26.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 427/87


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2018 – Moreno Reyes vs Il-Kunsill

(Kawża T-552/18)

(2018/C 427/115)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Xavier Antonio Moreno Reyes (Karakas, Venezwela) (rappreżentanti: F. Di Gianni u L. Giuliano, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/901 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/899 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (2), sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom jikkonċernaw lir-rikorrent; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li l-atti kkontestati huma vvizzjati b’nuqqas manifest ta’ evalwazzjoni u b’nuqqas ta’ indikazzjonijiet preċiżi u konsistenti.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-funzjonijiet u tar-rwol tal-istess rikorrent u li dan ma żvelax sensiela ta’ indikazzjonijiet preċiżi u konsistenti insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu. Ir-rikorrent isostni ulterjorment li l-Kunsill naqas milli jwettaq evalwazzjoni korretta tal-provi jew, mill-inqas, tali evalwazzjoni kienet manifestament żbaljata.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-miżuri restrittivi imposti mill-atti kkontestati jikkostitwixxu restrizzjoni inġustifikata u sproporzjonata tad-dritt fundamentali għall-proprjetà tar-rikorrent.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/901 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 1601, p. 12).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/899 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 1601, p. 5)