31.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/18


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-29 ta’ April 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato – l-Italja) – Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni vs BT Italia SpA et

(Kawża C-399/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Direttiva 2002/20/KE - Artikolu 12 - Ħlasijiet amministrattivi imposti fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Spejjeż amministrattivi tal-awtorità regolatorja nazzjonali li jistgħu jiġu koperti minn taxxa - Rendikont annwali tal-ispejjeż amministrattivi u tas-somma totali tal-ħlasijiet miġbura)

(2020/C 287/26)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

Konvenuti: BT Italia SpA, Basictel SpA, BT Enia Telecomunicazioni SpA, Telecom Italia SpA, Postepay SpA, li kienet PosteMobile SpA, Vodafone Italia SpA

Fil-preżenza ta’: Telecom Italia SpA, Fastweb SpA, Wind Tre SpA, Sky Italia SpA, Vodafone Omnitel BV, Vodafone Italia SpA

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż li jistgħu jiġu koperti minn ħlas impost skont din id-dispożizzjoni fuq l-impriżi li jipprovdu servizz jew netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma biss dawk relatati mat-tliet kategoriji ta’ attivitajiet tal-ARN imsemmija f’din id-dispożizzjoni, inklużi l-funzjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni, mas-sorveljanza, mar-riżoluzzjoni tat-tilwim u mal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, mingħajr ma huma limitati għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-attività ta’ regolamentazzjoni tas-suq ex ante.

2)

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/20, kif emendata bid-Direttiva 2009/140 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, minn naħa, ir-rendikont annwali previst f’din id-dispożizzjoni jiġi ppubblikat wara l-għeluq tas-sena finanzjarja annwali li matulha jkunu nġabru l-ħlasijiet amministrattivi u, min-naħa l-oħra, l-aġġustamenti neċessarji jsiru matul sena finanzjarja li ma ssegwix immedjatament dak li matulha jkunu nġabru dawn il-ħlasijiet.


(1)  ĠU C 312, 16.9.2019.