1.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Jannar 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht – il-Ġermanja) – Bundesrepublik Deutschland vs XT

(Kawża C-507/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja - Regoli relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni apolidi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protessjoni internazzjonali - Direttiva 2011/95/UE - Artikolu 12 - Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat - Persuna mingħajr stat ta’ oriġini Palestinjana rreġistrata mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) - Kundizzjonijiet sabiex wieħed jinvoka ipso facto d-Direttiva 2011/95 - Waqfien tal-protezzjoni jew tal-assistenza tal-UNRWA)

(2021/C 72/08)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Bundesrepublik Deutschland

Konvenut: XT

Dispożittiv

1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandha tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni jew l-assistenza tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) waqfitx, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni inkwistjoni, is-setturi kollha taż-żona ta’ operat tal-UNRWA li fit-territorju tagħhom persuna mingħajr stat ta’ oriġini Palestinjana li ħalliet din iż-żona għandha possibbiltà konkreta li taċċedi u li tibqa’ f’sigurtà.

2)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA ma tistax titqies li waqfet meta persuna mingħajr stat ta’ oriġini Palestinjana tkun ħalliet iż-żona ta’ operat tal-UNRWA minn settur ta’ din iż-żona li fih kienet f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju u li fih dan l-organu ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi lil din il-persuna mingħajr stat il-protezzjoni jew l-assistenza tiegħu, minn naħa, jekk din tkun volontarjament marret f’dan is-settur minn settur ieħor tal-imsemmija żona li fih ma kinitx f’sitwazzjoni personali ta’ riskju serju u li fih setgħet tirċievi l-protezzjoni jew l-assistenza ta’ dan l-organu u, min-naħa l-oħra, jekk hija ma setgħetx raġonevolament tistenna, fuq il-bażi ta’ informazzjoni konkreta għad-dispożizzjoni tagħha, li kienet ser tirċievi protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA fis-settur li fih kienet sejra jew li tkun tista’ tirritorna fis-settur ta’ provenjenza wara perijodu qasir, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.


(1)  ĠU C 348, 14.10.2019