|
7.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 297/12 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Lulju 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas – il-Litwanja) – proċedura mibdija minn E. E.
(Kawża C-80/19) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (UE) Nru 650/2012 - Kamp ta’ applikazzjoni - Kunċett ta’ “suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali” - Kunċett ta’ “residenza abitwali tad-deċedut” - Artikolu 3(2) - Kunċett ta’ “qorti” - Issuġġettar tan-nutara għar-regoli tal-ġurisdizzjoni internazzjonali - Artikolu 3(1)(g) u (i) - Kunċetti ta’ “deċiżjoni” u ta’ “strument awtentiku” - Artikoli 5, 7 u 22 - Ftehim dwar l-għażla tal-qorti u dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni - Artikolu 83(2) u (4) - Dispożizzjonijiet tranżitorji)
(2020/C 297/15)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Lietuvos Aukščiausiasis Teismas
Partijiet fil-kawża prinċipali
E. E
fil-preżenza ta’: Kauno miesto 4-ojo notaro biuro notarė Virginija Jarienė, K.-D. E.
Dispożittiv
|
1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali” sitwazzjoni li fiha d-deċedut, ċittadin ta’ Stat Membru, kien jirrisjedi fi Stat Membru ieħor fid-data tal-mewt tiegħu, iżda ma kienx kiser ir-rabtiet tiegħu mal-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri, li fih jinsabu l-beni li jifformaw is-suċċessjoni tiegħu, filwaqt li s-suċċessuri tiegħu jkollhom ir-residenza tagħhom f’dawn iż-żewġ Stati Membri. L-aħħar residenza abitwali tad-deċedut, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi stabbilita mill-awtorità li tkun qiegħda tittratta s-suċċessjoni f’wieħed biss mill-imsemmija Stati Membri. |
|
2) |
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, in-nutara Litwani ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji meta joħorġu ċertifikat nazzjonali tas-suċċessjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dawn in-nutara jaġixxux b’delega jew taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja u, konsegwentement, jistgħux jiġu kklassifikati bħala “qrati”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni. |
|
3) |
L-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li n-nutara Litwani jistgħu jiġu kklassifikati bħala “qrati”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni li huma joħorġu jista’ jitqies li huwa “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li, għall-finijiet tal-ħruġ tiegħu, dawn in-nutara jistgħu japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament. |
|
4) |
L-Artikoli 4 u 59 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li nutar ta’ Stat Membru, li ma huwiex ikklassifikat bħala “qorti”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jista’, mingħajr ma japplika r-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmi regolament, joħroġ iċ-ċertifikati nazzjonali tas-suċċessjoni. Jekk il-qorti tar-rinviju tqis li dawn iċ-ċertifikati jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(i) tal-istess regolament, u jistgħu, għaldaqstant, jitqiesu bħala “strumenti awtentiċi”, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, dawn jipproduċu, fl-Istati Membri l-oħra, l-effetti li l-Artikolu 59(1) u l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jagħtu lill-istrumenti awtentiċi. |
|
5) |
L-Artikoli 4, 5, 7 u 22 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rieda tad-de cujus kif ukoll il-ftehim bejn is-suċċessuri tiegħu jistgħu jwasslu għad-determinazzjoni ta’ qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni u għall-applikazzjoni ta’ liġi tas-suċċessjoni ta’ Stat Membru għajr dawk li kieku jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament. |