201806080111931412018/C 221/392512018TC22120180625MT01MTINFO_JUDICIAL20180423333311

Kawża T-251/18: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ April 2018 – IFSUA vs Il-Kunsill


C2212018MT3310120180423MT0039331331

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ April 2018 – IFSUA vs Il-Kunsill

(Kawża T-251/18)

2018/C 221/39Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: International Forum for Sustainable Underwater Activities (IFSUA) (Barcelona, Spanja) (rappreżentant: T. Gui Mori, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Abbażi ta’ dak previst fl-Artikolu 263(4) in fine tat-TFUE, ir-rikorrent IFSUA, direttament ikkonċernat, jitlob lill-Qorti Ġenerali tannulla, abbażi ta’ kriterju ċar ta’ separabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 9(4) u (5) tar-Regolament tal-Kunsill (UE), tat-23 ta’ Jannar 2018 (ĠU tal-31 ta’ Jannar 2018), li għandu jiġi mifhum bħala “att regolatorju” ta’ eżekuzzjoni ta’ miżuri restrittivi u tat-TAC (qabdiet totali permissibbli) tal-possibbiltajiet ta’ sajd rikreattiv.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż kontra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 ( 1 ), li qiegħed jiġi mitlub l-annullament parzjali tiegħu.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jippreċiża li huwa qiegħed jitlob l-annullament tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq sa fejn, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għad-differenti modalitajiet ta’ sajd rikreattiv, attivitajiet li ma jifformawx parti mill-politika komuni tas-sajd, twassal għal projbizzjoni totali tas-sajd tal-ispnotta Ewropea (Dicentrarchus labrax), unikament diretta lejn is-sajjieda ta’ taħt l-ilma, u b’hekk tqiegħed f’riskju s-sopravivenza tal-attività, tal-isport stess u tal-industrija tas-settur.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 2(5), 3(d), 4(d) u 6(d) u (e) tat-TFUE, sa fejn id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu miżuri li direttament jipprojbixxu s-sajd rikreattiv u sportiv ta’ taħt l-ilma tal-ispnotta Ewropea, mingħajr mal-Kunsill ma għandu kompetenzi, lanqas kondiviżi, f’dan ir-rigward.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur, permezz tal-Artikoli 2(2) u 9(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2018/120, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jitbegħdu b’mod ċar mill-ambitu tal-kompetenzi mogħtija u mill-iżvilupp storiku ta’ dan l-ambitu.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur, permezz tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 9(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2018/120, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ dak ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-applikazzjoni, fl-istess att ta’ implimentazzjoni li jirregola l-possibbilitajiet ta’ sajd tal-ispnotta Ewropea iżda bi kriterji differenti, ta’ dispożizzjonijiet diretti kemm lejn is-sajd kummerċjali kif ukoll lejn is-sajd rikreattiv. Skont ir-rikorrent, dawn iż-żewġ kategoriji ma humiex strettament paragunabbli inkwantu destinatarji tal-istess pakkett ta’ miżuri.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur, permezz tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 9(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2018/120, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 43(3) TFUE. F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li, fir-Regolament li huwa s-suġġett ta’ din it-tilwima, l-iffissar tal-possibbiltajiet ta’ sajd għall-ispnotta Ewropea, kemm għas-sajd kummerċjali kif ukoll għas-sajd rikreattiv, jissodisfa l-għan li titnaqqas b’mod sinjifikattiv il-mortalità tal-popolazzjoni tat-Tramuntana sabiex ikun jista’ jkun hemm żieda żgħira tal-bijomassa, u li dan il-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura inqas restrittiva minn dik li tikkonsisti fi projbizzjoni radikali tas-sajd ta’ taħt l-ilma tal-ispnotta Ewropea. Fi ħdan dan il-motiv ir-rikorrent jallega wkoll ksur tal-Artikoli 12, 16, 37 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


( 1 ) Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta’ Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU 2018 L 27, p. 1).