25.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/34


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2018 – Darment vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-739/18)

(2019/C 72/43)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Darment Oy (Helsinki, il-Finlandja) (rappreżentant: C. Ginter, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas il-kwota allokata lir-rikorrenti għas-sena 2019 għat-tqegħid fis-suq ta’ idroflworokarburi, li r-rikorrenti ġiet informata biha permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2018 Ares(2018)5305174 u email tat-12 ta’ Diċembru 2018,

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tar-Regolament (UE) 517/2014 (1) sa fejn il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 25(2) billi bbażat ruħha strettament fuq id-data disponibbli fir-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 17, minkejja l-formulazzjoni ta’ talba ta’ korrezzjoni tad-data żbaljata li tinsab fir-reġistru.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-iżball manifest tal-Kummissjoni sa fejn irrifjutat li teżamina l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar it-tqegħid fuq is-suq ta’ kwoti għall-importazzjoni bil-grossa.


(1)  Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, p. 150).