5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/44


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2018 – ENGIE Global LNG Holding et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-525/18)

(2018/C 399/59)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: ENGIE Global LNG Holding Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Engie Invest International SA (il-Lussemburgu), ENGIE (Courbevoie, Franza) (rappreżentanti: B. Le Bret, M. Struys, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikkjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn tordna l-irkupru tal-għajnuna;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44888 (2016/C) (ex 2016/NN) mogħtija mil-Lussemburgu favur ENGIE, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel kriterju tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-eżistenza ta’ intervent mill-Istat.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ vantaġġ, sa fejn tħallat il-kunċetti ta’ vantaġġ u ta’ selettività, tikkunsidra l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku abbażi ta’ effett ikkombinat ta’ miżuri individwalment konformi għad-dritt komuni, u tanalizza dan l-effett abbażi ta’ żnaturament tal-fatti kif ukoll ta’ diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fid-definizzjoni taż-żewġ kuntesti ta’ riferiment użati b’mod alternattiv (ġenerali u ristrett) sabiex turi l-eżistenza ta’ deroga diskriminatorja favur, minn naħa, kumpanniji holdings (LNG Holding u CEF) u, min-naħa l-oħra, il-grupp ENGIE.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ derogi u ta’ trattament diskriminatorju favur, minn naħa, kumpanniji holdings u, min-naħa l-oħra, il-grupp ENGIE.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fil-kwalifika ta’ vantaġġ selettiv li jirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola Lussemburgiża dwar l-abbuż ta’ dritt.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni fil-kwalifika tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna individwali.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter mogħti lilha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat sabiex tintervjeni fuq miżuri ġenerali li jaqgħu taħt il-politika nazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti u tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

9.

Id-disa’ motiv invokat sussidjarjament ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9) sa fejn il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-allegata għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.