26.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 427/84


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2018 – Teeäär vs BĊE

(Kawża T-547/18)

(2018/C 427/111)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Raivo Teeäär (Tallinn, Estonja) (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE tas-27 ta’ Frar 2018 li biha l-applikazzjoni tar-rikorrent għas-sostenn għal tranżizzjoni għall-karriera barra mill-BĊE kienet miċħuda;

jekk hemm bżonn, tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv iddatata t-3 ta’ Lulju 2018 li tiċħad l-appell speċjali dirett mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tas-27 ta’ Frar 2018;

tagħti kumpens lir-rikorrent għad-dannu materjali li allegatament soffra li jikkonsisti fil-pakkett finanzjarju ta’ sostenn għal tranżizzjoni fil-karriera, evalwat għal EUR 101 447 miżjud b’imgħax ta’ inadempjenza kkalkulat bir-rata ta’ rifinanzjament prinċipali tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjud bi 3 punti perċentwali kull sena;

tikkundanna l-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegata illegalità tal-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli tal-Persunal tal-BĊE, sa fejn din ir-regola tingħad li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ proporzjonalità; id-deċiżjoni kkontestata hija, minbarra dan, ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegata illegalità tal-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli tal-Persunal sa fejn din ir-regola tingħad li tiddiskrimina fuq bażi ta’ età u b’hekk tikser l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78. (1)

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni, fuq bażi sussidjarja, li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tad-dmir ta’ premura.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni, fuq bażi sussidjarja, tal-ksur tal-Artikolu 2.3.1 tar-Regoli tal-Persunal.


(1)  Id-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol.4, p. 79).