11.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 266/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Mejju 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Audiencia Provincial de Zaragoza – Spanja) – MA vs Ibercaja Banco, SA

(Kawża C-600/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Prinċipju ta’ ekwivalenza - Prinċipju ta’ effettività - Proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka - Natura inġusta tal-klawżola li tistabbilixxi r-rata nominali tal-interessi moratorji u tal-klawżola ta’ eżiġibbiltà antiċipata li tinsab fil-kuntratt ta’ self - Awtorità ta’ res judicata u dekadenza - Telf tal-possibbiltà li tiġi invokata n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt quddiem qorti - Setgħa ta’ stħarriġ ex officio tal-qorti nazzjonali)

(2022/C 266/02)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Zaragoza

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: MA

Konvenuti: Ibercaja Banco, SA

fil-preżenza ta’: PO

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minħabba l-effett tal-awtorità ta’ res judicata u tad-dekadenza, la tippermetti lill-qorti teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, u lanqas ma tippermetti lill-konsumatur, wara l-iskadenza tat-terminu sabiex jagħmel oppożizzjoni, jinvoka n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli f’din il-proċedura jew fi proċedura dikjaratorja sussegwenti, meta l-imsemmija klawżoli jkunu diġà ġew suġġetti, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, għal eżami ex officio mill-qorti dwar in-natura eventwalment inġusta tagħhom, iżda li d-deċiżjoni ġudizzjarja li tawtorizza l-infurzar tal-ipoteka ma tkun tinkludi ebda motiv, anki jekk fil-qosor, li juri l-eżistenza ta’ dan l-eżami u lanqas ma tindika li l-evalwazzjoni magħmula minn din il-qorti fi tmiem l-imsemmi eżami mhux ser tkun tista’ tiġi kkontestata iktar jekk ma ssirx oppożizzjoni fl-imsemmi terminu.

2)

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax lil qorti nazzjonali, li taġixxi ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali meta tkun saret il-garanzija ipotekarja, il-proprjetà ipotekata tkun inbiegħet u d-drittijiet ta’ proprjetà fir-rigward ta’ dan il-beni jiġu ttrasferiti lil terz, bil-kundizzjoni li l-konsumatur li l-beni tiegħu jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka jkun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu matul proċedura sussegwenti bil-għan li jikseb kumpens, abbażi ta’ din id-direttiva, tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-klawżoli inġusti.


(1)  ĠU C 357, 21.10.2019.