DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

30 ta’ April 2019 ( *1 )

“Rikors għal annullament – FAEG u FAEŻR – Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Komunikazzjoni lid-destinatarju – Pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Terminu tar-rikors – Bidu tad-dekorrenza – Tardività – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑530/18,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn C.-R. Canţăr, E. Gane, C.‑M. Florescu u O.‑C. Ichim, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Aquilina u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat 13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2018, L 152, p. 29), sa fejn din tikkonċerna lir-Rumanija,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit-13 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU 2018, L 152, p. 29, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat lir-Rumanija korrezzjoni finanzjarja ta’ ammont totali ta’ EUR 90 133 370.64 b’mod partikolari dwar is-sottomiżura 1a fid-dawl tal-miżuri li jaqgħu taħt is-Sistema Integrata ta’ Ġestjoni u ta’ Kontroll (SIĠK) fil-kuntest tal-“Iżvilupp Rurali FAEŻR għas-snin finanzjarji 2015 u 2016 u s-sottomiżuri 3a, 5a, 3b u 4b fid-dawl tal-miżuri mhux marbutin mal-erja fil-kuntest tal-“Iżvilupp Rurali FAEŻR Assi 2” għas-sena finanzjarja 2014.

2

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“L-ammonti stipulati fl-Anness li huma relatati man-nefqa mġarrba mill-aġenziji tal-pagamenti akkreditati tal-Istati Membri u li ġew iddikjarati taħt il-FAEG jew il-FAEŻR għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni.”

3

L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni jipprovdi b’mod partikolari:

“Din id-Deċiżjoni hija indirizzata […] lir-Rumanija.”

4

Fl-14 ta’ Ġunju 2018, id-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija għall-Unjoni Ewropea, taħt in-numru C (2018) 3826.

5

Fil-15 ta’ Ġunju 2018, id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ġurnal Uffiċjali”).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

6

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2018, ir-Rumanija ppreżentat dan ir-rikors.

7

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

8

Fis-26 ta’ Novembru 2018, ir-Rumanija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

9

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-24 ta’ Jannar 2019, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar xi differenzi bejn it-test ikkomunikat u t-test ippubblikat tad-deċiżjoni kkontestata.

10

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni għamlet id-domandi fuq talba tal-Qorti Ġenerali billi pprovdiet l-informazzjoni mitluba.

11

Fir-rikors, ir-Rumanija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata:

fir-rigward tas-submiżura 1a fl-intier tagħha (ammont ta’ EUR 13 184 846.61 għas-snin finanzjarji 2015 u 2016);

fir-rigward tas-submiżuri 3a, 5a, 3b u 4b fl-intier tagħhom (ammont ta’ EUR 45 532 000.96 għas-snin finanzjarji 2014, 2015 u 2016) u, sussidjarjament, parzjalment għall-perijodu ta’ qabel id-19 ta’ Settembru 2015 (ammont ta’ EUR 21 315 857.50);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12

Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors inammissibbli jew tiċħdu;

tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

13

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-Rumanija tenniet it-talbiet tagħha u titlob ukoll li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara r-rikors ammissibbli.

Id-dritt

14

Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-konvenuta titlob dan, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża.

15

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, peress li tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess, hija tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

16

Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors ġie ppreżentat tard, fis-7 ta’ Settembru 2018. Fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija fl-14 ta’ Ġunju 2018, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors skada fl-24 ta’ Awwissu 2018.

17

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-Rumanija ssostni li r-rikors huwa ammissibbli.

18

Fl-ewwel lok, ir-Rumanija targumenta li s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ta’ att tal-Unjoni Ewropea, huwa awtomatikament u b’mod ġenerali, il-mument tad-dħul fis-seħħ jew tat-teħid tal-effett legali ta’ dan l-att, għar-raġuni li l-Artikolu 297 TFUE jipprekludi tali konklużjoni.

19

Fit-tieni lok, ir-Rumanija ssostni li l-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ta’ att li għandu jkun ikkomunikat, iżda li, skont il-prattika stabbilita adottata fit-tul mill-awtur tal-att, huwa wkoll ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, għandu dejjem ikun il-pubblikazzjoni ta’ dan l-att.

20

Fit-tielet lok, ir-Rumanija targumenta li din is-soluzzjoni hija iktar b’saħħitha fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti li fihom id-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lill-awtoritajiet Rumeni u ppubblikata. F’dan il-każ, l-inċertezza legali kkawżata mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet mhux biss ikkomunikata, iżda wkoll ippubblikata, tiżdied minħabba d-differenzi bejn it-test ikkomunikat mill-Kummissjoni lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija fl-14 ta’ Ġunju 2018 u dak ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-15 ta’ Ġunju 2018, li juru li t-test ikkomunikat huwa, minn tal-inqas, inkomplet.

21

Fl-aħħar nett, ir-Rumanija tqis li, peress li t-test ikkomunikat ma huwiex komplet, ir-regolarità tal-proċedura ta’ kommunikazzjoni ġiet kompromessa. Fil-prattika, il-mument li hija saret taf, b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-motivi li fuqhom din hija bbażata huwa l-mument ta’ pubblikazzjoni sħiħa. Konsegwentement, it-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata tar-rikors beda jiddekorri fid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fil-15 ta’ Ġunju 2018, u jiżdied b’erbatax‑il jum previsti fl-Artikolu 59 tar-Regoli tal-Proċedura u ta’ għaxart ijiem skont it-terminu ta’ distanza fissa previst fl-Artikolu 60 tal-istess regoli.

22

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat “fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih”.

23

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura it-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini għall-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti (sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen, C-246/95, EU:C:1997:33, punt 21; digrieti tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-550/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:237, punt 22, u tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-551/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:238, punt 22).

25

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ termini għall-preżentata ta’ rikors għandha l-għan li tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, C-73/10 P, EU:C:2010:684, punt 52; tat-18 ta’ Diċembru 2012, Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T-205/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:704, punt 40, u tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-550/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:237, punt 23).

26

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-kommunikazzjoni hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-awtur ta’ att ta’ portata individwali, bħal deċiżjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, għandu jikkomunika dak l-att lid-destinatarji tiegħu u jqegħidhom f’pożizzjoni li jieħdu konjizzjoni tal-kontenut tiegħu kif ukoll tal-motivi li fuqhom huwa bbażat (digrieti tat-2 ta’ Ottubru 2014, Page Protective Services vs SEAE, C-501/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2259, punt 30; tat-18 ta’ Diċembru 2012, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T-320/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:705, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-550/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:237, punt 24).

27

Barra minn hekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2)TFUE, bid-differenza ta’ atti li għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, id-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju għandhom jiġu kkomunikati lid-destinatarji tagħhom u jidħlu fis-seħħ meta ssir din il-komunikazzjoni (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2017, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑337/16 P, EU:C:2017:381, punt 35; digrieti tat-18 ta’ Diċembru 2012, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T‑320/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:705, punt 20, u tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-550/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:237, punt 25).

28

Minn qari flimkien tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE jirriżulta li, fir-rigward tar-rikorsi għal annullament, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata tar-rikors hija dik tal-pubblikazzjoni, meta din il-pubblikazzjoni, li tikkondizzjona d-dħul fis-seħħ tal-att, hija prevista minn dan it-trattat u dik tal-komunikazzjoni fil-każijiet l-oħra msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, li f’numru minnhom tidher dik tad-deċiżjonijiet li jindikaw id-destinatarju tagħhom (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2017, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-337/16 P, EU:C:2017:381, punt 36).

29

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-interpretazzjoni tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE billi kkonstatat li, fir-rigward ta’ att li jindika d-destinatarji tiegħu, huwa biss it-test ikkomunikat lil dawn tal-aħħar li huwa dak awtentiku, minkejja li dan l-att ikun diġà ġie ppubblikat ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali (sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 491, u tas-17 ta’ Mejju 2017, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑337/16 P, EU:C:2017:381, punt 37).

30

Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi b’mod espliċitu għar-Rumanija bħala destinatarja, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tagħha, u din ġiet ikkomunikata lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija fl-14 ta’ Ġunju 2018. Barra minn hekk, ir-Rumanija ma tikkontestax li hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas li rċeviet il-komunikazzjoni tal-14 ta’ Ġunju 2018.

31

Għalhekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, bħala att ta’ portata individwali li r-Rumanija hija destinatarja tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata daħlet fis-seħħ fil-konfront tar-Rumanija bil-komunikazzjoni tagħha fl-14 ta’ Ġunju 2018. B’riżultat ta’ dan, ir-Rumanija kienet f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll tal-motivi li fuqhom hija bbażata.

32

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata beda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tagħha lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija, u mhux mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

33

Barra minn hekk, l-Artikolu 59 tar-Regoli tal-Proċedura ma japplikax f’din il-kawża, peress li japplika biss fil-każ li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-att fil-Ġurnal Uffiċjali.

34

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argumenti tar-Rumanija.

35

Ir-Rumanija ssostni, essenzjalment, li l-punt ta’ tluq tat-terminu tar-rikors f’din il-kawża huwa l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali, u mhux il-komunikazzjoni tagħha. Dan jirriżulta, fl-ewwel lok, mill-assenza ta’ rabta bejn, minn naħa, il-kriterju tal-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ rikors għal annullament ta’ att ta’ istituzzjoni u, min-naħa l-oħra, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att, fit-tieni lok, mis-sitwazzjoni atipika kkawżata minn prattika stabbilita tal-Kummissjoni li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet filwaqt li tikkomunikahom lid-destinatarji tagħhom u, it-tielet lok, ta’ differenzi bejn it-test ikkomunikat u t-test ippubblikat tal-imsemmija deċiżjoni.

36

L-ewwel nett, ir-Rumanija ssostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-mument tad-dħul fis-seħħ jew tal-produzzjoni ta’ effetti ta’ liġi ma huwiex awtomatikament u b’mod konsistenti l-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ rikors għal annullament u li, għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rikors, hija l-funzjoni li tikkonsisti f’li tinforma b’mod effettiv dwar il-kontenut tal-att tal-Unjoni li hija rilevanti. Mill-assenza ta’ korrelazzjoni bejn il-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ rikors għal annullament ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni u l-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att jirriżulta li l-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, anki jekk din tkun diġà daħlet fis-seħħ u kienet daħlet fis-seħħ fir-rigward tar-Rumanija, tista’ tkun il—pubblikazzjoni sussegwentement tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-argument tar-Rumanija huwa bbażat fuq konfużjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, u dawk dwar il-validità tal-att ikkontestat b’tali rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Diċembru 2006, MMT vs Il-Kummissjoni, T-392/05, mhux ippubblikat, EU:T:2006:382, punt 33) Għalhekk dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jqiegħed f’dubju r-rilevanza, bħala punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

38

Barra minn hekk, l-argument tar-Rumanija huwa ineffettiv sa fejn huwa jsemmi diversi każijiet ta’ ġurisprudenza skont liema, għalkemm huwa minnu li l-pubblikazzjoni kienet il-punt ta’ tluq tat-terminu tar-rikors, dan kien il-każ biss minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-att inkwistjoni lir-rikorrenti. Issa, f’dan il-każ, ir-Rumanija, bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, debitament irċeviet il-komunikazzjoni u hija din il-komunikazzjoni li hija l-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

39

Għalhekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-Rumanija, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-122/95, EU:C:1998:94, punt 35), sostniet li l-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att tal-Unjoni huwa dak tal-pubblikazzjoni tal-att, minkejja li din ma hijiex rilevanti għad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att, huwa biżżejjed li jitfakkar li, f’din il-kawża, l-att ikkontestat kien regolament adottat abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni Ewropea, jiġifieri att ta’ applikazzjoni ġenerali indirizzat lill-Istati Membri kollha li l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali jiskatta d-dekors tat-terminu tar-rikors, u li ma kienx suġġett għall-ebda komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Lulju 2012, ICO Satellite vs Il-Kummissjoni, T-350/09, mhux ippubblikat, EU:T:2012:341, punt 36). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kriterju tad-data tat-teħid tal-konjizzjoni tal-att bħala punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa t-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarja fir-rigward tal-kriterji tal-pubblikazzjoni jew tal-komunikazzjoni tal-att. Bl-ebda mod ma jirriżulta li l-kriterju ta’ komunikazzjoni huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dak tad-data tal-pubblikazzjoni.

40

Bl-istess mod, fir-rigward tal-argument relatat, li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, fid-Digriet tal-21 ta’ Novembru 2005, Tramarin vs Il-Kummissjoni (T-426/04, EU:T:2005:405, punt 49), li “fir-rigward tal-atti li, skont prattika stabbilita tal-istituzzjoni kkonċernata, huma ppubblikati […], t-terminu sabiex jiġi ppreżentat rikors jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni”, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, ir-rikorrenti ma kinitx hi d-destinatarja tad-deċiżjoni li kienet is-suġġett ta’ komunikazzjoni, iżda terz interessat. Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet debitament ikkomunikata lir-Rumanija, bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata.

41

Barra minn hekk, fir-rigward tar-riferiment għas-sentenza tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il-Kunsill (C-478/11 P sa C-482/11 P, EU:C:2013:258, punti 5859), huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li f’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jkunx applikat b’mod koerenti jekk, fir-rigward tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jidher fil-listi li jinsabu fl-annessi tal-atti adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, il-punt ta’ tluq għall-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kienet id-data tal-pubblikazzjoni tal-att inkwistjoni u mhux id-data li fiha din ġiet ikkomunikata lilhom. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta li għalkemm huwa minnu li d-dħul fis-seħħ ta’ atti bħalma huma l-atti kontenzjużi jseħħ bis-saħħa tal-pubblikazzjoni tagħhom, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament ta’ dawn l-atti skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jibda jiddekorri, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-persuni u entitajiet, mid-data tal-komunikazzjoni li għandha ssirilha. Minn din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li għandu jiġi applikat il-kriterju ta’ komunikazzjoni jew komunikazzjoni individwali bħala l-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, anki fejn il-kriterju tal-pubblikazzjoni jiddetermina d-dħul fis-seħħ tal-att inkwistjoni. Din il-ġurisprudenza ma tistax għalhekk bl-ebda mod isservi l-argument tar-Rumanija li l-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa l-pubblikazzjoni, peress li, għall-kuntrarju, hija tirrifjuta b’mod formali anki fil-każ fejn il-pubblikazzjoni kienet tiddetermina d-dħul fis-seħħ u l-effetti ġuridiċi tal-att inkwistjoni.

42

It-tieni lok, ir-Rumanija teċepixxi l-eżistenza ta’ prattika stabbilita adottata fit-tul mill-Kummissjoni li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-deċiżjonijiet tagħha li jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni ċerti spejjeż imġarrba taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), filwaqt li tikkomunikahom lid-destinatarji tagħhom. F’tali sitwazzjoni atipika fejn att ta’ portata individwali jiġi ppubblikat ukoll, il-modalità li biha id-destinatarji għandhom jeżaminaw il-kontenut tal-att u r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat, b’mod li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ appell fit-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tista’ tkun il-pubblikazzjoni, u mhux il-komunikazzjoni. Għalhekk, meta att ikun ġie mwassal għall-konjizzjoni tad-destinatarju b’żewġ modi f’dan il-każ permezz tal-pubblikazzjoni u permezz tal-komunikazzjoni, il-prinċipju taċ-ċertezza legali u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimponu li l-punt ta’ tluq tat-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ikun id-data tal-pubblikazzjoni tal-att, u mhux dik tal-komunikazzjoni tagħha.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, fis-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni (T-11/95, EU:T:1998:199, punti 48 sa 51), il-Qorti Ġenerali rrilevat li teżisti prattika stabbilita tal-Kummissjoni li tippubblika deċiżjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, jiġifieri deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u qieset li r-rikorrenti setgħet leġittimament tistenna li d-deċiżjoni tkun suġġetta għal pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Madankollu, filwaqt li l-Qorti Ġenerali ċertament ikkunsidrat, essenzjalment, li t-terminu għall-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni inkwistjoni kien beda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni, hija ppreċiżat li dan kien il-każ jekk, u biss jekk, id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ġiet ikkomunikata preċedentement lir-rikorrenti. Għalhekk, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li, anki jekk jiġi preżunt li hemm prattika konsistenti tal-Kummissjoni li tippubblika d-deċiżjonijiet, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, li teskludi l-ispejjeż tal-finanzjament tal-fondi agrikoli tal-Unjoni, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu tal-appell, il-komunikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni lill-Istati Membri destinatarji ta’ din id-deċiżjoni u mhux il-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, meta din tal-aħħar tkun saret wara (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-23 ta’ Novembru 2015, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni, T-118/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:912, punti 2728, u tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-550/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:237, punti 3536). Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lir-Rumanija qabel il-pubblikazzjoni tagħha.

44

Sussegwentement, ir-Rumanija ma tistax validament issostni li l-Kummissjoni ħolqot fid-destinatarji, inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi, l-aspettattivi leġittimi li pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali għandha sseħħ kull meta tadotta deċiżjonijiet bħad-deċiżjoni kkontestata u li jsegwu l-konsegwenzi li normalment jirriżultaw mill-pubblikazzjoni tal-atti li fir-rigward tagħhom il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi obbligu ta’ pubblikazzjoni. Fil-fatt, hija ma tressaq ebda element li jippermetti li jiġi sostnut li l-Kummissjoni tatha assigurazzjonijiet preċiżi f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata; digrieti tat-23 ta’ Novembru 2015, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni, T-118/15, mhux ippubblikata, EU:T:2015:912, punt 28, u tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-550/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:237, punt 37).

45

Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, din l-interpretazzjoni hija għalkollox konformi mal-għan tat-termini sabiex jitressaq ilment u jiġi ppreżentat rikors, li huma intiżi sabiex iħarsu ċ-ċertezza legali billi jevitaw l-ikkontestar b’mod indefinittiv tal-atti tal-Unjoni li jipproduċu effetti legali (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1971, Müllers vs KES, 79/70, EU:C:1971:79, punt 18; tas-17 ta’ Frar 1972, Richez-Parise vs Il-Kummissjoni, 40/71, EU:C:1972:9, punt 6, u tat-12 ta’ Lulju 1984, Moussis vs Il-Kummissjoni, 227/83, EU:C:1984:276, punt 12), u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (sentenzi tal-4 ta’ Frar 1987, Cladakis vs Il-Kummissjoni, 276/85, EU:C:1987:57, punt 11; tad-29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs ETF, C-154/99 P, EU:C:2000:354, punt 15, u tal-5 ta’ Marzu 2008, Combescot vs Il-Kummissjoni, T-414/06 P, EU:T:2008:58, punt 43).

46

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument relatat, skont liema l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken (C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 39), li, meta t-termini ta’ dispożizzjoni ma humiex ċari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet minnha mfittxija, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li huwa paċifiku li l-formulazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, moqri waħdu jew flimkien mal-Artikolu 297 TFUE, ma tagħti lok għal ebda dubju (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat‑23 ta’ Novembru 2015, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni, T-118/15, mhux ippubblikat, EU:T:2015:912, punt 31, u tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-550/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:237, punt 33).

47

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li hija preċiżament l-adozzjoni tal-kriterju uniku ta’ komunikazzjoni bħala l-punt ta’ tluq tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra atti li jindikaw id-destinatarji tagħhom li tiżgura ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għall-kuntrarju ta’ soluzzjoni ibrida bħal dik promossa mir-Rumanija, skont liema d-destinatarju ta’ att li jkun ġie debitament ikkomunikat xorta hemm lok li wieħed jistaqsi dwar l-eventwali u inċerta, peress li mhux obbligatorja, pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

48

Fit-tielet lok, ir-Rumanija ssostni, essenzjalment, li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni sħiħa, u mhux minn komunikazzjoni mhix kompleta, tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħha, jirriżulta li jeżistu differenzi bejn il-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata kkomunikata fl-14 ta’ Ġunju 2018 u ppubblikata fil-15 ta’ Ġunju 2018 li l-komunikazzjoni lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija ma kinitx kompluta u ma kinitx tippermettilha li tieħu konjizzjoni tal-kontenut tal-att. F’dan ir-rigward, qabelxejn, hija tinvoka d-differenzi f’dispożizzjonijiet li jaffettwaw l-Istati Membri l-oħra. Sussegwentement, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw lir-Rumanija, hija ssostni li, f’partiti baġitarji 6701 u 6711, l-informazzjoni li tidher fil-ħames kolonna korrispondenti għall-miżura “Ċertifikazzjoni”, li tirrigwarda rispettivament, is-sena 2015 u s-sena 2014, ma hijiex kompleta fir-rigward tar-raġunijiet “żball l-aktar Probabbli FAEŻR non-SIAK” u “żball l-aktar Probabbli FAEŻR SIAK”, peress li l-verżjoni nnotifikata ssemmi biss, b’mod ambigwu, l-“ammont” (“sumă” bir-Rumen). Fil-fehma tagħha, dawn id-differenzi jaffettwaw l-aspetti essenzjali bħalma huma l-miżuri, ir-raġunijiet u t-tip ta’ korrezzjonijiet, u jkollhom impatt dirett fuq id-deċiżjoni li jiġi ppreżentat rikors għal annullament u dwar il-mod kif jiġi mfassal dan ir-rikors. Barra minn hekk, hija ssostni li ċerti differenzi jirrigwardaw preċiżament l-użu tal-formulazzjoni “ammont stmat”, li hija kkontestata fir-rikors.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni hija kkomunikata debitament meta tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha u huwa jkun f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tagħha. Fir-rigward tal-aħħar kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kienet sodisfatta meta d-destinatarju ġie mgħarraf bil-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni u l-motivi li fuqhom kienet ibbażata (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2017, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C 337/16 P, EU:C:2017:381, punti 4748, u tal-21 ta’ Marzu 2019, Eco-Bat Technologies et vs Il-Kummissjoni, C 312/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:235, punti 2526).

50

Minn dan isegwi li, żball purament formali jew ommissjoni li anki jekk ma hijiex purament formali ma tipprekludix lid-destinatarju tad-deċiżjoni kkomunikata milli jiffamiljarizza ruħu mal-kontenut u r-l-motivi tagħha, ma jaffettwax l-applikazzjoni tat-termini tal-preżentata tar-rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2017, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-337/16 P, EU:C:2017:381, punti 48 sa 50 u tal-21 ta’ Marzu 2019, Eco-Bat Technologies et vs Il-Kummissjoni, C 312/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:235, punt 27).

51

F’dan il-każ, qabelxejn għandha tiġi miċħuda l-allegata eżistenza ta’ differenzi possibbli ta’ dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ Stati Membri oħra bħala li huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr rilevanza u inapplikabbli għar-rikors tar-Rumanija (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-550/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:237, punt 42).

52

Sussegwentement, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw lir-Rumanija, hemm, ċertament, lok li jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għad-domanda tal-Qorti Ġenerali, li hemm differenzi żgħar bejn il-verżjoni kkomunikata u l-verżjoni ppubblikata fil-ħames kolonna tat-tabella fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-verżjoni kkomunikata lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija minħabba problemi li seħħew fl-istampar tat-tabella fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, il-kelma “estimată” (stmat) użata fit-tip ta’ korrezzjoni “sumă estimată” (ammont stmat) ma deherx minħabba li kien barra ċ-ċelloli tat-tabella għal ċerti partiti tal-baġit, fejn kien hemm kelma waħda “sumă” (ammont). Din il-problema sussegwentement ma qamitx fil-verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

53

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-problema tal-istampar ma għandhiex tfixkel il-komprensjoni tal-informazzjoni li tinsab fl-Anness. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, f’din il-ħames kolonna, jistgħu biss jiġu inklużi erba’ tipi ta’ korrezzjonijiet, jiġifieri, fl-ewwel lok, “ta’ darba” għal korrezzjonijiet li għalihom ammonti ineliġibbli huma identifikabbli (“punctuală” jew “calculată” bir-Rumen); fit-tieni lok, “fissa” għal korrezzjonijiet b’rata fissa (“rată forfetară” bir-Rumen); fit-tielet lok “ammont stmat” għal korrezzjonijiet estrapolati fuq il-bażi ta’ ammont magħruf (“sumă estimată” bir-Rumen) u fir-raba’ lok “estrapolata” għal korrezzjonijiet estrapolati fuq il-bażi ta’ perċentwali magħrufa (“extrapolate” bir-Rumen). Peress li tliet tipi ta’ korrezzjonijiet ikollhom kunjomijiet differenti sew bir-Rumen tal-kelma “sumă” (ammont), din tal-aħħar ma jistax, b’mod ċar u mingħajr ambigwità, tikkorrispondi mat-tip ta’ korrezzjoni “sumă estimată” (ammont stmat).

54

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li r-Rumanija kienet irċeviet ukoll it-tabelli inkwistjoni permezz tal-posta elettronika tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu fis-15 ta’ Ġunju 2018. F’dan il-każ, saħansitra sempliċi qari tal-Anness mibgħut bil-posta elettronika kien suffiċjenti sabiex jiċċaraw dawn id-differenzi.

55

Barra minn hekk, peress li r-Rumanija tikkontesta l-użu tal-kliem “sumă estimată” (ammont stmat), għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għad-domanda tal-Qorti Ġenerali, li żewġ korrezzjonijiet kienu kklassifikati bi żball bħala “sumă estimată” (ammont stmat) minflok “rată forfetară” (rata fissa).

56

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-iżball kien jidher kemm fit-test ikkkomunikat mill-Kummissjoni lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija fl-14 ta’ Ġunju 2018 u kif ukoll fit-test ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fil-15 ta’ Ġunju 2018, b’tali mod li r-Rumanija ma tistax tallega li tali żball żammha milli tippreżenta r-rikors tiegħu fit-terminu previst.

57

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li tali abbozzar minuri la kien twettaq fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, u lanqas fir-rapport sommarju (summary report), li fihom il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-każ, ma jista’ jkun hemm l-ebda konfużjoni fir-rigward tan-natura tal-korrezzjoni.

58

Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali differenzi żgħar bejn it-test ikkomunikat u t-test ippubblikat, li jirriżultaw minn problema ta’ stampar tat-tabella fl-Anness tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll minn żball editorjali minuri komuni għal dawn iż-żewġ testi, li ma setgħux jipprekludu lir-Rumanija milli tieħu konjizzjoni tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti, li tifhem il-motivi li fuqhom hija bbażata u li tippreżenta rikors kontriha fit-terminu previst (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T-550/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:237, punt 43).

59

Għaldaqstant, għandha tiġi kkonfermata l-konklużjoni, ifformulata fil-punt 32 iktar ’il fuq, skont liema t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata beda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tagħha lir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija, u mhux mill-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

60

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u skont l-Artikoli 58 u 60 tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, bit-terminu tad-distanza inkluż, skada fl-24 ta’ Awwissu 2018 f’nofsillejl.

61

Madankollu, ir-Rumanija ppreżentat ir-rikors tagħha mhux qabel is-7 ta’ Settembru 2018.

62

Minn dan isegwi li r-rikors kien ġie manifestament ippreżentat wara l-iskadenza tat-terminu preskritt u, għaldaqstant, kien tardiv.

63

Fl-aħħar nett, ir-Rumanija ma stabbilixxietx, u lanqas allegat, l-eżistenza ta’ żball skużabbli, jew l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tidderoga mit-terminu inkwistjoni fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi statut.

64

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

66

Peress li r-Rumanija tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

jordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Ir-Rumanija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ April 2019.

Reġistratur

E. Coulon

Il-President

A. M. Collins


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.