7.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/59


Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2018 – BNP Paribas vs BĊE

(Kawża T-150/18)

(2018/C 161/69)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: BNP Paribas (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Gosset-Grainville, M. Trabucchi u P. Kupka, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment l-Artikolu 9 tad-deċiżjoni tal-BĊE Nru ECB/SSM/2017 – 9695000CG7B84NLR5984/207 tad-19 ta’ Diċembru 2017 sa fejn hija timponi tnaqqis tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli sottoskritti mal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, mal-fondi ta’ riżoluzzjoni nazzjonali u mal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija għal depożiti ta’ kapital tal-grad 1, fuq bażi individwali, subkonsolidata u konsolidata, u b’mod partikolari l-paragrafi 9.1, 9.2 u 9.3;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn bażi legali sa fejn il-BĊE uża s-setgħat tiegħu fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali sabiex jimponi miżura ta’ portata ġenerali li taqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur u eċċeda s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 4(1)(f) u mill-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-BĊE ta interpretazzjoni li tmur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tat-testi tad-dritt tal-Unjoni li tawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jużaw impenji ta’ pagament irrevokabbli sabiex titħallas parti mill-obbligi tagħhom fir-rigward tal-fondi ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u tal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija għal depożiti, u b’hekk ċaħħad lid-dispożizzjonijiet ikkonċernati mill-effett utli tagħhom. Barra minn hekk, il-BĊE bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq qari żbaljat tal-kuntest ġuridiku Ewropew u nazzjonali ta’ traspożizzjoni applikabbli għall-impenji ta’ pagament irrevokabbli.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata twettaq żball ta’ evalwazzjoni u tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.