7.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/70


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Marzu 2018 – Lucchini vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-185/18)

(2018/C 161/88)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Lucchini SpA (Livorno, l-Italja) (rappreżentant: G. Belotti, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

wara li ħadet konjizzjoni tal-ksur ikkonstatat fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li annullaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2009) 7492 finali, tat-30 ta’ Settembru 2009, dwar ksur tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit – adozzjoni mill-ġdid), tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tas-17 ta’ Jannar 2018, u fl-istess ħin tordna lill-Kummissjoni tħallas lura lir-rikorrenti l-multa imposta u mħallsa illegalment, kif ukoll l-interessi.

tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tad-9 ta’ Marzu 2018 u tordna lill-Kummissjoni li tawtorizza lir-rikorrenti tieħu sehem fil-proċedura COMP/37.956, li għandha terġa’ tinfetaħ mill-Kummissjoni sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenzi.

sussidjarjament, tikkumpensa lir-rikorrenti somma mhux inqas minn EUR 10 miljuni jew somma oħra li tkun iddeterminata matul il-proċedura jew meqjusa ekwa mill-Qorti Ġenerali sabiex tissanzjona adegwatament il-ksur li seħħ tal-Artikolu 41 tal-Karta.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7492 finali tat-30 ta’ Settembru 2009, dwar ksur tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit) (1) u tispeċifika li minkejja t-termini ta’ dan l-annullament, il-konvenuta rrifjutat li tħallas lura l-multa mħallsa u li tistidinha sabiex tintervjeni fil-proċedura amministrattiva, li fil-frattemp reġgħet infetħet.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) numru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2), b’mod partikolari d-dritt tal-parti li tagħmel it-talba għal proċedura li tosserva l-legalità u fl-ewwel lok id-drittijiet tad-difiża tagħha.

Qed jiġi sostnut f’dan ir-rigward, li l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fis-seduta ma hijiex sempliċi formalità, peress li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jiffurmaw parti mill-kumitat li għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni qabel tiġi adottata kwalunkwe deċiżjoni. L-imsemmija awtoritajiet għandhom dejjem jieħdu sehem fis-seduti plenarji, stadju kruċjali tal-proċedura li matulu il-konvenuti jikkonċentraw l-isforzi tagħhom difensivi fil-kuntest tad-dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tad-dritt għall-amministrazzjoni tajba.


(1)  Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il-Kummissjoni (C-85/15 P, EU:C:2017:709); Kawżi magħquda C-85/15 P, C-86/15 P u C-87/15 P, C-88/15 P u C-89/15 P.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81.