15.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 462/11


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Settembru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas – il-Litwanja) – UAB ‟Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras"

(Kawża C-927/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2014/24/UE - Artikolu 58(3) u (4) - Artikolu 60(3) u (4) - Anness XII - Żvolġiment tal-proċeduri ta’ għoti - Għażla tal-parteċipanti - Kriterji ta’ selezzjoni - Mezzi ta’ prova - Kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-operaturi ekonomiċi - Possibbiltà għall-korp kompetenti fit-tmexxija ta’ assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi li tinvoka d-dħul irċevut minn kuntratt pubbliku preċedenti li jaqa’ fl-istess qasam tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkluż meta ma kienx jeżerċita huwa stess l-attività li taqa’ taħt il-qasam ikkonċernat mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali - Kapaċitajiet tekniċi u professjonali tal-operaturi ekonomiċi - Natura eżawrjenti tal-metodi ta’ prova aċċettati mid-Direttiva - Artikolu 57(4)(h) kif ukoll (6) u (7) - Għoti ta’ kuntratti pubbliċi - Motivi fakultattivi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt - Inklużjoni f’lista ta’ operaturi ekonomiċi esklużi mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti - Solidarjetà bejn il-membri ta’ assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi - Natura personali tas-sanzjoni - Artikolu 21 - Protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni trażmessa lil awtorità kontraenti minn operatur ekonomiku - Direttiva (UE) 2016/943 - Artikolu 9 - Kunfidenzjalità - Protezzjoni tas-sigriet tan-negozju - Applikabbiltà tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratt - Direttiva 89/665/KEE - Artikolu 1 - Dritt għal rimedju effettiv)

(2021/C 462/10)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UAB “Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras”

fil-preżenza ta’:“Ecoservice Klaipėda” UAB, “Klaipėdos autobusų parkas” UAB, “Parsekas” UAB, “Klaipėdos transportas” UAB

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu, għall-operaturi ekonomiċi, li juru li huma jiksbu ċertu dħul mill-bejgħ annwali medju fil-qasam tal-attivitajiet ikkonċernat mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni jikkostitwixxi kriterju ta’ għażla dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ dawn l-operaturi, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni.

2)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 58(3) u tal-Artikolu 60(3) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti eżiġiet li l-operaturi ekonomiċi jkunu kisbu dħul mill-bejgħ minimu mogħti fil-qasam ikkonċernat mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni, operatur ekonomiku ma jistax, sabiex jipproduċi l-prova tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu, jinvoka d-dħul irċevut minn grupp temporanju ta’ impriżi li huwa parti minnu ħlief jekk ikun effettivament ikkontribwixxa, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku partikolari għat-twettiq ta’ attività ta’ dan il-grupp analoga għal dik li hija s-suġġett tal-kuntratt pubbliku li għalih l-imsemmi operatur biħsiebu jipprova l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu.

3)

L-Artikolu 58(4) kif ukoll l-Artikoli 42 u 70 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistgħu japplikaw fl-istess ħin għal preskrizzjoni teknika li tinsab f’sejħa għal offerti.

4)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 1(3) u (5) u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku l-informazzjoni meqjusa kunfidenzjali inkluża fil-fajl ta’ kandidatura jew fl-offerta ta’ operatur ekonomiku ieħor tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors u li, meta l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun sar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni ppreveda li kull persuna li tixtieq tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti hija obbligata li tippreżenta rikors amministrattiv minn qabel fi kwalunkwe riferiment lill-qorti, dan l-Istat Membru jista’ wkoll jipprevedi rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għandu jkun ippreċedut minn tali rikors amministrattiv minn qabel.

5)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) u (5) tad-Direttiva 89/665, kif emendat bid-Direttiva 2014/23, kif ukoll l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għal amministrazzjoni tajba, għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità kontraenti, adita minn operatur ekonomiku b’talba għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni meqjusa kunfidenzjali li tinsab fl-offerta ta’ kompetitur li lilu jkun ingħata l-kuntratt, ma hijiex obbligata tikkomunika din l-informazzjoni meta t-trażmissjoni tagħha twassal għal ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, u dan anki jekk it-talba tal-operatur ekonomiku titressaq fil-kuntest ta’reviżjoni ta’ dan l-istess operatur li tirrigwarda l-legalità tal-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti tal-offerta tal-kompetitur. Meta tirrifjuta li tibgħat tali informazzjoni jew meta, filwaqt li topponi tali rifjut, hija tiċħad ir-rikors amministrattiv ippreżentat minn operatur ekonomiku dwar il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-kompetitur ikkonċernat, l-awtorità kontraenti għandha tibbilanċja d-dritt tal-applikant għal amministrazzjoni tajba mad-dritt tal-kompetitur għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tiegħu b’mod li d-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu jew id-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu tkun motivata u li d-dritt għal reviżjoni effikaċi li jibbenefika minnu offerent eskluż ma jkunx imċaħħad mill-effettività tiegħu.

6)

Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(3) u (5) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2014/23, kif ukoll l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali kompetenti adita b’rikors kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tirrifjuta li tikkomunika lil operatur ekonomiku informazzjoni meqjusa kunfidenzjali inkluża fid-dokumentazzjoni trażmessa mill-kompetitur li lilu ngħata l-kuntratt jew inkella minn azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li tiċħad ir-rikors amministrattiv ippreżentat kontra tali deċiżjoni ta’ rifjut hija obbligata tqiegħed fil-bilanċ id-dritt tal-applikant li jibbenefika minn reviżjoni effettiva bid-dritt tal-kompetitur tiegħu għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tiegħu u tas-sigrieti kummerċjali tiegħu. Għal dan il-għan, din il-qorti, li għandha neċessarjament ikollha l-informazzjoni meħtieġa, inkluża informazzjoni kunfidenzjali u sigrieti kummerċjali, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kawża dwar in-natura kkomunikata tal-imsemmija informazzjoni, għandha twettaq eżami tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Hija għandha wkoll tkun tista’ tannulla d-deċiżjoni ta’ rifjut jew id-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors amministrattiv jekk dawn ikunu illegali u, jekk ikun il-każ, tibgħat lura l-kawża quddiem l-awtorità kontraenti, jew saħansitra tieħu deċiżjoni ġdida hija stess jekk id-dritt nazzjonali tagħha jawtorizzaha tagħmel dan.

7)

L-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn operatur ekonomiku eskluż mill-għoti ta’ kuntratt u awtorità kontraenti, tista’ titbiegħed mill-evalwazzjoni magħmula minn din tal-aħħar dwar il-legalità tal-aġir tal-operatur ekonomiku li lilu ngħata l-kuntratt u, għaldaqstant, tista’ tislet il-konsegwenzi kollha neċessarji fid-deċiżjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, tali qorti tista’ tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kontraenti biss jekk id-dritt nazzjonali jippermetti dan.

8)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 57(4) u (6) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta operatur ekonomiku, membru ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi, ikun ħati ta’ dikjarazzjoni falza meta jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-verifika, tal-assenza ta’ motivi ta’ esklużjoni tal-grupp jew tas-sodisfazzjon minn dan tal-aħħar tal-kriterji tal-għażla, mingħajr ma sħabu kellhom il-konjizzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni falza, miżura ta’ esklużjoni ta’ kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tista’ tiġi deċiża kontra l-membri kollha ta’ dan il-grupp.


(1)  ĠU C 77, 9.3.2020.