5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/42


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2018 – Global Silicones Council and Others vs ECHA

(Kawża T-519/18)

(2018/C 399/57)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Global Silicones Council (Washington, D.C., l-Istati Uniti) u sitta oħra (rappreżentanti: R. Cana, F. Mattioli, G. David, avuati u D. Abrahams, Barrister)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata (1), sa fejn din tinkludi t-tliet sustanzi Octamethylcyclotetrasiloxane (D4), Decamethylcyclopentasiloxane (“D5”) and Dodecamethylcyclohexasiloxane (“D6”) fil-lista ta’ kandidati ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna;

alternattivament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fir-rigwarda ta’ waħda jew iktar minn dawn l-inklużjonijiet fil-lista ta’ kandidati;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, u

tadotta miżuri oħra jew addizzjonali skont kif meħtieġ mill-ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-proprjetajiet Bioakkumulattivi (“B”) ta’ D4, D5 u D6, u fl-evalwazzjoni tagħha tal-proprjetajiet Tossiċi (“T”) properties ta’ D5 u ta’ D6 kif ukoll li marret lill hinn mill-kompetenzi tagħha u kisret l-Artikolu 59 tar-Regolament 1907/2006:

billi bbażat ruħha fuq l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Istati Membri (KSM) u tal-Kumitat tal-Istima tar-Riskji (KIR) mingħajr ma għamlet l-evalwazzjoni rispettiva tagħha tal-informazzjoni disponibbli u b’hekk importat l-iżbalji li jivvizzjaw l-imsemmija opinjonijiet.;

billi ddeċidiet li D4, D5 u D6 jissodisfaw il-kriterji ta’ persistenza għolja u bijoakkumulazzjoni għolja (vPvB) previsti fl-Anness XIII minkejja li l-persistenza (P) u l-bijoakkumulazzjoni (B) ma kinux stabbiliti għall-istess kompartiment;

billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura speċifika ta’ D4, D5 u D6 (in-natura “ibrida” tagħhom) meta applikat il-kriterji previsti fl-Anness XIII għall-bijoakkumulazzjoni;

billi siltet konklużjonijiet dwar il-bijoakkumulazzjoni (B/vB) ta’ D4 u D5 li ma humiex sostnuti mill-evidenza invokata;

billi naqset milli tevalwa l-evidenza l-ġdida dwar il-bijoakkumulazzjoni (B/vB) għal D4 u D5 li kienet disponibbli għaliha wara l-opinjonijiet tal-KSM u tal-KIR;

billi naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti meta ddeċidiet dwar il-bijoakkumulazzjoni (vB) ta’ D6;

billi naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar it-tossiċità ta’ D5 innifisha u minflok identifikat id-D5 bħala bbażata fuq il-PBT minħabba l-preżenza ta’ D4 bħala impurità, u billi identifikat id-D5 bħala PBT mingħajr il-limiti speċifiċi fuq il-kontenut ta’ D4 maqbula fi ħdan il-KSM;

billi naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar it-tossiċità ta’ D6 innifisha u minflok identifikat id-D6 bħala bbażata fuq il-PBT minħabba l-preżenza ta’ D4 bħala impurità, u billi identifikat id-D6 bħala PBT mingħajr il-limiti speċifiċi fuq il-kontenut ta’ D4 maqbula fi ħdan il-KSM.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba li l-inklużjoni fil-lista ta’ kandidati marret lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma hijiex l-inqas miżura restrittiva li setgħet tintgħażel mill-konvenuta.


(1)  Deċiżjoni ppubblikata fis-27 ta’ Ġunju 2018 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi “Inklużjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fil-lista ta’ kandidati li eventwalment jistgħu jiġu inklużi fl-Anness XIV”, sa fejn din tinkludi tliet sustanzi Octamethylcyclotetrasiloxane (D4), Decamethylcyclopentasiloxane (“D5”) and Dodecamethylcyclohexasiloxane (“D6”) fil-lista ta’ kandidati ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1)