201806290441986552018/C 249/512982018TC24920180716MT01MTINFO_JUDICIAL20180507414221

Kawża T-298/18: Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2018 – Banco Comercial Português et vs Il-Kummissjoni


C2492018MT4110120180507MT0051411422

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2018 – Banco Comercial Português et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-298/18)

2018/C 249/51Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Banco Comercial Português (Porto, il-Portugall), Banco ActivoBank S.A. (Lisbona) u Banco de Investimento Imobiliário S.A. (Lisbona) (rappreżentanti: C. Botelho Moniz, L. do Nascimento Ferreira, F.-C. Laprévote, A. Champsaur u D. Oda, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017/N) tal-11 ta’ Ottubru 2017 (Għajnuna mill-Istat SA.49275) sa fejn din qieset il-Ftehim dwar il-Kapital Kontinġenti (iktar ’il quddiem il-“FKK”) miftiehem u konkluż bejn il-Portuguese Resolution Fund (iktar ’il quddiem ir-“Resolution Fund”) u l-Lone Star group (iktar ’il quddiem “Lone Star”) fil-kuntest tal-bejgħ ta’ Novo Banco, S.A. (iktar ’il quddiem “Novo Banco”) minn dak tal-ewwel lil dak tal-aħħar, bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, u

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura, inklużi dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li r-riżoluzzjoni 2014 ta’ Banco Espírito Santo, S.A. (iktar ’il quddiem “BES”) ittieħdet biss skont id-dritt Portugiż u qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190) (iktar ’il quddiem il-“BRRD”);

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-BRRD kienet tapplika biss mill-1 ta’ Jannar 2015;

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, sabiex tinżamm l-unità u l-implimentazzjoni tal-proċess ta’ riżoluzzjoni inizjali ta’ BES, il-bejgħ ta’ Novo Banco kellu jkun irregolat mid-dritt nazzjonali fis-seħħ qabel l-implimentazzjoni tal-BRRD;

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset b’mod żbaljat li ma hemmx dispożizzjonijiet indissoċjabbli tal-BRRD rilevanti għall-evalwazzjoni tal-FKK;

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 101 u 44 tal-BRRD; u

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Proċedurali”, ĠU 2015, L 248, p. 9), billi naqset milli tiftaħ il-proċedura formali minkejja d-dubji serji mqajjma fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu tal-FKK mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u b’hekk ċaħdet lir-rikorrenti mid-drittijiet proċedurali tagħhom.