminali, jiġifieri l-vjolenza psikoloġija permezz ta’ theddid jew koerċizzjoni, is-segwiment ta’ persuna bil-moħbi, il-vjolenza fiżika, il-vjolenza sesswali, inkluż l-istupru, iż-żwieġ furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-abort furzat jew l-isterilizzazzjoni furzata, u l-fastidju sesswali ( 113 ). Dan il-kapitolu jobbliga wkoll lill-Partijiet jikkriminalizzaw l-għajnuna, il-kompliċità jew l-attentati tar-reati, kif ukoll il-fatt li wieħed iqabbad lil terzi sabiex iwettqu dawn ir-reati ( 114 ). It-tielet, il-Kapitolu V jipprovdi li l-Partijiet għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li l-“unur” ma jkunx jista’ jiġi invokat bħala ġustifikazzjoni għal xi wieħed minn dawn ir-reati ( 115 ) u li r-reati mwettqa konformement ma’ din il-konvenzjoni għandhom japplikaw irrispettivament min-natura tar-relazzjoni bejn il-vittma u l-awtur ( 116 ). Ir-raba’, l-istess kapitolu jobbliga lill-Partijiet jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ natura leġiżlattiva jew ta’ natura oħra sabiex jistabbilixxu ġurisdizzjoni fuq kull reat stabbilit konformement ma’ din il-konvenzjoni, hekk kif dan ir-reat ikollu rabta mat-territorju tagħhom jew ma’ wieħed miċ-ċittadini tagħhom ( 117 ). Il-ħames, dan il-kapitolu jobbliga lill-Partijiet jipprevedu sanzjonijiet adegwati u dissważivi ( 118 ) u jobbligahom iqisu lista ta’ sitwazzjonijiet bħala ċirkustanzi aggravanti ( 119 ). Fl-aħħar nett, il-Kapitolu V jippermetti lill-Partijiet jieħdu inkunsiderazzjoni sentenzi mogħtija minn Parti oħra fir-rigward tar-reati stabbiliti konformement ma’ din il-konvenzjoni meta jiddeterminaw is-sentenza ( 120 ) u jipprojbixxi l-istabbiliment ta’ proċessi alternattivi mandatorji għas-soluzzjoni ta’ tilwim ( 121 ).

120.

Il-Kapitolu VI jindirizza d-dritt proċedurali u l-miżuri ta’ protezzjoni matul l-investigazzjonijiet u l-proċeduri ġudizzjarji ( 122 ). Il-Partijiet għandhom jiżguraw, inter alia, li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi joffru protezzjoni fil-ħin lill-vittmi, inkluż il-ġbir ta’ provi ( 123 ) u jwettqu evalwazzjoni tar-riskju tal-letalità u tas-serjetà tas-sitwazzjoni ( 124 ). Il-fatt li l-awturi jkollhom aċċess għal armi tan-nar għandu jingħata attenzjoni partikolari. L-ordinamenti legali għandhom jipprovdu għall-possibbiltà li jinħarġu ordnijiet ta’ interdizzjoni ta’ emerġenza u ordnijiet għat-trażżin jew ta’ protezzjoni, mingħajr ma jitqiegħdu piżijiet finanzjarji jew amministrattivi żejda fuq il-vittma ( 125 ). Kull ksur ta’ dawn l-ordnijiet għandu jkun suġġett għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi ta’ natura kriminali jew ta’ natura legali oħra. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li provi dwar l-istorja sesswali u l-kondotta tal-vittma għandhom jiġu permessi biss meta jkunu rilevanti u meħtieġa ( 126 ) u li l-iktar reati gravi ma għandhomx ikunu kompletament dipendenti fuq rapport jew ilment imressaq minn vittma ( 127 ). Il-Partijiet għandhom jipprovdu wkoll għall-possibbiltà li organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi u konsulenti dwar il-vjolenza domestika jassistu u/jew jappoġġjaw lill-vittmi, fuq talba tagħhom, matul l-investigazzjonijiet u l-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw ir-reati stabbiliti konformement mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. F’dan il-kapitolu, din il-konvenzjoni tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri intiżi li jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tal-vittmi, inkluż il-ħtiġijiet tagħhom bħala xhieda fl-istadji kollha tal-investigazzjonijiet u tal-proċeduri ġudizzjarji. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ħtiġijiet speċjali ta’ vittmi u ta’ xhieda minuri ( 128 ). Fl-aħħar nett, il-Partijiet għandhom jipprovdu għad-dritt għal għajnuna legali ( 129 ) u r-regoli dwar il-preskrizzjoni għandhom jitfasslu b’tali mod li, fir-rigward tal-iktar reati serji, jippermettu l-ftuħ effettiv ta’ proċeduri wara li vittma ssir maġġorenni ( 130 ).

121.

Il-Kapitolu VII jipprovdi li l-Partijiet għandhom jieħu wkoll il-passi leġiżlattivi neċessarji sabiex jiżguraw li l-istatus ta’ residenza tal-vittmi ma jkunx affettwat minn miżuri intiżi li tiġi miġġielda l-vjolenza ( 131 ) u li l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kontra n-nisa bħala forma ta’ persekuzzjoni jew bħala forma ta’ preġudizzju serju tagħti lok għal protezzjoni komplementari/sussidjarja fis-sens tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 ( 132 ). Barra minn hekk, proċeduri ta’ ażil li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ġeneru għandhom jiġu introdotti mill-Partijiet. Dan il-kapitolu huwa intiż ukoll li jiżgura li fiċ-ċirkustanzi kollha l-prinċipju ta’ non-refoulement jiġi applikat għall-vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa ( 133 ).

122.

Il-Kapitolu VIII huwa ddedikat għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-Partijiet fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. B’mod partikolari, il-Partijiet għandhom jiżguraw li fil-pajjiż ta’ residenza tal-vittma jkunu jistgħu jitressqu lmenti fir-rigward ta’ reati mwettqa fit-territorju ta’ Parti oħra f’din il-konvenzjoni ( 134 ). F’sitwazzjonijiet fejn persuna tkun f’riskju immedjat ta’ vjolenza, il-Partijiet għandhom jinformaw lil xulxin sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni ( 135 ). Barra minn hekk, dan il-kapitolu jipprovdi wkoll, b’mod partikolari, li l-persuni li jressqu lment għandhom jiġu informati dwar l-eżitu finali tal-azzjoni meħuda taħt l-istess kapitolu bl-organizzazzjoni ta’ skambji ta’ informazzjoni dwar dan is-suġġett bejn il-Partijiet f’din il-konvenzjoni ( 136 ).

123.

Il-Kapitolu IX jistabbilixxi l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li l-implimentazzjoni tagħha hija fdata lill-Grevio.

124.

Il-Kapitolu X jikkjarifika li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul ma taffettwax l-obbligi tal-Partijiet taħt strumenti internazzjonali oħra, u li l-Partijiet huma liberi li jikkonkludu ftehimiet internazzjonali oħra dwar l-oqsma koperti mill-Konvenzjoni sabiex jissupplimentaw jew isaħħu d-dispożizzjonijiet tagħha.

125.

Il-Kapitolu XI jistabbilixxi l-proċedura sabiex isiru emendi għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

126.

Il-Kapitolu XII fih il-klawżoli finali. Huwa jsemmi b’mod speċifiku li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija espliċitament miftuħa għall-firma mill-Unjoni ( 137 ). Dan il-kapitolu jispeċifika wkoll li riżervi huma possibbli biss f’każijiet limitati u taħt ċerti kundizzjonijiet ( 138 ).

127.

Kif osservat il-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika ( 139 ), il-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija ta’ natura li tista’ tikkonċerna numru kbir ta’ kompetenzi li huma kompetenzi esklużivi tal-Unjoni jew li hija tikkondividi mal-Istati Membri. Għaldaqstant, numru kbir ta’ bażijiet legali taħt it-Trattat FUE jistgħu jkunu teoretikament rilevanti, bħall-“Artikolu 16 (protezzjoni tad-data), l-Artikolu 19(1) (diskriminazzjoni sesswali), l-Artikolu 23 (protezzjoni konsulari għal ċittadini ta’ Stat Membru ieħor), l-Artikoli 18, 21, 46, 50 (il-moviment liberu taċ-ċittadini, il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà tal-istabiliment), l-Artikolu 78 (ażil u protezzjoni sussidjarja u temporanja), l-Artikolu 79 (immigrazzjoni), l-Artikolu 81 (kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili), l-Artikolu 82 (kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali), l-Artikolu 83 (definizzjoni ta’ reati kriminali mal-UE kollha u sanzjonijiet għal delitti partikolarment serji b’dimensjoni transfruntiera), l-Artikolu 84 (miżuri li ma jarmonizzawx għall-prevenzjoni mid-delitti), u l-Artikolu 157 (opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa f’oqsma tal-impjiegi u x-xogħol)”. Ma’ dawn il-bażijiet jistgħu jiżdiedu, għalkemm ma ssemmewx mill-Kummissjoni, l-Artikolu 165 TFUE (żvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità), l-Artikolu 166 TFUE (implimentazzjoni ta’ politika ta’ formazzjoni vokazzjonali) jew l-Artikolu 336 TFUE (kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali u ta’ membri oħra tal-persunal tal-Unjoni) ( 140 ).

128.

Madankollu, kif spjegajt, il-bażi jew bażijiet legali ta’ att ma humiex mistennija jirriflettu l-kompetenzi kollha eżerċitati għall-adozzjoni tiegħu. Id-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni mill-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha tkun ibbażata biss fuq il-bażi jew bażijiet legali li jikkorrispondu għal dak li ser ikun iċ-ċentru ta’ gravità ta’ din id-deċiżjoni.

C.   Determinazzjoni tal-għanijiet u tal-komponenti prinċipali tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni

129.

Li kieku r-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda kienet tiddependi biss mill-għanijiet u mill-kontenut tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, kien ikun suffiċjenti li jiġi osservat li, għalkemm din il-konvenzjoni għandha diversi komponenti, l-għan li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru huwa madankollu, b’mod ċar, l-għan u l-komponent prinċipali ( 141 ). Tabilħaqq, kif jiddikjara r-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni, l-għan ta’ din il-konvenzjoni, kif joħroġ mill-preambolu tagħha, huwa li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ “rabta bejn l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-kisba ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-dritt u fil-fatt” ( 142 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan ir-rapport jgħid ukoll li d-“definizzjoni ta’ ‘vjolenza kontra n-nisa’ tagħmilha ċar li għall-finijiet tal-Konvenzjoni l-vjolenza kontra n-nisa għandha tinftiehem bħala li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta’ diskriminazzjoni” ( 143 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ bażi legali iktar speċifika, il-bażi legali rilevanti tidher li hija l-Artikolu 3(3) TUE li, meta jinqara flimkien mal-Artikolu 19 TFUE, jagħti lill-Unjoni kompetenza sabiex “[t]ieħu l-azzjoni xierqa sabiex [t]iġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess”.

130.

Madankollu, kif diġà indikat iktar ’il fuq, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni, huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-għanijiet u l-komponenti ta’ din il-konvenzjoni iżda wkoll dawk l-għanijiet u l-komponenti li huma iktar speċifiċi għal din id-deċiżjoni stess.

131.

F’dan il-każ, huwa ftit jew wisq preżunt li l-Kunsill ma jixtieqx li l-Unjoni teżerċita kompetenzi differenti minn dawk li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet imsemmija fid-domanda tal-Parlament, li, fil-fatt, ma jinkludux l-Artikolu 3(3) TUE jew l-Artikolu 19 TFUE.

132.

Għaldaqstant, id-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni tista’ tkun ibbażata fuq dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ biss li, minn tal-inqas, jirriżulta li l-Unjoni għandha neċessarjament teżerċita l-kompetenza esterna korrispondenti.

133.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru ma hijiex wieħed mill-oqsma indikati fl-Artikolu 3(1) TFUE li fir-rigward tagħhom l-Unjoni ngħatat espliċitament kompetenza esklużiva. Sa fejn huma kkonċernati d-diversi każijiet ta’ kompetenza esterna esklużiva msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE, tidher li hija rilevanti biss it-tielet sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE (jiġifieri li l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim internazzjonali li jistgħu jolqtu regoli komuni tal-Unjoni).

134.

Kif diġà spjegajt, peress li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tistabbilixxi biss regoli minimi, sabiex l-Unjoni tingħata kompetenza esklużiva minħabba l-eżistenza ta’ regoli komuni li jistgħu jintlaqtu mill-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni, huwa għalhekk meħtieġ li dawn ir-regoli komuni ma għandhomx ikunu limitati għall-istabbiliment ta’ standards minimi. Madankollu, ir-regoli komuni adottati fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, li joħorġu mid-Direttiva 2000/78 ( 144 ), mid-Direttiva 2004/113 ( 145 ), mid-Direttiva 2006/54 ( 146 ) jew mid-Direttiva 2010/41 ( 147 ), jipprevedu biss regoli minimi peress li kollha jispeċifikaw li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli.

135.

Fid-dawl tal-kontenut attwali tar-regoli komuni dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, għandu jiġi osservat li l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esterna esklużiva f’dan il-qasam. Għaldaqstant, l-Unjoni ma hijiex obbligata teżerċita l-kompetenza tagħha fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess sabiex tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul ( 148 ). Sa fejn id-domanda magħmula hija bbażata fuq il-premessa li l-Unjoni ma hijiex ser teżerċita, bħala prinċipju, kompetenzi oħra għajr dawk marbuta mal-ażil u mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-Artikolu 3(3) TUE jew l-Artikolu 19 TFUE ma humiex bażijiet legali adatti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni.

136.

F’dan id-dawl, nipproponi issa li neżamina jekk hemmx bażijiet legali li, għalkemm ma jkoprux kompletament din il-konvenzjoni, huma xorta waħda ta’ natura li jkopru partijiet importanti tagħha, filwaqt li fl-istess ħin jikkorrispondu għal kompetenzi li l-Unjoni ser ikollha jew għandha l-intenzjoni teżerċita meta tiġi konkluża din il-konvenzjoni. Tabilħaqq, il-fatt li l-Unjoni għandha teżerċita kompetenzi differenti minn dawk li jikkorrispondu għall-bażijiet legali msemmija mill-Parlament fid-domandi tiegħu ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-iskop; huwa meħtieġ ukoll li dawn il-kompetenzi jkopru komponenti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li huma minn tal-inqas tal-istess importanza bħal dawk koperti mill-bażijiet legali msemmija mill-Parlament.

137.

Għal dan il-għan, ser nibda billi neżamina jekk hemmx kompetenzi oħra għajr dawk imsemmija mill-Parlament fid-domanda tiegħu li jidhru li huma suffiċjentement rilevanti u li l-Unjoni ser tkun obbligata teżerċita sabiex tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

D.   Fuq l-eżistenza ta’ bażijiet legali differenti minn dawk imsemmija mill-Parlament fid-domanda tiegħu li jikkorrispondu, minn naħa, għal kompetenzi li l-Unjoni ser tkun obbligata teżerċita u, min-naħa l-oħra, għal għanijiet u komponenti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li jistgħu jitqiesu li huma minn tal-inqas importanti daqs dawk koperti mill-bażijiet imsemmija mill-Parlament

138.

Fost id-diversi kompetenzi identifikati fil-punt 127 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jistgħu jkunu kkonċernati mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul, huma biss erbgħa li jidhru li huma suffiċjentement rilevanti sabiex jistħoqqilhom eżami f’iktar dettall, jiġifieri, l-Artikolu 165 TFUE (żvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità), l-Artikolu 166 TFUE (implimentazzjoni ta’ politika ta’ formazzjoni vokazzjonali), l-Artikolu 81 TFUE (kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili) u l-Artikolu 336 TFUE (kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-uffiċjali u ta’ membri oħra tal-persunal tal-Unjoni).

Fuq l-aspetti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul marbuta mal-edukazzjoni u mal-formazzjoni vokazzjonali

139.

Skont l-Artikolu 6 TFUE, l-Unjoni għandha biss kompetenza ta’ appoġġ fl-oqsma tal-edukazzjoni u tal-formazzjoni vokazzjonali. Min-natura tagħha stess, tali kompetenza ma tistax tkun eżerċitata l-ewwel mill-Unjoni u għalhekk l-Unjoni qatt ma hija obbligata teżerċitaha.

Fuq l-aspetti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili

140.

Skont l-Artikolu 81(1) TFUE, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali taqa’ fil-kompetenzi li l-Unjoni tikkondividi mal-Istati Membri. It-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tispeċifika li tali kooperazzjoni tista’ tinkludi l-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri ( 149 ). L-Artikolu 81(2) TFUE jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ għanijiet li jistgħu jiġu segwiti mill-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Unjoni.

141.

Fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-Unjoni adottat diversi regoli. Uħud, bħad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8, li hija intiża li ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwim transkonfinali, jistabbilixxu biss standards minimi ( 150 ). Bl-istess mod, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/52 ( 151 ) jispeċifika li din id-direttiva ma tapplikax għal drittijiet u obbligi li ma jkunux għad-dispożizzjoni tal-partijiet taħt il-liġi applikabbli rilevanti. Għaldaqstant, din id-direttiva ma teskludix il-possibbiltà li l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-użu ta’ medjazzjoni f’ċerti oqsma ( 152 ).

142.

Madankollu, strumenti oħra fihom regoli li b’mod ċar ma jistabbilixxux biss rekwiżiti minimi ( 153 ). B’mod partikolari, fir-rigward tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmi għar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Unjoni kisbet kompetenza esterna ( 154 ).

143.

Sa fejn l-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jipprovdi li l-Partijiet firmatarji għandhom jikkooperaw sabiex jeżegwixxu s-sentenzi ċivili u kriminali rilevanti mogħtija mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Partijiet, inklużi ordnijiet ta’ protezzjoni, l-Unjoni, fl-aħħar, ser ikollha teżerċita l-kompetenza esterna esklużiva tagħha fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili inkonnessjoni ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, bħalma huwa l-Artikolu 62(1)(a).

Fuq l-aspetti tal-Konvenzjoni marbuta mad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-uffiċjali u ta’ membri oħra tal-persunal tal-Unjoni

144.

Skont l-Artikolu 336 TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, filwaqt li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra, jistabbilixxu r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni.

145.

Huwa minnu li l-kundizzjonijiet tal-impjieg mill-Unjoni tal-membri kollha tal-persunal tagħha ma jikkonċernawx l-oqsma msemmija fl-Artikoli 3 u 6 TFUE. Għaldaqstant, l-Unjoni tikkondividi din il-kompetenza mal-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(1) TFUE. Madankollu, għandu jiġi osservat li din il-kompetenza ġiet eżerċitata diġà bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 155 ) u li l-Unjoni għandha għalhekk titqies li kisbet, taħt l-Artikolu 3(2) TUE, kompetenza esterna esklużiva f’dan il-qasam.

146.

Minn dan isegwi li, minbarra l-bażijiet legali msemmija mill-Parlament, huwa meħtieġ ukoll li jiġu eżaminati l-Artikolu 81 TFUE u l-Artikolu 336 TFUE sabiex jiġi ddeterminat fuq liema bażi jew bażijiet legali għandha tiġi adottata d-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

147.

Fir-rigward ta’ kompetenzi oħra għajr l-erbgħa diġà eżaminati jew dawk imsemmija mill-Parlament fid-domanda tiegħu, jiena tal-fehma li, anki jekk ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jaqgħu taħt dawn il-kompetenzi, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex ta’ natura li jistgħu jinfluwenzaw iċ-ċentru tal-gravità ta’ kwalunkwe deċiżjoni mill-Unjoni li tiġi konkluża din il-konvenzjoni, u dan għar-raġunijiet li għadni kemm esponejt. Dan jew minħabba li l-Unjoni ma hijiex obbligata teżerċita dawn il-kompetenzi jew minħabba li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jitqiesu, fiċ-ċirkustanzi, li huma ta’ natura anċillari.

E.   Evalwazzjoni finali: fuq ir-rilevanza tal-bażijiet legali msemmija mill-Parlament u fuq ir-rilevanza ta’ dawk identifikati preċedentement bħala li jikkorrispondu kemm għall-kompetenzi li għandhom jiġu eżerċitati kif ukoll għal dawk li jkopru suffiċjentement għanijiet u komponenti rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul

148.

Hawnhekk jidher li għal darba oħra huwa importanti li nenfasizza qabelxejn dak li jagħmel dan il-każ tant speċifiku, jiġifieri li l-Unjoni ma hijiex ser teżerċita l-kompetenzi kollha li hija tikkondividi mal-Istati Membri. B’mod partikolari, jidher li l-Unjoni ma hijiex ser ikollha teżerċita l-kompetenza li wieħed kien iqis bħala li tkopri l-għanijiet u l-komponenti prevalenti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, jiġifieri l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru ( 156 ).

149.

B’hekk, bażijiet legali possibbli oħra – li f’sitwazzjoni differenti kienu jkunu inċidentali – jistgħu jsiru rilevanti. Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li dawn ikopru biss b’mod parzjali l-għanijiet u l-komponenti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Għaldaqstant, kif diġà spjegajt, huwa biss b’paragun mal-bażijiet legali possibbli l-oħra, u mhux b’mod assolut, li huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat liema hija jew huma l-bażi jew bażijiet legali rilevanti.

150.

Fid-domanda tiegħu, il-Parlament jistaqsi jekk id-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul tistax tkun ibbażata b’mod validu, kif previst mill-Kunsill, b’riferiment għall-Artikoli 82(2) TFUE u 84 TFUE, jew jekk għandhiex pjuttost tkun ibbażata fuq l-Artikoli 78(2) TFUE, 82(2) TFUE u 83(1) TFUE. Minbarra dawn il-bażijiet legali, li wieħed għandu jassumi li jikkorrispondu għal kompetenzi li l-Unjoni għażlet li teżerċita, huwa meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-Artikoli 81 TFUE u 336 TFUE. Nipproponi li nibda bl-Artikoli 82(2) TFUE, 83(1) TFUE u 84 TFUE, li jinsabu fil-Kapitolu 4 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, u bl-Artikolu 81(1) TFUE.

151.

Jista’ jiġi osservat l-ewwel li l-Artikolu 82(2) TFUE jagħti kompetenza lill-Unjoni sabiex tistabbilixxi regoli minimi intiżi li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali u sabiex tistabbilixxi jew issaħħaħ il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali li jkollhom dimensjoni transkonfinali. Madankollu, it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li dawn il-miżuri għandhom jikkonċernaw, fl-assenza ta’ deċiżjoni minn qabel tal-Kunsill li tidentifika bil-quddiem xi aspetti speċifiċi oħra tal-proċedura kriminali, l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri, id-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali jew id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità ( 157 ).

152.

Kif għidt iktar ’il fuq, il-Kapitolu VIII tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huwa intiż li jistabbilixxi kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali orjentata lejn il-qasam kriminali. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu huma ta’ natura li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82(2) TFUE ( 158 ). Fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri żammew, fil-parti l-kbira tagħha, kompetenza esklużiva f’materji kriminali, inqis li, minn fost il-bażijiet legali possibbli, l-Artikolu 82(2) TFUE jikkostitwixxi, minn perspettiva komparattiva u fl-assenza ta’ kwalunkwe rieda min-naħa tal-Unjoni li teżerċita l-kompetenza li għandha f’oqsma ta’ trattament ugwali, bażi legali li tista’ tkopri ċ-ċentru tal-gravità legali ta’ dik li ser tkun id-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni. F’dan ir-rigward, jista’ jkun sinjifikattiv il-fatt li t-tliet istituzzjonijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet – il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni – huma unanimi meta jqisu li l-Artikolu 82(2) TFUE huwa wieħed mill-bażijiet legali sostantivi adatti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

153.

Taħt dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 81(1) TFUE ma jistax, fil-fehma tiegħi, ikun waħda mill-bażijiet legali għad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni. Fil-fatt, mill-iskema ġenerali ta’ din il-konvenzjoni jidher b’mod ċar li l-għanijiet u l-komponenti tagħha li jistgħu jaqgħu taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili huma anċillari għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni internazzjonali f’materji kriminali. Tabilħaqq, mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII (Artikoli 62 sa 65), kif ukoll mill-iskema ġenerali ta’ din il-konvenzjoni, jidher ċar li l-għan tagħha huwa li tagħti prijorità lil reazzjoni kriminali għall-vjolenza kontra n-nisa u li l-kooperazzjoni internazzjonali prevista hija, fuq kollox, ta’ natura kriminali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tad-dritt ċivili huma essenzjalment anċillari għall-kooperazzjoni kriminali li l-istess konvenzjoni hija intiża li tistabbilixxi.

154.

Fir-rigward tal-Artikolu 83(1) TFUE, din id-dispożizzjoni tagħti kompetenza lill-Unjoni sabiex tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati u ta’ sanzjonijiet kriminali fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment gravi b’dimensjoni transkonfinali li tirriżulta min-natura jew mill-impatt ta’ dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażi komuni. Madankollu, it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jelenka b’mod eżawrjenti l-oqsma kkonċernati, jiġifieri t-terroriżmu, it-traffikar ta’ bnedmin u l-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal, it-traffikar illeċitu ta’ droga, it-traffiku illeċitu ta’ armi, il-ħasil ta’ flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata. Filwaqt li t-tielet subparagrafu jipprovdi li l-Kunsill jista’ jadotta deċiżjoni sabiex jestendi din il-lista, ma jidhirx li sal-lum il-ġurnata l-Kunsill għamel użu minn din il-possibbiltà ( 159 ).

155.

Fid-dawl tal-lista ta’ oqsma attwalment koperti mill-Artikolu 83(1) TFUE, jidher li d-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali sostantiv li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Unjoni iżda fil-kompetenza miżmuma mill-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi fatt li, f’ċerti każijiet, il-vjolenza koperta minn din il-konvenzjoni tista’ taqa’ taħt il-kategorija ta’ traffikar ta’ bnedmin jew ta’ sfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jippermetti l-konklużjoni li ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jistgħu jaqgħu fil-kompetenza li għandha l-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 83(1) TFUE. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-użu ta’ din il-bażi legali jidher li fi kwalunkwe każ huwa eskluż.

156.

Fir-rigward tal-Artikolu 84 TFUE, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti lill-Unjoni tistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni u għall-appoġġ ta’ azzjoni mill-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità, bl-esklużjoni ta’ kull armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti. Għaldaqstant, il-mistoqsija li għandha ssir hija jekk il-Konvenzjoni ta’ Istanbul hijiex ser teħtieġ li l-Unjoni, fil-każ li tikkonkludi din il-konvenzjoni, tieħu miżuri ta’ appoġġ.

157.

F’dan ir-rigward, din il-konvenzjoni tipprevedi diversi obbligi għall-Partijiet firmatarji sabiex jieħdu ċertu numru ta’ azzjonijiet preventivi u protettivi, li jaqgħu direttament fuq il-Partijiet firmatarji. Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 84 TFUE ma għandux jinqara b’mod restrittiv iżżejjed, fis-sens li jippermetti biss l-adozzjoni ta’ miżuri li d-destinatarji tagħhom jkunu l-Istati Membri, iżda għandu jinqara fis-sens li jippermetti wkoll, kif joħroġ b’mod ċar mill-formulazzjoni tiegħu, l-adozzjoni ta’ miżuri insostenn ta’ azzjoni tal-Istat, jiġifieri b’mod addizzjonali għal dawk adottati mill-Istati, iżda mingħajr ma jiġi eskluż li din l-azzjoni tista’ tikkonċerna direttament persuni fiżiċi.

158.

Fir-rigward tal-importanza tal-għanijiet u tal-komponenti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li jikkonċernaw il-prevenzjoni tal-kriminalità, peress li, kif diġà spjegajt, l-Unjoni ma hijiex ser teżerċita l-kompetenzi kollha tagħha u b’mod partikolari l-kompetenza tagħha fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-evalwazzjoni tan-natura prinċipali ta’ bażi legali ssir evalwazzjoni relattiva. Fi kliem ieħor, in-natura predominanti jew prinċipali ta’ ċerti għanijiet u komponenti kkonċernati għandha tiġi evalwata billi jitqabblu mal-għanijiet u mal-komponenti l-oħra tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li ser ikunu, minħabba li l-Unjoni tkun għażlet li teżerċita l-kompetenzi korrispondenti, vinkolanti għall-Unjoni.

159.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Kunsill għandu l-intenzjoni jillimita l-portata tal-obbligi legali li ser tintrabat bihom l-Unjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-għanijiet u l-komponenti tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni mill-Unjoni ta’ din il-konvenzjoni, li x’aktarx tkun taħt l-Artikolu 84 TFUE, jidhru li huma, fil-fehma tiegħi, predominanti daqs dawk koperti mill-Artikolu 82(2) TFUE. Barra minn hekk, kemm il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u kemm il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa huma t-tnejn li huma s-suġġett ta’ kapitolu sħiħ ta’ din il-konvenzjoni.

160.

Fir-rigward tal-Artikolu 78(2) TFUE, dan tal-aħħar jirreferi għall-kompetenza tal-Unjoni li tistabbilixxi sistema komuni ta’ ażil. Huwa minnu li, kif indikat mill-Parlament, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul fiha biss tliet artikoli li jikkonċernaw il-migrazzjoni u l-ażil. L-Artikolu 59 ta’ din il-konvenzjoni jobbliga lill-Partijiet jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-possibbiltà għan-nisa migranti li jkunu vittmi li jiksbu status awtonomu bħala residenti, filwaqt li l-Artikoli 60 u 61 tagħha jeħtieġu, rispettivament u essenzjalment, li l-Partijiet jirrikonoxxu l-vjolenza kontra n-nisa bħala forma ta’ persekuzzjoni u jeżaminaw applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġeneru u josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement ta’ vittmi ta’ vjolenza kontra n-nisa.

161.

Madankollu, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li dawn it-tliet dispożizzjonijiet xorta waħda jifformaw kapitolu separat, li juri li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul lil dawn il-kwistjonijiet daqstant importanza daqs kemm tagħti lill-kooperazzjoni ġudizzjarja jew lill-miżuri preventivi. It-tieni, dawn id-dispożizzjonijiet, għall-kuntrarju tal-parti l-kbira mid-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-Unjoni għandha kompetenza, ma jikkorrispondux għal-liġi attwalment fis-seħħ fl-Unjoni. Kif jinsabu l-affarijiet, id-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali ma jipprevedix li l-obbligu li l-vjolenza kontra n-nisa tittieħed bħala waħda mill-forom ta’ persekuzzjoni li tista’ tagħti lok għall-istatus ta’ refuġjat u l-adozzjoni ta’ tali obbligu espliċitu jista’ jkollhom implikazzjonijiet prattiċi importanti. It-tielet, u fuq kollox, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, peress li l-Kunsill ikkunsidra konklużjoni limitata għal ċerti kompetenzi, numru kbir ħafna mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ma humiex ser ikunu, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, vinkolanti għall-Unjoni.

162.

F’dan il-kuntest, inqis li l-Artikolu 78(2) TFUE għandu jkun fost il-bażijiet legali tad-deċiżjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul f’isem l-Unjoni peress li jkopri għanijiet u komponenti li, meqjusa minn tal-inqas b’mod komparattiv mal-għanijiet u mal-komponenti l-oħra li ser ikollha din id-deċiżjoni, għandhom jitqiesu li huma predominanti. Anki jekk ikun jista’ jingħad li ċerti għanijiet jew komponenti ta’ din il-konvenzjoni jistgħu jaqgħu taħt kompetenza esklużiva tal-Unjoni li ma semmejtx, dawn fil-verità jistgħu jkunu, l-iktar l-iktar, ta’ natura anċillari biss.

163.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg mill-Unjoni tal-membri kollha tal-persunal tagħha, għalija huwa evidenti li, normalment, is-sempliċi fatt li ftehim internazzjonali jista’ jikkonċerna wkoll il-membri tal-persunal tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika li jissemma l-Artikolu 336 TFUE bħala bażi legali: huwa meħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim għal dawn il-membri tal-persunal tikkostitwixxi l-għan jew il-komponent prinċipali tad-deċiżjoni li jiġi konkluż tali ftehim.

164.

F’dan il-każ, iżda, sa fejn l-Unjoni ma għandhiex l-intenzjoni li teżerċita l-kompetenza tagħha fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, nosserva li l-bażijiet legali l-oħra kkunsidrati ser ikopru dan il-ftehim b’mod parzjali ħafna biss. Parti importanti tal-għanijiet u tal-komponenti tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, b’mod partikolari dawk intiżi li jikkriminalizzaw ċertu aġir, ser taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. L-obbligi li l-Unjoni ser ikollha tassumi, jekk tippersisti fl-intenzjoni tagħha li tagħmel adeżjoni limitata, ser ikunu fil-fatt pjuttost limitati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-għanijiet u l-komponenti ta’ din il-konvenzjoni li jistgħu jkunu koperti mill-Artikolu 336 TFUE ser ikunu, mill-perspettiva tal-Unjoni, b’mod komparattiv, importanti daqs l-għanijiet u l-komponenti koperti mill-Artikoli 78(2) TFUE, 82(2) TFUE u 84 TFUE. Fil-fatt, fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha, l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul ser ikollha effett sħiħ. Għaldaqstant, l-obbligi li r-ratifika ta’ din il-konvenzjoni ser iġġib għall-Unjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha ser ikunu usa’ ratione materiae minn dawk li jirriżultaw, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, mill-eżerċizzju tal-kompetenzi l-oħra tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, adeżjoni limitata toħloq sitwazzjoni speċjali fejn il-komponent tas-servizz pubbliku ma jistax jitqies li huwa anċillari għall-kompetenzi l-oħra.

165.

Huwa minnu li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-adozzjoni ta’ att għandha, bħala prinċipju, tkun ibbażata fuq bażi legali waħda. Madankollu, kif spjegajt iktar ’il fuq, hekk kif l-Unjoni jkollha l-intenzjoni li tagħżel adeżjoni limitata, billi tirrinunzja l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, akkumulazzjoni ta’ bażijiet legali tidher inevitabbli minħabba l-frammentazzjoni tal-kompetenzi l-oħra ( 160 ). Barra minn hekk, dawn il-bażijiet legali kollha jipprevedu l-istess proċedura fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompetenzi interni, jiġifieri l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ setgħet esterni, twassal, skont l-Artikolu 218 TFUE, għall-applikazzjoni tal-istess regoli dwar il-votazzjoni. Għaldaqstant, dawn il-bażijiet legali u l-eżerċizzju tal-kompetenza esterna tal-Unjoni huma kompletament kompatibbli.

166.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda billi tgħid li, fid-dawl tal-portata tal-konklużjoni prevista mill-Kunsill, id-deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tipproċedi b’din il-konklużjoni għandha tkun ibbażata fuq l-Artikoli 78(2) TFUE, 82(2) TFUE, 84 TFUE u 336 TFUE.

V. Il-parti (b) tal-ewwel domanda: jekk l-awtorizzazzjoni sabiex tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tistax tingħata permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet separati

167.

Il-parti (b) tal-ewwel domanda magħmula mill-Parlament tikkonċerna essenzjalment il-kwistjoni ta’ jekk, fl-eventwalità li, minħabba inter alia l-għażla tal-bażijiet legali, l-awtorizzazzjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Unjoni tingħata permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet separati, tali awtorizzazzjoni tkunx min-naħa tagħha invalida.

168.

Il-Parlament osserva li r-raġuni mogħtija għall-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet separati fl-istadju tal-iffirmar kienet li l-Artikoli 60 u 61 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul kienu jaqgħu fil-qasam tal-politika komuni dwar l-ażil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja, imsemmija fl-Artikolu 78 TFUE. Dan kien ser joħloq diffikultà partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 21, sa fejn jipprovdi li l-Irlanda ma hijiex marbuta mill-miżuri meħuda f’dan il-qasam u ma hijiex suġġetta għall-applikazzjoni tagħhom, u għalhekk ma tipparteċipax fl-adozzjoni tagħhom, sakemm ma tagħtix il-kunsens tagħha li tipparteċipa. Madankollu, il-Parlament iqis li t-tħassib espress fir-rigward tal-Protokoll Nru 21 huwa infondat sa fejn, fl-eventwalità li l-Unjoni tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-Irlanda mbagħad ser tkun marbuta minn din il-konklużjoni fir-rigward tal-kompetenzi kollha eżerċitati mill-Unjoni bis-saħħa ta’ din il-konvenzjoni. Madankollu, min-naħa tiegħi, jiena ma nistax naqbel għaliex dan l-argument ifisser li, fil-każ li dan iseħħ, l-impatt potenzjali tal-Protokoll Nru 21 jisfa fix-xejn għaliex dawn id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni fil-parti l-kbira tagħhom jikkonċernaw regoli komuni li l-Irlanda qablet dwarhom.

169.

Nibda billi nosserva li d-domanda magħmula mill-Parlament tikkonċerna l-validità formali futura tad-deċiżjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

170.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-validità formali ta’ att tista’ tiddaħħal inkwistjoni biss jekk ikun hemm ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali. Wieħed għalhekk jista’ jistaqsi: x’jikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali għal dan l-iskop?

171.

Kif diġà spjegajt, dawn ir-rekwiżiti jinkludu rekwiżiti proċedurali u formali li jista’ jkollhom influwenza fuq il-kontenut tal-att ikkonċernat ( 161 ) jew, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jistgħu jagħtu lok għal konfużjoni dwar in-natura jew il-portata tal-att ikkontestat ( 162 ). Għaldaqstant, sabiex l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet separati – minflok waħda biss – tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel jekk dik li tista’ tissejjaħ “proċedura maqsuma” tiksirx regola jew prinċipju u, it-tieni, jekk din ir-regola jew dan il-prinċipju jistgħux jitqiesu li huma “essenzjali” f’dan is-sens.

172.

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ tali regola jew prinċipju, jista’ jiġi osservat li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati jew fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ma tistabbilixxi rekwiżit li jipprojbixxi li d-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet separati.

173.

Huwa minnu li l-Artikolu 218(6) TFUE jirreferi, fir-rigward tal-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim, għall-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni li tawtorizza din il-konklużjoni. Madankollu, huwa ċar li l-użu tal-artiklu indefinit “a” fil-verżjoni bl-Ingliż (“a decision”) jirreferi għall-kunċett ġenerali ta’ “deċiżjoni”, li jidentifika l-forma normali mogħtija lil att tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni li ma jkunx test ta’ applikazzjoni ġenerali. Għaldaqstant, dan ma jirreferix għall-kunċett, użat f’pajjiżi b’sistema ta’ dritt ċivili, ta’ instrumentum (forma) b’differenza minn negotium (sustanza). Għaldaqstant, meta din id-dispożizzjoni tinqara fil-kuntest tagħha, wieħed għandu jiddubita kemm min fassal din id-dispożizzjoni kellu l-intenzjoni li, bis-sempliċi użu tal-artiklu indefinit fil-verżjoni bl-Ingliż, jeskludi l-possibbiltà li tali deċiżjoni tista’ tieħu l-forma ta’ żewġ atti separati.

174.

Wieħed jista’ jsibha diffiċli wkoll sabiex jifhem kif il-fatt li deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tinqasam f’żewġ atti differenti jista’ jikser l-Artikolu 17(2) TUE jew l-Artikolu 293 TFUE. Għalkemm iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonċernaw biss il-proċedura leġiżlattiva ( 163 ), mill-pożizzjoni tal-Artikolu 218 fi ħdan it-Trattat FUE – din id-dispożizzjoni tinsab fit-Titolu V tal-Ħames Parti (li hija ddedikata għall-azzjoni esterna tal-Unjoni) u mhux, bħall-proċedura leġiżlattiva, fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu I tas-Sitt Parti – flimkien mal-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali hija speċifika u speċjali. Fil-fatt, ma humiex biss il-prerogattivi tad-diversi istituzzjonijiet f’kull waħda minn dawn il-proċeduri li huma differenti, iżda anki t-terminoloġija użata fit-Trattati hija differenti. Pereżempju, l-Artikolu 218(3) TFUE jipprovdi li, fir-rigward tal-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali, il-proċedura għandha tinbeda b’“rakkomandazzjoni”, filwaqt li l-Artikolu 294(2) TFUE jipprovdi li, fil-proċedura leġiżlattiva, il-proċedura tibda bi “proposta” ( 164 ).

175.

Barra minn hekk, anki jekk wieħed iqis li waħda minn dawn id-dispożizzjoni tista’ titqies li tistabbilixxi rekwiżit, ma jidhirlix li dan ir-rekwiżit ikun jista’ jitqies li huwa “essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

176.

F’dan il-kuntest, l-unika regola jew l-uniku prinċipju li jistgħu jikkostitwixxu rekwiżit proċedurali jew formali essenzjali – u, għalhekk, li jistgħu jwaqqfu lill-Kunsill milli jaqsam deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali f’żewġ atti differenti – huma sempliċement dawk li jiġu osservati l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet l-oħra u tal-Istati Membri kif ukoll ir-regoli dwar il-votazzjoni applikabbli ( 165 ), u dan sa fejn dawn ir-regoli ma jinsabux għad-dispożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet stess ( 166 ).

177.

B’hekk, pereżempju, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill ( 167 ), magħrufa bħala s-“sentenza dwar l-att ibridu”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ma jistgħux jgħaqqdu f’deċiżjoni waħda att li jawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Unjoni u Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali u att dwar l-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-ftehim mill-Istati Membri. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan għaliex l-Istati Membri ma għandhom l-ebda kompetenza sabiex jadottaw l-ewwel deċiżjoni u, a contrario sensu, il-Kunsill ma għandu l-ebda rwol, bħala istituzzjoni tal-Unjoni, fl-adozzjoni tal-att li jikkonċerna l-applikazzjoni provviżorja ta’ ftehim imħallat mill-Istati Membri. Dan l-att tal-aħħar jibqa’ kwistjoni għad-dritt nazzjonali ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati ( 168 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, osservat li din il-prassi seta’ kellha konsegwenzi fuq ir-regoli dwar il-votazzjoni applikati minħabba li l-ewwel att kellu jiġi adottat, skont l-Artikolu 218(8) TFUE, b’maġġoranza kkwalifikata tal-Kunsill, filwaqt li l-applikazzjoni provviżorja ta’ ftehim imħallat mill-Istati Membri timplika, bħala kwistjoni għad-dritt nazzjonali ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati, kunsens tar-rappreżentanti ta’ dawn l-Istati, u għalhekk il-qbil unanimu tagħhom ( 169 ).

178.

F’dan il-każ, iżda, il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet minflok permezz ta’ deċiżjoni waħda ma jidhirx li hija ta’ natura tali li tista’ tqajjem tħassib simili għal dak identifikat fis-sentenza dwar l-att ibridu.

179.

L-ewwel, ma huwiex ikkontestat li, irrispettivament min-numru ta’ deċiżjonijiet li ser jiġu adottati, l-adozzjoni tagħhom dejjem ser taqa’ fil-kompetenza tal-Unjoni.

180.

It-tieni, fir-rigward tar-regoli dwar il-votazzjoni, għandu jiġi osservat li l-fatt li deċiżjoni tinqasam f’żewġ atti separati jista’ jaffettwa l-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali jekk l-ewwel att li għandu jiġi adottat jiġi fil-fatt adottat skont regoli dwar il-votazzjoni partikolari u t-tieni wieħed jiġi adottat permezz ta’ regoli dwar il-votazzjoni differenti f’ċirkustanzi fejn, li kieku ġie adottat att wieħed biss, kienet tiġi applikata regola waħda biss ( 170 ). Madankollu, f’dan il-każ jirriżulta li, għar-raġunijiet kollha li jiena esponejt iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà, il-bażijiet legali kkonċernati kollha jwasslu għall-applikazzjoni tal-istess proċedura.

181.

Huwa minnu li, mir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda jirriżulta li l-iffirmar mill-Unjoni – u, jekk timmaterjalizza, il-konklużjoni finali – tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul implikaw u jimplikaw li l-Unjoni ser teżerċita ċerti kompetenzi li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Għaldaqstant, isegwi li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni mill-Unjoni, kif prevista mill-Parlament, għandha titqies li taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Unjoni koperti mill-Protokolli Nru 21 u Nru 22. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumenta l-Parlament, is-separazzjoni tal-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni f’żewġ atti separati ser ikollha l-effett li jiġu osservati – iktar milli miksura – ir-regoli dwar il-votazzjoni applikabbli u l-pożizzjoni speċjali tal-Irlanda kif issalvagwardjata fil-Protokoll Nru 21 ( 171 ).

182.

F’dan ir-rigward, naturalment, l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet hija meħtieġa meta att isegwi diversi għanijiet jew ikollu diversi komponenti, mingħajr ma wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun inċidentali għall-oħrajn, u meta dawn il-bażijiet differenti ma jkunux konċiljabbli ma’ xulxin għaliex iwasslu għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar il-votazzjoni differenti ( 172 ). Fil-fehma tiegħi, huwa minnu wkoll li l-adozzjoni ta’ diversi atti separati ser tkun meħtieġa wkoll meta att jinkludi komponenti li jistgħu jaqgħu, minn tal-inqas parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Protokolli Nru 21 u Nru 22 u, fir-rigward ta’ partijiet oħra, ma jaqax f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni. Fil-fatt, minħabba l-Protokoll Nru 21, l-Irlanda ma tipparteċipax fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri proposti taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, sakemm dan l-Istat Membru ma jindikax b’mod espliċitu r-rieda tiegħu li jipparteċipa ( 173 ). Skont il-Protokoll Nru 22, ir-Renju tad-Danimarka ma huwiex ser jipparteċipa fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri proposti skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u ma huwiex marbut minn tali miżuri sakemm, wara l-adozzjoni tagħhom, ma jiddeċidix li jimplimentahom ( 174 ).

183.

Peress li r-Renju tad-Danimarka ma jipparteċipax fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ kwalunkwe miżuri li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u l-Irlanda tipparteċipa biss jekk tesprimi l-intenzjoni tagħha li tagħmel dan, kull meta att tal-Unjoni jkun ser jiġi adottat skont diversi bażijiet legali, li wħud minnhom jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u oħrajn taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, jista’ jkun meħtieġ li dan l-att jinqasam f’diversi deċiżjonijiet.

184.

F’dan il-każ, huwa minnu li l-kompetenzi li għandhom jiġu eżerċitati jew li huwa maħsub li jiġu eżerċitati mill-Unjoni jaqgħu kollha taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka ma huwa ser ikun marbut minn ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet u ma huwiex ser jipparteċipa fil-votazzjoni għall-adozzjoni ta’ ebda waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet. B’hekk, il-Protokoll Nru 22 ma huwiex ta’ natura li jibdel ir-regoli dwar il-votazzjoni applikabbli.

185.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-Irlanda, il-Parlament iqis li, sa fejn il-ftehim ser ikun fil-parti l-kbira tiegħu kopert minn regoli komuni li l-Irlanda kienet taċċetta, dan l-Istat Membru ser ikun neċessarjament marbut mill-ftehim futur u, għaldaqstant, ser ikun obbligat jipparteċipa fil-votazzjoni.

186.

Kif diġà indikajt, iżda, min-naħa tiegħi jiena ma nistax naqbel. Mir-risposta għall-ewwel domanda ma jirriżultax biss li l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni ma tkoprix kompletament l-oqsma li jikkorrispondu għall-kompetenzi li l-Unjoni ser tkun obbligata teżerċita sabiex tikkonkludi l-konvenzjoni inkwistjoni u l-kompetenzi msemmija mill-Parlament fit-talba tiegħu, iżda jirriżulta wkoll, fil-fehma tiegħi, li l-fatt li l-Irlanda diġà qablet li tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ ċerti strumenti tad-dritt tal-Unjoni ma jobbligahiex tagħmel dan fir-rigward tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jkollu l-istess suġġett. Dan, fil-fehma tiegħi, joħroġ mill-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21 li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll “japplikaw […] anke għal miżuri proposti jew adottati skond it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea li jemendaw miżura eżistenti li biha jkunu marbuta” ( 175 ). Għaldaqstant, sa fejn il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul tista’ tolqot ċerti miżuri eżistenti fil-qasam tal-ażil, kif intqal matul l-eżami tal-parti (a) tal-ewwel domanda, jidher li huwa ċar li, bis-saħħa tal-Protokoll Nru 21, l-Irlanda tista’ tiddeċiedi li ma tkunx marbuta mid-deċiżjoni li tawtorizza l-adozzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u għalhekk tista’ ma tipparteċipax fil-votazzjoni dwar din il-kwistjoni.

187.

Huwa minnu li, fl-Opinjoni 1/15, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-applikazzjoni tal-Protokolli Nru 21 u Nru 22 ma kinitx ta’ natura tali li tolqot ir-regoli dwar il-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill ( 176 ). Madankollu, ir-raġunament f’dak il-każ għandu jinftiehem b’riferiment għaċ-ċirkustanzi li kienu inkwistjoni hemmhekk. Fil-fatt, f’dak il-każ, l-Irlanda u r-Renju Unit kienu nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni tad-deċiżjoni rilevanti, b’tali mod li, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21, ma kienx meħtieġ li jiġu applikati r-regoli dwar il-votazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll. Fir-rigward tal-Protokoll Nru 22, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkonstatat li, fid-dawl tal-kontenut tal-ftehim maħsub, ir-Renju tad-Danimarka ma kienx ser ikun marbut mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim u li, għaldaqstant, irrispettivament mill-bażi legali adottata, ir-Renju tad-Danimarka ma kienx ser jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ( 177 ).

188.

Hawnhekk jista’ jingħad li, għall-kuntrarju tal-argumenti mressqa matul is-seduta mill-Kummissjoni, il-fatt li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f’din is-sitwazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) TFUE ma jistax iwassal sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 21. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, l-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21 jisfa bla ebda tifsira reali għaliex, fl-opinjoni tiegħu, l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni huwa preċiżament li tispeċifika li dan il-protokoll japplika wkoll meta l-Unjoni jkollha kompetenza esklużiva minħabba li l-miżura maħsuba tkun tista’ tibdel l-atti leġiżlattivi eżistenti.

189.

Anki fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li ma jibdlux miżura eżistenti, jiena nemmen li l-qbil tal-Irlanda jibqa’ meħtieġ. Għalkemm l-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21 jirreferi għal miżura li għandha l-effett li tibdel waħda eżistenti, jibqa’ l-fatt – kif huwa enfasizzat mill-użu tal-kelma “anke” – li anki meta miżura ma tkunx ser tibdel jew temenda att eżistenti, l-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll xorta waħda japplika hekk kif il-miżura maħsuba jkun fiha dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE.

190.

Huwa minnu, naturalment, li sa fejn l-Irlanda qablet li tkun marbuta minn ċerti atti tad-dritt tal-Unjoni, hija mbagħad ma tkunx tista’ tikkonkludi konvenzjoni jew ftehim internazzjonali ieħor li jdgħajjef l-effettività ta’ dan l-istess dritt. Il-kuntrarju, iżda, ma huwiex minnu. Il-fatt li l-Irlanda qablet li tkun marbuta minn dawn l-istrumenti leġiżlattivi tal-Unjoni ma jfissirx li l-Irlanda mbagħad ser tkun obbligata tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ att li jikkonkludi konvenzjoni marbuta mal-qasam kopert mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. Konklużjoni bħal din tkun kuntrarja għall-formulazzjoni ċara tal-Protokoll Nru 21.

191.

Filwaqt li huwa ċar li jekk tidħol fis-seħħ għall-Unjoni l-Konvenzjoni ta’ Istanbul ser ikollha impatt fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, l-effett tal-Protokoll Nru 21 ikun li, ikkunsidrata mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, l-Irlanda ma hijiex ser tkun marbuta minn din il-konvenzjoni fir-rigward tal-kompetenzi kollha eżerċitati minnha fil-mument tal-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni sakemm ma tindikax ukoll l-intenzjoni tagħha li tkun hekk marbuta. Għaldaqstant, jekk l-Irlanda taqbel li tkun marbuta mid-deċiżjoni tal-Unjoni li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward biss ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet separati tkun għalhekk meħtieġa.

192.

Il-fatt, barra minn hekk, li l-Irlanda diġà kkonkludiet il-Konvenzjoni ta’ Istanbul ma jidhirx li huwa tali, fil-fehma tiegħi, li jdaħħal inkwistjoni l-analiżi preċedenti ( 178 ). Dan għaliex il-konsegwenzi prodotti minn din il-konklużjoni ma humiex l-istess daqslikieku l-Irlanda qablet li tkun marbuta mid-deċiżjoni tal-Unjoni li tikkonkludi din il-konvenzjoni. B’mod partikolari, jekk l-Irlanda taqbel li tkun marbuta mill-adeżjoni tal-Unjoni ma’ din il-konvenzjoni, dan ser ikollu l-konsegwenza, minn naħa, li anki jekk xi darba dan l-Istat Membru jirrinunzja għal din il-konvenzjoni skont l-Artikolu 80 tagħha, huwa ser jibqa’ marbut fir-rigward tal-materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat Membru jista’ ma jkunx jixtieq li jkun marbut mid-deċiżjoni li ser tittieħed mill-Unjoni sa fejn, skont il-portata ta’ din l-adeżjoni, din id-deċiżjoni tkun tista’ tipprevali fuq ir-riżervi espressi minn dan l-Istat Membru.

193.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-intenzjonijiet tal-Irlanda, l-adozzjoni ta’ żewġ deċiżjonijiet mhux biss tkun valida iżda dan l-approċċ ikun adattat u jista’ anki jkun legalment meħtieġ.

194.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi lill-Parlament fis-sens li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Unjoni permezz ta’ żewġ atti separati ma hijiex ta’ natura li tagħmel dawn l-atti invalidi.

VI. Fuq it-tieni domanda

195.

Permezz tat-tieni domanda tiegħu, il-Parlament jistaqsi jekk id-deċiżjoni tal-Unjoni li tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tkunx valida jekk tiġi adottata fl-assenza ta’ ftehim komuni tal-Istati Membri kollha dwar il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta bl-imsemmija konvenzjoni.

196.

F’dan ir-rigward, il-Parlament jirrikonoxxi l-importanza li tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-proċess tan-negozjar, tal-konklużjoni u tal-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali. Huwa jqis, madankollu, li l-fatt li l-Kunsill jistenna sakemm l-Istati Membri kollha jkunu kkonkludew dan il-ftehim qabel ma jiġi konkluż mill-Unjoni (prassi li l-Parlament isejjaħ il-prassi ta’ “qbil komuni”), imur lil hinn minn tali kooperazzjoni. Il-Parlament isostni li fil-prattika dan jammonta għal rekwiżit ta’ unanimità fi ħdan il-Kunsill sabiex jiġi adottat ftehim internazzjonali minkejja l-eżistenza ta’ regola li teżiġi maġġoranza kkwalifikata. Barra minn hekk, tali prassi twassal sabiex id-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni tiġi ttrasformata f’att ibridu.

197.

Matul is-seduta, il-Kunsill jidher li ammetta li, fil-każ ta’ ftehim imħallat, il-prassi ġenerali tiegħu hija ħafna drabi li jistenna li l-Istati Membri jikkonkludu dan il-ftehim (jew, minn tal-inqas, sakemm jikkonfermaw li ser jikkonkludu dan il-ftehim) qabel ma jissottometti għal votazzjoni d-deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi dan il-ftehim. Madankollu, il-Kunsill jargumenta li huwa ma jqisx lilu nnifsu marbut minn din il-prassi għalkemm, fil-każ tal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, din il-pożizzjoni ta’ stennija hija kompletament iġġustifikata.

198.

F’dan il-kuntest, għandu l-ewwel jitfakkar li meta l-Unjoni tiddeċiedi li teżerċita l-kompetenzi tagħha, dawn il-kompetenzi għandhom jiġu eżerċitati b’mod li jikkonforma mad-dritt internazzjonali ( 179 ).

199.

Taħt id-dritt internazzjonali, l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali minn entità ma jistabbilixxix, bħala prinċipju, il-kunsens tagħha li tkun marbuta u, għaldaqstant, bħala prinċipju, la jobbligaha tikkonkludi dan il-ftehim, u lanqas ma jobbligaha li tinvoka neċessarjament il-proċedura kostituzzjonali tagħha (pereżempju billi tfittex l-approvazzjoni leġiżlattiva jew parlamentari adegwata) sabiex tiġi awtorizzata tali konklużjoni. L-uniku obbligu li jaqa’ fuq tali partijiet huwa dak previst fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969 ( 180 ), jiġifieri li jaġixxu in bona fide u li jastjenu milli jwettqu atti li jġibu fix-xejn l-għan u l-iskop tal-ftehim.

200.

Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jadottaw att ta’ applikazzjoni ġenerali. Lanqas ma huma obbligati jagħmlu dan f’terminu partikolari. Fil-każ tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, peress li t-Trattati ma jistabbilixxu ebda terminu għall-Kunsill sabiex jadotta deċiżjoni f’dan ir-rigward u peress li l-Kunsill igawdi, fil-fehma tiegħi, minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex jieħu din id-deċiżjoni ( 181 ) ‐ anki meta l-Unjoni tkun diġà ffirmat dan il-ftehim – jiena nqis li l-Kunsill jista’ jipposponi d-deċiżjoni tiegħu għall-perijodu li huwa jqis neċessarju sabiex jieħu deċiżjoni informata.

201.

Għall-kuntrarju tal-argument imressaq mill-Parlament, il-fatt li wieħed jistenna li l-Istati Membri kollha jkunu kkonkludew il-ftehim imħallat inkwistjoni ma jimplikax bidla fir-regoli li jirregolaw id-deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi dan il-ftehim, u lanqas ma jibdel id-deċiżjoni li tkun ser tittieħed f’att ibridu. Fil-fatt, tali aġir ma jimplikax li, jekk fl-aħħar mill-aħħar Stat Membru jiddeċiedi li ma jikkonkludix dan il-ftehim, l-Unjoni ma hijiex ser tikkonkludih. Għaldaqstant, tali prassi bl-ebda mod ma hija ekwivalenti għall-amalgamazzjoni tal-proċedura nazzjonali għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE.

202.

Bħala fatt, għalkemm ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar ir-rilevanza ta’ tali aġir, tali prassi tidher li hija kompletament leġittima. Kif diġà spjegajt, ladarba l-Unjoni u l-Istati Membri jikkonkludu ftehim imħallat, dawn ikunu, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, responsabbli in solidum għal kwalunkwe nuqqas mhux iġġustifikat li jimplimentaw il-ftehim ( 182 ). Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, jidher li diversi Stati Membri indikaw li ltaqgħu ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-konklużjoni fuq il-livell nazzjonali.

203.

Huwa minnu li meta l-Unjoni jkollha l-intenzjoni tikkonkludi ftehim imħallat, l-Istati Membri għandhom obbligi kemm fir-rigward tal-proċess ta’ negozjati u ta’ konklużjoni u kemm fir-rigward tat-twettiq tal-impenji sottoskritti, li jirriżultaw mir-rekwiżit ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni ( 183 ). Madankollu, tali obbligu ma jimplikax li l-Istati Membri huma xorta waħda obbligati jikkonkludu tali ftehim. Tabilħaqq, tali approċċ imur kontra l-prinċipju ta’ tqassim tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 4(1) TUE.

204.

F’każ bħal dak ineżami, dan id-dmir jista’ jistabbilixxi b’mod awtonomu, l-iktar l-iktar, dmir ta’ astensjoni ( 184 ). Fi kwalunkwe każ, peress li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali jopera wkoll għall-benefiċċju tal-Istati Membri sa fejn jeżiġi li l-Unjoni tosserva l-kompetenzi tal-Istati Membri ( 185 ), l-Unjoni ma tistax tinvoka din id-dispożizzjoni sabiex tobbliga lill-Istati Membri jikkonkludu ftehim internazzjonali.

205.

F’dan il-kuntest, il-konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehim imħallat jista’ għaldaqstant ikollha l-effett li tagħmel lill-Unjoni responsabbli, taħt id-dritt internazzjonali, għall-aġir ta’ ċerti Stati Membri, minkejja li dawn tal-aħħar ikunu qegħdin jaġixxu f’dawn iċ-ċirkustanzi fil-kuntest tal-kompetenzi esklużivi tagħhom. Din, madankollu, hija l-konsegwenza inevitabbli tal-prinċipju ta’ tqassim ta’ kompetenzi skont id-dritt kostituzzjonali intern tal-Unjoni.

206.

Sa fejn huwa kkonċernat il-każ ineżami, huwa paċifiku li, sabiex tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-Unjoni ma hijiex ser teżerċita ċerti kompetenzi kondiviżi u, b’mod partikolari, il-kompetenza dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru. Għaldaqstant, numru sinjifikattiv ta’ obbligi taħt din il-konvenzjoni ser jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Fil-fatt, diversi Stati Membri indikaw li ltaqgħu ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-konklużjoni fil-livell nazzjonali. Dan kollu jfisser li l-Kunsill huwa intitolat jieħu approċċ kawt u prudenti fir-rigward tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim.

207.

F’dan ir-rigward, xi drabi ġie argumentat li ma jkunx legalment aċċettabbli li l-Kunsill jistenna l-“ftehim komuni” tal-Istati Membri sabiex jikkonkludi ftehim imħallat, sa fejn l-Unjoni tkun tista’ ssolvi kwalunkwe diffikultà li tiltaqa’ magħha billi sempliċement tesprimi riżerva fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Madankollu, fil-każ partikolari tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, l-Artikolu 78(1) tagħha jipprovdi li ebda riżervi ma huma permessi ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 78(2) jew (3) tagħha. Ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprevedi l-possibbiltà għall-Unjoni li tagħmel dikjarazzjoni ta’ kompetenza permezz ta’ riżerva f’dan is-sens.

208.

Diversi partijiet li pparteċipaw fil-proċedura argumentaw xorta waħda li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, l-Unjoni tista’ tagħmel dikjarazzjoni ta’ kompetenza, sa fejn argumentaw li dan fil-fatt ma jkunx jikkostitwixxi riżerva fis-sens tad-dritt internazzjonali. Skont dawn il-partijiet, tali dikjarazzjoni ta’ kompetenza ma tikkostitwixxix riżerva għaliex l-iskop tagħha huwa wieħed differenti. Huma jgħidu li dikjarazzjoni sempliċement tirrifletti sitwazzjoni legali oġġettiva, jiġifieri li Parti fi ftehim internazzjonali ma għandhiex il-kapaċità sħiħa li tikkonkludih filwaqt li, b’kuntrast għal dan, riżerva tirrifletti għażla suġġettiva ta’ din il-Parti li ma tidħolx f’dan il-ftehim b’mod sħiħ. Għaldaqstant, dikjarazzjoni tista’ ssir anki meta l-ftehim inkwistjoni jeskludi riżervi.

209.

Min-naħa tiegħi, iżda, ma nistax naqbel ma’ dan. Mill-Artikolu 2(1)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna ( 186 ) jirriżulta li riżerva tfisser dikjarazzjoni unilaterali, irrispettivament minn kif tkun ifformulata jew imsejħa, magħmula minn Stat meta jiffirma, jirratifika, jaċċetta, japprova jew jaderixxi ma’ trattat, li permezz tagħha jkollu l-intenzjoni jeskludi jew jemenda l-effett legali ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-trattat fl-applikazzjoni tagħhom għal dan l-Istat ( 187 ).

210.

Għaldaqstant, jidher li, skont id-dritt internazzjonali, l-għan segwit minn dikjarazzjoni huwa irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex tiġi ttrattata bħala riżerva jew le. L-unika kwistjoni hija jekk il-funzjoni tad-dikjarazzjoni inkwistjoni hijiex li teskludi jew li temenda l-effett legali ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-trattat ( 188 ).

211.

F’dan il-kuntest, wieħed jista’ jiftakar li wieħed mill-prinċipji ewlenin li jirregolaw it-trattati internazzjonali, kif stabbilit fl-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna kif ukoll fl-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali tal‑21 ta’ Marzu 1986 ( 189 ), huwa li Parti ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħha bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas tagħha li teżegwixxi trattat. Dan, iżda, ikun preċiżament l-għan segwit minn dikjarazzjoni ta’ kompetenza jekk tintuża sabiex jiġi limitat ir-riskju li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ ftehim imħallat minn Stat Membru ( 190 ). Għaldaqstant, tali dikjarazzjoni jkollha titqies li hija “riżerva” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

212.

Minn dan isegwi li, għall-finijiet tad-dritt internazzjonali, dikjarazzjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn organizzazzjoni internazzjonali u l-membri tagħha għandha titqies li tikkostitwixxi riżerva ( 191 ) u, għaldaqstant, tista’ tiġi espressa biss jekk permessa minn dispożizzjoni fil-ftehim inkwistjoni, kif kien il-każ, pereżempju, tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar li kienet inkwistjoni fil-kawża magħrufa bħala MOX Plant ( 192 ).

213.

Fil-prattika, ħafna mill-konvenzjonijiet li fihom l-Unjoni hija Parti jipprevedu l-possibbiltà li jiġu espressi riżervi, jew saħansitra jeħtieġu riżervi min-naħa ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jikkonkludu dawn il-konvenzjonijiet sabiex jagħmlu dikjarazzjoni ta’ kompetenza ( 193 ). L-iktar eżempju magħruf ta’ konvenzjoni li tipprevedi tali obbligu huwa l-Artikolu 2 tal-Anness IX tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ( 194 ).

214.

Madankollu, peress li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul ma tippermettix li Parti tagħmel riżervi fir-rigward tar-regoli dwar ġurisdizzjoni, kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula f’dan is-sens mill-Unjoni tista’ titqies li ma għandhiex effett legali għall-finijiet tad-dritt internazzjonali. Fil-fatt, matul is-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni inizjalment qajmet il-possibbiltà li jsir użu minn dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni. Meta saritilha pressjoni, iżda, hija finalment ammettiet li, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, tali dikjarazzjoni ma ser ikollha ebda valur legali u ser ikollha biss valur informattiv ( 195 ).

215.

Fil-fehma tiegħi, wieħed jista’ biss iqis (bir-rispett kollu) li tali approċċ ma huwiex sodisfaċenti. Kwalunkwe dikjarazzjoni bħal din mhux biss tkun irrilevanti mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali iżda wkoll, meqjusa minn din il-perspettiva, tali dikjarazzjoni tista’ anki titqies li tista’ tqarraq. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Unjoni għandha tastjeni milli tagħmel tali dikjarazzjoni ta’ kompetenza meta l-konvenzjoni inkwistjoni ma tippermettix li jsiru riżervi ( 196 ).

216.

Fuq l-istess linji, wieħed jista’ josserva li jkun inutli li wieħed jistenna sa fejn l-Artikolu 77 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jipprovdi li kwalunkwe Stat jew l-Unjoni jistgħu, fil-mument tal-iffirmar jew meta jiddepożitaw l-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni tagħhom, jidentifikaw it-territorju jew it-territorji li għalihom għandha tapplika din il-konvenzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, hemm essenzjalment żewġ raġunijiet għaliex fil-verità ma huwiex ser ikun fattibbli għall-Unjoni li tipprova tinvoka din id-dispożizzjoni sabiex tillimita r-responsabbiltà tal-Unjoni. L-ewwel, kwalunkwe sforz sabiex jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehim għal Stati Membri speċifiċi ser imur kontra l-unità essenzjali tad-dritt tal-Unjoni fi ħdan l-Unjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Normalment, deroga minn din l-unità u l-koeżjoni essenzjali tad-dritt tal-Unjoni hija prevista espliċitament fuq il-livell tat-Trattati, bħalma jixhdu estensivament bil-mod tagħhom il-Protokolli Nru 20, Nru 21 u Nru 32. It-tieni, l-Artikolu 77 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ikun jista’ jiġi implimentat fil-prattika biss ġaladarba tkun magħrufa l-pożizzjoni tal-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jaċċetta li l-użu ta’ din id-dispożizzjoni huwa fil-fatt possibbli, hemm raġunijiet prattiċi u legali b’saħħithom favur il-prassi ta’ “qbil komuni”.

217.

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-konvenzjoni inkwistjoni kienet adottata taħt il-patroċinju tal-Kunsill tal-Ewropa – li huwa kompletament konxju tan-natura kumplessa tar-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni – ma jiġġustifikax li l-Unjoni tinjora r-regoli tad-dritt internazzjonali fil-każ li tikkonkludi din il-konvenzjoni. Minn naħa, ir-regoli tad-dritt internazzjonali japplikaw għal kull trattat internazzjonali, mingħajr eċċezzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huwa ċar li min fassalha kellu f’moħħu, b’mod ċar, is-sitwazzjoni partikolari tal-Unjoni meta fassalha iżda eskluda – wieħed jassumi li b’mod intenzjonat – il-possibbiltà li jiġu fformulati riżervi ta’ kompetenza ( 197 ).

218.

F’dan il-kuntest, l-Unjoni mhux biss ma għandha ebda obbligu immedjat li tikkonkludi l-Konvenzjoni fi żmien partikolari, iżda hemm ukoll, kif għadni kemm ippruvajt nispjega, raġunijiet prattiċi b’saħħithom għaliex għandha tistenna sakemm l-Istati Membri kollha jkunu kkonkludewha. Fil-fatt, jekk Stat Membru wieħed jew iktar jirrifjutaw li jikkonkludu l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-Kunsill jaf ikun jixtieq jiddeċiedi li l-Unjoni għandha teżerċita iktar kompetenzi kondiviżi minn dawk inizjalment previsti sabiex titnaqqas il-portata tal-adeżjoni li taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri ( 198 ).

219.

Fil-każ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, tali approċċ jidher iktar u iktar rilevanti għaliex il-Kunsill u l-Parlament jistgħu possibbilment jiddeduċu, mill-eżistenza ta’ diffikultajiet f’ċerti Stati Membri fir-rigward tal-konklużjoni ta’ din il-konvenzjoni, l-eżistenza ta’ ħtieġa partikolari li tiġi miġġielda ċerta mġiba, fis-sens tal-Artikolu 83(1) TFUE, li tawtorizzahom, bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) TFUE, jestendu oqsma ta’ kompetenza kondiviża f’oqsma marbuta mad-dritt kriminali.

220.

Madankollu, għalkemm fit-talba tiegħu skont l-Artikolu 218 TFUE l-Parlament ikkritika d-dewmien fil-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, huwa formalment ifformula d-domanda tiegħu bħala li hija marbuta mal-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni li tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tkunx valida jekk tiġi adottata mingħajr l-istennija tal-ftehim komuni tal-Istati Membri li jkunu marbuta b’din il-konvenzjoni.

221.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li d-diffikultajiet possibbli li jistgħu jqumu fil-ġestjoni tal-ftehimiet ikkonċernati ma jikkostitwixxux kriterju li fuq il-bażi tiegħu tista’ tiġi evalwata l-validità tad-deċiżjoni li tiġi awtorizzata l-konklużjoni ta’ ftehim ( 199 ).

222.

Għaldaqstant, ma nemminx li l-Kunsill huwa meħtieġ li jkun kiseb konferma mill-Istati Membri ta’ dak li kienu ser jikkonkludu sabiex l-Unjoni tkun awtorizzata tikkonkludi tali ftehim ( 200 ). L-ewwel, it-Trattati ma jsemmu ebda obbligu bħal dan. It-tieni, filwaqt li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw unità fir-rappreżentanza internazzjonali tagħhom, kif indikajt, l-Unjoni għandha tiżgura wkoll li l-kompetenzi tal-Istati Membri jkunu osservati. Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru ma jkunx ikkonkluda trattat ma jwaqqafx lil dan l-Istat Membru milli jikkonforma ruħu mal-prinċipju ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali li jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan il-prinċipju jeħtieġ biss li dan l-Istat jastjeni minn azzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-pożizzjonijiet adottati mill-Unjoni.

223.

Dan kollu jwassalni għall-konklużjoni li l-Kunsill ma huwa suġġett għal ebda obbligu li jistenna l-ftehim komuni tal-Istati Membri, u lanqas ma huwa suġġett għal xi obbligu li jikkonkludi ftehim internazzjonali, bħalma hija l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, immedjatament wara li jiffirmah. Għall-kuntrarju, huwa l-kompitu tal-Kunsill li jevalwa liema hija l-aħjar soluzzjoni, fid-dawl ta’ fatturi bħalma huma l-portata tar-riskju ta’ nuqqas mhux iġġustifikat ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim imħallat inkwistjoni min-naħa ta’ Stat Membru jew il-possibbiltà li tinkiseb il-maġġoranza meħtieġa fi ħdan il-Kunsill sabiex jeżerċita waħdu l-kompetenzi kondiviżi kollha kkonċernati mill-imsemmi ftehim.

224.

Fl-aħħar nett, għalkemm ma huwiex neċessarju li jsir dan, nipproponi li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni msemmija matul is-seduta, jiġifieri x’jista’ jiġri jekk Stat Membru jirrinunzja l-imsemmija konvenzjoni ladarba tkun ġiet konkluża mill-Istati Membri u mill-Unjoni.

225.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm id-dmir ta’ kooperazzjoni leali jimponi mingħajr ebda dubju obbligu li l-Istat Membru kkonċernat jinforma minn qabel lill-Unjoni, dan id-dmir ma jistax jiġi estiż b’mod li jwaqqaf lil Stat Membru milli jirtira minn ftehim internazzjonali. Fil-fatt, il-konsegwenza loġika u inevitabbli tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi hija li Stat Membru jista’ jirtira minn ftehim imħallat sakemm parti mill-ftehim tkun għadha taqa’ fil-kompetenza tal-Istati, u dan jew għaliex l-Unjoni tkun għadha ma eżerċitatx diġà l-kompetenzi kondiviżi kollha jew għaliex ċerti partijiet tal-ftehim jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Madankollu, din il-possibbiltà ma tobbligax lill-Unjoni toħroġ mill-ftehim ukoll. Hawnhekk, għal darba oħra, fil-fehma tiegħi, ikun sempliċement il-kompitu tal-Kunsill, jekk ikun meħtieġ, li jevalwa l-ibbilanċjar bejn l-importanza tal-ftehim inkwistjoni u r-riskji ġġenerati mill-konklużjoni mhux perfetta tiegħu mill-Unjoni u mill-Istati Membri.

226.

Għaldaqstant, nipproponi li t-tieni domanda tingħata risposta billi jingħad, l-ewwel, li d-deċiżjoni tal-Unjoni li tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tkun kompatibbli mat-Trattati jekk tiġi adottata fl-assenza ta’ ftehim komuni mill-Istati Membri kollha dwar il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta minn din il-konvenzjoni. Madankollu, din id-deċiżjoni tkun ukoll kompatibbli mat-Trattati jekk tiġi adottata biss wara li jkun ġie stabbilit tali ftehim komuni. Huwa esklużivament il-Kunsill li għandu jiddeċiedi liema waħda minn dawn iż-żewġ soluzzjonijiet hija l-aħjar.

VII. Konklużjoni

227.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Parlament b’dan il-mod:

Jekk l-intenzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-portata tal-kompetenzi kondiviżi li għandhom jiġu eżerċitati mal-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul jibqgħu l-istess, id-deċiżjoni li tawtorizza din il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea għandha tkun ibbażata fuq l-Artikoli 78(2) TFUE, 82(2) TFUE, 84 TFUE u 336 TFEU bħala bażijiet legali sostantivi.

Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Unjoni Ewropea permezz ta’ żewġ atti separati ma hijiex ta’ natura li tagħmel dawn l-atti invalidi.

Id-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tkun kompatibbli mat-Trattati jekk tiġi adottata fl-assenza ta’ ftehim komuni tal-Istati Membri dwar il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta minn din il-konvenzjoni. Barra minn hekk, madankollu, din id-deċiżjoni tkun ukoll kompatibbli mat-Trattati jekk tiġi adottata biss wara li jkun ġie stabbilit tali ftehim komuni. Huwa esklużivament il-Kunsill li għandu jiddeċiedi liema waħda minn dawn iż-żewġ soluzzjonijiet hija l-aħjar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Skont il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-raġuni għal dan kien li l-Kummissjoni qatt ma ssottomettiet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rakkomandazzjoni għal deċiżjoni li jinfetħu negozjati u li tawtorizza lill-Kummissjoni tmexxi n-negozjati f’isem l-Unjoni.

( 3 ) Għal ħarsa iktar komprensiva lejn il-kuntest li fih kienet adottata din il-konvenzjoni, ara r-Rapport ta’ Spjega dwar il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza Kontra n-Nisa u l-Vjolenza Domestika, Sensiela ta’ Trattati tal-Kunsill tal-Ewropa, Nru 210.

( 4 ) Fid-dritt internazzjonali, l-iffirmar ta’ ftehim internazzjonali huwa ekwivalenti għal forma ta’ approvazzjoni preliminari. L-iffirmar ma jimplikax obbligu vinkolanti iżda jindika l-intenzjoni tal-Parti kkonċernata li tissieħeb fil-ftehim. Għalkemm ma huwiex wegħda ta’ konklużjoni, dan l-iffirmar jimpenja lill-Parti firmatarja sabiex tastjeni minn atti li jmorru kontra l-għanijiet jew l-iskop tat-trattat.

( 5 ) Fil-mument tat-tressiq tat-talba għal opinjoni, wieħed u għoxrin Stat Membru kienu kkonkludew il-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Madankollu, il-proċess ta’ konklużjoni ġie sospiż f’minn tal-inqas żewġ Stati Membri, jiġifieri fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Repubblika Slovakka. Fir-Repubblika tal-Bulgarija, is-sospensjoni rriżultat minn deċiżjoni tal-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali) li kkonstatat kontradizzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Fir-Repubblika Slovakka, in-Národná rada Slovenskej republiky (il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka) ivvota b’maġġoranza kbira kontra l-konklużjoni.

( 6 ) Din il-proċedura kienet diġà inkluża fit-Trattat oriġinali li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (1957), li huwa forsi sorprendenti fid-dawl tas-setgħat limitati għal konklużjoni ta’ trattati mogħtija espliċitament lill-Komunità Ekonomika Ewropea dak iż-żmien. Ara Cremona, M., “Opinions of the Court of Justice”, f’Ruiz Fabri, H. (editur), Max Planck Encyclopaedia of International Procedural Law (MPEiPro), OUP, Oxford, disponibbli fuq l-internet, paragrafu 2.

( 7 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 52).

( 8 ) Cremona, M., “Opinions of the Court of Justice”, f’Ruiz Fabri, H. (editur), Max Planck Encyclopaedia of International Procedural Law (MPEiPro), OUP, Oxford, disponibbli fuq l-internet, paragrafu 3.

( 9 ) Ibid.

( 10 ) Opinjoni 1/75 (Memorandum tal-OECD dwar standard tal-infiq lokali), tal‑11 ta’ Novembru 1975 (EU:C:1975:145, pp. 1360 u 1361). Ara wkoll, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat‑28 ta’ Marzu 1996 (EU:C:1996:140, punti 3 sa 6), u Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 145146).

( 11 ) Ara l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 69).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/91 (Il-Konvenzjoni ILO Nru 170), tad‑19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punt 3).

( 13 ) Fid-dritt internazzjonali, ftehim jiġi konkluż bl-iskambju, bid-depożitu jew bin-notifika ta’ strumenti li jesprimu l-impenn definittiv tal-Partijiet kontraenti. Mill-perspettiva tal-Unjoni, il-Kunsill jadotta, fuq proposta min-negozjatur, deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim. Ara l-Artikolu 218 TFUE u Neframi, E., “Accords internationaux, Compétence et conclusion”, f’Jurisclasseur Fascicule, 192‑1, LexisNexis, 2019.

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 54).

( 15 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja xi drabi tieħu inkunsiderazzjoni atti li jkunu separati mill-ftehim inkwistjoni iżda li jkunu relatati direttament miegħu. Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/92 (It-Tieni Opinjoni dwar il-Ftehim ŻEE), tal‑10 ta’ April 1992 (EU:C:1992:189, punti 23 sa 25).

( 16 ) Għaldaqstant, talba għal opinjoni tista’ titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel jinbdew in-negozjati internazzjonali, meta s-suġġett tal-ftehim maħsub ikun magħruf. Ara l-Opinjoni 1/09 (Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 55).

( 17 ) Għal eżempju ta’ din il-linja ta’ ġurisprudenza fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28).

( 18 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu pożizzjoni, fil-kuntest tal-proċedura għal opinjoni, dwar il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tikkonkludi konvenzjoni, dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita għal dan il-għan, jew dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-konvenzjoni mat-Trattati. Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punti 70 sa 72).

( 19 ) Opinjoni 1/09 (Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punti 4748).

( 20 ) Għaldaqstant, domanda dwar it-terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li jiġi konkluż att ta’ ftehim internazzjonali ma tkunx ammissibbli fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE, peress li l-ammont ta’ żmien meħud sabiex tiġi adottata deċiżjoni ma jikkostitwixxix, fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja, raġuni għal annullament. Ara, f’dan is-sens, pereżempju, l-ordni tat‑13 ta’ Diċembru 2000, SGA vs Il-Kummissjoni (C‑39/00 P, EU:C:2000:685, punt 44).

( 21 ) P. 1361. Enfasi miżjuda minni.

( 22 ) Punti 15 sa 17.

( 23 ) Ara l-Opinjoni 1/09 (Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 49).

( 24 ) Ara l-Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat‑28 ta’ Marzu 1996 (EU:C:1996:140, punti 20 sa 22); l-Opinjoni 1/09 (Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 49); u l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 147). Peress li f’dan il-każ il-kontenut tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u l-“karatteristiċi essenzjali” tagħha huma magħrufa, ma hemm ebda raġuni għaliex id-domandi magħmula għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli fuq il-bażi biss tad-data li fiha saru dawn id-domandi fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 218(11) TFUE. L-unika limitazzjoni ratione temporis hija li l-proċedura tal-Artikolu 218(11) TFUE għandha tiġi invokata qabel id-data li fiha l-ftehim internazzjonali inkwistjoni jkun ġie konkluż mill-Unjoni.

( 25 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90, punti 161725).

( 26 ) Punt 14.

( 27 ) Opinjoni 2/00 (Il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas‑6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punt 11).

( 28 ) Dan jeħtieġ li l-prassi inkwistjoni kienet waħda mir-raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata jew li din il-prassi kienet ifformulata f’regoli interni, jew li l-Kunsill kien irrefera għaliha f’dokument ta’ pożizzjoni adottat fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

( 29 ) Fil-fatt, l-għan tal-proċedura għal opinjoni huwa li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jqumu fil-livell internazzjonali jekk id-deċiżjoni li jiġi konkluż ftehim internazzjonali tiġi sussegwentement iddikjarata invalida. B’hekk, din il-“proċedura konsultattiva” għandha tkun tista’ tindirizza kwalunkwe domanda li tista’ taffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fehma tiegħi, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar jekk ix-xenarju kkunsidrat huwiex kredibbli jew le, u dan sa fejn, mid-deċiżjoni tagħha stess, huwa biss ladarba tkun ġiet adottata d-deċiżjoni li jiġi konkluż il-ftehim internazzjonali li l-għażliet proċedurali tal-Kunsill ikunu jistgħu jkunu magħrufa u rrikonoxxuti.

( 30 ) Ara Adam, S., La procédure d’avis devant la Cour de justice de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2011, p. 166.

( 31 ) Opinjoni 1/09 (Ftehim li joħloq sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 53). Fl-istadju li jippreċedi l-ftuħ ta’ negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, talba għal opinjoni tista’ tikkonċerna biss il-kompetenza tal-Unjoni li tikkonkludi ftehim fil-qasam inkwistjoni, bil-kundizzjoni li s-suġġett preċiż tal-ftehim maħsub ikun diġà magħruf. Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat‑28 ta’ Marzu 1996 (EU:C:1996:140, punti 16 sa 18).

( 32 ) B’mod ġenerali, sa fejn tkun ġie ifformulata b’mod li tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà li joħorġu mill-formulazzjoni u mill-għanijiet imfittxija minn din il-proċedura, talba għal opinjoni ma tistax tiġi ddikjarata inammissibbli. Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 3/94 (Ftehim qafas dwar il-banana), tat‑13 ta’ Diċembru 1995 (EU:C:1995:436, punt 22).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 48). B’mod iktar ġenerali, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ksur ta’ regola proċedurali jwassal għall-annullament tal-att ikkontestat fil-każ biss li din ir-regola seta’ jkollha influwenza fuq il-kontenut ta’ dan l-att. Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, EU:C:1980:248, punt 47). Madankollu, sabiex id-deċiżjoni tiġi annullata, huwa suffiċjenti li d-difett seta’ kellu impatt fuqha. Ara, a contrario sensu, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 48).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punti 7071).

( 35 ) Punt 49. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 71), l-importanza kostituzzjonali tal-indikazzjoni tal-bażijiet legali ta’ att toħroġ mill-fatt li, peress li l-Unjoni għandha biss kompetenzi attribwiti, din l-indikazzjoni tippermetti li l-atti adottati mill-Unjoni jintrabtu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li effettivament jagħtuha s-setgħa li tadottahom.

( 36 ) Ara l-punt 51. Madankollu, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (WRC‑15) (C‑687/15, EU:C:2017:803), bħal fis-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja invalidat ukoll att minħabba problema ta’ bażijiet legali, l-att inkwistjoni ma kien fih ebda indikazzjoni tal-bażijiet legali li fuqhom kien ibbażat.

( 37 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑656/11, EU:C:2014:97, punt 49), u tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 73).

( 38 ) Punt 117.

( 39 ) Fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni ta’ dawn il-protokolli hija ddeterminata mill-portata tal-att inkwistjoni u mhux mill-għażla tal-bażi jew bażijiet legali tiegħu.

( 40 ) Anki fil-każ ta’ rikors għal annullament, in-natura effettiva jew ineffettiva ta’ motiv tirreferi esklużivament għall-kapaċità ta’ dan il-motiv, fil-każ li jkun fondat, li jwassal għall-annullament mitlub mir-rikorrent, iżda bl-ebda mod ma taffettwa l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv.

( 41 ) Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 74).

( 42 ) Fil-fatt, tali argument ikun operattiv biss fil-kuntest ta’ azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

( 43 ) Sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 36).

( 44 ) Sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 37), u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 31). Ġieli sar riferiment għal dan l-approċċ bħala d-“duttrina ta’ assorbiment”. Ara Maresceau, M., “Bilateral Agreements Concluded by the European Community”, Recueil Des Cours De l’Academie De Droit International – Collected Courses of the Hague Academy of International Law, Vol. 309, 2006, Martinus Nijhoff, Den Haag, p. 157. Essenzjalment, il-komponent(i) prinċipali jew predominanti ta’ att għandhom jitqiesu bħala li jassorbu kull għan jew komponent ieħor. Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑42/97, EU:C:1999:81, punt 43); tat‑30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑36/98, EU:C:2001:64, punti 6062, u 63); u b’mod partikolari tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 70 sa 74). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑94/03, EU:C:2005:308, punt 31) u fil-kawża Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑155/07, EU:C:2008:368, punt 66).

( 45 ) Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 77) u s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 37). Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-użu ta’ żewġ bażijiet jeħtieġ li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel, li l-att inkwistjoni, b’mod simultanju, isegwi diversi għanijiet jew ikollu diversi komponenti, mingħajr ma wieħed minnhom ikun inċidentali għall-ieħor, b’tali mod li jkunu applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati. It-tieni, dawn l-għanijiet jew komponenti għandhom ikunu marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin (b’mod impliċitu, jekk le l-att ikollu jinqasam).

( 46 ) Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 78).

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 tal-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016) 111 final).

( 48 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑13/07, EU:C:2009:190, punt 113).

( 49 ) Jekk, f’każ ipotetiku, xi darba jseħħ dan, jiena nqis li dan ikun abbuż proċedurali li potenzjalment iwassal għall-annullament tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

( 50 ) Huwa minnu li, fl-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-Iskemi ta’ Rabtiet Speċifiċi taħt il-GATS), tat‑30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 166, li, meta jiġu ddeterminati l-bażi jew il-bażijiet legali ta’ att, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet li jkunu anċillari għal wieħed mill-għanijiet ta’ dan l-att jew li jkunu ta’ natura limitata ħafna. Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Settembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan) (C‑244/17, EU:C:2018:662, punti 4546), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li sempliċement jindikaw id-dikjarazzjonijiet tal-Partijiet kontraenti dwar l-għanijiet imfittxija mill-kooperazzjoni tagħhom, mingħajr ma jispeċifikaw kif dawn l-għanijiet ser jintlaħqu b’mod konkret, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali rilevanti. Madankollu, ma huwiex ċar jekk minn dan jistax jiġi dedott, a contrario sensu, li gruppi ta’ dispożizzjonijiet li ma jaqgħux taħt dan ix-xenarju speċifiku għandhomx jitqiesu li jirriflettu komponent jew għan prinċipali ta’ att. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement kompliet tinsisti fuq il-ġurisprudenza tagħha dwar it-test taċ-ċentru tal-gravità. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta li ssemmi l-punt, pjuttost evidenti, li ma huwiex meħtieġ li dispożizzjonijiet anċillari jew limitati ħafna jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-bażi legali rilevanti juri li l-Qorti tal-Ġustizzja issa qiegħda twettaq evalwazzjoni iktar iddettaljata milli kienet tagħmel fil-passat u issa hija iktar disposta li taċċetta pluralità ta’ bażijiet legali, mingħajr, iżda, ma tiġi rrinunzjata l-fehma li ma huwiex meħtieġ li l-bażi legali ta’ att tirrifletti l-kompetenzi kollha eżerċitati sabiex jiġi adottat dan l-att u, għalhekk, l-għanijiet jew il-komponenti kollha ta’ dan l-att. Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:59, punt 90).

( 51 ) Dan ma huwiex mingħajr ċerti paradossi peress li mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-bażi legali ta’ att tirrifletti biss parti mill-kompetenzi eżerċitati. Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑94/03, EU:C:2006:2, punti 3555).

( 52 ) Ara wkoll is-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 49), u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (WRC‑15) (C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 58).

( 53 ) L-unika kundizzjoni għall-eżerċizzju mill-Unjoni ta’ kompetenza kondiviża hija li dan l-eżerċizzju għandu jkun kompatibbli mad-dritt internazzjonali. Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (ŻPB fl-Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 127).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑178/03, EU:C:2006:4, punt 57) jew is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 49).

( 55 ) Sabiex waslet għall-konklużjoni li d-deċiżjoni inkwistjoni kellha wkoll il-protezzjoni tad-data tal-passiġġieri tal-ajru bħala l-komponent predominanti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li l-“kontenut tal-ftehim maħsub […] jirrigwarda, b’mod partikolari [‘in particular’ bl-Ingliż u ‘notamment’ bil-Franċiż], l-istabbiliment ta’ sistema komposta minn serje ta’ regoli intiżi li jipproteġu d-data personali”. L-użu tal-espressjoni “b’mod partikolari” huwa pjuttost informattiv għaliex jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma huwiex meħtieġ li l-ftehim inkwistjoni jiġi eżaminat b’mod eżawrjenti. Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 89). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:675, punti 57 sa 58).

( 56 ) Sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita (C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 42). Ara, b’mod ġenerali, dwar l-interazzjoni bejn id-dritt internazzjonali u d-dritt tal-Unjoni, Malenovský, J., “À la recherché d’une solution inter-systémique aux rapports du droit international au droit de l’Union européenne”, Annuaire français de droit international, Vol. LXV, CNRS Éditions, 2019, p. 3.

( 57 ) Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Unjoni hija differenti minn organizzazzjonijiet internazzjonali klassiċi sa fejn it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni l-Istati Membri huwa suġġett għal bidla kontinwa, li tista’ tagħmel l-analiżi ta’ dan it-tqassim diffiċli mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali.

( 58 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il‑Kummissjoni (C‑455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 91).

( 59 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker (C‑309/10, EU:C:2011:531, punti 34 sa 36).

( 60 ) Fil-fatt, fis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja donnha enfasizzat il-fatt li l-bażi legali ta’ att tista’ tgħaddi informazzjoni dwar il-kompetenzi eżerċitati bil-għan li twarrab żewġ linji oħra ta’ ġurisprudenza. L-ewwel, in-nuqqas ta’ riferiment għal dispożizzjoni preċiża tat-Trattat ma jikkostitwixxix neċessarjament ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali jekk il-bażijiet legali użati sabiex tiġi adottata miżura jkunu jistgħu jiġu ddeterminati mill-kontenut tagħha. Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 56), u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punti 65 sa 67). It-tieni, kif fakkart iktar ’il fuq, sabiex irregolaritajiet dwar l-għażla tal-bażijiet legali rilevanti iwasslu għall-annullament tal-att inkwistjoni, huwa bħala prinċipju meħtieġ li jintwera li dawn in-nuqqasijiet seta’ kellhom impatt fuq il-proċedura leġiżlattiva applikabbli jew fuq il-kompetenza tal-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 98), u tal‑11 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑211/01, EU:C:2003:452, punt 52). Il-Qorti Ġenerali tirreferi ta’ spiss għal din il-ġurisprudenza. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Reisenthel vs UASI – Dynamic Promotion (Hampers, crates and baskets) (T‑53/10, EU:T:2011:601, punt 41).

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 52). F’dan ir-rigward, jista’ jitfakkar li, skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tal‑1969, Parti fi ftehim internazzjonali ma tistax tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas tagħha li teżegwixxi trattat.

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 1994, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑316/91, EU:C:1994:76, punti 2629). Ara, pereżempju, Marín Durán, G., “Untangling the International Responsibility of the European Union and Its Member States in the World Trade Organisation Post-Lisbon: A Competence/Remedy Model”, European Journal of International Law, Vol. 28, Ħarġa 3, 2017, pp. 703 sa 704: “Minn perspettiva tad-dritt internazzjonali, sakemm kemm l-Unjoni u kemm l-Istati Membri tagħha jibqgħu Partijiet fil-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO (u fil-ftehimiet koperti tagħha), il-preżunzjoni hija li t-tnejn li huma marbuta mill-obbligi kollha stabbiliti f’dan il-ftehim u ma jistgħux jinvokaw regoli interni sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni (tal-Artikolu 27(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati bejn Stati u Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew bejn Organizzazzjonijiet Internazzjonali) […] [I]l-pożizzjoni li hija l-iktar aċċettata fil-letteratura akkademika hija li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha huma marbuta b’mod konġunt mid-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-WTO, u […] din il-pożizzjoni ttieħdet ukoll mill-korpi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim fi ħdan il-WTO” [traduzzjoni libera].

( 63 ) Ara, pereżempju, Fry, J. D., “Attribution of Responsibility”, f’Nollkaemper, A. u Plakokefalos, I. (edituri), Principles of Shared Responsibility in International Law, Cambridge, CUP, 2014, p. 99: “[…] taħt il-ftehimiet imħallta bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li ma jispeċifikawx tqassim ċar tas-setgħat, iż-żewġ partijiet huma responsabbli in solidum għal ksur, mingħajr ma tiġi ddeterminata l-attribuzzjoni tal-aġir. Dan jindika li l-Unjoni jew l-Istati Membri ser jinżammu responsabbli anki jekk il-ksur ikun jista’ jiġi attribwit lill-parti l-oħra” [traduzzjoni libera].

( 64 ) Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 344 TFUE jipprekludi li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jiġu sottomessi quddiem qorti li ma tkunx il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 201 et seq.), u s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 32). Minn dan isegwi li, meta tkun involuta f’tilwima internazzjonali, l-Unjoni ma tistax tinvoka l-fatt li n-nuqqas mhux iġġustifikat ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri sabiex tevita r-responsabbiltà tagħha taħt id-dritt internazzjonali f’dan ir-rigward, peress li tali argument jista’ jwassal lill-qorti internazzjonali adita sabiex tiddeċiedi dwar ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

( 65 ) Fil-fehma tiegħi, l-unika eċċezzjoni għal dan hija preċiżament meta tkun saret riżerva f’dan ir-rigward jew meta t-trattat jipprevedi l-obbligu ta’ kull organizzazzjoni internazzjonali li tiddikjara l-portata tal-kompetenzi tagħha. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-qorti internazzjonali ser tapplika din ir-riżerva jew din id-dikjarazzjoni, mingħajr ma tevalwa jekk humiex konformi jew le mad-dritt tal-Unjoni dwar id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u, għalhekk, ir-rekwiżit ta’ separazzjoni stretta tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti internazzjonali – punt enfasizzat fl-Opinjoni 1/17 (Ftehim CET Unjoni‑Kanada), tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 111) – ikun osservat. Huwa preċiżament għal dawn ir-raġunijiet li jkun ġeneralment mixtieq li l-Unjoni, meta tkun qiegħda tinnegozja ftehimiet imħallta, tinsisti li l-ftehim internazzjonali inkwistjoni jipprevedi l-possibbiltà ta’ tali riżerva. Parti mid-diffikultajiet f’dan il-każ inħolqu mill-fatt li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul kienet innegozjata mill-Istati Membri individwali fil-livell tal-Kunsill tal-Ewropa mingħajr ebda involviment inizjali mill-Unjoni. Dan jidher li wassal sabiex il-possibbiltà li jiġu espressi riżervi sempliċement ma ġietx prevista minn dawk li fasslu din il-konvenzjoni.

( 66 ) Ara, pereżempju, Olson, P. M., “Mixity from the Outside: The Perspective of a Treaty Partner”, f’Hillion, C. u Koutrakos, P. (edituri), Mixed Agreements Revisited: The EU and its Member States in the World, Oxford, Hart Publishing, 2010), p. 344: “Filwaqt li l-allokazzjoni ta’ kompetenza tista’ taffettwa kif l-Unjoni timplimenta dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallat, din l-allokazzjoni ma tiddeterminax it-tweġiba għall-kwistjoni tar-responsabbiltà fuq livell internazzjonali” (enfasi miżjuda) [traduzzjoni libera].

( 67 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Unjoni‑Singapor), tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 68).

( 68 ) F’dan ir-rigward wieħed jista’ jiftakar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi ftehim internazzjonali bl-ebda mod ma tikkonferma d-deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar ta’ dan il-ftehim. Opinjoni 2/00 (Il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà), tas‑6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punt 11).

( 69 ) Jekk ma jkunx hekk, id-domanda jkollha titqies, fil-fehma tiegħi, li tant hija astratta li għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

( 70 ) Huwa ċar li t-tielet sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) TFUE tirrikjedi li din il-kompetenza tkun ġiet eżerċitata. Ara l-Opinjoni 2/92 (It-Tielet Deċiżjoni Rreveduta tal-OECD dwar it-Trattament Nazzjonali), tal‑24 ta’ Marzu 1995 (EU:C:1995:83, punt 36), u Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Unjoni‑Singapor), tas‑16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punti 230 sa 237).

( 71 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 68). Għal din ir-raġuni, meta jiġi ddeterminat jekk l-Unjoni għandhiex kompetenza esklużiva sabiex tikkonkludi ċerti partijiet ta’ ftehim, ma huwiex meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-atti li jistabbilixxu programmi ta’ finanzjament jew ta’ kooperazzjoni, sa fejn tali atti ma jistabbilixxux “regoli komuni”.

( 72 ) Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 72).

( 73 ) Opinjoni 3/15 (It-Trattat ta’ Marrakesh dwar l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati), tal‑14 ta’ Frar 2017 (EU:C:2017:114, punt 107). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkonstatat li l-espressjoni “fil-parti l-kbira tiegħu jkun diġà kopert minn tali regoli” tikkorrispondi għal dik li biha l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 22 tas-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (22/70, EU:C:1971:32), iddefinixxiet in-natura tal-impenji internazzjonali li l-Istati Membri huma pprojbiti milli jintrabtu bihom lil hinn mill-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn kienu ġew adottati regoli komuni tal-Unjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat. Għaldaqstant, din l-espressjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kjarifiki mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (22/70, EU:C:1971:32) u fil-ġurisprudenza żviluppata fuq il-bażi ta’ din is-sentenza. Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punti 66 and 67), bil-għan li jiġi evitat “li l-Istati Membri jkunu jistgħu, unilateralment jew kollettivament, jidħlu f’obbligi ma’ Stati terzi li jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-portata tagħhom”. Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB fl-Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 111).

( 74 ) Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal‑14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 74).

( 75 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni 1/03 (Il-Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punti 126128133) jew is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Green Network (C‑66/13, EU:C:2014:2399, punt 33). Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ tqassim ta’ kompetenzi ma jkunx kompromess, u sa fejn l-eżitu ta’ proċeduri leġiżlattivi pendenti ma jistax jitbassar, kunsiderazzjoni tal-iżvilupp prevedibbli tal-istat tad-dritt tal-Unjoni għandha f’dan il-kuntest tinftiehem, fil-fehma tiegħi, bħala li tirreferi biss għall-atti diġà adottati iżda li għadhom ma daħlux fis-seħħ.

( 76 ) Mingħajr, madankollu, ma tislet xi konsegwenza preċiża minn dan l-argument.

( 77 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 75), kif ukoll is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB fl-Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 115).

( 78 ) Ara l-Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat‑28 ta’ Marzu 1996 (EU:C:1996:140, punt 6).

( 79 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/91 (Il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 170), tad‑19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punti 1821), u s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 91).

( 80 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/03 (Il-Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punti 123127), u s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 91). Madankollu, din is-soluzzjoni ma tapplikax meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jippermettu lill-Istati Membri jimplimentaw, f’qasam kompletament armonizzat, eċċezzjoni jew limitazzjoni għal regola armonizzata. Ara l-Opinjoni 3/15 (It-Trattat ta’ Marrakesh dwar l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati), tal‑14 ta’ Frar 2017 (EU:C:2017:114, punt 119).

( 81 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224; din id-direttiva tapplika fl-Istati Membri bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tad-Danimarka). Numru ta’ direttivi oħra jipprevedu espliċitament li japplikaw bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli previsti fi ftehim internazzjonali. Ara, pereżempju, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272; din id-direttiva tapplika fl-Istati Membri bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tad-Danimarka).

( 82 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 83 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 51).

( 84 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499, punt 55).

( 85 ) Fil-punt 28 tas-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk indikat li hija kellha biss ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-direttivi msemmija fid-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari.

( 86 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070 punt 43). Huwa minnu li din il-kawża kienet tikkonċerna d-Direttiva 2003/86, iżda huwa interessanti li jingħad li, fil-punt 42 ta’ din is-sentenza tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment espliċitu għas-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499).

( 87 ) Sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487, punt 51).

( 88 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499, punt 55).

( 89 ) Ara, f’dan is-sens, il-mod kif hija fformulata l-konklużjoni finali li waslet għaliha l-Awla Manja fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 49). Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2003/86, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jitħallew jibqgħu fit-territorji tal-Istati Membri għal raġunijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

( 90 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101). Din id-direttiva tħassret iżda għadha tapplika għall-Irlanda.

( 91 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96; din id-direttiva tħassret iżda għadha applikabbli għall-Irlanda). Ara wkoll l-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168; din id-direttiva tħassret iżda għadha applikabbli għall-Irlanda); l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98; din id-direttiva tapplika fl-Istati Membri bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tad-Danimarka); l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9; din id-direttiva ħadet post id-Direttiva 2004/83 u tapplika fl-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tad-Danimarka); l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60; din id-direttiva tapplika fl-Istati Membri bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tad-Danimarka); jew l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96; din id-direttiva ħadet post id-Direttiva 2003/9 u tapplika fl-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tad-Danimarka).

( 92 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj (C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 44).

( 93 ) Preċedentement l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83.

( 94 ) Ara wkoll l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/83.

( 95 ) Ara l-Artikoli 4, 5 u 9 tad-Direttiva 2008/15, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/83 u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/95.

( 96 ) Nosserva f’dan ir-rigward li tali sitwazzjoni ma tkunx paragunabbli mas-sitwazzjoni fejn, fil-kuntest ta’ deċiżjoni individwali, l-awtorità kompetenti tqis, b’mod żbaljat, li tinsab f’sitwazzjoni fejn għandha kompetenza limitata. Jekk, b’dan il-mod, l-awtorità inkwistjoni tivvizzja d-deċiżjoni tagħha bi żball ta’ liġi li jiġġustifika l-annullament tagħha, dan ikun għaliex standard f’livell ogħla kien jeħtieġ li din l-awtorità teżerċita d-diskrezzjoni tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni kriterju legali wieħed jew iktar. Madankollu, fil-każ ta’ deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi konvenzjoni internazzjonali, hija ma tkunx qiegħda teżerċita xi kriterji legali li l-Kunsill għandu japplika sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kompetenzi kondiviżi li għandhom jiġu eżerċitati. Din hija setgħa purament diskrezzjonali.

( 97 ) Artikolu 3.

( 98 ) Artikolu 4.

( 99 ) Artikolu 5.

( 100 ) Artikolu 6.

( 101 ) Artikolu 7.

( 102 ) Artikolu 11.

( 103 ) Artikoli 12, 13 u 14.

( 104 ) Artikolu 15.

( 105 ) Artikolu 16.

( 106 ) Artikolu 17.

( 107 ) Artikolu 18. L-Artikolu 18(5) jispeċifika li: “Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adattati sabiex jipprovdu protezzjoni konsulari u ta’ natura oħra u jappoġġjaw liċ-ċittadini tagħhom u vittmi oħra intitolati għal tali protezzjoni f’konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali”.

( 108 ) Artikolu 19.

( 109 ) Artikoli 20 u 21.

( 110 ) Artikoli 22 sa 26.

( 111 ) Artikoli 27 u 28.

( 112 ) Artikoli 29 sa 32.

( 113 ) Artikolu 33 sa 40.

( 114 ) Artikolu 41.

( 115 ) Artikolu 42.

( 116 ) Artikolu 43.

( 117 ) Artikolu 44.

( 118 ) Artikolu 45.

( 119 ) Artikolu 46.

( 120 ) Artikolu 47.

( 121 ) Artikolu 48.

( 122 ) Artikolu 49.

( 123 ) Artikolu 50.

( 124 ) Artikolu 51.

( 125 ) Artikoli 52 u 53.

( 126 ) Artikolu 54.

( 127 ) Artikolu 55.

( 128 ) Artikolu 56.

( 129 ) Artikolu 57.

( 130 ) Artikolu 58.

( 131 ) Artikolu 59.

( 132 ) Artikolu 60.

( 133 ) Artikolu 61.

( 134 ) Artikolu 62.

( 135 ) Artikolu 63.

( 136 ) Artikolu 64.

( 137 ) Artikolu 75(1).

( 138 ) Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul hija kkomplementata b’Appendiċi li jistabbilixxi l-privileġġi u l-immunitajiet tal-membri tal-Grevio u ta’ membri oħra tad-delegazzjonijiet matul żjarat f’pajjiżi mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

( 139 ) COM(2016) 111 final.

( 140 ) Kif ukoll, fir-rigward tal-BĊE u tal-BEI, l-Artikolu 36 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Artikolu 11(7) tal-Protokoll (Nru 5) dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment.

( 141 ) Ara, dwar dan is-suġġett, iżda fir-rigward ta’ jekk il-kompetenza esterna tal-Unjoni dwar il-ġlieda tad-diskriminazzjoni hijiex esklużiva jew le, Prechal, S., “The European Union’s Accession to the Istanbul Convention”, f’Lenaerts, K., Bonichot, J.‑C., Kanninen, H., Naome, C. u Pohjankoski, P. (edituri), An Ever-Changing Union? Perspectives on the Future of EU Law in Honour of Allan Rosas, Hart Publishing, Oxford, 2019, pp. 285 et seq.

( 142 ) Punt 31 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni.

( 143 ) Punt 40 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni.

( 144 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 145 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU 2006, L 153M, p. 294).

( 146 ) Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2006, L 204, p. 23).

( 147 ) Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU 2010, L 180, p. 1).

( 148 ) F’dan ir-rigward, il-fatt li d-Dikjarazzjoni 19 annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fit‑13 ta’ Diċembru 2007, tirreferi għall-ħtieġa li tiġi miġġielda kull forma ta’ vjolenza domestika ma jidhirlix li jdaħħal inkwistjoni dan il-punt sa fejn din id-dikjarazzjoni, għall-kuntrarju tal-Protokolli u tal-Annessi tat-Trattati, għandha biss, l-iktar l-iktar, valur interpretattiv.

( 149 ) Peress li l-Artikolu 81(1) TFUE ma jipprevedix regoli proċedurali, għandu jiġi dedott li l-miżuri ta’ approssimazzjoni inkwistjoni għandhom ikunu marbuta mal-għanijiet imsemmija f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, għalkemm jirreferi għad-dritt tal-familja, l-Artikolu 81(3) TFUE jirreferi biss għal miżuri marbuta mad-dritt tal-familja li għandhom impatt transkonfinali (li jimplika, a contrario sensu, li aspetti tad-dritt tal-familja li ma għandhomx tali dimensjoni jibqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri).

( 150 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 90, rettifika fil-ĠU 2012, L 188, p. 19). Ara l-Artikoli 1(1) u 19 ta’ din id-direttiva.

( 151 ) Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2008, L 136, p. 3).

( 152 ) Barra minn hekk, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tagħha, din id-direttiva tipprovdi biss li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tal-medjazzjoni.

( 153 ) Ara, pereżempju, l-Artikoli 67 sa 73 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 154 ) Opinjoni 1/03 (Konvenzjoni Ġdida ta’ Lugano), tas‑7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 173).

( 155 ) Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolament tal-Persunal tal-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-membri l-oħra tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri speċjali temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU 1968, L 56, p. 1), kif l-aħħar emendat bir-Regolament (EU, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).

( 156 ) F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li l-Istati Membri beżgħu li, jekk l-Unjoni teżerċita din il-kompetenza, dan imbagħad jagħtiha l-kompetenza, fuq il-bażi tal-Artikolu 83(2) TFUE, sabiex taġixxi waħedha sabiex tikkriminalizza l-aġir li għalih tirreferi l-imsemmija konvenzjoni. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑176/03, EU:C:2005:542, punt 48).

( 157 ) Sabiex l-Artikolu 83(1) TFUE ma jitlifx l-effett utli tiegħu, il-kunċett ta’ “drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità” għandu, fil-fehma tiegħi, jinftiehem b’mod li jeskludi l-kriminalizzazzjoni ta’ ċertu aġir.

( 158 ) Huwa minnu li jista’ jiġi osservat li, l-ewwel, l-Artikolu 54 tal-Kapitolu VI ta’ din il-konvenzjoni jistabbilixxi ċerti obbligi dwar il-provi. It-tieni, l-Artikoli 49 sa 53 u 56 sa 58 tal-istess kapitolu huma intiżi li jistabbilixxu ċerti drittijiet għall-vittmi fi proċeduri kriminali. It-tielet, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikoli 29 sa 32 tal-Kapitolu V, jistabbilixxu liġi proċedurali partikolari għall-benefiċċju tal-vittmi tal-kriminalità. Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 82(2) TFUE jagħti biss kompetenza lill-Unjoni sabiex tadotta miżuri dwar “l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati Membri; id-drittijiet ta’ l-individwi fil-proċedura kriminali; [jew] id-drittijiet ta’ vittmi tal-kriminalità”. Madankollu, dawn id-diversi dispożizzjonijiet ma humiex intiżi li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u nsibha diffiċli nqis li l-vjolenza kontra n-nisa tikkostitwixxi materja kriminali b’dimensjoni transkonfinali, sakemm dan ma jitqiesx li huwa l-każ għall-imġiba kriminali kollha. F’dan ir-rigward nosserva li, fis-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489 punti 29 sa 37) il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta ħafna sabiex ma tiħux pożizzjoni dwar din il-kwistjoni.

( 159 ) Il-Kunsill jista’ juża din il-possibbiltà jekk jirriżulta li Stat Membru ma huwiex ser jirratifika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul sabiex jitnaqqas ir-riskju għall-Unjoni li tinżamm responsabbli għal nuqqas mhux iġġustifikat ta’ konformità mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul minn Stat Membru. Huwa minnu li l-Artikolu 83(2) TFUE jeżiġi li jiġi stabbilit li “l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri f’materji kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ politika ta’ l-Unjoni f’qasam li kien suġġett għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni”, iżda dan ser ikun preċiżament il-każ jekk jirriżulta li Stat Membru ma jeżegwixxix il-Konvenzjoni ta’ Istanbul jew lanqas biss jikkonkludiha. Għaldaqstant, l-Unjoni tista’ tuża din id-dispożizzjoni sabiex tagħti lilha nnifisha kompetenza esklużiva fuq id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din il-konvenzjoni intiżi li jikkriminalizzaw ċertu aġir u, għaldaqstant, taħt it-teorija tas-suċċessjoni tal-Istat, tassumi waħedha l-obbligi li joħorġu minn din il-konvenzjoni. Ara wkoll, f’dan is-sens, Prechal, S., “The European Union’s Accession to the Istanbul Convention”, f’Lenaerts, K., Bonichot, J.‑C., Kanninen, H., Naome, C., u Pohjankoski, P. (edituri), An Ever-Changing Union? Perspectives on the Future of EU Law in Honour of Allan Rosas, Hart Publishing, Oxford, 2019, p. 290.

( 160 ) Għal eżempju ta’ akkumulazzjoni ta’ bażijiet legali, ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑94/03, EU:C:2006:2, punt 54).

( 161 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il‑Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, EU:C:1980:248, punt 47). Madankollu, huwa biżżejjed li d-difett seta’ kellu impatt fuq id-deċiżjoni, peress li l-qorti tal-Unjoni ma għandhiex is-setgħa li tqiegħed lilha nnifisha minflok l-amministrazzjoni u għalhekk ma tistax tevalwa l-impatt konkret tad-difett fuq id-deċiżjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 48).

( 162 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni inkwistjoni hawnhekk hija d-deċiżjoni li tawtorizza l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul mill-Unjoni. Min-naħa tagħha, il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim hija bħala prinċipju mwettqa permezz ta’ strument wieħed, jiġifieri ittra indirizzata lid-depożitarju tat-trattat, f’dan il-każ il-Kunsill tal-Ewropa.

( 163 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C‑409/13, EU:C:2015:217, punt 71). Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2) TUE jispeċifika li atti, b’mod partikolari atti leġiżlattivi, għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni “ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor”. Fir-rigward tal-Artikolu 293 TFUE, din id-dispożizzjoni tindika li hija tapplika biss meta “il-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni”.

( 164 ) Sabiex jitqies li l-proċedura leġiżlattiva tkun minn tal-inqas parzjalment applikabbli, l-Artikolu 17(2) TUE jipprovdi li l-atti leġiżlattivi għandhom jiġu adottati mill-Unjoni fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni “ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor”, filwaqt li, fir-rigward tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE, din id-dispożizzjoni tindika li d-deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni tikkonkludi ftehim għandha tiġi adottata fuq il-bażi ta’ proposta min-negozjatur, li jista’ ma jkunx il-Kummissjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 293 TFUE jipprovdi li huwa japplika biss meta “il-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni”.

( 165 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (WRC‑15) (C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 42).

( 166 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2008, Il-Parlament vs Il‑Kunsill (C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 54).

( 167 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑28/12, EU:C:2015:282).

( 168 ) Ibid. punti 49 sa 50.

( 169 ) Ibid. punti 51 sa 52.

( 170 ) Dan l-argument jassumi li l-bażijiet legali ta’ att jistgħu ma jirriflettux b’mod leali l-kompetenzi eżerċitati (ara l-punt (a) tal-ewwel domanda). Tabilħaqq, li kieku dan ma kienx il-każ, il-bażijiet legali li jidhru fil-miżura li kieku ttieħdet fil-forma ta’ deċiżjoni waħda jkunu jikkorrispondu għall-kombinazzjoni tal-bażijiet legali msemmija fiż-żewġ deċiżjonijiet, li kieku din il-miżura kienet maqsuma fi tnejn. Għaldaqstant, jew il-proċedura kienet tkun identika jew, jekk dawn il-bażijiet ma jkunux jistgħu jiġu kkonċiljati ma’ xulxin, ikun meħtieġ li l-miżura tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet.

( 171 ) F’dan ir-rigward, nosserva li l-applikazzjoni ta’ dawn il-protokolli tiddependi mill-kontenut tal-att inkwistjoni u mhux mill-bażijiet legali adottati. Għaldaqstant, irrispettivament mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, meta l-Unjoni jkollha l-intenzjoni teżerċita kompetenzi taħt dawn il-protokolli, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

( 172 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il‑Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 57).

( 173 ) Ma huwiex meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni r-Renju Unit ġaladarba dan ħareġ mill-Unjoni Ewropea.

( 174 ) Skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll, ir-Renju tad-Danimarka jista’ jiddeċiedi li jittrasponi l-miżura iżda, fi kwalunkwe każ, jekk jagħmel hekk, l-imsemmija miżura toħloq biss obbligu taħt id-dritt internazzjonali bejn ir-Renju tad-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra.

( 175 ) Enfasi miżjuda. F’dan il-każ, l-Artikolu 4a(2) jipprevedi mekkaniżmu speċifiku f’sitwazzjoni fejn in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-Irlanda jista’ jagħmilha inpratikabbli għal Stati Membri oħra. Madankollu, l-Irlanda lanqas f’dan il-każ ma hija obbligata tapplika l-miżura.

( 176 ) Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punti 110117).

( 177 ) Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punti 111113).

( 178 ) Skont l-informazzjoni fuq is-sit internet tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Irlanda rratifikat din il-konvenzjoni fit-8 ta’ Marzu 2019.

( 179 ) Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB fl-Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 127).

( 180 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”.

( 181 ) Fil-fatt, id-deċiżjoni li wieħed jidħol fi ftehim internazzjonali tinvolvi potenzjalment għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u l-għoti ta’ preċedenza lil interessi diverġenti jew it-twettiq ta’ evalwazzjonijiet kumplessi. Għaldaqstant, il-Kunsill għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan il-kuntest. Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 54).

( 182 ) Ara Cremona, M., “Disconnection clauses in EU Law and Practice” f’Hillon, C., u Koutrakos, P. (edituri), Mixed Agreements Revisited: The EU and its Member States in the World, Hart Publishing, Oxford, 2010, p. 180. Huwa minnu li l-Unjoni hija organizzazzjoni internazzjonali ta’ natura partikolari sa fejn, skont l-espressjoni użata fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, EU:C:1964:66, p. 593), hija għandha l-ordinament ġuridiku speċifiku tagħha, li kien integrat fis-sistema legali tal-Istati Membri mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat u li huwa vinkolanti fuq il-qrati tagħhom. Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 39). Madankollu, kif joħroġ b’mod ċar mis-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ŻPB fl-Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punti 125 sa 135), dan il-fatt ma jistax iwassal għall-impożizzjoni unilaterali fuq Stati terzi ta’ obbligu li jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar l-allokazzjoni ta’ ġurisdizzjoni.

( 183 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑25/94, EU:C:1996:114, punt 48).

( 184 ) Ara, a contrario sensu, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑246/07, EU:C:2010:203, punt 75).

( 185 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 1991, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament (C‑213/88 u C‑39/89, EU:C:1991:449, punt 29), u tat‑28 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑28/12, EU:C:2015:282, punt 47).

( 186 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331.

( 187 ) Il-Punt 1.1 tal-Guide to Practice on Reservations to Treaties 2011 (Gwida tal‑2011 dwar il-Prassi ta’ Riżervi għal Trattati), adottata mill-International Law Commission (il-Kummissjoni dwar il-Liġi Internazzjonali) fit‑63 seduta tagħha, fl‑2011, u ppreżentata lill-Assemblea Ġenerali bħala parti mir-rapport tal-Kummissjoni li jkopri x-xogħol ta’ dik is-seduta (A/66/10, paragrafu 75) fil-Yearbook of the International Law Commission, 2011, Vol. II, Part Two, ukoll jindika li l-kelma “riżerva” tfisser dikjarazzjoni unilaterali, irrispettivament minn kif tkun ifformulata jew imsejħa, magħmula minn Stat jew organizzazzjoni internazzjonali meta japprovaw jew jaderixxu ma’ trattat sabiex jeskludu jew jemendaw l-effett legali ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-trattat fl-applikazzjoni tagħhom għal dan l-Istat jew għal din l-organizzazzjoni internazzjonali.

( 188 ) Il-prassi fid-dritt internazzjonali tindika li dikjarazzjonijiet jistgħu jiżviluppaw f’riżervi meta jkunu intiżi li jwettqu l-istess funzjoni: ara Edwards Jr., R. W., “Reservations to Treaties”, Michigan Journal of International Law, Vol. 10, 1989, p. 368. Ara, fl-istess sens, Tomuschat, C., “Admissibility and Legal Effects of Reservations to Multilateral Treaties”, Heidelberg Journal of International Law, Vol. 27,1967, p. 465, jew Meek, M. R., “International Law: Reservations to Multilateral Agreements”, DePaul Law Review, Vol. 5, 1955, p. 41.

( 189 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331. Madankollu, din il-konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ minħabba l-assenza ta’ 35 strument ta’ ratifika ddepożitati minn Stati.

( 190 ) Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-Unjoni tista’ tiddeċiedi, jew le, li teżerċita wħud mill-kompetenzi li hija tikkondividi mal-Istati Membri, dikjarazzjoni mill-Unjoni dwar il-portata tal-kompetenza eżerċitata minnha sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali ma tistax titqies li hija bbażata fuq konstatazzjonijiet oġġettivi.

( 191 ) Ara, pereżempju, fir-rigward ta’ dikjarazzjoni ta’ kompetenza magħmula mir-Repubblika Franċiża li tqieset li tikkostitwixxi riżerva, Ad Hoc Court of Arbitration, Delimitation of the Continental Shelf (United Kingdom v. France), 54 I.L.R. 6, 18 I.L.M. 397 (Ġunju 30, 1977). Ara wkoll Dolmans, J. F. M., “Problems of Mixed Agreements: Division of Powers within the EEC and the Rights of Third States”, Asser Instituut, Den Haag, 1984, pp. 65 u 66.

( 192 ) Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345). F’dan ir-rigward, nosserva li, anki jekk trattat jippermetti l-espressjoni ta’ riżervi, riżerva dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jista’ jkollha biss effett limitat. Fil-fatt, peress li kompetenzi kondiviżi li ma jkunux ġew eżerċitati jistgħu sussegwentement jiġu eżerċitati l-ewwel mill-Unjoni, tali dikjarazzjoni tkun neċessarjament temporanja. Għaldaqstant, l-espressjoni ta’ riżervi mill-Unjoni intiżi li jindikaw li l-Unjoni ma eżerċitatx ċerti kompetenzi kondiviżi għandha titqies li hija pprojbita meta t-trattat inkwistjoni ma jippermettix l-irtirar ta’ riżervi. Jekk dan ma jkunx hekk, tali sitwazzjoni twassal, sa fejn tali riżerva torbot lill-Unjoni sabiex tabbanduna b’mod definittiv il-kompetenza kondiviża inkwistjoni, għat-trasformazzjoni ta’ din il-kompetenza f’kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, bi ksur tar-regoli tad-dritt primarju. Barra minn hekk, anki meta t-trattat jipprevedi l-possibbiltà, jew saħansitra l-obbligu, li jiġu aġġornati dikjarazzjonijiet ta’ kompetenza, jidher li l-Unjoni ftit li xejn twettaq tali aġġornament. Fil-fatt, skont Odermatt, J., sal‑2017, kien hemm biss eżempju wieħed ta’ dikjarazzjonijiet ta’ kompetenza aġġornati, jiġifieri dawk magħmula fil-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti. Ara Odermatt, J., “The Development of Customary International Law by International Organisations”, International and Comparative Law Quarterly, Vol. 66(2), 2017, pp. 506 u 507.

( 193 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑29/99, EU:C:2002:734, punt 70). Għal lista ta’ konvenzjonijiet iffirmati mill-Unjoni li jipprevedu l-obbligu tal-Unjoni li tifformula dikjarazzjoni ta’ kompetenza, ara Heliskoski, J., “EU declarations of competence and international responsibility”, f’Evans, M. u Koutrakos, P. (edituri), The International Responsibility of the European Union International and European Perspectives, Hart Publishing, Oxford, 2013, p. 201. F’dan l-artiklu, l-awtur tiegħu jikkunsidra biss dan ix-xenarju. Ara, p. 189.

( 194 ) Ara Heliskoski, J., “EU Declarations of Competence and International Responsibility” f’Evans, M. u Koutrakos, P. (edituri), The International Responsibility of the European Union: European and International Perspectives, Hart Publishing, Oxford, 2013, p. 189.

( 195 ) Huwa minnu li jista’ jiġi argumentat li, sa fejn il-prassi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ġurisdizzjoni dejjem ġiet aċċettata minn Stati terzi, dan ta lok għal tali prassi. Madankollu, in-natura mhux ċerta ta’ dan l-argument (sa fejn, inter alia, imur kontra l-Konvenzjoni ta’ Vjenna), timmilita wkoll, fil-fehma tiegħi, favur li l-Kunsill jaġixxi b’ċerta kawtela.

( 196 ) Huwa interessanti li jingħad li numru dejjem jikber ta’ ftehimiet internazzjonali fihom klawżoli ta’ impenn li jobbligaw lil organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, bħalma hija l-Unjoni, jiddikjaraw liema partijiet mill-ftehim jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom. Ara Klamert, M., The Principle of Loyalty in EU Law, OUP, Oxford, 2014, p. 195.

( 197 ) Bl-istess mod, ma naħsibx li jista’ jiġi argumentat b’mod serju li l-Artikolu 78 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li jillimita l-possibbiltà li jsiru riżervi, ma huwiex applikabbli għall-Unjoni għaliex ma għandhiex l-istess natura bħal Stat. Fil-fatt, l-Artikolu 78(2) jirreferi espliċitament kemm għal Stati u kemm għall-Unjoni, u dan juri li l-intenzjoni ta’ min fassal din il-konvenzjoni kienet tabilħaqq li jeskludi wkoll il-possibbiltà li l-Unjoni tagħmel riżervi.

( 198 ) Fil-fatt, “l-unika ċirkustanza li azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali taqa’ taħt kompetenza kondiviża bejnha u l-Istati Membri ma teskludix il-possibbiltà li l-Kunsill jirċievi fi ħdanu l-maġġoranza meħtieġa sabiex l-Unjoni teżerċita waħedha din il-kompetenza esterna”. Sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (ZPB fl-Antartiku) (C‑626/15 u C‑659/16, EU:C:2018:925, punt 126).

( 199 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jemendaw l-Iskemi ta’ Rabtiet Speċifiċi taħt il-GATS), tat‑30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739, punt 127).

( 200 ) Pereżempju, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar kienet konkluża mill-Komunità fl‑1 ta’ April 1998 minkejja li r-Renju tad-Danimarka u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kienu għadhom ma għamlux dan.