27.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/45


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2018 – TUIfly vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-447/18)

(2018/C 301/61)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: TUIfly GmbH (Langenhagen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: L. Giesberts u M. Gayger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 7 u 8 kif ukoll l-Artikoli 9, 10 u 11, sa fejn dawn tal-aħħar jirrigwardaw l-Artikoli 7 u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/628 tal-11 ta’ Novembru 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.24221(2011/C) (ex 2011/NN) implimentata mill-Awstrija għall-ajruport ta’ Klagenfurt, għal Ryanair u linji tal-ajru oħrajn li jużaw l-ajruport (ĠU 2018 L 107, p. 1);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għaliex il-Kummissjoni naqset milli tagħti lir-rikorrenti aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni u milli tqiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni li fiha hija setgħet tiddefendi ruħha b’mod effettiv.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tipprova li r-rikorrenti bbenefikat minn vantaġġ selettiv.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qabżet, mil-lat proċedurali, il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta applikat il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti proċedurali, żbaljat meta applikat l-istandard strett tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 fl-eżami tagħha, minkejja li l-fatti rilevanti jirrigwardaw is-snin preċedenti 2003 sa 2009.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qabżet il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta applikat il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq billi ma stabbilixietx suffiċjentement il-fatti.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod mhux xieraq mill-assenza ta’ pjan ta’ negozju komprensiv fir-rigward ta’ ftehimiet konklużi mar-rikorrenti li ma kien hemm allegatament l-ebda strateġija sabiex tiġi żgurata l-profitabbiltà tal-ajruport ta’ Klagenfurt (iktar ’il quddiem “KLU”) u li hija wettqet evalwazzjonijiet fattwali manifestament kontradittorji fid-Deċiżjoni fir-rigward tal-istrateġija ta’ profitabbiltà fit-tul ta’ KLU.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qabżet il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta applikat il-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq billi ma stabbilixietx suffiċjentement il-fatti fil-kuntest tal-analiżi tagħha ex ante tal-profitabbiltà li saret sussegwentement.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala dħul tal-ajruport, l-għoti ta’ għajnuna lil KLU li huwa konformi mar-regoli dwar l-għajnuna għall-finijiet tal-iffinanzjar tal-miżuri ta’ marketing tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma evalwatx suffiċjentement il-valur tas-suq tas-servizzi pprovduti mir-rikorrenti u ma ħadithomx inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni, minkejja li s-servizzi inkwistjoni ġew ipprovduti bi prezzijiet li jirriflettu kundizzjonijiet normali tas-suq.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 107(3) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni, b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti proċedurali, applikat standard li huwa strett b’mod sproporzjonat, meta evalwat il-ġustifikazzjoni li ma tikkorrispondix mal-prassi legali tagħha fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ marketing.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 107(3) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma investigatx b’mod sħiħ il-fatti li jiġġustifikaw l-allegata għajnuna.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għoti ta’ għajnuna lil KLU li huwa konformi mar-regoli dwar l-għajnuna għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tal-għajnuna pprovduta lir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżami tagħha tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, is-sinjifikat tal-ftehimiet ta’ marketing fir-rigward tal-politika reġjonali u ta’ trasport kif ukoll l-effetti pożittivi kunsiderevoli għall-ekonomija reġjonali konnessi miegħu.