4.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/58


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2018 – Briois vs Il-Parlament

(Kawża T-750/18)

(2019/C 82/70)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Steeve Briois (Hénin-Beaumont, Franza (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2018 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Steeve Briois (2018/2075 IMM) li tadotta r-rapport tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Ġudizzjarji A8-0349/2018;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), sa fejn il-kitba ta’ S. Briois li tat lok għal proċeduri kriminali fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu tikkostitwixxi opinjoni espressa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet parlamentari tiegħu fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, sa fejn il-Parlament mar kontra kemm il-kliem kif ukoll l-ispirtu ta’ din id-dispożizzjoni meta adotta d-deċiżjoni li jneħħi l-immunità ta’ S. Briois u għalhekk ivvizzja din id-deċiżjoni b’nullità.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent iqis li l-Parlament l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-rigward tiegħu billi ttrattah b’mod differenti minn deputati li jinstabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli u b’dan il-mod, dan tal-aħħar, kiser ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jippreżupponi l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, bir-reqqa u imparzjalment, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent iqis li serje ta’ indizji tippermetti li jiġi kkonstatat każ ta’ fumus persecutionis fil-konfront tiegħu.