15.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/14


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2018 – XB vs BĊE

(Kawża T-484/18)

(2018/C 373/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: XB (rappreżentanti: L. Levi u A. Champetier, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet tas-6 ta’ Novembru u tal-4 ta’ Diċembru 2017 li jinformaw lir-rikorrent li huwa ma kellux dritt għal ċerti allowances (l-allowance tad-dar, l-allowance għal ulied dipendenti, l-allowance tal-edukazzjoni u l-allowance tal-edukazzjoni preprimarja);

konsegwentement, tordna l-ħlas tal-ammonti rispettivi mid-dati mitluba, miżjuda bl-interessi moratorji (ir-rata tal-BĊE miżjuda b’żewġ punti). Għandu jitqies li l-ħlasijiet ta’ aġġustament, li ma jirrigwardawx ix-xahar li matulu tħallsu, għandhom jiġu imposti għat-taxxa li għaliha kienu jkunu suġġetti li kieku saru fiż-żmien xieraq, skont ir-Reglament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 (1);

jekk ikun hemm il-bżonn, tannulla d-deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2018 li tiċħad il-proċedura ta’ ilment mibdija mir-rikorrent fid-29 ta’ Marzu 2018;

jekk ikun hemm il-bżonn, tannulla d-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Frar 2018 li jiċħdu t-talba għal eżami mill-ġdid amministrattiv tar-rikorrent tal-15 ta’ Diċembru 2017;

tikkundanna lill-kunvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persuni li għandhom kuntratti ta’ xogħol għal żmien qasir u tar-regoli applikabbli għall-kuntratti għal żmien qasir tal-BĊE (motiv ta’ illegalità).

Il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persuni li għandhom kuntratti ta’ xogħol għal żmien qasir u r-regoli applikabbli għall-kuntratti għal żmien qasir tal-BĊE jiksru, l-ewwel nett, id-drittijiet tat-tfal u l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-familja u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni nett, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u għal żmien indeterminat u, it-tielet nett, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza tal-persuni taxxabbli.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ drittijiet kollettivi, billi l-Kumitat tal-Persunal tal-BĊE ma ġiex ikkonsultat kif suppost fl-adozzjoni tal-kundizzjonijiet u tar-regoli applikabbli għall-kuntratti għal żmien qasir tal-BĊE.


(1)  Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33).