201808030592050772018/C 294/713932018TC29420180820MT01MTINFO_JUDICIAL20180628575821

Kawża T-393/18: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2018 – Mellifera vs Il-Kummissjoni


C2942018MT5710120180628MT0071571582

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2018 – Mellifera vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-393/18)

2018/C 294/71Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Mellifera e. V., Vereinigung für wesensgemäße Bienenhaltung (Rosenfeld, il-Ġermanja) (rappreżentant: A. Willand, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares (2018) 2087165, tad-19 ta’ April 2018, innotifikata lir-rikorrenti fl-istess jum;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motiv li ġej:

Ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 ( 1 ), moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-imsemmi regolament u mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 2 )

Ir-rikorrenti ssostni li t-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat” jikkostitwixxi att amministrattiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fil-proċedura prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

Barra minn hekk, hija ssostni, b’mod partikolari, li t-tiġdid tal-approvazzjoni jikkostitwixxi “miżura ta’ portata individwali”, peress li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni, deċiżjoni tittieħed fil-konfront tal-applikant.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat” kellha tingħata biss flimkien ma’ restrizzjonijiet u kundizzjonijiet xierqa bl-għan li tiġi protetta l-biodiversità.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tilmenta dwar difetti fil-proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat”.


( 1 ) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

( 2 ) Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali.