29.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 481/10


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad – Blagoevgrad – il-Bulgarija) – “ЕCOTEX BULGARIA” EOOD vs Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite – Sofia

(Kawża C-544/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 63 TFUE - Moviment liberu tal-kapital - Direttiva (UE) 2015/849 - Kamp ta’ applikazzjoni - Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li jsiru pagamenti li jaqbżu ċertu ammont esklużivament permezz ta’ trasferiment jew permezz ta’ depożitu f’kont ta’ pagament - Artikolu 65 TFUE - Ġustifikazzjoni - Ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali - Proporzjonalità - Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali - Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Prinċipji ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u ta’ proporzjonalità ta’ delitti u ta’ pieni)

(2021/C 481/14)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad – Blagoevgrad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent:“ЕCOTEX BULGARIA” EOOD

Konvenut: Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite – Sofia

fil-preżenza ta’: Prokuror ot Okrazhna prokuratura – Blagoevgrad

Dispożittiv

1)

Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, għall-pagament fit-territorju nazzjonali ta’ ammont daqs jew ogħla mil-livell stabbilit, tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi milli jħallsu fi flus kontanti u teħtieġ li dawn tal-aħħar jagħmlu trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE.

2)

L-Artikolu 63 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex tiġġieled kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali, minn naħa, tipprojbixxi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi milli jwettqu fit-territorju nazzjonali pagament fi flus kontanti meta l-ammont tiegħu jkun daqs jew ogħla minn limitu stabbilit u teħtieġ, għal dan l-għan, li jsir trasferiment jew ħlas f’kont ta’ pagament, inkluż meta dan jirrigwarda d-distribuzzjoni ta’ dividendi ta’ kumpannija, u li, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni, tipprevedi sistema ta’ sanzjonijiet li fil-kuntest tagħha l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta jiġi kkalkolat abbażi ta’ perċentwali stabbilit applikabbli għall-ammont totali tal-pagament magħmul bi ksur tal-imsemmija projbizzjoni, mingħajr ma din il-multa tkun tista’ tiġi varjata minħabba ċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, sakemm l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-imsemmija għanijiet u ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom.


(1)  ĠU C 357, 21.10.2019.