30.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 414/12


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-8 ta’ Ottubru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha – Spanja) – MO vs Subdelegación del Gobierno en Toledo

(Kawża C-568/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja - Direttiva 2008/115/KE - Standards u proċeduri komuni fil-qasam ta’ ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment - Artikolu 6(1) u Artikolu 8(1) - Residenza irregolari - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni, skont iċ-ċirkustanzi, jew ta’ multa, jew ta’ tneħħija - Konsegwenzi tas-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Zaizoune (C-38/14, EU:C:2015:260) - Leġiżlazzjoni nazzjonali iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata - Effett dirett tad-direttivi - Limiti)

(2020/C 414/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: MO

Konvenut: Subdelegación del Gobierno en Toledo

Dispożittiv

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, fil-każ ta’ residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru, l-impożizzjoni jew ta’ multa, jew ta’ tneħħija, liema miżura tal-aħħar tista’ tiġi adottata biss meta jkun hemm ċirkustanzi aggravanti dwar dan iċ-ċittadin, li jiżdiedu mar-residenza irregolari tiegħu, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tistax tibbaża ruħha direttament fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva sabiex tadotta deċiżjoni ta’ ritorn u teżegwixxi din id-deċiżjoni, anki fl-assenza ta’ tali ċirkustanzi aggravanti.


(1)  ĠU C 363, 28.10.2019.