Kawża T‑481/18

Electroquimica Onubense, SL

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ April 2019

“REACH – Rappreżentanza minn avukat li ma għandux il-kwalità ta’ terz – Inammissibbiltà manifesta”

  1. Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firmatarju – Kwalità ta’ terz fir-rigward tal-partijiet – Kumpannija rrappreżentata minn avukat irreklutat bħala impjegat tar-rikorrenti – Nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ indipendenza

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53)

    (ara l-punti 10 sa 12, 14, 15)

  2. Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Firma minn avukat – Kunċett ta’ avukat – Interpretazzjoni awtonoma

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19)

    (ara l-punti 20, 21)

Sunt

Fil-kawża li tat lok għad-digriet tat-8 ta’ April 2019, Electroquimica Onubense vs ECHA (T‑481/18), il-Qorti Ġenerali kienet adita b’rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) SME D(2018)2931 DC, tal-31 ta’ Mejju 2018, li tikkonstata li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika mit-tnaqqis tat-tariffa dovuta għall-impriżi żgħar u li tobbligaha tħallas dritt amministrattiv.

L-ECHA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-avukat li kien qiegħed jirrappreżenta lir-rikorrenti ma kienx jidher li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ indipendenza meħtieġa mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. L-ECHA bbażat ruħha fuq il-fatt li, fir-rikors, l-avukat tar-rikorrenti kien ipprovda, sabiex ikun jista’ jiġi kkuntattjat, indirizz ta’ posta elettronika li kien jinkludi l-isem tad-dominju tar-rikorrenti.

Il-Qorti Ġenerali tfakkar l-ewwel nett il-ġurisprudenza fis-sens li, b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “rappreżentati” fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li, għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, parti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, hija meħtieġa tuża s-servizzi ta’ “terz” li għandu jkun awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat li huwa Parti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

Dan ir-rekwiżit li jintuża terz jikkorrispondi għall-interpretazzjoni tar-rwol tal-avukat bħala kollaboratur tal-ġustizzja, li l-kompitu tiegħu huwa li jagħti, b’indipendenza sħiħa u fl-interess superjuri tal-ġustizzja, l-assistenza legali li jkun jeħtieġ il-klijent. Il-kunċett tal-indipendenza tal-avukat quddiem il-qrati tal-Unjoni ma huwiex iddefinit biss b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ riferiment għall-etika professjonali, iżda ddefinit wkoll b’mod negattiv, jiġifieri permezz tal-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn l-avukat u l-klijent tiegħu.

Fid-dawl tal-funzjonijiet tal-avukat tar-rikorrenti, irreklutat bħala impjegat tagħha fil-pożizzjoni ta’ direttur tar-riżorsi umani, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dan tal-aħħar ma jistax jitqies li huwa terz indipendenti mir-rikorrenti. Fil-fatt, jeżisti r-riskju li, minħabba dawn il-funzjonijiet, l-opinjoni professjonali tal-avukat tar-rikorrenti tkun, minn tal-inqas parzjalment, influwenzata mill-ambjent professjonali tiegħu, b’tali mod li huwa neċessarjament għandu, fil-konfront tar-rikorrenti, livell ta’ indipendenza inqas milli jkollu avukat estern fil-konfront tal-klijent tiegħu.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li mill-fatt li huwa awtorizzat jipprattika quddiem il-qrati nazzjonali ma jistax jiġi dedott li l-avukat D. González Blanco jista’ awtomatikament jirrappreżenta lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Filwaqt li enfasizzat li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-partijiet li ma jkunux l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet quddiem il-qrati tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’mod awtonomu, mingħajr riferiment għad-dritt nazzjonali, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li fiha nnifisha, il-kompatibbiltà, fi Spanja, mal-professjoni liberali ta’ avukat tal-funzjonijiet eżerċitati f’dan il-każ mill-avukat tar-rikorrenti bħala impjegat ta’ din tal-aħħar ma hijiex ta’ natura li turi li huwa ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ indipendenza.