201807130762003802018/C 268/472752018TC26820180730MT01MTINFO_JUDICIAL20180424383921

Kawża T-275/18: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2018 – Front Polisario vs Il-Kunsill


C2682018MT3810120180424MT0047381392

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2018 – Front Polisario vs Il-Kunsill

(Kawża T-275/18)

2018/C 268/47Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Front populaire pour la libération de la Saguia el Hamra et du Rio de Oro (Front Polisario) (rappreżentant: G. Devers, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors tiegħu ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/146 tat-22 ta’ Jannar 2018 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2018, L 26, p. 4), ir-rikorrent jinvoka għaxar motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk ma għandhomx il-kompetenza sabiex jikkonkludu ftehimiet internazzjonali, li jinkludu s-Saħara tal-Punent, minflok il-poplu ta’ dan it-territorju, irrappreżentat mill-Front Polisario.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ eżami tal-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, sa fejn il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim internazzjonali, konkluż bid-deċiżjoni kkontestata, kien suġġett għal applikazzjoni provviżorja, matul tnax-il sena, għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, bi ksur tal-istatus isseparat u distint tiegħu.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ eżami tal-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, sa fejn, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju Sahrawi okkupat.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn il-Kunsill ma ta bidu għal ebda diskussjoni mal-Front Polisario, li huwa r-rappreżentant uniku tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji u tal-valuri essenzjali li jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, sa fejn il-ftehim internazzjonali, konkluż bid-deċiżjoni kkontestata, japplika għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, fil-kuntest tal-politika annessjonista tar-Renju tal-Marokk u fuq il-ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali meħtieġ għaż-żamma ta’ tali politika.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ awtodeterminazzjoni, sa fejn il-ftehim internazzjonali, konkluż bid-deċiżjoni kkontestata, huwa applikabbli għas-Saħara tal-Punent bi ksur, minn naħa, tal-istatus isseparat u distint ta’ dan it-territorju u, min-naħa l-oħra, tad-dritt tal-poplu Sahrawi li jkollu l-integrità territorjali tat-territorju tiegħu rrispettata.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati, sa fejn il-poplu tas-Saħara tal-Punent, irrappreżentat mill-Front Polisario, ma approvax il-ftehim internazzjonali, konkluż bid-deċiżjoni kkontestata.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ispazju tal-ajru tas-Saħara tal-Punent, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata, billi rratifikat il-prattika illegali maħluqa mill-applikazzjoni provviżorja tal-ftehim internazzjonali konkluż biha, għandha l-effett li tinkludi l-ispazju tal-ajru Sahrawi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-responsabbiltà internazzjonali, sa fejn, bid-deċiżjoni kkontestata, l-Unjoni, minn naħa, tonqos milli twettaq l-obbligu tagħha li ma tirrikonoxxix l-okkupazzjoni illegali tas-Saħara tal-Punent, u min-naħa l-oħra, hija tagħti għajnuna u assistenza għaż-żamma ta’ din is-sitwazzjoni.

10.

L-għaxar motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li tiżgura l-osservanza tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju, sa fejn ir-rispett mill-Unjoni tal-obbligi internazzjonali tagħha fir-rigward tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jimplika tal-inqas li l-Kunsill jastjeni milli jadotta d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tippermetti li jidħol fis-seħħ ftehim internazzjonali applikabbli għall-parti tas-Saħara tal-Punent taħt okkupazzjoni Marokkina.