31.5.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 206/9 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Marzu 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske – Il-Kroazja) – Obala i lučice d.o.o. vs NLB Leasing d.o.o.
(Kawża C-307/19) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Dritt applikabbli - Regolament (KE) Nru 864/2007 u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 - Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis - Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja - Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolamenti (UE) Nru 1215/2012 - Artikolu 1(1) - Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae - Kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” - Il-punt 1 tal-Artikolu 7 - Kunċetti ta’ “qasam kuntrattwali” u ta’ “provvista ta’ servizzi” - Il-punt 1 tal-Artikolu 24 - Kunċett ta’ “kiri ta’ proprjetà immobbli” - Regolament (KE) Nru 1393/2007 - Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji - Nutara li jaġixxu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata - Proċedura intiża għall-ġbir tal-ħlas ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata ta’ vettura f’post tal-ipparkjar fi triq miftuħa għall-pubbliku)
(2021/C 206/11)
Lingwa tal-kawża: il-Kroat
Qorti tar-rinviju
Visoki trgovački sud Republike Hrvatske
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Obala i lučice d.o.o.
Konvenut: NLB Leasing d.o.o.
Dispożittiv
1) |
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar, li għandu spazju identifikat u li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, mibdija minn kumpannija li ġiet inkarigata minn awtorità lokali għall-amministrazzjoni ta’ tali postijiet tal-ipparkjar, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
2) |
Il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata fir-rigward ta’ biljett għall-ipparkjar ta’ ġurnata f’post tal-ipparkjar bi spazju identifikat, li jinsab fi triq miftuħa għall-pubbliku, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “kiri ta’ proprjetà immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
3) |
Il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li azzjoni għall-ġbir tal-ħlas ta’ miżata li tirriżulta minn kuntratt li għandu bħala suġġett l-ipparkjar f’wieħed mill-postijiet tal-ipparkjar bi spazji identifikati, li jinsabu fi triq miftuħa għall-pubbliku, organizzati u amministrati minn kumpannija inkarigata għal dan l-għan, taqa’ taħt il-“qasam kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li dan il-kuntratt jikkostitwixxi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. |