26.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 297/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal de grande instance de Paris – Franza) – VB, WA (C-776/19), XZ, YY (C-777/19), ZX (C-778/19), DY, EX (C-781/19) vs BNP Paribas Personal Finance SA u AV (C-779/19), BW, CX (C-780/19), FA (C-782/19) vs BNP Paribas Personal Finance SA, Procureur de la République

(Kawżi magħquda C-776/19 sa C-782/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Kuntratti ta’ self ipotekarju ddenominati f’munita barranija (frank Svizzeru) - Preskrizzjoni - Artikolu 4(2) - Suġġett prinċipali tal-kuntratt - Klawżoli li jesponu lil min jissellef għal riskju relatat mar-rata tal-kambju - Rekwiżiti ta’ komprensibbiltà u ta’ trasparenza - Oneru tal-prova - Artikolu 3(1) - Żbilanċ sinjifikattiv - Artikolu 5 - Redazzjoni ċara u komprensibbli ta’ klawżola kuntrattwali - Prinċipju ta’ effettività)

(2021/C 297/06)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de grande instance de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: VB, WA (C-776/19), XZ, YY (C-777/19), ZX (C-778/19), DY, EX (C-781/19), AV (C-779/19), BW, CX (C-780/19), FA (C-782/19)

Konvenuti: BNP Paribas Personal Finance SA, Procureur de la République

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tressiq ta’ talba minn konsumatur:

għall-finijiet tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur għal terminu ta’ preskrizzjoni;

għall-finijiet tal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament, abbażi ta’ tali klawżoli inġusti, għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, meta dan it-terminu jibda jiddekorri mid-data tal-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ self b’tali mod li l-konsumatur seta’, f’dak il-mument, ma kienx jaf id-drittijiet kollha tiegħu li jirriżultaw minn din id-direttiva.

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ self li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni fil-każ fejn dawn il-klawżoli jistabbilixxu element essenzjali li jikkaratterizza l-imsemmi kuntratt.

3)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut minn min jissellef, huwa ssodisfatt meta l-bejjiegħ jew fornitur ikun ipprovda lill-konsumatur informazzjoni suffiċjenti u eżatta li tippermetti lil konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jifhem il-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu finanzjarju inkwistjoni u jevalwa għaldaqstant ir-riskju tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżoli fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu matul il-perijodu kollu ta’ dan l-istess kuntratt.

4)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-oneru tal-prova tan-natura ċara u komprensibbli ta’ klawżola kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jaqa’ fuq il-konsumatur.

5)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self li jipprevedu li l-munita barranija hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita ta’ ħlas u li għandhom bħala effett li r-riskju relatat mar-rata tal-kambju jiġi sostnut, mingħajr ma jkun limitat, minn min jissellef, jistgħu joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt għad-detriment tal-konsumatur, meta l-bejjiegħ jew fornitur ma setax raġonevolment jistenna, filwaqt li josserva r-rekwiżit ta’ trasparenza fir-rigward tal-konsumatur, li dan tal-aħħar jaċċetta, wara negozjar individwali, riskju sproporzjonat relatat mar-rata tal-kambju li jirriżulta minn tali klawżoli.


(1)  ĠU C 19, 20.1.2020.