18.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/40


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2018 – AMVAC Netherlands vs EFSA

(Kawża T-720/18)

(2019/C 65/52)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: AMVAC Netherlands BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: C. Mereu, M. Grunchard u S. Englebert, avukati)

Konvenuta: L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA)

Talbiet

Ir-rikorrent titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-EFSA tal-1 ta’ Ottubru 2018, innotifikata lir-rikorrenti fit-2 ta’ Ottubru 2018, dwar l-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità magħmulin fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tiġdid tal-proċess ta’ approvazzjoni għall-Ethoprophos bħala sustanza attiva;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ultra vires

Ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti li ser jiġu ppubblikata b’riżultat tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu ppubblikati f’forma mnaddfa biss għar-raġuni li l-konvenuta involviet ruħha f’attività (proposta ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanza) li hija espliċitament lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija r-riżultat ta’ proċedura li matulha ma ġewx osservati d-drittijiet tad-difiża tagħha.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1107/2009 (1)

Ir-rikorrenti ssostni li parti mid-dokumenti li ser jiġu ppubblikati b’riżultat tad-deċiżjoni kkontestata fihom informazzjoni li rriżultat minn evalwazzjoni difettuża u parzjali, u l-pubblikazzjoni tagħhom tkun ta’ dannu għall-interessi kummerċjali tar-rikorrenti.


(1)  Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1)