30.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 414/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2020 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Cour administrative – il-Lussemburgu) – État luxembourgeois vs B (C-245/19), u État luxembourgeois vs B, C, D, F. C. (C-246/19)

(Kawża C-245/19 u C-246/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2011/16/UE - Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni - Artikoli 1 u 5 - Ordni għall-għoti ta’ informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li taġixxi fuq talba għal skambju ta’ informazzjoni tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor - Persuna fil-pussess ta’ informazzjoni li tagħha l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru tordna l-għoti - Persuna taxxabbli kkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba tal-awtorità kompetenti tat-tieni Stat Membru - Terzi persuni li magħhom din il-persuna taxxabbli għandha relazzjonijiet ġuridiċi, bankarji, finanzjarji jew, b’mod iktar wiesa’, ekonomiċi - Protezzjoni ġudizzjarja - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 47 - Dritt għal rimedju effettiv - Artikolu 52(1) - Limitazzjoni - Bażi legali - Osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv - Eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti lill-partijiet f’kawża inkwistjoni jiksbu stħarriġ effettiv tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kif ukoll protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantilhom - Għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni - Ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa internazzjonali - Proporzjonalità - Natura “prevedibbilment rilevanti” tal-informazzjoni kkonċernata mill-ordni għall-għoti ta’ informazzjoni - Stħarriġ ġudizzjarju - Portata - Elementi ratione personae, ratione temporis u ratione materiae li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni”)

(2020/C 414/06)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour administrative

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: État luxembourgeois (C-245/19), (C-246/19)

Konvenuti: B (C-245/19), B, C, D, F. C (C-246/19)

Fil-preżenza ta’: A (C-246/19)

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens:

li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni fuq talba stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta’ Diċembru 2014, tkun teskludi li deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni tipprovdilha din l-informazzjoni, bil-għan li jingħata segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, tkun tista’ tiġi suġġetta għal azzjoni ġudizzjarja ppreżentata minn tali persuna, u

li ma jipprekludix li tali leġiżlazzjoni tkun teskludi li tali deċiżjoni tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjonijiet ġudizzjarji ppreżentati mill-persuna taxxabbli li tkun ikkonċernata, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, mill-investigazzjoni li wasslet għall-imsemmija talba, kif ukoll minn terzi persuni kkonċernati mill-informazzjoni inkwistjoni.

2)

L-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16, kif emendata bid-Direttiva 2014/107, għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tobbliga lil persuna li jkollha informazzjoni sabiex tipprovdilha din l-informazzjoni, bil-għan li tagħti segwitu għal talba għal skambju ta’ informazzjoni li toriġina mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, għandha titqies, meħuda flimkien ma’ din it-talba, bħala li tirrigwarda informazzjoni li ma tidhirx, b’mod manifest, nieqsa minn kull rilevanza prevedibbli meta hija tkun tindika l-identità tal-persuna li jkollha l-informazzjoni inkwistjoni, dik tal-persuna taxxabbli li tkun ikkonċernata mill-investigazzjoni li wasslet għat-talba għal skambju ta’ informazzjoni u l-perijodu kopert minn din tal-aħħar, u meta hija tkun tirrigwarda kuntratti, fatturazzjonijiet u ħlasijiet li, għalkemm ma jkunux identifikati b’mod preċiż ikunu delimitati permezz ta’ kriterji dwar, l-ewwel nett, il-fatt li dawn ma ġewx rispettivament konklużi jew imwettqa mill-persuna li jkollha l-informazzjoni, it-tieni nett, il-fatt li dawn seħħew matul il-perijodu kopert minn din l-investigazzjoni u, it-tielet nett, ir-rabta tagħhom mal-persuna taxxabbli kkonċernata.


(1)  ĠU C 213, 24.6.2019