12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 408/57


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2018 – Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-541/18)

(2018/C 408/74)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd (Changzhou, iċ-Ċina) (rappreżentanti: K. Adamantopoulos u P. Billiet, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

jew, sussidjarjament, tannulla r-regolament ikkontestat fl-intier tiegħu; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/921 (1).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li billi rrikorriet għall-metodu tal-pajjiż analogu, il-Kummissjoni naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha skont kif meħtieġ mil-liġi u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-liġi u tal-fatti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest tal-liġi u tal-fatti, kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u naqset milli timmotiva d-deċiżjoni tagħha skont kif meħtieġ mil-liġi billi kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni baqgħet, matul il-perijodu ta’ riferiment, vulnerabbli għall-effetti dannużi tal-esportazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma s-suġġett ta’ dumping, peress li l-Kummissjoni naqset milli tqis ir-riżultati ta’ dak li huwa bla dubju l-ikbar produttur ta’ aċidu tartariku fl-Unjoni, bi ksur tal-Artikoli 11(2) u 3(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (2) u tal-Artikoli 11(3) u 3(1) tal-Ftehim tad-WTO dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Antidumping tad-WTO”)

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-liġi u tal-fatti billi kkonkludiet li kien probabbli li d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni jerġa’ jseħħ jekk il-miżuri antidumping adottati mill-Unjoni kontra l-aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kellhom jintemmu, peress li l-metodu applikat, l-ewwel nett, ma huwiex ibbażat fuq provi reali iżda fuq suppożizzjonijiet u konġetturi mekkanistiċi mhux issostanzjati u, it-tieni nett, ma jieħux inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ Hangzhou Bioking, produttur kbir tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-ikbar esportatur ta’ aċidu tartariku tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina b’destinazzjoni lejn l-Unjoni, li ma kienx suġġett għal dazju antidumping mill-20 ta’ April 2012. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-impatt tal-bidliet klimatiċi fuq il-produzzjoni ta’ aċidu tartariku naturali ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni, bi ksur tal-Artikoli 11(2) u 3(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u tal-Artikoli 11(3) u 3(1) tal-Ftehim Antidumping tad-WTO.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti formali essenzjali relatati mad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti bi ksur tal-Artikoli 3(2), 11(2), 16(1), 19(2), 19(4), 20(2), 20(4), 21(5) u 21(7) tar-Regolament (UE) 2016/1036 kif ukoll tal-Artikoli 3(1), 5(3), 6(1), 6(1)(2), 9(2), 6(4), 6(5)(1), 6(6), 6(9) u 11(3) tal-Ftehim Antidumping tad-WTO u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/921 tat-28 ta’ Ġunju 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 164, 29.6.2018, p. 14).

(2)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).