Kawża T‑530/18
Ir-Rumanija
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-30 ta’ April 2019
“Rikors għal annullament – FAEG u FAEŻR – Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Komunikazzjoni lid-destinatarju – Pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Terminu tar-rikors – Bidu tad-dekorrenza – Tardività – Inammissibbiltà”
Rikors għal annullament – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludi mill-finanzjament mill-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-FAEG u skont il-FAEŻR – Pubblikazzjoni sussegwenti tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali – Assenza ta’ effett
(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE)
(ara l-punti 22-25, 27-32, 36-38, 42-47)
Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni – Kunċett
(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE)
(ara l-punt 26)
Rikors għal annullament – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku – Bidu tad-dekorrenza – Komunikazzjoni – Assenza ta’ effett tal-iżbalji purament formali
(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE)
(ara l-punti 48-58)
Sunt
Fil-kawża li tat lok għad-digriet tar-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T-530/18), mogħti fit-30 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali kienet adita b’rikors ippreżentat mir-Rumanija u intiża għall-annullament parzjali ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri, abbażi ta’ fondi Ewropej agrikoli ( 1 ). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni applikat, b’mod partikolari, korrezzjoni finanzjarja ta’ iktar minn EUR 90 miljun. Din il-kawża ppermettiet lill-Qorti Ġenerali li tagħti xi preċiżazzjonijiet dwar il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra att ta’ portata individwali, bħal deċiżjoni meħuda skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, meta dan l-att ġie mgħarraf lid-destinatarju tiegħu b’żewġ modi differenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet kemm innotifikata lir-rappreżentanza permanenti tar-Rumanija għall-Unjoni Ewropea, fl-14 ta’ Ġunju 2018, kif ukoll ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fil-15 ta’ Ġunju 2018.
Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn-notifika lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta dan ikun sar jaf bih. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura it-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 59 ta’ dawn ir-regoli, meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-att fil-Ġurnal Uffiċjali, it-terminu għandu jibda jiddekorri mill-erbatax-il jum ta’ wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali indikat li d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat il-punt tat-tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, hija dik tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, meta din il-pubblikazzjoni, li tikkondizzjona d-dħul fis-seħħ tal-att, tkun prevista mit-Trattat FUE, u dik tan-notifika fil-każijiet l-oħra msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, fosthom dak tad-deċiżjonijiet li jindikaw id-destinatarju tagħhom. B’hekk, fir-rigward ta’ att li jindika d-destinatarji tiegħu, huwa biss it-test ikkomunikat lil dawn tal-aħħar li huwa awtentiku, minkejja li dan l-att kien ġie ppubblikat ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali. F’dan il-każ, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tirreferi espliċitament għar-Rumanija bħala destinatarja, din daħlet fis-seħħ, fir-rigward tagħha, permezz tan-notifika tagħha. Barra minn hekk, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri minn din in-notifika u, peress li l-Artikolu 59 tar-Regoli tal-Proċedura ma jistax japplika, dan it-terminu, bit-terminu tad-distanza inkluż, skada fl-24 ta’ Awwissu Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors ippreżentat mir-Rumanija fis-7 ta’ Settembru 2018 huwa tardiv u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argumenti tar-rikorrenti.
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-Rumanija allegat li, fin-nuqqas ta’ korrelazzjoni awtomatika bejn il-punt tat-tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra att ta’ istituzzjoni u l-mument tad-dħul fis-seħħ jew tal-produzzjoni ta’ effetti legali ta’ dan l-att, f’dan il-każ, id-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali tista’ titqies bħala punt tat-tluq ta’ dan it-terminu, anki jekk din id-deċiżjoni kienet diġà pproduċiet effetti fir-rigward tagħha, minħabba n-notifika preċedenti tagħha. Il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod partikolari, li dan l-argument kien ibbażat fuq konfużjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, imsemmija fl-Artikolu 263 TFUE u dawk relatati mal-validità tal-att ikkontestat permezz ta’ tali rikors.
Fit-tieni lok, ir-Rumanija invokat l-eżistenza ta’ prattika stabbilita adottata għal żmien twil mill-Kummissjoni, li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, filwaqt li jiġu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom. Hija sostniet li, f’din is-sitwazzjoni atipika, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kellu jkun il-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. Il-Qorti Ġenerali indikat li, anki jekk jitqies li teżisti tali prassi, meta d-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata preċedentement, din id-data għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata tar-rikors, u mhux il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali li seħħ sussegwentement. Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-kriterju ta’ notifika biss bħala punt tat-tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra l-atti li jindikaw id-destinatarji tagħhom tiggarantixxi ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għall-kuntrarju ta’ soluzzjoni ibrida li tgħid li d-destinatarju ta’ att li jkun debitament ikkomunikat xorta hemm lok li wieħed jistaqsi dwar l-eventwali u inċerta, peress li mhux obbligatorja, pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li hemm differenzi bejn it-test ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u dak innotifikat, li ma huwiex komplet, il-Qorti Ġenerali fakkret li n-notifika hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-awtur ta’ att ta’ portata individwali jikkomunika dan l-att lid-destinatarji tiegħu u b’hekk ipoġġihom f’pożizzjoni li jieħdu konjizzjoni tal-kontenut tiegħu kif ukoll il-motivi li fuqhom huwa bbażat. Issa, min-natura minuri tagħhom, l-imsemmija differenzi ma setgħux jipprekludu lir-Rumanija milli tieħu konjizzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti, kif ukoll li tifhem ir-raġunijiet li fuqhom hija tibbaża. Għaldaqstant, dawn ma għandhomx effett fuq l-applikazzjoni tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament.
( 1 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat 13 ta’ Novembru 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2015, L 152, 20.11.2015, p. 29).