4.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/35


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2018 – PlasticsEurope vs ECHA

(Kawża T-207/18)

(2018/C 190/58)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PlasticsEurope (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: R. Cana, E. Mullier, u F. Mattioli, lawyers)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-azzjoni ammissibbli u fondata;

tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni;

tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri; u

tieħu kwalunkwe azzjoni oħra meħtieġa mill-qrati.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-iżball manifest imwettaq mill-konvenuta fl-evalwazzjoni tagħha tal-informazzjoni li, kieku evalwata sewwa, ma setgħetx issostni l-konklużjoni tagħha, kif ukoll il-fatt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha relatata mal-istudji pendenti. Il-konvenuta wettqet ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni billi naqset milli tistabbilixxi li: (a) huwa xjentifikament ippruvat li din is-sustanza jista’ jkollha effetti serji minħabba l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrina; u (b) li tali provi jwasslu għal livell ta’ tħassib ekwivalenti għal dak imqanqal minn sustanzi elenkati fl-Artikolu 57(a) sa (e) tar-Regolament REACH.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 59 u 57(f) tar-Regolament REACH, peress li d-deċiżjoni kkontestata tidentifika l-bisfenol A bħala sustanza hija karċinoġenika mutaġenika u persistenti abbażi al-kriterji msemmija fl-Artikolu 57(f) , peress li l-Artikolu 57(f) ikopri biss sustanzi li għadhom ma ġewx identifikati taħt l-Artikolu 57(a) sa (e).

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament REACH, peress li l-intermedjarji huma eżentati mit-Titolu VII b’mod ġenerali u għalhekk jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 57 u 59 kif ukoll dak tal-awtorizzazzjoni.

4.

Ir-raba’ motiv huwa ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-inklużjoni tal-bisfenol A fil-lista ta’ sustanzi kandidati, meta ma tkunx intermedjarja, teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit u ma hijiex l-inqas miżura restrittiva li tista’ tirrikorri għaliha l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi.