|
22.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 62/6 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Szegedi Törvényszék – l-Ungerija) – BAKATI PLUS Kereskedelmi és Szolgáltató Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága
(Kawża C-656/19) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Eżenzjonijiet mal-esportazzjoni - Artikolu 146(1)(b) - Oġġetti mibgħuta jew ittrasportati barra mill-Unjoni Ewropea minn xerrej mhux stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat - Artikolu 147 - “Merkanzija li ser tinġarr fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi” mhux stabbiliti fl-Unjoni - Kunċett - Oġġetti li effettivament telqu mit-territorju tal-Unjoni - Prova - Rifjut tal-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni - Prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità - Frodi)
(2021/C 62/05)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Szegedi Törvényszék
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: BAKATI PLUS Kereskedelmi és Szolgáltató Kft.
Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága
Dispożittiv
|
1) |
L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 147(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud favur “merkanzija li ser tinġarr fil-bagalja personali tal-vjaġġaturi” għandha tiġi interpretata fis-sens li ma jaqgħux taħtha l-oġġetti li individwu li ma huwiex stabbilit fl-Unjoni jieħu miegħu barra mill-Unjoni għal finijiet kummerċjali, bil-għan li jerġa’ jbiegħhom fi Stat terz. |
|
2) |
L-Artikolu 146(1)(b) u l-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li permezz tagħha, meta l-amministrazzjoni fiskali tikkonstata li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT prevista għall-oġġetti li għandhom jinġarru fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi ma humiex issodisfatti, iżda li l-oġġetti kkonċernati ġew effettivament ittrasportati barra mill-Unjoni mix-xerrej, hija hi obbligata teżamina jekk din l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 146(1)(b) tistax tiġi applikata għall-kunsinna inkwistjoni, meta l-formalitajiet doganali applikabbli ma jkunux ġew segwiti u meta, fil-mument tax-xiri, ix-xerrej ma kellux l-intenzjoni li tiġi applikata din l-aħħar eżenzjoni. |
|
3) |
L-Artikolu 146(1)(b) u l-Artikolu 147 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prattika nazzjonali li abbażi tagħha l-amministrazzjoni fiskali tirrifjuta awtomatikament lil persuna taxxabbli l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT prevista minn waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet meta hija tikkonstata li din il-persuna taxxabbli, b’mala fide, ħarġet il-formola li abbażi tagħha x-xerrej ibbenefika mill-eżenzjoni prevista f’dan l-Artikolu 147, meta huwa stabbilit li l-oġġetti kkonċernati ħallew it-territorju tal-Unjoni. F’tali ċirkustanzi, il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT prevista f’dan l-Artikolu 146(1)(b) għandu jiġi rrifjutat jekk il-ksur ta’ rekwiżit formali jkollu l-effett li jipprekludi l-produzzjoni tal-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi li jikkundizzjonaw l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni jkunu ġew issodisfatti jew jekk jiġi stabbilit li l-imsemmija persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet involuta fi frodi li tipperikola l-funzjonament tas-sistema komuni tal-VAT. |