6.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 490/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Törvényszék – l-Ungerija) – Boehringer Ingelheim RCV GmbH & Co. KG Magyarországi Fióktelepe vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-717/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 90(1) - Tnaqqis tal-ammont taxxabbli fil-każ ta’ tnaqqis tal-prezz wara l-mument li fih it-tranżazzjoni tkun twettqet - Kontribuzzjonijiet imħallsa minn impriża farmaċewtika lill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard - Artikolu 273 - Formalitajiet amministrattivi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis - Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità)

(2021/C 490/03)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Boehringer Ingelheim RCV GmbH & Co. KG Magyarországi Fióktelepe

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li impriża farmaċewtika ma tistax tnaqqas mill-ammont taxxabbli tagħha għall-finijiet tal-VAT il-parti tad-dħul mill-bejgħ tagħha li jkun ġej mill-bejgħ ta’ prodotti mediċinali ssussidjati mill-organu statali ta’ assigurazzjoni għall-mard li hija tħallas lil dan l-organu, skont kuntratt konkluż bejn dan tal-aħħar u din l-impriża, għar-raġuni li l-ammonti mħallsa għal dan il-għan ma kinux ġew iddeterminati abbażi tal-modalitajiet stabbiliti minn qabel mill-imsemmija impriża fil-kuntest tal-politika kummerċjali tagħha u li dawn il-ħlasijiet ma sarux għal finijiet promozzjonali.

2)

L-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli għall-finijiet tal-VAT għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli li jkollha dritt għar-rimbors ikollha fattura f’isimha li tistabbilixxi l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni li tagħti lok għall-imsemmi rimbors, anki meta tali fattura ma tkunx inħarġet u meta l-eżekuzzjoni ta’ din it-tranżazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ mezzi oħra.


(1)  ĠU C 95, 23.3.2020.