4.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/39


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ April 2018 – Microsemi Europe u Microsemi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-227/18)

(2018/C 190/64)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Microsemi Europe Ltd (Reading, Ir-Renju Unit) u Microsemi Corp. (Aliso Viejo, California, L-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Aulfes u J. Lenz, Rechtsanwälte)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Jannar 2018 (fir-rigward tal-Każ AT.40529 – TSMC) skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tnax-il motiv.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, għaliex id-destinatarju tad-deċiżjoni ma huwiex indikat u identifikabbli b’mod suffiċjentement ċar.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza sa fejn it-tieni rikorrenti għandha titqies bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex toħroġ atti b’effetti legali li jmorru lil hinn mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u ma tistax tobbliga impriża bis-sede tagħha fl-Istati Uniti tal-Amerika tagħti informazzjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati u tar-regoli applikati għall-implimentazzjoni tagħhom, sa fejn it-tieni rikorrenti għandha titqies bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata.

Hawnhekk qed jiġi sostnut li l-Kummissjoni ma tistax tobbliga lil impriża bis-sede tagħha fl-Istati Uniti tal-Amerika sabiex tagħti informazzjoni u ma tistax tagħti informazzjoni skorretta lil din tal-aħħar fir-rigward tal-possibbiltà tal-impożizzjoni ta’ multi.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati u tar-regoli applikati għall-implimentazzjoni tagħhom.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma tistax, skont il-premessa 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, teżiġi informazzjoni dwar l-impriżi kollha tal-grupp ta’ impriżi fuq il-livell dinji, iżda biss tali informazzjoni li tirrigwarda s-suq Ewropew.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati u tar-regoli applikati għall-implimentazzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi talbet ukoll informazzjoni dwar swieq barra mill-Unjoni Ewropea.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati u tar-regoli applikati għall-implimentazzjoni tagħhom, sa fejn l-ewwel rikorrenti għandha titqies bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata.

Hawnhekk ir-rikorrenti jsostnu li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta tintalab informazzjoni mingħand sussidjarja fl-Unjoni Ewropea dwar il-kumpannija omm fl-Istati Uniti tal-Amerika u kumpanniji oħra assoċjati magħha fl-Ewropa.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

Ir-rikorrenti jsostnu li jeżisti użu ħażin ta’ poter meta tintalab informazzjoni dwar impriżi assoċjati fl-Unjoni Ewropea, għaliex dawn l-impriżi jistgħu jiġu obbligati direttament jagħtu informazzjoni.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali minħabba informazzjoni insuffiċjenti dwar l-għan tat-talba għall-għoti ta’ informazzjoni.

10.

L-għaxar motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali għaliex il-mistoqsijiet li saru bid-deċiżjoni kkontestata ma humiex ammissibbli.

11.

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati, u tar-regoli applikati għall-implimentazzjoni tagħhom, għaliex il-mistoqsijiet li saru bid-deċiżjoni kkontestata ma humiex preċiżi.

12.

It-tnax-il motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati, u ksur tar-regoli applikati għall-implimentazzjoni tagħhom.