23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/68


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2018 – Avio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-139/18)

(2018/C 142/87)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Avio SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: G. Roberti, G. Bellitti u I. Perego, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

fil-mertu, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2016 C(2016) 4621 finali li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (Każ M.7724 – ASL/Arianespace)

bħala miżura istruttoria, tordna lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 88, 89 u 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tinkludi fil-proċess id-dokumenti msemmija fit-Taqsima III tar-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2016 C(2016) 4621 finali li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (Każ M.7724 – ASL/Arianespace) ppubblikata fil-verżjoni tagħha mhux kunfidenzjali fil-11 ta’ Diċembru 2017.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fuq nuqqas ta’ istruzzjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, li ma analizzatx debitament ir-riskju ta’ esklużjoni tal-kompetituri tas-suq tal-lanċaturi operati minn Arianespace, fir-rigward b’mod partikolari tal-kapaċità, tal-inċentivi u tal-effetti antikompetittivi;

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li ma talbitx impenji fir-rigward tas-suq tal-lanċaturi operati minn Arianespace, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskji ta’ kompetizzjoni marbutin mal-kunflitt ta’ interess fi Arianespace u tar-riskji ta’ tibdil ta’ informazzjoni sensittiva fi Arianespace u ASL.