14.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 16/49


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2018 – Bawtry Carbon International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-637/18)

(2019/C 16/60)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Bawtry Carbon International Ltd (Doncaster, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, M. Grunchard, R. Crespi u S. Saez Moreno, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat

tikkumpensa r-rikorrenti għad-dannu kkawżat mill-konvenuta;

tordna l-konvenuta tħallas lir-rikorrenti d-danni subiti mir-rikorrenti bħala konsegwenza diretta tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 tat- 2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013, L 261, p. 5) sa fejn ikklassifika ż-żift, il-qatran tal-faħam, it-temp. għolja bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410), evalwati f’ammont totali ta’ EUR 194 200,06, jew kull ammont ieħor kif stabbilit ’il quddiem mir-rikorrenti matul il-proċedimenti jew mill-Qorti Ġenerali;

alternattivament, tiddeċiedi permezz ta’ sentenza interlokutorja li l-konvenuta hija obbligata tikkumpensa t-telf subit u tordna l-partijiet jipproduċu lill-Qorti Ġenerali, f’perijodu raġonevoli mid-data tas-sentenza, ċifri bħala l-ammont tal-kumpens miftiehem bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, tordna l-partijiet jipproduċu lill-Qorti Ġenerali fl-istess perijodu s-sottomissjonijiet tagħhom b’ċifri dettaljati insostenn;

tordna l-konvenuta tħallas lir-rikorrenti imgħax ta’ kumpens bir-rata awtomatika mid-data tat-telf sotnut (jiġifieri jew mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-klassifika illegali jew mid-data meta d-dannu mmaterjalizza);

tordna l-konvenuta tħallas imgħax awtomatiku ta’ 8 % jew b’kull rata xierqa oħra li għandha tkun stabbilita mill-Qorti Ġenerali, ikkalkolata fuq l-ammont li għandu jitħallas mid-data tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali sal-ħlas attwali; u

tikkundanna l-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażata fuq il-fatt li l-konvenuta kkawżat dannu lir-rikorrenti bl-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013, (1) sa fejn ikklassifika s-sustanza żift, qatran tal-faħam, temp. għolja bħala sostanza Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1(H410). Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni Ewropea mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali biex tannulla parzjalment ir-Regolament Nru 944/2013 sa fejn ikklassifikat s-sustanza żift, qatran tal-faħam, temp. għolja bħala sostanza Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1(H410) minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti ġarrbet spejjeż biex tapplika l-klassifika illegali. Il-konvenuta kienet tkun responsabbli għal dawk l-ispejjeż skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE billi l-kondotta tal-konvenuta hija illegali sa fejn tammonta għal ksur suffiċjentment serju tal-liġi, id-dannu kkawżat huwa attwali u ċert u hemm rabta kawżali diretta bejn il-kondotta u d-dannu invokat.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013, L 261, p. 5)